Language of document : ECLI:EU:T:2021:586

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

15 ta’ Settembru 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Awtostradi Taljani – Estensjoni ta’ konċessjonijiet għall‑finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet – Servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Limitu tal-ispejjeż tat-tariffi tat-triq – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Artikolu 106(2) TFUE – Rikors ippreżentat minn kompetitur tal‑benefiċjarju – Abbandun tal-proġett ta’ għoti tal-għajnuna mill‑Istat Membru – Proġett li ma jistax jiġi implimentat kif approvat – Annullament li ma jagħtix benefiċċju lir‑rikorrenti – Tmiem tal-interess ġuridiku – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑24/19,

INC SpA, stabbilita f’Torino (l-Italja),

Consorzio Stabile Sis SCpA, stabbilita f’Torino,

irrappreżentati minn H.‑G. Kamann, F. Louis u G. Tzifa, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Haasbeek, D. Recchia u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2018) 2435 final, tas-27 ta’ April 2018, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija għall-finijiet tal-pjan ta’ investiment dwar l-awtostradi Taljani (Każi SA.49335 (2017/N) u SA.49336 (2017/N)),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn M. J. Costeira, President, D. Gratsias (Relatur), M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ żewġ ittri tat-13 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea b’serje ta’ miżuri li jirrigwardaw pjan ta’ investimenti fir-rigward tal-awtostradi Taljani.

2        Madwar 5 800 kilometru ta’ awtostradi Taljani huma attwalment operati minn operaturi privati fil-kuntest ta’ konċessjonijiet. Skont il-kuntratti relatati magħhom, il-konċessjonarji għandhom iwettqu xogħlijiet jew jipprovdu servizzi relatati mal-funzjonament tal-awtostradi. Il-konċessjonarji jbatu r-riskji relatati mal-kostruzzjoni kif ukoll mal-funzjonament tal-awtostradi u għandhom jikkonformaw ruħhom ma’ sensiela ta’ obbligi marbuta mal-importanza ta’ din it-tip ta’ infrastruttura għall-pubbliku. Barra minn hekk, il-qafas leġiżlattiv applikabbli jipprevedi diversi sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-bilanċ finanzjarju bejn id-dħul mill-konċessjonijiet u l-ispiża tal-investimenti magħmula mill-konċessjonarji.

3        F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Taljana ħolqot pjan li jikkonsisti essenzjalment fil-proroga tat-tul ta’ żmien ta’ ċerti konċessjonijiet għall-finijiet tal-finanzjament ta’ investimenti addizzjonali. Fil-verżjoni sussegwentement riveduta tiegħu, il-pjan inkwistjoni, kif innotifikat, kien jikkonċerna awtostradi ġestiti kemm direttament, kif ukoll indirettament, jiġifieri permezz ta’ ishma f’konsorzji, minn Autostrade per l’Italia SpA u mis-Società Iniziative Autostradali e Servizi SpA.

 Id-deċiżjoni kkontestata

4        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2018) 2435 final, tas-27 ta’ April 2018, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija għall-finijiet tal-pjan ta’ investiment dwar l-awtostradi Taljani (Każi SA.49335 (2017/N) u SA.49336 (2017/N)) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni qieset li ċerti miżuri meħuda fil-kuntest tal-imsemmi pjan kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u li dawn kienu kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ dawn il-miżuri (Kapitolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        B’mod partikolari, il-pjan innotifikat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani jikkonċerna sittax‑il awtostrada amministrati minn Autostrade per l’Italia u żewġ awtostradi amministrati mis-Società Iniziative autostradali e Servizi. Dan il-pjan huwa essenzjalment ibbażat fuq żewġ pilastri. L-ewwel wieħed jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ investimenti addizzjonali li għandhom isiru mill-konċessjonarji. It-tieni jirrigwarda l-estensjoni ta’ ċerti konċessjonijiet, flimkien ma’ modalitajiet intiżi sabiex jillimitaw it-tariffi tat-triq għal livelli aċċettabbli u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ kumpens eċċessiv lill-konċessjonarji (punti 12, 13 sa 16, 18 sa 21 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Awtostradi ġestiti minn Autostrade per l’Italia

6        Il-konċessjoni tas-sittax‑il awtostrada, li jammontaw għal 2 857.50 kilometru, ġestiti minn Autostrade per l’Italia, toriġina mill-konċessjonijiet attribwiti lill-kumpannija Autostrade-Concessioni e Costruzioni Autostrade SpA fl-1968. Din l-entità tal-aħħar ġiet ipprivatizzata fl-1999 u, fl-2003, ittrasferixxiet l-attivitajiet tagħha ta’ konċessjonijiet awtostradali lil Autostrade per l’Italia. Il-konċessjoni inkwistjoni ġiet emendata, b’mod partikolari, fl-1997 u l-aħħar verżjoni tagħha ġiet iffirmata, fil-forma ta’ “Ftehim Uniku” (Convenzione Unica), fl-2007, li min-naħa tiegħu ġie emendat fl-2013 bis-saħħa ta’ “att addizzjonali” (Atto Aggiuntivo). Skont l-emenda ffirmata fl-1997, il-konċessjoni inkwistjoni ġiet konkluża għal perijodu ta’ 40 sena li kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2038 (punti 34, 35 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Madankollu, ir-Repubblika Taljana esponiet li Autostrade per l’Italia kien għad kellha tagħmel investimenti fin-network li kienet tiġġestixxi. Wara d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-karatteristiċi tal-investimenti inkwistjoni, l-ispiża stmata ta’ dawn l-investimenti titla’ għal madwar EUR 8 biljun. Minn dan l-ammont, EUR 4.908 biljun huma ddedikati għal xogħlijiet ikkunsidrati bħala “diġà previsti” fil-kuntratt ta’ konċessjoni kif kien fis-seħħ qabel l-emenda kkontestata, fosthom “il-Gronda di Genova” (l-evitar ta’ Genova) għal EUR 4.32 biljun. Il-EUR 3.03 biljun li jifdal huma ddedikati għal “xogħlijiet addizzjonali”, jiġifieri mhux previsti fil-kuntratt ta’ konċessjoni kif kien fis-seħħ qabel l-emenda inkwistjoni. Issa, skont il-kuntratt ta’ konċessjoni fis-seħħ, it-twettiq tal-investimenti inkwistjoni jeħtieġ żieda fl-ispiża tat-tariffi tat-triq fuq livelli eċċessivi għall-utenti. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Taljana pproponiet, l-ewwel nett, li tipproroga t-tul tal-konċessjoni, it-tieni nett, li ż-żieda tal-ispiża tat-tariffi tat-triq tiġi limitata u, it-tielet nett, li jiġi previst “kumpens għal irkupru” (takeover value) li għandu jitħallas lill-konċessjonarju fi tmiem il-konċessjoni mill-eventwali konċessjonarju ġdid. B’hekk, skont dan il-pjan, it-tul tal-konċessjoni huwa estiż b’erba’ snin, sal-31 ta’ Diċembru 2042, u kumpens ta’ xiri massimu bejn 1.3 u 1.5 darbiet is‑surplus operattiv gross jitħallas lill-konċessjonarju attwali permezz ta’ kull konċessjonarju eventwali suċċessiv lilu wara din id-data (punti 36 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Awtostradi amministrati mis-Società Iniziative Autostradali e Servizi

