Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Diċembru 2023 – Exxonmobil Petroleum & Chemical vs Il-Kummissjoni u ECHA

(Kawża T-121/23) 1

(“Rikors għal-annullament – REACH – Stabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi identifikati bil-ħsieb li jiġu eventwalment inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Ittra li titlob lill-Kummissjoni titlob lill-ECHA teżamina mill-ġdid l-identifikazzjoni tal-fenantren f’din il-lista – Rifjut tal-Kummissjoni li titlob li l-ECHA tħejji fajl konformement mal-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Exxonmobil Petroleum & Chemical BVBA (Anvers, il-Belgju) (rappreżentanti: H. Estreicher, A. Bartl u M. Escorneboueu, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Mifsud-Bonnici u E. Mathieu, aġenti), Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (rappreżentanti : M. Heikkilä, W. Broere u S. Mahoney, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta’ Diċembru 2022 li permezz tagħha din l-istituzzjoni rrifjutat li titlob lill-ECHA tħejji fajl konformement mal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84), intiż sabiex l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha ED/88/2018 tad-19 ta’ Diċembru 2018, li permezz tagħha hija inkludiet il-fenantren fil-lista ta’ sustanzi identifikati bħala ta’ tħassib serju ħafna prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

Exxonmobil Petroleum & Chemical BVBA għandha tbati kemm l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

____________

1     ĠU C 155, 2.5.2023.