Language of document : ECLI:EU:T:2023:827

(Kawża T389/21)

Landesbank Baden-Württemberg

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-20 ta’ Diċembru 2023

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Prinċipju ta’ kontradittorju – Eċċezzjonijiet – Prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali – Ibbilanċjar – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I)

(ara l-punti 37 sa 42, 45 sa 49)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Limiti

(ara l-punti 64 sa 67)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà – Regolament ta’ Delega 2015/63 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni – Għoti ta’ marġni ta’ evalwazzjoni lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) rigward il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante – Kundizzjonijiet – Definizzjoni b’ċarezza suffiċjenti tal-portata tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa

(Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikolu 6(5) sa 7 u Artikolu 7(4))

(ara l-punti 87 sa 90, 92)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati – Portata – Analiżi u evalwazzjonijiet kumplessi – Marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ – Direttiva 2014/59 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment – Iffissar tal-kriterju ta’ adozzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 290 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, premessa 41; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

(ara l-punti 105, 107, 112, 162)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Assenza ta’ neċessità li tinkludi, f’din id-deċiżjoni, l-elementi kollha li jippermettu li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet – Ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati – Legalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/63 dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lis-SRF – Prinċipju tal-osservanza tas-sigriet kummerċjali – Obbligu tas-SRB li jippubblika u jibgħat lill-istituzzjonijiet ikkonċernati, f’forma miġbura u anonima, l-informazzjoni relatata mal-istituzzjonijiet sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni ex ante

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2014/59; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I)

(ara l-punti 261 sa 272, 292, 294)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Provvista mill-awtur ta’ spjegazzjonijiet rigward il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ kontradizzjonijiet u obbligu ta’ koerenza tal-ispjegazzjonijiet mal-imsemmija motivi

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 329, 330)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Obbligu tas-SRB li jikkomunika lill-istituzzjonijiet ikkonċernati l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u l-metodu ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-livell immirat annwali

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 806/2014; Regolament tal-Kunsill 2015/81, Artikolu 4; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I)

(ara l-punti 332, 333)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Motiv ibbażat unikament fuq atti ġuridiċi oħra, bħad-deċiżjonijiet intermedjarji, li jippreċiżaw u jissuplimentaw ċerti aspetti tal-iffissar tal-imsemmija kontribuzzjonijiet – Assenza ta’ pubblikazzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-istituzzjonijiet ta’ dawn l-atti oħra – Illegalità

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 442, 447)

Sunt

Il-Landesbank Baden-Württemberg (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fil-Ġermanja. Din hija marbuta mas-sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali (iktar ’il quddiem is-“SPI”) tal-iSparkassen-Finanzgruppe (il-grupp finanzjarju tal-banek, il-Ġermanja).

Fl-14 ta’ April 2021, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) adotta deċiżjoni li fiha stabbilixxa (1) l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRF”) ta’ istituzzjonijiet bankarji, fosthom ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (2).

Adita b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar diversi kwistjonijiet ġodda fir-rigward tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lis-SRF u dwar diversi eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament ta’ Delega 2015/63 (3), li hija ċaħdet kollha kemm huma.

Is-sentenza hija ta’ natura innovattiva kollha kemm hi. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità kollha mqajma mir-rikorrenti.

B’mod partikolari, fl-ewwel lok, hija ċaħdet dik ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali tal-pilastru tar-riskju “indikaturi ta’ riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mi[s-SRB]”.

Bħala tfakkira, skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, huwa s-SRB li għandu jaġġusta l-kontribuzzjoni annwali bażika tal-istituzzjonijiet billi jieħu inkunsiderazzjoni erba’ pilastri tar-riskju, fejn kull pilastru huwa kompost minn indikaturi tar-riskju li, min-naħa tagħhom, jistgħu jkunu komposti minn subindikaturi ta’ riskju.