8        Iż-żewġ awtostradi amministrati mis-Società Iniziative autostradali e Servizi li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata huma s-SATAP A4 Torino – Milano u l-A33 Asti – Cuneo. Il-konċessjoni dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-awtostrada SATAP A4 Torino – Milano tal-1989 u tiskadi, wara emendi fl-istrumenti legali li jirregolawha, li seħħew fl-2007 u fl-2013, fil-31 ta’ Diċembru 2026. Il-kuntratt ta’ konċessjoni dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-awtostrada A33 Asti – Cuneo ġiet iffirmata fl-1 ta’ Awwissu 2007 wara proċedura ta’ għoti u tipprevedi li l-konċessjoni ssir għal perijodu ta’ 27 sena u nofs, li erba’ snin minnu huma ddedikati għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet u t‑23 sena u nofs li jifdal, ikkalkolati b’effett mit-twettiq tagħhom, għall-ġestjoni tal-konċessjoni. Fid-dawl ta’ din l-aħħar stipulazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-konċessjoni tintemm fl-2043 (punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Ix-xogħlijiet previsti għall-awtostrada A33 Asti – Cuneo ma tlestewx fil-ħin u l-ispejjeż relatati magħhom żdiedu kunsiderevolment għal raġunijiet li, skont ir-Repubblika Taljana, ma kinux imputabbli lis-Società Iniziative autostradali e Servizi, konċessjonarja ta’ din l-awtostrada. Fl-istess ħin, il-kostruzzjoni ta’ 55 kilometru biss ta’ awtostrada minflok id-90 inizjalment previsti kienet tillimita d-dħul mit-tariffi tat-triq għal livelli modesti. Il-kostruzzjoni tal-partijiet tal-awtostrada nieqsa kienet għalhekk timplika żieda fl-ispiża tat-tariffi tat-triq fuq livelli projbittivi. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Taljana pproponiet li l-konċessjonarju jwettaq l-investimenti neċessarji sabiex jikseb konnessjoni funzjonali bejn id-diversi partijiet mitmuma tal-awtostrada A33 Asti – Cuneo. Dawn l-investimenti jikkonsistu fil-bini ta’ madwar 13 kilometru ta’ awtostrada għal spiża ta’ EUR 350 miljun, minflok 35 kilometru li jibqgħu inizjalment previsti, li kienu jiswew EUR 589 miljun. Ix-xogħlijiet inkwistjoni huma kkunsidrati bħala diġà previsti fil-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali. Barra minn hekk, l-investimenti ta’ valur totali ta’ EUR 153 miljun għandhom isiru fuq l-awtostrada SATAP A4 Torino – Milano. Minn dan l-aħħar ammont, EUR 109 miljun huma kkunsidrati bħala li jikkonċernaw xogħlijiet diġà previsti fil-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali u EUR 44 miljun bħala li jikkonċernaw xogħlijiet addizzjonali. Dawn ix-xogħlijiet kollha għandhom jitlestew lejn l-aħħar tas-sena 2022 (punti 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fir-rigward tal-kopertura tal-ispejjeż tax-xogħlijiet inkwistjoni, ir-Repubblika Taljana pproponiet finanzjament trażversali tax-xogħlijiet li jikkonċernaw l-awtostrada A33 Asti – Cuneo mid-dħul tal-awtostrada SATAP A4 Torino – Milano, flimkien ma’ limitu massimu tat-tariffi tat-triq taż-żewġ awtostradi inkwistjoni. Issa, skont ir-Repubblika Taljana, dan il-limitu massimu jwassal għal telf ta’ dħul għall-konċessjonarji. B’hekk, b’mod simili għal dak li pproponiet fir-rigward tal-awtostradi amministrati minn Autostrade per l’Italia (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), ir-Repubblika Taljana esprimiet l-intenzjoni tagħha, l-ewwel nett, li taġġusta t-tul ta’ dawn iż-żewġ konċessjonijiet u, it-tieni nett, li tipprevedi kumpens għall-irtirar li għandu jitħallas lill-konċessjonarju li jispiċċa, fil-każ ta’ nuqqas ta’ tiġdid wara t-tmiem tagħhom, mill-konċessjonarju l-ġdid eventwali. B’mod partikolari, it-tul tal-konċessjoni tal-awtostrada SATAP A4 – Torino Milano ġie estiż għal erba’ snin sat-31 ta’ Diċembru 2030, filwaqt li dik tal-awtostrada A33 – Cuneo hija mqassra sabiex tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2030 ukoll, minflok fl-2043 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) Dan l-arranġament jippermetti kompetizzjoni ġdida konġunta tal-konċessjoni taż-żewġ awtostradi għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2031. Barra minn hekk, il-kumpens ta’ teħid lura huwa limitat għal 1.4 darba s-surplus operattiv gross li għandu jitħallas lill-konċessjonarju attwali mill-konċessjonarju attwali eventwali suċċessur tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2031 (punti 25 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Il-miżuri kollha li jikkonċernaw l-awtostradi li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata huma akkumpanjati minn impenji fir-rigward tal-bidu ta’ wħud mix-xogħlijiet ippjanati qabel l-1 ta’ Jannar 2020. Ġew previsti wkoll impenji oħra dwar il-pubbliċità tal-kuntratti ta’ konċessjoni, in-natura bħala prinċipju stabbli tal-ispiża netta tax-xogħlijiet, l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-emenda tal-kuntratti ta’ konċessjoni f’każ ta’ neċessità li jitwettqu xogħlijiet addizzjonali, l-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-obbligi tal-konċessjonarju, it-tnaqqis proporzjonali tal-estensjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-preżentazzjoni ta’ rapporti annwali u ħames snin dwar it-twettiq tax-xogħlijiet u s-segwitu tal-parametri previsti iktar minn dawk ta’ reviżjoni, u fl-aħħar nett, it-tnaqqis proporzjonali tal-estensjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet (punti 23, 44 u 47 sa 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

