Language of document : ECLI:EU:T:2011:739

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

14 ta’ Diċembru 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali VÖLKL – Trade mark internazzjonali verbali preċedenti VÖLKL – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Rifjut parzjali ta’ reġistrazzjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 u Regola 22(3) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 – Kompetenza tal-Bord tal-Appell fil-każ ta’ appell limitat għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 – Talba għal bidla tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell – Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑504/09,

Völkl GmbH & Co. KG, stabbilita f’Erding (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Raßmann, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Marker Völkl International GmbH, stabbilita f’Baar (l-Isvizzera), irrappreżentata minn J. Bauer, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-30 ta’ Settembru 2009 (Każ R 1387/2008‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Marker Völkl International GmbH u Völkl GmbH & Co. KG,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2009,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Marzu 2010,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2010,

wara li rat id-deċiżjoni tad-19 ta’ April 2010 li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni sabiex tiġi ddepożitata replika,

wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-25 ta’ April 2005, ir-rikorrenti, Völkl GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali VÖLKL.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 3, 9, 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 3: “Prodotti għall-kura taż-żraben”;

–        klassi 9: “Żraben speċjali (żraben tal-pompieri)”;

–        klassi 18: “Ġilda u artikli tal-ġilda, minbarra basktijiet tal-isport u tal-ivjaġġar”;

–        klassi 25: “Żraben, b’mod partikolari bwiez tal-iski, bwiez après-ski, bwież għall-muntanji, bwież bil-fur, żraben għat-tixbit, żraben għall-ħajks, żraben tal-isport u żraben informali”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bulettin tat‑trade marks Komunitarji Nru 5/2006, tat-30 ta’ Jannar 2006.

5        Fis-27 ta’ April 2006, l-intervenjenti, Marker Völkl International GmbH għamlet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali internazzjonali VÖLKL (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”), irreġistrata fil‑31 ta’ Lulju 1991 taħt in-numru 571440. Din ir-reġistrazzjoni hija intiża, fost oħrajn, għal Spanja u għall-Italja u tkopri, b’mod partikolari, il-prodotti tal-klassijiet 18, 25 u 28 li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 18: “Basktijiet tal-isport”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ”;

–        klassi 28: “Tagħmir għal eżerċizzju fiżiku u tal-isport”.

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem l-UASI fl-20 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat, b’mod partikolari, talba sabiex jinġabu provi tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għall-prodotti invokati insostenn tal-oppożizzjoni, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009).

9        Wara li ppreżentat din it-talba, l-intervenjenti pproduċiet, b’mod partikolari, bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem l-UASI fl-1 ta’ Marzu 2007, dawn il-provi li ġejjin:

–        statistiki tad-dħul mill-bejgħ miksub minnha, b’mod partikolari, għall-bejgħ ta’ skis u ta’ snow-boards, ta’ ħwejjeġ tal-iski u tal-isnow-board kif ukoll ta’ aċċessorji tal-isport, bħall-basktijiet tal-isport, bejn l-2002 u l-2006;

–        żewġ katalgi dwar il-prodotti kkummerċjalizzati minnha matul l-istaġun 2006/2007, fejn wieħed minnhom jirrigwarda l-iskis, l-isnow‑boards u l-basktijiet tal-iski, u l-ieħor jirrigwarda l-ħwejjeġ tal-iski u tal-isnow‑board;

–        żewġ settijiet ta’ fatturi li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ prodotti tal-intervenjenti lid-distributuri Spanjoli u Taljani tagħha, rispettivament.

10      Barra minn hekk, fit-2 ta’ Marzu 2007, l-intervenjenti bagħtet lill-UASI affidavit ta’ M. G., kollaboratur ta’ kumpannija affiljata mal-intervenjenti. Dan jikkonferma, taħt ġurament, id-dħul mill-bejgħ miksuba mill-intervenjenti bejn l‑2002 u l-2006, b’mod partikolari, mill-bejgħ tal-prodotti msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq u jiddikjara li dawn il-prodotti kollha kienu jġibu t-trade mark preċedenti.

11      Fil-31 ta’ Lulju 2008, billi d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li l-oppożizzjoni kienet tikkonċerna biss ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti “żraben tal-iski, żraben tal-isnow-board, żraben tal-isport” tal-klassi 25 (iktar ’il quddiem it-“tliet prodotti”, hija laqgħat din l-oppożizzjoni sa fejn dawn il-prodotti kienu kkonċernati (punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni).