L-ewwel artikolu jagħti marġni ta’ evalwazzjoni lis-SRB, fir-rigward tal-mod kif dan għandu “[i]qis”, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmija indikaturi ta’ riskju, “il-probabbiltà li l-istituzzjoni konċernata tidħol f’riżoluzzjoni u tal-possibbiltà konsegwenti li [j]uża l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni fejn istituzzjoni tiġi riżolta”.

Huwa għalhekk li, fir-rigward tal-ewwel indikatur tar-riskju li jaqa’ taħt il-pilastru ta’ riskju “indikaturi tar-riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mi[s-SRB]” u li huwa relatat mal-attivitajiet ta’ negozjar, espożizzjonijiet barra mill-karta tal-bilanċ, mal-istrumenti derivati, mal-kumplessità u mar-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni, [is-SRB] għandu jieħu inkunsiderazzjoni diversi subindikaturi waqt id-determinazzjoni tiegħu, li wħud minnhom jistgħu jwasslu sabiex jiżdied il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata u oħrajn sabiex dan jitnaqqas. Issa, dawn is-subindikaturi tar-riskju ma jinkludux preċiżazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-paragun li huma jimplikaw.

Fir-rigward tal-indikatur tar-riskju SPI, is-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet marbuta, minn naħa, mal-adegwatezza tal-fondi disponibbli tal-SPI kkonċernata għall-fondi neċessarji għall-finanzjament tal-istituzzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, mal-grad ta’ ċertezza legali jew kuntrattwali fir-rigward ta’ dawn il-fondi. L-istess japplika fir-rigward tal-ponderazzjoni tad-diversi indikaturi tar-riskju fil-kuntest tal-pilastru tar-riskju IV (4), sabiex tiġi ddeterminata l-ponderazzjoni tad-diversi subindikaturi tar-riskju li jikkostitwixxu dawn l-indikaturi tar-riskju, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (5).

Il-Qorti Ġenerali għalhekk eżaminat jekk l-Artikolu 6(5) sa (7) u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jistgħux jitqiesu li huma dispożizzjonijiet li jiddefinixxu b’mod ċar biżżejjed il-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-SRB, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, b’tali mod li jipprovdu protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà u li l-partijiet fil-kawża jistgħu jqajmu b’ċertezza suffiċjenti eventwali dubji dwar il-portata jew is-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi r-riżultat li għandu jintlaħaq, li skontu l-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin mill-1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), kif ukoll metodu sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat, li jnaqqas l-impatt tas-setgħa diskrezzjonali li s-SRB jeżerċita fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Minn naħa, l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni tiddependi mill-ammont tal-livell fil-mira li huwa ddeterminat mis-SRB abbażi tal-istima tiegħu tal-ammont li jikkorrispondi, fil-31 ta’ Diċembru 2023, għal tal-inqas 1 % tad-depożiti koperti fl-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM) (6). Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni hija ddeterminata, b’mod partikolari, abbażi tal-kontribuzzjoni annwali bażika li hija kkalkolata skont ammonti tal-passiv nett tal-istabbilimenti kkonċernati. Issa, is-SRB ma jeżerċita ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dawn l-ammonti. Barra minn hekk, l-istituzzjoni kkonċernata għandha għarfien tal-ammont tal-passiv nett tagħha u jista’ jkollha aċċess għall-ammont globali tal-passiv nett ta’ istituzzjonijiet oħra.

It-tieni nett, l-indikaturi ta’ riskju li n-nuqqas ta’ ċarezza tagħhom huwa kkontestat mir-rikorrenti u li għalihom is-SRB jeżerċita ċerta setgħa diskrezzjonali jinfluwenzaw biss il-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni f’livell li jkun inqas minn 20 %. Barra minn hekk, l-impatt ta’ dawn l-indikaturi fuq l-ammont finali tal-kontribuzzjoni ex ante jkompli jitnaqqas mill-fatt li s-SRB ma jeżerċita ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjoni annwali bażika u li l-aġġustament ta’ din il-kontribuzzjoni għall-profil ta’ riskju ta’ istituzzjoni huwa rregolat nettament f’firxa ddefinita minn qabel bejn l-0.8 u l-1.5 (7).

Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-SRB (8) ma jistgħux jitqiesu li huma insuffiċjentement inkwadrati jew iddefiniti b’ċarezza insuffiċjenti, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, u għalhekk ma jistgħux jitqiesu li ma jipprovdux protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-rikorrenti hija operatur informat li jista’, jekk ikun meħtieġ billi jirrikorri għas-servizzi ta’ konsulent legali u ekonomiku, jipprevedi b’mod suffiċjentement preċiż il-metodu ta’ kalkolu u l-ordni tal-kobor tal-kontribuzzjoni ex ante tiegħu.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq li differenzjazzjoni bejn l-istituzzjonijiet li jappartjenu lill-istess SPI abbażi tal-indikatur tar-riskju “attivitajiet ta’ negozjar u espożizzjonijiet barra l-karta tal-bilanċ, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” hija f’kontradizzjoni mat-trattament omoġenju u koerenti tal-membri kollha ta’ tali SPI, li huwa impost mid-Direttiva 2014/59 (9) u r-Regolament Nru 575/2013 (10). Fil-fatt, wara li kkonstatat li meta diversi istituzzjonijiet li jagħmlu parti mill-istess SPI, l-istituzzjonijiet jingħataw ponderazzjoni aħjar relattiva għall-indikatur tar-riskju “attivitajiet ta’ negozjar u espożizzjonijiet barra l-karta tal-bilanċ, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” meta mqabbla ma’ membri oħra ta’ din l-SPI jistgħu jingħataw ponderazzjoni iktar favorevoli fil-kuntest tal-indikatur tar-riskju SPI meta mqabbel ma’ dawn il-membri l-oħra, hija rrelevat li fir-rigward tad-Direttiva 2014/59 ma huwiex previst li, meta hija adottat ir-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-Kummissjoni kellha tattribwixxi l-istess ponderazzjoni lill-istituzzjonijiet kollha li jagħmlu parti mill-istess SPI. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi. Issa, qabel kollox, il-Kummissjoni u s-SRB spjegaw, mingħajr ma r-rikorrenti pproduċiet elementi sabiex jikkontestaw l-allegazzjonijiet tagħhom, li l-membri ta’ SPI ma għandhomx id-dritt inkundizzjonat li jirċievu min-naħa ta’ tali SPI appoġġ inkundizzjonat, sussegwentement, l-inadempjenza ta’ istituzzjoni b’karta tal-bilanċ kbira u kumplessa tista’ teżawrixxi kompletament il-fondi ta’ tali SPI u, fl-aħħar nett, l-indikatur tar-riskju “attivitajiet ta’ negozjar u espożizzjonijiet barra l-karta tal-bilanċ, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” jippermetti li jiġi evalwat jekk istituzzjoni għandhiex karta tal-bilanċ kbira u kumplessa. Fir-rigward tar-Regolament Nru 575/2013, l-Artikolu 113(7) tiegħu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tal-SPI u mhux il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u ma jipprojbixxix li ssir distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet li huma membri tal-istess SPI għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tasalx sabiex teżiġi li SPI jkollha riżorsi suffiċjenti sabiex tevita r-riżoluzzjoni tal-membri kollha tagħha, inklużi l-istituzzjonijiet il-kbar kollha.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija fakkret li n-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet ex ante tikkonsisti fil-garanzija, f’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lill-SRM sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jinkoraġġixxi l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet kollha li jappartjenu lil SPI ma jinsabux neċessarjament u minħabba s-sempliċi fatt ta’ din l-appartenenza, f’sitwazzjoni paragunabbli. Fil-fatt, qabel xejn, il-membri ta’ SPI ma għandhomx id-dritt inkundizzjonat li jirċievu appoġġ min-naħa tas-SPI li tkopri l-impenji kollha tagħhom. Sussegwentement, il-falliment ta’ istituzzjoni b’bilanċ kbir u kumpless jista’ jeżawrixxi kompletament il-fondi ta’ SPI, b’differenza mill-falliment ta’ istituzzjonijiet b’bilanċ iżgħar u sempliċi. Fl-aħħar nett, l-indikatur tar-riskju “attivitajiet ta’ negozjar u espożizzjonijiet barra l-karta tal-bilanċ, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” jikkostitwixxi kriterju oġġettiv sabiex jiġi evalwat liema istituzzjonijiet jinsabu, fir-rigward ta’ tali riskju, f’sitwazzjoni paragunabbli.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq ksur ta’ diversi regoli superjuri. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-SRM u, b’mod partikolari, dak intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi, il-metodu tal-binning, li jikkonsisti fl-assenjazzjoni tal-istituzzjonijiet assenjati lill-istess bin (“basket”) filwaqt li għandhom valuri kunsiderevolment differenti minn xulxin għall-istess indikatur ta’ riskju, ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li dawn l-istituzzjonijiet għandhom karatteristiċi differenti fir-rigward tal-grad ta’ riskju mkejjel minn dan l-indikatur. Għalkemm dawn l-istituzzjonijiet huma ttrattati b’mod ugwali, dan it-trattament huwa debitament iġġustifikat sa fejn, minn naħa, huwa relatat mal-għan ammissibbli legalment imfittex li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ regoli ġenerali li jistgħu jiġu faċilment applikati u kkontrollati faċilment mill-awtoritajiet kompetenti, u min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li għandha l-Kummissjoni, il-metodu ta’ binning inkwistjoni jippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex, ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tiegħu u ma jistax jitqies li jwassal għal inkonvenjent sproporzjonat.