 L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni

12      Skont il-Kummissjoni, il-fatt li jingħataw drittijiet ta’ użu ta’ beni pubbliċi jista’ jimplika rinunzja għal riżorsi tal-Istat u jagħti vantaġġ lill-benefiċjarji ta’ dawn id-drittijiet. F’dan il-każ, il-proroga tat-tul tal-konċessjonijiet għal erba’ snin ikollha l-effett li l-konċessjonarji jiġbru ħlasijiet għall-użu tat-triq matul dan il-perijodu, u b’hekk tiġi eskluża l-possibbiltà għall-Istat Membru li jiġbor huwa stess dawn il-fondi. Rinunzja għal riżorsi tal-Istat favur ċerti operaturi privati għandha għalhekk tiġi kkonstatata (punti 61 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-obbligi ta’ investiment u ta’ ġestjoni imposti fuq il-konċessjonarji u kkonkludiet li kien hemm lok li jiġu analizzati l-miżuri nnotifikati fid-dawl tal-erba’ kriterji kumulattivi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), jiġifieri l-eżistenza ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, l-istabbiliment preliminari, oġġettiv u trasparenti tal-parametri għall-kumpens, l-istabbiliment tal-kumpens f’livell li jkopri l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni u l-benefiċċju ta’ servizz pubbliku u profitt raġonevoli u, fl-aħħar, l-analiżi tal-ispejjeż u l-profitt inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li l-awtoritajiet Taljani ma pproduċewx analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, kienet tinkorri sabiex twettaq dawn l-obbligi. Minn dan isegwi li, anki fid-dawl tan-nuqqas ta’ proċedura ta’ għoti qabel il-konċessjonijiet kontenzjużi, ir-raba’ kriterju Altmark ma kienx issodisfatt. Barra minn hekk, fid-dawl tad-dimensjoni internazzjonali tas-suq tal-kostruzzjoni u tal-ġestjoni tal-awtostradi kif ukoll tal-esklużività li jagħtu l-kuntratti ta’ konċessjoni, il-vantaġġi mogħtija jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Minn dan isegwi li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (punti 64 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li kien hemm lok li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE u, korrelattivament, tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012, C 8, p. 15, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku”) (punti 75 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat:

–        l-ewwel, li l-bini u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastrutturi awtostradi bi spejjeż raġonevoli għall-utenti kienu jikkostitwixxu servizz ġenwin ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE, b’tali mod li l-kundizzjonijiet tal-Kapitolu 2.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku kienu ssodisfatti;

–        it-tieni, li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali inkwistjoni kienu fdati lill-konċessjonarji kkonċernati permezz ta’ atti li jsemmu t-tul u l-għan tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-impenji meħuda, in-natura tad-drittijiet esklużivi, id-deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kumpens u l-parametri rilevanti kif ukoll il-miżuri previsti sabiex jiġi evitat u rkupru eventwali kumpens żejjed. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet tal-Kapitolu 2.3 tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku huma ssodisfatti (punti 85 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        it-tielet, li t-tul tal-prorogi kien iwassal sabiex jibbilanċja finanzjarjament il-pjan propost billi jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-limitu tal-ispiża tat-tariffi tat-triq, l-ispiża tax-xogħlijiet li għandhom isiru, ir-remunerazzjoni tal-konċessjonarji u tal-allowance għal teħid lura. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet tal-Kapitolu 2.4 tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku huma ssodisfatti (punti 92 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ir-raba’, li l-miżuri nnotifikati ma jiksrux id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555), b’tali mod li l-kundizzjonijiet tal-Kapitolu 2.5 tal-Avviż dwar il-kumpens għal servizz pubbliku huma ssodisfatti (punti 96 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-ħames, li l-miżuri nnotifikati kienu konformi mad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u ĠU 2018, L 82, p. 17), u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 43 tagħha, dwar l-emenda tal-kuntratti ta’ konċessjoni fis-seħħ;

–        is-sitta, li l-prinċipji, l-għanijiet, il-parametri u l-metodi ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lill-konċessjonarji ma jiksrux il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, minkejja li l-kundizzjonijiet tal-Kapitolu 2.7 tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku kienu wkoll issodisfatti (punti 142 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-sebgħa, li l-kumpens li jirriżulta mill-emenda tal-kuntratti ta’ konċessjoni ma kienx jeċċedi dak li kien neċessarju sabiex tiġi koperta l-ispiża netta tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, fid-dawl ta’ profitt raġonevoli, konformement mal-Kapitolu 2.8 tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku;

–        it-tmienja, kull preokkupazzjoni dwar eventwali distorsjonijiet li jifdal tal-kompetizzjoni kienet eliminata b’mod konformi mal-Kapitolu 2.9 tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku (punti 167 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      F’dan il-kuntest, u wara li eżaminat l-impenji meħuda mir-Repubblika Taljana fil-qasam tat-trasparenza skont il-Kapitolu 2.10 tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku u l-argumenti ppreżentati minn terzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet u li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE (punti 178 sa 186 u Kapitolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti, INC SpA u Consorzio Stabile sis SCpA, ippreżentaw dan ir-rikors. Fid-29 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha. Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati, rispettivament, fit-18 ta’ Lulju u fit-18 ta’ Ottubru 2019.

18      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża.

19      Fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

20      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

21      Fir-risposta tad-difiża tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub, filwaqt li talbithom iwieġbu għalihom bil-miktub jew waqt is-seduta.

23      Il-partijiet wieġbu lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ ittri tat-3 ta’ Novembru 2020.

24      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali bid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Taljani li ma jimplimentawx il-miżuri li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, għall-inqas fir-rigward tas-Società Iniziative Autostradali e Servizi.

25      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tinformaha bil-miktub dwar id-deċiżjonijiet eventwali tal-awtoritajiet Taljani f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-miżuri kontenzjużi kemm fir-rigward tas-Società Iniziative Autostradali e Servizi kif ukoll fir-rigward ta’ Autostrade per l’Italia. Dan tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.