12      Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li l-intervenjenti kienet ipproduċiet provi tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għall-prodotti indikati fil-punt 6 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni rreferiet għall-fatturi, għall-istatistiki tad-dħul mill-bejgħ u għall-affidavit ta’ M. G., ipprovduti mill-intervenjenti, u hija qieset li dawn kienu jikkonċernaw il-perijodu u l-Istati Membri rilevanti, f’dan il-każ Spanja u l-Italja, u kienu jipprovdu prova ta’ volum ta’ bejgħ impressjonanti għall-prodotti inkwistjoni. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonstatat li l-fatturi kienu jinkludu sinjal figurattiv (iktar ’il quddiem l-“ewwel trade mark figurattiva”), riprodott hawn taħt:

Image not found

13      Madankollu, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li l-użu ta’ dan is-sinjal kien jikkostitwixxi użu mit-trade mark preċedenti f’forma li ma tbiddilx il-karattru distintiv tagħha, fis-sens tal-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009], applikabbli b’analoġija. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li l-allegat użu mit-trade mark preċedenti kien sar minn impriża oħra u mhux mill-intervenjenti. Skont id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, peress li l-intervenjenti nnifisha tkellmet dwar atti ta’ użu tat-trade mark tagħha minn terzi, hija kienet qed tallega, b’mod impliċitu, li dan l-użu kien sar bil-kunsens tagħha, fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 207/2009].

14      Fir-rigward tat-tliet prodotti, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, fid-dawl tal-identiċità bejn l-imsemmija trade marks u tax-xebh bejn il-prodotti koperti minnhom. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni rrilevat, fil-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet issir għall-prodotti fil-klassijiet 3, 9 u 18 imsemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq kif ukoll għaż-“żraben, bl-eċċezzjoni taż-żraben tal-iski, żraben tal-isnow-board u żraben tal-isport” tal-klassi 25 (iktar ’il quddiem meħuda flimkien il-“prodotti l-oħrajn”).

15      Fil‑25 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir-rikorrenti fis-16 ta’ Ottubru 2009, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni “sa fejn tikkonċerna l-konstatazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti u [rrinvija] d-deċiżjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għal evalwazzjoni ulterjuri” (punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra huwa “[ċaħad] l-appell fid-dawl tad-deċiżjoni dwar il-prova tal-użu” ġenwin tat-trade mark preċedenti (punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell irreleva li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma kinitx identifikat il-prodotti koperti mill-oppożizzjoni b’mod korrett. Skont il-Bord tal-appell, l-att ta’ oppożizzjoni ppreżentat mill-intervenjenti ma kien jinkludi l-ebda indikazzjoni rigward il-prodotti li hija kienet tkopri. Konsegwentement, skont ir-Regola 15(3)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat, l-oppożizzjoni kienet meqjusa bħala magħmula kontra l-prodotti kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva li għalkemm iż-“żraben tal-isport” u ż-“żraben tal-iski” kienu koperti mill-kelmiet “bwiez tal-iski” użati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tar-rikorrenti, iż-“żraben tal-isnow-board” ma kinux koperti minn din l-applikazzjoni. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ikkunsidrat prodotti li ma kinux inklużi fil-lista ta’ prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Minkejja li l-partijiet ma qajmux din il-kwistjoni u llimitaw ruħhom għal dik tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell qies li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kellha tiġi annullata, sa fejn hija kienet tikkonċerna l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti (punti 15 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies, bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li l-intervenjenti kienet ipprovat l-użu ġenwin fl-Italja u fi Spanja, mit-trade mark preċedenti għall-prodotti li għalihom kienet protetta (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Sabiex jagħti r-raġunijiet għal din il-konklużjoni, il-Bord tal-appell irreleva dan li ġej, fil-punti 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata:

“24. Il-fatturi pprodotti mill-[intervenjenti] għas-snin 2002 sa 2006 jipprovaw id-dħul mill-bejgħ miksub f’dawn is-snin fi Spanja u fl-Italja, jiġifieri l-post, id-data u l-limitu tal-użu. Għalkemm huwa minnu li dawn il-fatturi juru biss l-[ewwel trade mark figurattiva tal-intervenjenti], għandu jiġi ammess li l-parti li qed topponi ma tistax tkun meħtieġa, fil-każ tal-fatturi biss, tippreżenta separatament id-dħul mill-bejgħ tal-prodotti li jġibu t-trade mark [preċedenti]. B’mod ġenerali, huwa sempliċement impossibbli li ssir tali distinzjoni bejn il-prodotti, u dan huwa partikolarment minnu meta l-prodotti ma jkollhomx kollha l-istess sinjal identiku. F’dan il-każ, distinzjoni tinvolvi sforz amministrattiv li ma huwiex normalment raġonevoli li jiġi mistenni mill-impriża kkonċernati mingħajr ma jkun impossibbli għaliha li tipproduċi prova tal-użu.