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq ksur ta’ “prinċipju ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet adattati għar-riskju” sa fejn l-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba li din id-dispożizzjoni tipprekludi lis-SRB milli jadatta, b’mod xieraq, il-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi għall-profil tar-riskju reali tal-istituzzjonijiet. Abbażi ta’ dan l-artikolu, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali ġenerali”, indikatur ta’ riskju ma japplikax sakemm l-informazzjoni mitluba abbażi ta’ indikatur tar-riskju speċifiku msemmi fl-Anness II ta’ dan ir-regolament ta’ delega ma tagħmilx parti mir-rekwiżi tar-rappurtar superviżorju msemmi fl-Artikolu 14 tiegħu. Ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li jobbliga lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha indikati taħt il-punti (a) sa (h) ta’ din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-preċiżazzjoni tal-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fi proporzjon tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”.

Madankollu, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dan jista’ jimplika n-neċessità li jiġu previsti perijodi tranżitorji. Issa, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jintroduċi tali perijodu, peress li jawtorizza lis-SRB, b’mod tranżitorju, li ma japplikax uħud minn dawn l-elementi, li huma riflessi fl-indikaturi tar-riskju previsti minn dan ir-regolament ta’ delega.

Barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni tal-perijodu tranżitorju previst minn din id-dispożizzjoni hija marbuta mill-qrib man-natura progressiva tal-proċess tal-istabbiliment tar-rekwiżiti superviżorji u tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni korrispondenti. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 huwa intiż li jevita li jiġu imposti, jekk ikun il-każ, piżijiet sproporzjonati jew diskriminatorji fuq l-istituzzjonijiet waqt il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante preċiżament minħabba din l-implimentazzjoni progressiva tar-rekwiżiti superviżorji u tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni relatati magħhom.