26      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni kkomunikat lill-Qorti Ġenerali ittra tal-10 ta’ Diċembru 2020, li kienet bagħtitilha l-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport Taljan. Fid-dawl tal-kontenut ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni osservat li l-miżuri li fir-rigward tagħhom hija ma kinitx qajmet oġġezzjonijiet skont id-deċiżjoni kkontestata ma setgħux u ma kinux ser jiġu implimentati mill-awtoritajiet Taljani, b’tali mod li r-rikorrenti ma kinux għadhom jiġġustifikaw interess ġuridiku.

27      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u affermaw li jżommu interess fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

28      Bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fit-8 ta’ Frar u fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali, li din ipprovdiet permezz ta’ ittri, rispettivament, tas-26 ta’ Frar u tad-29 ta’ Marzu 2021. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, li toriġina mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni tenniet il-konklużjoni tagħha intiża sabiex ir-rikorrenti ma kinux għadhom jiġġustifikaw interess li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

29      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn l-ittri tal-aħħar u tennew li huma kellhom interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġunijiet esposti fl-ittra tagħhom tas-27 ta’ Jannar 2021 (ara l-punti 27 iktar ’il fuq).

30      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fid-29 ta’ April 2021 u l-kawża tħalliet għad-deliberazzjoni f’din id-data.

31      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke fl-1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet imħallfin li ffirmaw din is-sentenza komplew bid-deliberazzjonijiet tagħhom, skont l-Artikoli 22 u 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Id-dritt

32      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti, kompetituri diretti ta’ Autostrade per l’Italia u tas-Società Iniziative Autostradali e Servizi fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-konċessjoni tal-awtostradi, iqajmu żewġ motivi.

33      L-ewwel motiv jikkonċerna l-miżuri li jirrigwardaw l-awtostradi amministrati minn Autostrade per l’Italia. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jesponu li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-miżuri li jikkonċernaw l-awtostradi ġestiti minn Autostrade per l’Italia jissodisfaw il-kriterji tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens ta’ servizz pubbliku u għalhekk huma kompatibbli mas-suq intern hija bbażata fuq tliet premessi li huma żbaljati. L-ewwel waħda hija l-klassifikazzjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni bħala “Gronda di Genova” bħala xogħlijiet diġà previsti li jaqgħu taħt proġett mogħti b’konċessjoni lil Autostrade per l’Italia diġà fl-2002, meta fir-realtà dan huwa proġett kompletament ġdid meta mqabbel mal-konċessjonijiet fis-seħħ, li jitlob proċedura ġdida ta’ għoti. It-tieni waħda hija li Autostrade per l’Italia hija l-konċessjonarja fil-kuntest ta’ konċessjoni unika, filwaqt li, fir-realtà, din il-kumpannija tibbenefika minn serje ta’ konċessjonijiet distinti. It-tielet waħda hija li l-ispejjeż għat-twettiq tax-xogħlijiet li ġġustifikaw l-estensjoni kontenzjuża ġew ikkalkolati validament minn Autostrade per l’Italia u mill-awtoritajiet Taljani filwaqt li dan ma huwiex il-każ. Barra minn hekk, u indipendentement mill-analiżi dwar il-premessi inkwistjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri kkontestati mal-Kapitoli 2.2 sa 2.10 tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku (ara l-punti 15 iktar ’il fuq), hija vvizzjata bi żbalji.

34      It-tieni motiv jikkonċerna l-miżuri li jirrigwardaw l-awtostradi amministrati mis-Società Iniziative Autostradali e Servizi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jesponu li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-miżuri li jikkonċernaw l-awtostradi A33 Asti – Cuneo u SATAP A4 Torino – Milano, ġestiti minn Autostrade per l’Italia jissodisfaw il-kriterji tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens ta’ servizz pubbliku u għalhekk huma kompatibbli mas-suq intern hija bbażata fuq tliet premessi li huma żbaljati. L-ewwel waħda hija li d-dewmien ta’ ħdax-il sena fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fuq l-awtostrada A33 Asti – Cuneo u ż-żieda fl-ispejjeż li jirriżultaw minn dan ma humiex attribwibbli lis-Società Iniziative Autostradali e Servizi, konċessjonarja tal-imsemmija awtostrada. It-tieni waħda hija li l-ispejjeż inkwistjoni ġew ikkalkolati b’mod validu mis-Società Iniziative autostradali e Servizi u mill-awtoritajiet Taljani filwaqt li dan ma huwiex il-każ. It-tielet waħda hija li l-modifiki li l-proġett ta’ kostruzzjoni tal-imsemmija awtostrada ġarrab ma jirrikjedux proċedura ġdida ta’ għoti. Ir-raba’ waħda hija li l-limitazzjoni tat-tul tal-konċessjonijiet imġedda ta’ żewġ awtostradi oħra, jiġifieri l-awtostrada SATAP A21 li torbot lil Torino u Brescia u l-awtostrada Torino – Ivrea – Valle d’Aosta, sal-2030 għall-finijiet ta’ kompetizzjoni konġunta tal-erba’ awtostradi, jiġifieri A33 Asti – Cuneo, SATAP A4 Torino – Milano, SATAP A21 u Torino – Ivrea – Valle d’Aosta, jikkostitwixxi impenn li jillimita l-effetti antikompetittivi tal-għajnuna kkontestata. Barra minn hekk, u indipendentement mill-analiżi dwar il-premessi inkwistjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri kkontestati mal-Kapitoli 2.2 sa 2.10 tal-Komunikazzjoni dwar il-kumpens għal servizz pubbliku (ara l-punti 15 iktar ’il fuq), hija vvizzjata minn żbalji.

35      Permezz ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri eżaminati mas-suq intern u, konsegwentement, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-[TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9). B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali li r-rikorrenti jisiltu mill-Artikolu 108(2) TFUE u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589.

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn dik il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess, kundizzjoni essenzjali u ewlenija għal kull azzjoni ġudizzjarja, jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 55 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun reali u attwali. Dan l-interess ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 56). Fil-fatt, jekk l-interess invokat mir-rikorrenti jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura, dan għandu jistabbilixxi li l-preġudizzju għal din is-sitwazzjoni huwa diġà ċert (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il‑Kummissjoni, T‑138/03, Ġabra p. II‑2181, punt 26, u tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑141/09, Ġabra p. II‑1197, punt 49).

38      Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, dan l-interess għandu jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, u għandu jibqa’ jeżisti sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, għaliex fl-assenza tiegħu ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 57). Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ lok għal deċiżjoni minħabba n-nuqqas tal-persistenza tal-interess ġuridiku, tista’ titqajjem ex officio mill-qrati tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 49).

39      F’dan il-kuntest, il-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna għandhom interess li jitolbu l-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589.