25. Fir-rigward tan-natura tal-użu mit-trade mark li kontriha saret l-oppożizzjoni, minn siltiet tal-katalgi tal-[intervenjenti] jirriżulta li hija ma tużax biss l-[ewwel trade mark figurattiva] sabiex tkopri l-prodotti tagħha, liema prodotti jġibu wkoll [trade mark figurattiva oħra] u t-trade mark [preċedenti]. It-trade mark [preċedenti] tidher iżolata, bħala element verbali pur u sempliċi, fuq l-iskis, l-iski poles u numru kbir ta’ artikli oħrajn ta’ ħwejjeġ sportivi li jidhru fil-katalgi. Il-prodotti murija fil-katalgi ppreżentati mill-parti li qed topponi t-trade mark huma wkoll imsemmija fil-fatturi mqiegħda fil-fajl. Il-fattura tat-12 ta’ Jannar 2006 f’isem klijent Spanjol, pereżempju, tirrigwarda l-artikli Nru 106001 (Racetiger OS Racing Titanium), Nru 106021 (Racetiger RC Titanium) u Nru 106051 (Supersport Allstar Titanium), u l-fattura tal-21 ta’ Diċembru 2005 tirrigwada b’mod partikolari, il-prodotti Nru 106031 (Racetiger SC Titanium) u Nru 106240 (Attiva Star). Dawn l-artikli jġibu t-trade mark [preċedenti] bħala trade mark purament verbali u f’pożizzjoni oħra, [trade mark figurattiva oħra tal-intervenjenti]. Il-katalgu tal-iskis bl-Ispanjol jikkonċerna biss is-suq Spanjol rilevanti, minħabba l-lingwa użata. Madankollu, minn paragun mal-fatturi ta’ klijenti Taljani mqiegħda fil-fajl mill-parti li qed topponi t-trade mark jirriżulta li l-prodotti huma kkummerċjalizzati wkoll fl-Italja. Pereżempju, il-fattura tat-18 ta’ Novembru 2005 tikkonċerna l-artikli bin-Nru 106021 (Racetiger RC Titanium), u t-trade mark [preċedenti] tidher fuq dawn il-prodotti bħala trade mark purament verbali. Xi uħud fosthom għandhom ukoll it-trade mark figurattiva l-oħra tal-intervenjenti li kontriha saret l-oppożizzjoni mwaħħla f’post ieħor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      It-trade mark figurattiva l-oħra tal-intervenjenti invokata fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem it-“tieni trade mark figurattiva”) hija riprodotta hawn taħt:

Image not found

21      Barra minn hekk, billi bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell qies li l-intervenjenti ma kellhiex tipproduċi prova ta’ użu iżolat tat-trade mark preċedenti, iżda li kien biżżejjed li tipproduċi prova li hija kienet użatha, fuq il-prodotti rilevanti, flimkien ma’ trade marks oħrajn (punti 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx meħtieġ li jeżamina l-kwistjoni, meqjusa fil-ġurisprudenza, tal-estensjoni tal-protezzjoni li kienet tibbenefika minnha trade mark irreġistrata għal trade mark oħra, li tikkonsisti f’varjazzjoni żgħira tal-ewwel waħda (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sa fejn tilqa’ l-oppożizzjoni;

–        tiċħad l-oppożizzjoni;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

23      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, sa fejn jirrigwarda l-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna li kull waħda mill-partijiet ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

24      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

25      L-ewwel nett, jidher li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tal-Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont din id-dispożizzjoni, kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-UASI “hija miftuħa għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni”.

26      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha titqies bħala laqgħat it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet quddiem dan il-Bord, meta huwa jilqa’ t-talba ta’ din il-parti abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni jew għall-invalidità ta’ trade mark jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ parti biss mill-argument imressaq mill-imsemmija parti, anki jekk jonqos milli jeżamina jew jiċħad il-motivi l-oħra jew l-argumenti invokati minn din il-parti [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2009, Hoo Hing vs UASI – Tresplain Investments (Golden Elephant Brand), T‑300/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti29 sa 37].

27      Min-naħa l-oħra, għandu jitqies li deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI ma tilqax, fis-sens tal-Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009, it-talbiet ta’ parti, meta hija tiddeċiedi dwar talba mressqa quddiem l-UASI minn din il-parti b’mod sfavorevoli għaliha [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Marzu 2009, Laytoncrest vs UASI – Erico (TRENTON), T‑171/06, Ġabra p. II‑539, punti 20 u 21].

