Language of document : ECLI:EU:T:2023:862

Kawża T166/21

Autorità di sistema portuale del Mar Ligure occidentale et  

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tal20 ta’ Diċembru 2023

“Għajnuna mill-Istat – Tassazzjoni tal-awtoritajiet portwali fl-Italja – Eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Għajnuna eżistenti – Kunċett ta’ impriża – Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ – Vantaġġ – Selettività – Distorsjoni tal-kompetizzjoni – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Ugwaljanza fit-trattament”

1.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu

(Artikoli 263 u 296 TFUE)

(ara l-punti 46, 47)

2.      Kompetizzjoni – Applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni – Ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u privati – Sistema tal-proprjetà pubblika – Assenza ta’ effett

(Artikoli 106(1), 107(1) u 345 TFUE)

(ara l-punti 55-57)

3.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Impriża – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Kriterju determinanti – Status legali u metodu ta’ finanzjament tal-entità – Assenza ta’ rilevanza

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 65, 67, 68)

4.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Impriża – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Prassi deċiżjonali preċedenti – Klassifikazzjoni ta’ attivitajiet simili għal dawk eżaminati preċedentement f’deċiżjonijiet preċedenti konformement mal-imsemmija prassi – Klassifikazzjoni ta’ attività fl-assenza ta’ prassi deċiżjonali preċedenti fuq il-bażi ta’ investigazzjonijiet speċifiċi għall-każ inkwistjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 21)

(ara l-punti 77‑88)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kompetizzjoni bejn ċerti portijiet Taljani u ċerti portijiet ta’ Stati Membri oħra – Suffiċjenza ta’ kompetizzjoni potenzjali

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 93, 94, 190, 191)

6.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Kunċett – Għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali – Servizz li jikkostitwixxi prerogattiva ta’ awtorità pubblika ta’ natura mhux ekonomika – Servizz li ma huwiex ipprovdut f’suq speċifiku – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 96‑101)

7.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Kunċett – Għoti ta’ aċċess għall-portijiet u għoti ta’ konċessjonijiet – Natura remuneratorja – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 105‑111)

8.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Kunċett – Għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali – Natura remuneratorja – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 112‑115)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat – Għoti ta’ vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat imputabbli lill-Istat – Eżenzjoni fiskali prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 124-129)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Distinzjoni bejn ir-rekwiżit ta’ selettività u l-iskoperta konkomitanti ta’ vantaġġ ekonomiku kif ukoll bejn skema ta’ għajnuna u għajnuna individwali

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 134‑139)

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Qafas ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Delimitazzjoni ratione materiae – Kriterji – Identifikazzjoni tas-sistema fiskali komuni jew normali – Dispożizzjoni li tagħmel parti minn sistema fiskali usa’

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 144‑155)

12.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Deroga mis-sistema fiskali ġenerali – Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 161‑165; 169‑173)

13.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Assenza ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta – Limitazzjoni tal-eżami tad-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni għall-pjan nazzjonali biss – Assenza

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punt 195)

14.    Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Portata – Annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjoni – Natura separabbli tal-elementi annullabbli tal-att ikkontestat


 

(ara l-punti 199, 200)

Sunt

Filwaqt li tagħti deċiżjoni b’kulleġġ ġudikanti estiż b’ħames Imħallfin, il-Qorti Ġenerali tiċħad parzjalment ir-rikors ippreżentat minn diversi awtoritajiet portwali Taljani intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑4 ta’ Diċembru 2020, dwar l-iskema ta’ għajnuna (1) li minnha bbenefikaw l-autorità di sistema portuale (l-Awtoritajiet tas-Sistema Portwali, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“PSA”). Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tispjega, b’mod partikolari, skont liema kriterji hemm lok li tiġi evalwata n-natura ekonomika tal-attivitajiet eżerċitati minn entità pubblika mingħajr skop ta’ lukru inkarigata mill-ġestjoni tal-infrastruttura portwali.

Adottata wara investigazzjoni li saret fl-2013 fl-Istati Membri kollha, bil-għan li tinkiseb stampa globali dwar il-funzjonament u t-tassazzjoni tal-portijiet tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li l-miżura dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji tal-operaturi attivi fis-settur portwali kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti inkompatibbli mas-suq intern. Konsegwentement hija tordna t-tneħħija ta’ din il-miżura u s-sottomissjoni tad-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tal-benefiċjarji tagħha għat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-bidu tas-sena fiskali wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

B’mod iktar speċifiku, il-leġiżlazzjoni Taljana dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji (iktar ’il quddiem l-“IRES”) teżenta minn din il-leġiżlazzjoni lil numru sostanzjali ta’ entitajiet statali u organi pubbliċi, fosthom l-organi ta’ ġestjoni tad-dominju kollettiv. Skont l-awtoritajiet Taljani, dawn tal-aħħar jinkludu l-PSA.