40      Fil-fatt, tali interess jeżisti sa fejn l-annullament inkwistjoni jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2015/1589 u li tistieden lill-kompetituri tal-benefiċjarju tal-miżura li jippreżentaw, bħala “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament, l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 6(1) tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punt 62).

41      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, sabiex dan l-interess jitqies bħala perentorju sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, jeħtieġ li, fil-mument ta’ deċiżjoni eventwali ta’ annullament tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, dejjem jeżisti proġett għall-għoti ta’ għajnuna li tista’ tiġi implimentata mill-Istat Membru li jinnotifika u, għalhekk, li jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

42      Fil-fatt, minn qari flimkien tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikoli 2, 4 u 9 tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tirrigwarda proġett ta’ għoti ta’ għajnuna.

43      L-eżistenza ta’ tali proġett tista’, ċertament, tiġi preżunta minħabba s-sempliċi fatt tan-notifika tiegħu mill-Istat Membru għall-finijiet tal-approvazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni konformement mal-proċedura prevista fir-Regolament 2015/1589, iktar u iktar peress li, skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru jista’ jirtira n-notifika qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tagħlaq l-investigazzjoni preliminari prevista fl-Artikolu 4 tiegħu.

44      Madankollu, il-fatt li ma rtiratx in-notifika ma jeskludix li l-Istat Membru jista’ jabbanduna definittivament il-proġett wara l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, tad-deċiżjoni tagħha li ma tqajjimx oġġezzjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, in-notifika ma tistax tiġi formalment irtirata ħlief sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 108(3) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-proġetti tagħhom ta’ għoti ta’ għajnuna qabel l-implimentazzjoni tagħha, dan ma jobbligahomx, min-naħa l-oħra, li jagħtu għajnuna, anki jekk din tkun ġiet approvata permezz ta’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni. Tali deċiżjoni għandha biss bħala għan u bħala effett li tawtorizza proġett ta’ għoti ta’ għajnuna billi tiddikjarah kompatibbli mas-suq intern, u mhux li timponi l-implimentazzjoni tagħha fuq l-Istat Membru kkonċernat (ara d-digriet tas-6 ta’ Mejju 2020, Blumar et, C‑415/19 sa C‑417/19, EU:C:2020:360, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, il-fatt li l-Istat Membru jabbanduna definittivament il-proġett li kien is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jqajmux oġġezzjonijiet jista’ jaffettwa l-persistenza ta’ interess ġuridiku bħal dak deskritt fil-punt 40 iktar ’il fuq.

46      B’mod partikolari, f’każ bħal dan, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet ma hijiex, bħala prinċipju, iktar adatta sabiex tagħti lir-rikorrent il-benefiċċju proċedurali li huwa jipprova jikseb, jiġifieri l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ din il-proċedura, u dan ineħħi l-interess ġuridiku tiegħu u jwassal, skont il-każ, għall-inammissibbiltà tar-rikors jew għal nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni dwaru (ara l-punti 38 iktar ’il fuq).

47      F’dan ir-rigward, qabelxejn, minn qari flimkien tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikoli 2, 4 u 9 tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tirrigwarda proġett ta’ għoti ta’ għajnuna. Minn dan isegwi li l-fatt li l-Istat Membru li jinnotifika jabbanduna, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jqajmux oġġezzjonijiet, il-proġett inkwistjoni jinnewtralizza l-effett utli ta’ din id-deċiżjoni u, fuq kollox, iċaħħad mill-ewwel mill-għan tagħha l-proċedura ta’ investigazzjoni formali li l-Kummissjoni tkun obbligata tiftaħ wara l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

48      Sussegwentement, b’mod korrelattiv, fl-assenza ta’ proġett ta’ għoti ta’ għajnuna, la hemm iktar “benefiċjarju”, la “kompetitur” tal-imsemmi benefiċjarju u lanqas, konsegwentement, “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, li tiġi mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul eventwali proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 6(1) tiegħu. Minn dan isegwi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ma jistax, bħala prinċipju, jagħti lir-rikorrent il-benefiċċju li jikkonsisti fil-possibbiltà li jsostni l-osservazzjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

49      Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar jekk miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li l-Istat Membru li jinnotifika ma għandux iktar il-possibbiltà li jibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-każ fejn huwa jiddeċiedi, sussegwentement għad-deċiżjoni tiegħu li jabbanduna l-proġett ta’ għajnuna inkwistjoni, li jbiddel din id-deċiżjoni u li finalment jimplimenta l-proġett ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni ma jistax jagħti lir-rikorrent, kompetitur tal-benefiċjarju, benefiċċju distint li jikkonsisti fit-tneħħija ta’ din il-possibbiltà lill-imsemmi Stat Membru.

50      F’dan il-każ, mill-punti 61 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni mmotivat l-involviment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE bis-sempliċi riferiment għall-estensjoni tal-konċessjonijiet kontenzjużi (ara l-punti 12 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mill-punti 64 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-istess dispożizzjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-estensjoni inkwistjoni tiġġenera dħul li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, jista’ jitqabbel mal-ispejjeż biss impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku inkwistjoni (ara l-punti 13 iktar ’il fuq).

51      Issa, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Diċembru 2020, indirizzata lill-Kummissjoni u prodotta minn din tal-aħħar fl-14 ta’ Diċembru 2020 (ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq), il-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport Taljan espona b’mod partikolari dan li ġej:

“[…] huwa kkonfermat li l-każijiet ta’ modifika tar-relazzjonijiet ta’ konċessjoni previsti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni […] llum huma kompletament skaduti u ssostitwiti b’soluzzjonijiet oħra li ma jipprevedux estensjoni tat-tul tal-konċessjonijiet.

B’mod partikolari fir-rigward [l-awtostradi A33 Asti – Cuneo u SATAP A4 Torino – Milano] ipoteżi ġdida ta’ reviżjoni tal-pjanijiet finanzjarji [u] approvata permezz ta’ deliberazzjoni tal-[Comitato interministeriale per la programmazione economica (il-Kumitat Interministerjali ta’ Programmazzjoni Ekonomika)] tal-14 ta’ Mejju 2020 […]

Il-kumpannija Autostrade per l’Italia ppreparat proposta ġdida ta’ emenda tal-konċessjoni, li ma tipprovdix għal estensjoni tat-terminu tagħha u li bħalissa tinsab fil-fażi tal-eżami.”

