Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Awwissu 2010 - Morte Navarro vs Il-Parlament

(Kawża T-280/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: José Carlos Morte Navarro (Zaragoza, Spanja) (rappreżentant: J. González Buitrón, avukat)

Konvenuta: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni Nru 202.660 tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tal-5 ta' Mejju 2009, li biha ġiet arkivjata l-petizzjoni ppreżentata minn J. Morte Navarro bin-Nru 1818-2008, u tiddeċiedi wkoll li b'hekk tilqa' l-petizzjoni magħmula minn J. Morte Navarro bin-Nru 1818-1808 quddiem il-Parlament Ewropew u teżaminaha skont il-proċeduri legalment stabbiliti, u tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż;

sussidjarjament għat-talba fil-punt preċedenti u fil-każ li t-talba preċedenti ma tintlaqgħax, tannulla d-deċiżjoni tal-5 ta' Mejju 2009 hawn fuq imsemmija, u

tikkundanna lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew sabiex jagħti deċiżjoni ġdida li permezz tagħha jiddetermina l-ammissibilità jew l-inammissibbiltà tal-petizzjoni magħmula minn J. Morte Navarro, u tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors qed isir kontra d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tal-5 ta' Mejju 2009, li biha ġiet arkivjata l-petizzjoni ppreżentata mir-rikorrent, peress li ma taqax b'mod ċar taħt il-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea.

Permezz ta' tali talba, ir-rikorrent talab il-ftuħ ta' investigazzjoni, mill-Parlament Ewropew, sabiex skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, iħeġġeġ lill-Kunsill li jistabbilixxi l-eżistenza ta' ksur gravi u persistenti mill-Istat Spanjol tal-prinċipji ta' libertà, ta' demokrazija, ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jallega n-nuqqas ta' motivazzjoni xierqa tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din id-deċiżjoni ma għandha ebda argument, lil hinn mis-sempliċi affermazzjoni li t-talba inkwistjoni ma taqax b'mod ċar taħt l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea, li jippermettilu jsir taf ir-raġunijiet u l-bażi li wasslu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew sabiex jarkivja l-petizzjoni tiegħu.

____________