28      Dan l-aħħar każ għandu jitqies bħala jkopri l-każ meta l-Bord tal-Appell, wara li jkun ċaħad talba li, li kieku ntlaqet kienet ittemm il-proċedimenti quddiem l-UASI b’mod favorevoli għall-parti li tkun ippreżentata, jirrinvija l-kawża quddiem l-istanza inferjuri għal eżami mill-ġdid, u dan minkejja l-possibbiltà li dan l-eżami mill-ġdid jista’ jwassal għal deċiżjoni favorevoli għal din il-parti. Tali possibbiltà ma hijiex biżżejjed sabiex isir xebh bejn dan il-każ u dak imsemmi fil-punt 26 iktar ’il fuq, li fih il-Bord tal-Appell jilqa’ talba abbażi ta’ ċerti motivi jew ta’ argumenti ppreżentati insostenn tagħha u jiċħad jew jonqos milli jeżamina, l-bqija tal-motivi jew tal-argumenti inklużi fit-talba.

29      F’dan il-każ huwa evidenti li, sa fejn il-prodotti l-oħrajn huma kkonċernati, id-deċiżjoni kkontestata ma laqgħatx it-talbiet tar-rikorrenti. Fil-fatt, fil-punt 1 tad-dispożittiv, din id-deċiżjoni annullat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kollha kemm hi sa fejn tikkonċerna l-konstatazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti. Issa, fil-punt 2 tad-dispożittiv tagħha, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet irrilevat espressament li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet issir għall-prodotti l-oħrajn u, f’dan is-sens, laqgħat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tar-rikorrenti, għal dawn il-prodotti.

30      Minn dan isegwi li r-rikors huwa ammissibbli, inkwantu huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din annullat il-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, dwar il-prodotti l-oħrajn.

31      Fir-rigward tat-tliet prodotti, għandu jiġi rrilevat li la r-rikorrenti u lanqas l-intervenjenti ma invokaw, fl-atti bil-miktub tagħhom, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn jikkonċernahom. L-UASI, min-naħa tiegħu, fir-risposta tiegħu irrileva li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kienet tqajjem kwistjoni li tippreċedi l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li setgħet tiġi eżaminata mill-Qorti Ġenerali indipendentement mill-motivi l-oħra tar-rikors. L-UASI jqis li tali eżami huwa rilevanti f’dan il-każ, sa fejn l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, li għadu ma twettaqx mill-Bord tal-Appell, ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni ħlief il-prodotti li għalihom ġiet prodotta prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

32      Il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikors huwa ammissibbli wkoll għal dak li jikkonċerna t-tliet prodotti.

33      Huwa minnu li, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, il-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata sempliċement jannulla d-deċiżjoni tal-istanza inferjuri li kienet sfavoravoli għar-rikorrenti u rrinvija l-kawża għal deċiżjoni ġdida minn din l-istanza.

34      Madankollu, il-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstata, wara li r-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni talba sabiex jinġabu provi tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, li din il-prova ġiet ipprovduta, filwaqt li permezz tal-imsemmija talba, ir-rikorrenti xtaqet tikseb il-konstatazzjoni kontrarja, liema konstatazzjoni kienet timplika ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni.

35      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-talba sabiex jinġabu provi tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti żżid, mal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-kwistjoni speċifika u preliminari tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti li, ladarba tiġi mqajma mill-applikant tat-trade mark, għandha tkun deċiża qabel ma tingħata deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni nnifisha [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra p. II‑949, punt 26 ; tat-22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL), T‑364/05, Ġabra p. II‑757, punt 37, u tat-18 ta’ Ottubru 2007, AMS vs UASI – American Medical Systems (AMS Advanced Medical Services), T‑425/03, Ġabra p. II‑4265, punt 106].

36      Minħabba n-natura speċifika u preliminari tagħha, din il-kwistjoni ma tidħolx fil-kuntest tal-eżami ta’ oppożizzjoni fiha nnifisha, bbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant meta, bħal f’dan il-każ, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tikkonkludi li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti ġiet prodotta u, sussegwentement, tilqa’ l-oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell ma jistax jeżamina l-kwistjoni dwar din il-prova ħlief jekk l-applikant tat-trade mark iqajimha speċifikament fl-appell tiegħu quddiem il-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Inditex vs UASI – Marín Díaz de Cerio (OFTEN), T‑292/08, Ġabra p. II‑5119, punti 33, 39 u 40].