52      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fit-8 ta’ Frar 2021, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tippreċiża, jekk ikun il-każ wara li kkonsultat lill-awtoritajiet Taljani, jekk it-termini tal-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2020 kellhomx jinftiehmu bħala li jfissru li l-estensjoni tal-konċessjoni ta’ Autostrade per l’Italia kienet definittivament abbandunata, minkejja l-fatt li l-proposta l-ġdida maħruġa mill-imsemmi konċessjonarju kienet għadha qiegħda tiġi eżaminata.

53      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni bagħtet lill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, posta elettronika tal-10 ta’ Frar 2021, li kienet toriġina mill-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport Taljan (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). Il-posta elettronika inkwistjoni tesponi dan li ġej:

“Nikkonferma, evidentement, li nqabżet l-ipoteżi ta’ estensjoni tal-konċessjoni ta’ [Autostrade per l’Italia], li għaliha attwalment qiegħda tiġi eżaminata proposta ġdida li tafferma mill-ġdid l-iskadenza inizjalment prevista fl-2038.”

54      Barra minn hekk, il-messaġġ elettroniku inkwistjoni jikkonferma li kuntratt ta’ konċessjoni ġdid ġie ffirmat fir-rigward tal-awtostradi A33 Asti – Cuneo u SATAP A4 Torino – Milano.

55      Fl-aħħar nett, wara miżura ġdida ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni bagħtet lill-Qorti Ġenerali ittra tal-Ministeru tal-Infrastruttura u l-Mobbiltà Sostenibbli, tas-26 ta’ Marzu 2021 (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). F’din l-ittra, il-Ministeru inkwistjoni jesponi, b’mod partikolari, li l-atti addizzjonali li jikkonċernaw il-konċessjonijiet tal-awtostradi SATAP A4 Torino – Milano u Asti – Cuneo ġew iffinalizzati u li l-istipulazzjonijiet tagħhom irendu skaduti ċ-ċirkustanzi li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-istess ittra, dawn l-atti addizzjonali ma jipprevedu ebda estensjoni tal-konċessjonijiet taż-żewġ awtostradi inkwistjoni, iżda, min-naħa l-oħra, “jikkonfermaw” li l-ewwel waħda tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026 u li t-tmiem tat-tieni wieħed huwa “stabbilit mill-ġdid” fil-31 ta’ Diċembru 2031.

56      F’dak li jirrigwarda l-awtostradi amministrati minn Autostrade per l’Italia, l-ittra inkwistjoni tesponi li s-servizzi jinvestigaw, b’mod miftiehem, il-proposta ta’ pjan finanzjarju li tikkonferma l-iskadenza tal-konċessjoni fil-31 ta’ Diċembru 2038 u li din il-proposta teskludi estensjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni lil hinn minn din id-data, li tirrendi f’dan ir-rigward superfluwa d-deċiżjoni kkontestata.

57      Mill-elementi esposti fil-punti 51 sa 56 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-Repubblika Taljana abbandunat b’mod definittiv il-proġett ta’ estensjoni tal-konċessjonijiet kontenzjużi, estensjoni li tikkostitwixxi l-element li abbażi tiegħu l-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (Ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq).

58      Fil-fatt, skont l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana, fir-rigward tal-awtostradi amministrati mis-Società Iniziative Autostradali e Servizi, att addizzjonali li ma jipprovdix għal estensjoni diġà ġie ffirmat u daħal fis-seħħ. Skont l-imsemmi att addizzjonali, il-konċessjoni tal-awtostrada SATAP A4 Torino – Milano jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2026, jiġifieri fid-data inizjalment prevista. Skont l-istess att addizzjonali, il-konċessjoni tal-awtostrada Asti – Cuneo ser tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031, jiġifieri ferm qabel it-terminu inizjali tagħha (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

59      Fir-rigward tal-awtostradi amministrati minn Autostrade per l’Italia, ir-Repubblika Taljana esponiet li l-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ reviżjoni bbażata fuq l-iskadenza tal-konċessjoni fil-31 ta’ Diċembru 2038 teskludi kull estensjoni tal-imsemmija konċessjoni lil hinn minn din id-data, li hija dik li ġiet inizjalment stipulata (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

60      Konsegwentement, peress li l-Gvern Taljan abbanduna b’mod definittiv il-proġett ta’ għajnuna kontenzjuż, l-annullament eventwali, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lill-Kummissjoni biss tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali li tkun mill-ewwel imċaħħda mill-għan tagħha, u dan irrenda irrilevanti t-tressiq, mir-rikorrenti, ta’ osservazzjonijiet fuq proġett li ma jistax iktar jiġi implimentat (ara l-punti 47 u 48 iktar ’il fuq).

61      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif tosserva l-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2020, mill-punti 23, 44 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kontenzjużi mas-suq intern tiddependi fuq il-kundizzjoni li ċerti xogħlijiet previsti jibdew mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2020. Fil-fatt, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 30, imsejħa fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ftehim ippjanat kienu jistipulaw li, jekk ix-xogħlijiet dwar l-awtostrada A33 Asti – Cuneo ma bdietx qabel l‑1 ta’ Jannar 2020, il-pjan dwar l-awtostradi amministrati mis-Società Iniziative Autostradali e Servizi kien ser jiġi totalment abbandunat. Bl-istess mod, skont l-istess nota ta’ qiegħ il-paġna, jekk ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-“Gronda di Genova” u interkonnessjonijiet tal-awtostradi A7/A10/A12 ma kinux jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2020, l-estensjoni tal-konċessjoni ta’ Autostrade per l’Italia kienet ser tiġi abbandunata kollha kemm hi.

62      Dawn il-klawżoli huma spjegati mill-fatt li, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 44, 147, 151 u 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-bilanċ finanzjarju tal-proġett kontenzjuż jiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kalkolu ta’ ċerti rati ta’ redditu fuq l-investiment u fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi attwali. Dawn il-fatturi huma bbażati, min-naħa tagħhom, fuq data li tista’ tvarja fuq il-medda taż-żmien. B’hekk, skont il-punt 160 tad-deċiżjoni kkontestata, l-abbandun awtomatiku tal-estensjoni tal-konċessjonijiet kontenzjużi taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 50 tagħha (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv tal-konċessjonarji.

63      Issa, il-Kummissjoni, li, skont it-tieni inċiż tal-punt 51(a) tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi informata bil-progress tax-xogħlijiet, tiddikjara, fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2020, li x-xogħlijiet li l-eżekuzzjoni tagħhom kellha tibda mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2020, fatt li r-rikorrenti ma jikkontestawx.