Il-PSA huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku kkostitwiti bil-liġi bil-għan li jiżguraw, b’mod awtonomu, il-ġestjoni tal-infrastruttura portwali li minnha huma inkarigati. Għal dan il-għan, il-PSA għandhom diversi riżorsi finanzjarji, fosthom id-dħul mit-tariffi li għandhom id-dritt li jirċievu b’korrispettiv għall-għoti ta’ aċċess għall-portijiet (iktar ’il quddiem it-“tariffi portwali”), għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali (iktar ’il quddiem it-“tariffi ta’ awtorizzazzjoni”), kif ukoll għall-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u ta’ mollijiet (iktar ’il quddiem it-“tariffi ta’ konċessjoni”).

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-PSA jeżerċitaw attivitajiet mhux ekonomiċi u attivitajiet ekonomiċi, fejn dawn tal-aħħar jikkorrispondu għat-tliet kategoriji ta’ attivitajiet li jagħtu lok għat-tariffi msemmija iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżenzjoni mill-IRES tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-PSA jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE li permezz tiegħu r-rikorrenti, essenzjalment, jilmentaw li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat in-natura ekonomika ta’ wħud mill-attivitajiet eżerċitati mill-PSA.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza, qabel kollox, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli din ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istatus legali tal-entitajiet inkwistjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 107(1) TFUE huwa applikabbli għal kull impriża, meqjusa bħala entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali tagħha u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha.

Sussegwentement, ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jista’ jiġi kkonstatat fid-dawl tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni invokata mir-rikorrenti fuq dan il-punt. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ttrattat b’mod ugwali sitwazzjonijiet paragunabbli, għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet suġġetti għat-tariffi ta’ konċessjoni u għat-tariffi portwali, peress li kienet ikkonstatat in-natura ekonomika ta’ attivitajiet ekwivalenti eżerċitati mill-awtoritajiet portwali Belġjani u Franċiżi msemmija fid-deċiżjonijiet preċedenti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tariffi ta’ awtorizzazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tariffi għadhom ma ġewx issuġġettati għal eżami mill-Kummissjoni.

Finalment, il-Qorti Ġenerali eżaminat suċċessivament l-ilmenti dwar l-evalwazzjoni tan-natura ekonomika tal-attivitajiet eżerċitati mill-PSA u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala impriżi, ibbażati fuq l-assenza ta’ suq li fuqu l-PSA joffru s-servizzi tagħhom u tan-natura tat-tariffi miġbura mil-PSA. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha, fejn huwa mifhum li kull attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika.

F’dan il-każ, għal dak li jikkonċerna, minn naħa, l-allegata assenza ta’ suq li fuqu l-PSA joffru s-servizzi tagħhom, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabel kollox, li r-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat li l-PSA ma huma esposti għal ebda kompetizzjoni, fid-dawl tal-monopolju legali tagħhom. Fil-fatt, kif, għall-kuntrarju, ikkonstatat korrettament il-Kummissjoni, teżisti kompetizzjoni bejn ċerti portijiet Taljani u ċerti portijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra, b’tali mod li hija setgħet tikkonkludi, ġustament, li l-għoti ta’ aċċess għall-portijiet u l-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u ta’ mollijiet kienu jikkostitwixxu servizzi pprovduti f’suq speċifiku. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali, il-Qorti Ġenerali tqis, fid-dawl tal-elementi esposti fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, li l-kompiti eżerċitati f’dan is-sens jidhru li jikkorrispondu għal rwol ta’ kontroll li għandu bħala għan li jivverifika l-osservanza ta’ rekwiżiti legali li jirriżulta, bħala tali, minn prerogattiva ta’ awtorità pubblika ta’ natura mhux ekonomika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni baqgħet ma stabbilixxietx li l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet kien jikkostitwixxi servizz ipprovdut fuq suq.

Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Kummissjoni qed tiġi kkritikata talli ma kkunsidratx il-fatt li t-tariffi miġbura mill-PSA kienu jikkostitwixxu taxxi u mhux remunerazzjoni għal servizzi ta’ natura ekonomika, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni weriet suffiċjentement skont il-liġi li t-tariffi ta’ konċessjoni u t-tariffi portwali jikkostitwixxu l-korrispettiv għal attivitajiet ta’ natura ekonomika mwettqa mill-PSA. Madankollu, fir-rigward tat-tariffi ta’ awtorizzazzjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li organu pubbliku jipprovdi prodott jew servizz marbut mal-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni prevista mil-liġi ma huwiex biżejjed biex l-attività eżerċitata tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika u biex l-entità li teżerċitaha tiġi kklassifikata bħala impriża. Issa, f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni la eżaminat il-metodu ta’ kalkolu, la eżaminat it-tariffi ta’ awtorizzazzjoni, u lanqas ma eżaminat il-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-Istat f’dan ir-rigward, għaldaqstant din ma wrietx suffiċjentement skont il-liġi li t-tariffi ta’ awtorizzazzjoni jirrappreżentaw korrispettiv għal servizz ta’ natura ekonomika.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerli laqgħet l-ewwel motiv għal dak li jikkonċerna l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, filwaqt li ċaħditu għall-kumplament, u teżamina t-tieni sar-raba’ motivi biss sa fejn jirrigwardaw it-tariffi ta’ konċessjoni u t-tariffi portwali.

Fit-tieni lok, sa fejn jirrigwardaw it-tariffi ta’ konċessjoni u t-tariffi portwali, il-Qorti Ġenerali eżaminat suċċessivament il-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, intiżi, essenzjalment, li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-eżenzjoni mill-IRES kienet tagħti lok għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-PSA, li, barra minn hekk, jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, l-ewwel, li l-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li billi teżenta lill-PSA mill-IRES minkejja l-fatt li dawn kienu jeżerċitaw attività ekonomika, l-amministrazzjoni fiskali Taljana tirrinunzja minn dħul li jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat b’tali mod li, konsegwentement, ingħata lok għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. F’dan il-kuntest, ma jimpurtax li l-PSA huma impriżi pubbliċi u li l-vantaġġ mogħti jibqa’ fl-isfera ekonomika tal-Istat fis-sens wiesa’. Fil-fatt, li kieku kien mod ieħor, tali approċċ jgħaddi mir-riskju li jikkomprometti l-effett utli tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li jintroduċi diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-benefiċjarji pubbliċi u l-benefiċjarji privati, bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità msemmi fl-Artikolu 345 TFUE.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali tivvalida l-analiżi tal-Kummissjoni li l-eżenzjoni mill-IRES tagħti vantaġġ ta’ natura selettiva lill-entitajiet li jibbenefikaw minnha.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis, minn naħa, li l-Kummissjoni ddeterminat b’mod korrett is-sistema ta’ referenza billi kkonstatat, hawnhekk, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana li jiddikjaraw il-prinċipju li d-dħul kollu huwa suġġett għall-IRES, b’mod partikolari d-dħul ta’ kumpanniji kummerċjali kif ukoll organi pubbliċi jew privati oħra li għandhom, jew li ma għandhomx, bħala għan esklużiv jew prinċipali l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali prinċipju, l-eżenzjoni tal-entitajiet statali u pubbliċi inkwistjoni tkun nieqsa minn kull utilità.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-eżenzjoni mill-IRES tidderoga mis-sistema ta’ referenza favur il-PSA, mingħajr ebda ġustifikazjoni valida. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipju sottostanti għas-sistema ta’ referenza msemmija iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni fattwali u legali tal-PSA, sa fejn dawn jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi, hija paragunabbli, jekk mhux identika, għal dik ta’ entitajiet suġġetti għall-IRES.

It-tielet, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll ġustament li l-eżenzjoni mill-IRES tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, fid-dawl tal-eżistenza, preċedentement imfakkra, ta’ kompetizzjoni bejn ċerti portijiet Taljani u ċerti portijiet ta’ Stati Membri oħra. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerli tippreċiża li l-evalwazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni ma tillimitax ruħha neċessarjament għall-impriżi jew għall-produzzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, anki fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. B’hekk, il-fatt li s-settur portwali huwa kkaratterizzat minn kummerċ transkonfinali huwa suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tinkludi l-kompetizzjoni ta’ ċerti portijiet ta’ Stati Membri oħra fl-analiżi tagħha.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali bħala attività ekonomika filwaqt li tiċħad il-kumplament tar-rikors.


1       Skema ta’ għajnuna SA.38399 - 2019/C (ex 2018/E) li l-Italja implimentat - Tassazzjoni Korporattiva tal-Portijiet fl-Italja (ĠU 2021, L 354, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).