Language of document : ECLI:EU:T:2023:845

Kawża T383/21

La Banque postale

vs

IlBord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal20 ta’ Diċembru 2023

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

1.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Skop – Loġika bbażata fuq l-assigurazzjoni – Garanzija tal-provvista ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti mis-settur finanzjarju – Inċentiv għall-adozzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, premessa 41; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59, premessi 105 sa 107)

(ara l-punt 42)

2.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Ugwaljanza fit-trattament – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’qasam ta’ azzjoni partikolari – Riperkussjonijiet differenti għal ċerti operaturi ekonomiċi fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħhom jew tar-regoli nazzjonali – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ksur – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21)

(ara l-punt 60)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti ddelegati – Portata – Evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi – Marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni – Direttiva 2014/59 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment – Stabbiliment ta’ kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 290 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59, Artikolu 103(7); Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikoli 6 u 7 u Anness I)

(ara l-punti 151 sa 153, 155)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Limiti


 

(ara l-punti 189 sa 192)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Assenza ta’ neċessità li tinkludi, f’din id-deċiżjoni, l-elementi kollha li jippermettu li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet – Ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati – Legalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat 2015/63 li jipprevedu l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63)

(ara l-punti 195 sa 198, 214, 216, 217)

6.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Prinċipju ta’ kontradittorju – Eċċezzjonijiet – Prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali – Ibbilanċjar – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I)

(ara l-punti 246 sa 251, 254 sa 258)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Provvista mill-awtur ta’ spjegazzjonijiet dwar il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ kontradizzjonijiet u obbligu ta’ koerenza tal-ispjegazzjonijiet mal-imsemmija motivi

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 293 sa 296)

Sunt

La Banque postale (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Franza.

Fl‑14 ta’ April 2021, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) adotta deċiżjoni li fiha stabbilixxa (1) l-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRF”) tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment, fosthom ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (2).

Adita b’rikors għal annullament, li hija tilqa’, kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali, wara li ċaħdet diversi eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 806/2014, ir-Regolament Delegat 2015/63 (3) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 (4), għamlet kjarifiki importanti dwar, minn naħa, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB u, min-naħa l-oħra, ir-rabta tiegħu mal-osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti invokat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira.

Il-Qorti Ġenerali fakkret, qabelxejn, li, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fis-SRM. Sussegwentement, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu maż-żmien bl-iktar mod ekwu possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali. Barra minn hekk, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fis-SRM ma għandhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, is-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell annwali fil-mira, filwaqt li jqis il-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti fis-SRM. Fl-aħħar nett, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell annwali fil-mira, li għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u konformement mal-metodu espost fir-Regolament Delegat 2015/63.

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell annwali fil-mira għal EUR 11 287 677 212.56. Fl-imsemmija deċiżjoni, huwa spjega, essenzjalment, li l-livell annwali fil-mira kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin preċedenti, abbażi ta’ kull żvilupp rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll abbażi ta’ analiżi tal-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u mal-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Is-SRB qies li kien xieraq li jiffissa koeffiċjent li kien ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”) u applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, sabiex jinkiseb il-livell annwali fil-mira. Sussegwentement, huwa espona l-approċċ segwit sabiex jiġi stabbilit il-koeffiċjent. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB stabbilixxa l-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Sussegwentement huwa kkalkola l-ammont tal-livell annwali fil-mira billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020 b’dan il-koeffiċjent u bid-diviżjoni tar-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja.

F’dan ir-rigward, għalkemm is-SRB huwa obbligat li jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u li jirrigwardaw il-metodu realment applikat. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

Fil-fatt, matul is-seduta, is-SRB indika li huwa kien iddetermina l-livell annwali fil-mira għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 billi segwa metodu b’erba’ stadji, li l-aħħar tnejn minnhom kienu jikkonsistu mit-tnaqqis mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fi ħdan is-SRF, bl-għan li jiġi kkalkolat l-ammont li kien għad irid jinġabar sat-tmiem tal-perijodu inizjali u billi dan l-aħħar ammont jiġi diviż bi tlieta.

Issa, il-Qorti Ġenerali osservat li l-aħħar żewġ stadji ta’ dan il-kalkolu ma huma bl-ebda mod espressi fil-formula matematika ppreżentata, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-ammont tal-livell annwali fil-mira.

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-dikjarazzjoni tas-SRB li huwa ppubblika, f’Mejju 2021, l-iskeda deskrittiva, li kienet tinkludi firxa li tindika l-ammonti possibbli tal-livell fil-mira finali, u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li l-aħħar żewġ stadji tal-kalkolu kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li huwa ppreċiżat, barra minn hekk, li l-formula matematika lanqas biss kienet issemmihom.

Inkoerenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie stabbilit il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li madankollu għandu rwol kruċjali f’din il-formula matematika. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB waqt is-seduta jirriżulta li dan il-koeffiċjent kien ġie stabbilit b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell annwali fil-mira, jiġifieri wara li s-SRB ikun ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji tal-metodu realment applikat. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

Barra minn hekk, il-firxa li fiha kien jinsab, skont l-iskeda deskrittiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat ma hijiex koerenti mal-firxa tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ 4 % – li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni firxa – u li huwa għalhekk kien kiseb il-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun – li kien jikkostitwixxi l-ogħla valur tal-ewwel firxa. B’hekk jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ firxiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

Il-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, il-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li r-raġunijiet reali, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħu jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali. Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk ivvizzjata b’difetti ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva mis-SRB, l-argument tar-rikorrenti kien jirrigwarda b’mod iktar preċiż l-assenza, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ data dwar l-istabbiliment tar-“rata ta’ aġġustament tad-depożiti koperti” li sservi sabiex jiġi ddeterminat il-livell annwali fil-mira, jiġifieri l-koeffiċjent.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li s-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-livell annwali fil-mira.

Issa, mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korp tal-Unjoni tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-effettività tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Minn dan il-Qorti Ġenerali tiddeduċi li d-difett ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, jikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għaldaqstant, hija laqgħet il-motivi invokati.

Fid-dawl tal-kapijiet ta’ illegalità li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hija ddeċidiet li żżomm fis-seħħ l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante lis-SRF tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.


1      Konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


2      Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.


3      Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).


4      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).