64      Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li r-Repubblika Taljana ma tistax tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar, b’mod partikolari, in-natura raġonevoli tal-benefiċċju li jirriżulta mill-miżuri kontenzjużi u min-nuqqas ta’ kumpens żejjed, esposti fil-punti 151 sa 165 tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-seba’ inċiż tal-punt 15 iktar ’il fuq), fil-każ fejn hija tiddeċiedi fil-futur li timplimenta l-proġett kontenzjuż minkejja l-fatt li hija tafferma li abbandunatu. Fil-fatt, peress li l-kundizzjoni dwar il-bidu qabel l-1 ta’ Jannar 2020 tax-xogħlijiet imsemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq ma hijiex issodisfatta, tali proġett ma huwiex dak li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet skont id-deċiżjoni kkontestata.

65      Konsegwentement, jekk il-miżura li r-Repubblika Taljana tipprevedi sussegwentement tinkludi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, notifika ġdida lill-Kummissjoni tkun neċessarja skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2015/1589, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni jkollha teżerċita l-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament.

66      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament issostni, fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2020, li l-proġett kontenzjuż ma jistax u mhux ser jiġi implimentat mir-Repubblika Taljana kif approvat.

67      Ir-rikorrenti, min-naħa tagħhom, iressqu, essenzjalment, erba’ argumenti insostenn tal-konklużjoni tagħhom li huma għadhom jiġġustifikaw interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

68      B’mod partikolari, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-proposta l-ġdida ta’ Autostrade per l’Italia għadha ma ġietx approvata mill-awtoritajiet Taljani.

69      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 51 sa 56 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-fatt li Autostrade per l’Italia ressqet proposta ġdida bbażata fuq l-iskadenza tal-konċessjoni tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2038 jeskludi l-estensjoni ta’ din il-konċessjoni lil hinn minn din id-data. Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, l-esklużjoni ta’ din il-proroga tirriżulta mill-fatt li x-xogħlijiet relatati mal-“Gronda di Genova” u mal-awtostrada A33 Asti – Cuneo ma bdietx fl-1 ta’ Jannar 2020 (ara l-punti 61 sa 63 iktar ’il fuq), fatt li r-rikorrenti ma jikkontestawx.

70      It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li l-awtoritajiet Taljani ma pprovdewx spjegazzjoni ddettaljata dwar il-pjanijiet finanzjarji l-ġodda, intiżi sabiex jissostitwixxu l-miżuri approvati skont id-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Taljani sempliċement irreferew għall-fatt li l-pjanijiet il-ġodda ma kinux jipprevedu l-estensjoni tal-konċessjonijiet kontenzjużi, mingħajr ma offrew spjegazzjonijiet dwar il-finanzjament tal-awtostrada A33 Asti – Cuneo mid-dħul tal-awtostrada SATAP A4 Torino – Milano jew dwar l-eventwali kumpens għal teħid lura li għandu jitħallas lill-konċessjonarji fi tmiem il-konċessjonijiet mill-eventwali konċessjonarju ġdid u mingħajr ma jiġi ggarantit li dawn ma kinux ser “jerġgħu jattivaw” il-proroga tal-konċessjonijiet kontenzjużi fil-futur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jipprekludi lill-Kummissjoni milli tirrepeti l-iżbalji identifikati mir-rikors kontenzjuż jekk il-pjanijiet finanzjarji l-ġodda kienu jinkludu miżuri ta’ għajnuna li l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern kienet tiddependi fuq evalwazzjonijiet analogi għal dawk li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-element li fuqu l-Kummissjoni bbażat sabiex tikklassifika l-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE huwa l-estensjoni tal-konċessjonijiet kontenzjużi. B’mod partikolari, huwa d-dħul iġġenerat matul il-perijodu li jikkorrispondi għall-imsemmija estensjoni li, skont il-Kummissjoni, jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat li jagħtu vantaġġ lill-konċessjonarji attwali (ara l-punti 12, 13 u 50 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, u fir-rigward, b’mod partikolari, tal-finanzjament tax-xogħlijiet tal-awtostrada A33 Asti – Cuneo, huwa mid-dħul iġġenerat mill-estensjoni tal-konċessjoni tal-awtostrada SATAP A4 Torino – Milano huwa ffinanzjat minn dawn ix-xogħlijiet u huwa b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan id-dħul li jiġi kkalkolat il-kumpens għal teħid lura (ara l-punti 10 u 11 u t-tielet inċiż tal-punt 15, iktar ’il fuq).

72      Minn dan isegwi li l-abbandun tal-estensjoni tal-konċessjonijiet kontenzjużi jrendi awtomatikament obsoleta l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda kemm in-natura tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat kif ukoll il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE.

73      F’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar jekk il-pjanijiet finanzjarji l-ġodda jikkostitwixxux miżuri li jimplikaw l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat taħt kwalunkwe forma tista’ tiġi eżaminata biss fi proċedura ġdida li l-Kummissjoni tkun, jekk ikun il-każ, imsejħa sabiex tibda, wara notifika ġdida min-naħa tar-Repubblika Taljana, skont l-Artikolu 108 TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589. Huwa fil-kuntest ta’ tali proċedura li l-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern billi tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi rilevanti kollha tagħhom u tevalwa n-neċessità li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6 tar-Regolament 2015/1589.

74      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-possibbiltà li r-Repubblika Taljana tibbenefika mid-deċiżjoni kkontestata billi terġa’ tmur lura għall-proroga tal-konċessjonijiet kontenzjużi wara l-għeluq ta’ din il-kawża, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 61 sa 65 iktar ’il fuq.

75      It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li tirrispetta, b’hekk, id-drittijiet proċedurali tagħhom. Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud, għar-raġunijiet esposti fil-punti 47 sa 60 iktar ’il fuq.

76      Ir-raba’, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tibqa’ fis-seħħ u hija obbligatorja fir-rigward ta’ kull tilwima dwar il-“miżuri ta’ għajnuna attwali” jew dwar miżuri futuri, peress li huwa biss il-parametru relatat mal-estensjoni tal-konċessjonijiet kontenzjużi li ġie mibdul.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 71 u 72 iktar ’il fuq, l-estensjoni tal-konċessjonijiet kontenzjużi ma tikkostitwixxix sempliċi parametru tal-miżuri eżaminati mid-deċiżjoni kkontestata, iżda l-element li, skont il-Kummissjoni, jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’hekk, l-abbandun tal-estensjoni inkwistjoni jimplika t-tixjin tal-“miżuri ta’ għajnuna attwali” kif ġew eżaminati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, in-natura tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonsisti f’li l-miżuri eżaminati jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern, teskludi li din għandha xi effett vinkolanti fir-rigward ta’ miżuri oħra ta’ għajnuna li għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami ġdid (ara l-punt 73 iktar ’il fuq).