Fl-aħħar nett, għalkemm din l-eċċezzjoni tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn ċerti indikaturi tar-riskju jibqgħu mhux applikati matul il-perijodu inizjali kollu, minn naħa, tali konsegwenza hija r-riżultat tan-natura progressiva tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti superviżorji u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija indikaturi tar-riskju huma intiżi li japplikaw ukoll lil hinn mill-perijodu inizjali.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivi li jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u laqgħet il-motiv ibbażat fuq difetti ta’ motivazzjoni ta’ din tal-aħħar fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar motiv, li huwa ta’ ordni pubbliku, preliminarjament, il-Qorti Ġenerali fakkret, qabelxejn, li, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF għandhom jilħqu, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fis-SRM. Sussegwentement, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun matul iż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali. Barra minn hekk, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fis-SRM ma għandhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, is-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, filwaqt li jqis il-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkulat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti fis-SRM. Fl-aħħar nett, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, li għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali u konformement mal-metodu espost fir-Regolament ta’ Delega 2015/63.

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11 287 677 212.56. Fl-imsemmija deċiżjoni, huwa spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi dwar l-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin preċedenti, fuq kull żvilupp rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll fuq analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u fuq l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi għandhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Is-SRB qies xieraq li jiffissa koeffiċjent li kien ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli għas-SRF u applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn kull tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020, sabiex jinkiseb il-livell fil-mira annwali. Sussegwentement, huwa espona l-approċċ segwit sabiex jiġi stabbilit il-koeffiċjent. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB stabbilixxa l-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Sussegwentement huwa kkalkola l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020 b’dan il-koeffiċjent u billi ddivida r-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja.

F’dan ir-rigward, għalkemm is-SRB huwa obbligat li jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u li jirrigwardaw il-metodu realment applikat. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

Fil-fatt, matul is-seduta, is-SRB indika li huwa kien iddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 billi segwa metodu f’erba’ stadji, li l-aħħar tnejn minnhom ikkonsistew fit-tnaqqis mil-livell fil-mira finali tal-mezzi finanzjarji disponibbli fi ħdan is-SRF, bl-għan li jiġi kkalkolat l-ammont li kien għad irid jinġabar sat-tmiem tal-perijodu inizjali u billi dan l-aħħar ammont ġie diviż fi tlieta.

Issa, il-Qorti Ġenerali osservat li l-aħħar żewġ stadji ta’ dan il-kalkolu ma huma bl-ebda mod espressi fil-formula matematika ppreżentata, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-ammont tal-livell fil-mira annwali.

Ċertament, ir-rikorrenti kellha għarfien ta’ skeda deskrittiva, ippubblikata mis-SRB wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata iżda qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Madankollu, anki jekk jitqies li hija kienet taf ukoll bl-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, dawn iċ-ċirkustanzi biss ma kinux ta’ natura li jippermettulha tifhem li l-aħħar żewġ stadji kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li huwa ppreċiżat, barra minn hekk, li l-formula matematika prevista fid-deċiżjoni kkontestata lanqas biss kienet issemmihom.

Inkoerenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li madankollu għandu rwol primordjali f’din il-formola matematika. Fil-fatt, kif irrikonoxxa s-SRB waqt is-seduta, dan il-koeffiċjent ġie stabbilit b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikun ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji tal-metodu realment applikat. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

Barra minn hekk, il-firxa li fiha kien jinsab, skont l-iskeda deskrittiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat jirriżulta inkoerenti mal-firxa tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-medda li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

Il-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-motivi reali, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali. Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk ivvizzjata b’difetti ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

Wara li ċaħdet il-motivi l-oħra fil-mertu, eżaminati fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li n-nuqqas ta’ motivazzjoni li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata huwa, waħdu, ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tagħha sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

Madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF tar-rikorrenti għas-sena 2021.


1      Skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


2      Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.


3      Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).


4      Abbażi tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.


5      Skont l-Artikolu 6(5) sa (7) tar-Regolament ta’ Delega Nru 2015/63.


6      Skont l-Artikolu 69(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014.


7      Konformement mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.


8      Skont l-Artikolu 6(5) sa (7) u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 2015/63.


9      Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


10      Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, p. 1).