78      Minn dan isegwi li din il-kawża għandha tiġi distinta mill-kawżi invokati mir-rikorrenti li fil-kuntest tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-persistenza tal-interess ġuridiku f’ċirkustanzi sostanzjalment differenti.

79      Fl-ewwel lok, il-każijiet li fihom il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li l-Kummissjoni hija obbligata tibda wara l-annullament tad-deċiżjoni adottata wara eżami preliminari ma hijiex, kuntrarjament għal din il-kawża, mingħajr skop, minħabba l-fatt li l-miżura kontenzjuża bl-ebda mod ma ġiet abbandunata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, T‑373/15, EU:T:2019:432, punti 15, 83 u 90 sa 92, u tad‑19 ta’ Ġunju 2019, NeXovation vs Il‑Kummissjoni, T‑353/15, EU:T:2019:434, punti 14, 67 u 72 sa 74). Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu l-effett li jobbliga lill-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li, kuntrarjament għall-każ inkwistjoni, ma huwiex nieqes mill-iskop tiegħu.

80      Din il-kawża għandha, fit-tieni lok, tiġi distinta mill-każijiet li fihom ir-rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li tkun skadiet jikkontesta l-legalità jew l-interpretazzjoni tar-regoli li abbażi tagħhom ġie adottat l-att ikkontestat u li jistgħu japplikaw fil-futur fil-kuntest tal-proċeduri li fihom huwa probabbli li r-rikorrent jieħu sehem. F’tali ipoteżi, ir-rikorrent jista’ wkoll iżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att sabiex jiġi evitat li l-illegalità allegata tiegħu ma sseħħx fil-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, EU:C:1979:53, punt 32, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 45 sa 60).

81      Issa, dan l-interess ġuridiku jista’ jissussisti biss jekk l-illegalità allegata tkun tista’, kif tippreċiża l-ġurisprudenza, tirrepeti ruħha fil-futur “indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ li taw lok għall-appell imressaq [mir-rikorrent]” (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 52) jew “indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni” (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 48).

82      Għalhekk, fid-dawl tan-natura attwali u mhux ipotetika li għandu jkollu l-interess ġuridiku (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala stabbilit meta r-rikors jikkontesta l-validità jew l-interpretazzjoni tar-regoli applikati għall-finijiet tal-adozzjoni tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, EU:C:1979:53, punt 32; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 54 sa 59; u tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punti 49 sa 52).

83      F’dan il-każ, madankollu, ir-rikorrenti jinvokaw interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi evitat li l-Kummissjoni twettaq mill-ġdid l-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni li wassluha sabiex tiddikjara l-miżuri kontenzjużi bħala kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, fid-dawl tal-portata tal-motivi mqajma insostenn tar-rikors (ara l-punti 32 sa 35 iktar ’il fuq), l-allegati żbalji inkwistjoni jikkonċernaw l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, li fuqhom hija bbażata d-dikjarazzjoni tal-miżuri kontenzjużi bħala kompatibbli mas-suq intern, evalwazzjonijiet li jirrigwardaw preċiżament iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Minn dan isegwi li l-iżbalji ta’ evalwazzjoni mqajma manifestament ma jirreferux għal illegalitajiet li jistgħu jseħħu “indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ li taw lok għall-appell imressaq” fis-sens espost fil-punti 81 u 82 iktar ’il fuq.

84      Barra minn hekk, jekk dan l-argument jitqies li huwa adegwat sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-interess ġuridiku f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, ir-rekwiżit marbut man-natura attwali u mhux ipotetika tal-imsemmi interess (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) jitlef is-sens tiegħu. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-interess li tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ kull allegata illegalità mqajma fil-kuntest ta’ rikors jista’ jiġi invokat utilment fiċ-ċirkustanzi kollha, inkluż meta r-rikorrent ma jikseb, bħal f’dan il-każ, ebda benefiċċju mill-annullament tal-att ikkontestat (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).

85      Din il-kawża għandha, fit-tielet u l-aħħar lok, tiġi distinta mill-każijiet fejn, minflok ma sar null, l-att ikkontestat ipproduċa effetti vinkolanti li r-rikorrent, destinatarju tiegħu, ikkonforma ruħu magħhom, effetti li l-istituzzjoni konvenuta ser tkun obbligata li tħassar skont il-motivi ta’ annullament tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punti 40 sa 42; tal-15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni, T‑22/97, EU:T:1999:327, punti 55 sa 64; u tal-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il‑Kummissjoni, T‑310/00, EU:T:2004:275, punti 44 sa 55).

86      Madankollu, f’dan il-każ, minn naħa, il-fatt li l-miżuri kkontestati ġew abbandunati qabel kull implimentazzjoni jeskludi li dawn ipproduċew effetti fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ April 1995, ASPEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑435/93, EU:T:1995:79, punti 29 u 30, u tas-27 ta’ April 1995, Casillo Grani vs Il‑Kummissjoni, T‑443/93, EU:T:1995:81, punti 7 u 8). Min-naħa l-oħra, kif ġie espost fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti ma jikkonsistix fl-eliminazzjoni ta’ effetti vinkolanti kkawżati mid-deċiżjoni kkontestata, li dawn tal-aħħar kienu ġarrbu, iżda fis-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li huma kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw wara l-annullament tagħha. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 50 sa 66 iktar ’il fuq, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jagħti lir-rikorrenti l-benefiċċju li huma qegħdin ifittxu, jiġifieri l-possibbiltà li jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

87      Mill-evalwazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jista’ jwassal, permezz tar-riżultat tagħha, għal ebda benefiċċju għar-rikorrenti.

88      Għalhekk ma hemmx iktar lok li tingħata sentenza fir-rigward tar-rikors (ara l‑punti 36 sa 38 iktar ’il fuq).

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż. Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat l-informazzjoni prinċipali li tirrigwarda l-abbandun tal-proġett kontenzjuż għall-ewwel darba waqt is-seduta, meta hija kienet fil-pussess tagħha fi stadju preċedenti, għandu jiġi deċiż li din l-istituzzjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti u li dawn tal-aħħar għandhom ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma fadalx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn INC SpA u minn Consorzio Stabile Sis SCpA.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti minn INC u minn Consorzio Stabile Sis.

3)      INC u Consorzio Stabile Sis għandhom ibatu nofs l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.