37      Għaldaqstant, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, permezz tal-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad it-talba sabiex jinġabu provi tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, imressqa speċifikament quddiemu mir-rikorrenti u li, barra minn hekk, huwa ma ċaħadx l-oppożizzjoni għal raġuni differenti, u dan jiddistingwi l-każ preżenti minn dak imsemmi fil-punt 26 iktar ’il fuq, għalhekk l-imsemmija deċiżjoni tidħol, għal dak li jirrigwarda t-tliet prodotti, fil-każ imsemmi fil-punt 28 iktar ’il fuq. Konsegwentement, għandu jitqies li huwa ma laqax it-talbiet tar-rikorrenti u li, għaldaqstant, din tal-aħħar għandha dritt tikkontestha quddiem il-Qorti Ġenerali.

38      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li skont il-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ntalbet twettaq eżami ġdid tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti għal dak li jikkonċerna t-tliet prodotti xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, dan l-eżami l-ġdid ma għandux jinkludi l-kwistjoni speċifika u preliminari tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, li ġiet deċiża b’mod definittiv mill-Bord tal-Appell.

39      It-tieni nett, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà, ikkontestata mill-UASI, tat-tieni u t-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sa fejn hija laqgħat l-oppożizzjoni, u min-naħa l-oħra, għaċ-ċaħda tal-oppożizzjoni. L-UASI jsostni li dawn il-kapijiet tat-talbiet huma inammissibbli peress li fir-realità huma intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali toħroġ ordni fil-konfront tiegħu, u dan ma jaqax fil-kompetenza tagħha.

40      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-UASI, dawn il-kapijiet tat-talbiet fir-realtà huma intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tieħu d-deċiżjoni li, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kellu jieħu meta kien adit bl-appell. Fil-fatt, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-Bord tal-Appel jista’ jannulla d-deċiżjoni tad-dipartiment tal-UASI li ħa d-deċiżjoni kkontestata u jeżerċita l-kompetenzi ta’ dan id-dipartiment, f’dan il-każ, jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni u jiċħadha. Konsegwentement, dawn il-miżuri jinsabu fost dawk li setgħu jittieħdu mill-Qorti Ġenerali skont is-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjonijiet, stabbilita fl-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI − Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, Ġabra p. II‑2787, punt 19; tat-12 ta’ Settembru 2007, Koipe vs UASI – Aceites del Sur (La Española), T‑363/04, Ġabra p. II‑3355, punti 29 u 30 u tal-11 ta’ Frar 2009, Bayern Innovativ vs UASI – Life Sciences Partners Perstock (LifeScience), T‑413/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 15 u 16].

41      Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet kap tat-talbiet huma ammissibbli.

42      Madankollu, it-tielet kap tat-talbiet, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad l-oppożizzjoni, għandu jinqara fid-dawl tal-argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jipprovdi li l-intervenjenti kienet illimitat b’mod ċar, fl-att tal-oppożizzjoni, il-portata tagħha għat-tliet prodotti biss, u dan il-Bord tal-Appell ma rrilevahx.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-tielet kap tat-talbiet jikkonċerna biss it-tliet prodotti. Fir-rigward tal-prodotti l-oħrajn, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kif mitlub mir-rikorrenti fl-ewwel kap tat-talbiet tagħha, jippermetti lid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li qieset li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tiġi rreġistrata għal dawn il-prodotti l-oħrajn, terġa tkun effettiva u konsegwentement, tkun fiha nnifisha suffiċjenti sabiex tissodisfa kompletament it-talbiet tar-rikorreti, sa fejn dawn il-prodotti huma kkonċernati.

44      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli, kemm sa fejn permezz tal-ewwel kap tat-talbiet huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, kif ukoll sa fejn huwa essenzjalment intiż, permezz tat-tieni u t-tielet kap tat-talbiet, għaċ-ċaħda tal-oppożizzjoni sa fejn tikkonċerna t-tliet prodotti.

 Fuq il-mertu

45      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-prinċipju li s-suġġett tal-kawża jiġi ddelimitat mill-partijiet, stabbilit fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-reformatio in peius, mill-Bord tal-Appell, tad-deċiżjoni tal-istanza inferjuri tal-UASI kkontestata quddiemu, it-tielet nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża stabbilit fl-Artikolu 37(3) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 u r-raba’ nett, fuq ksur tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1), u tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll tal-Regola22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, bbażati fuq ksur tal-prinċipju li s-suġġett tal-kawża jiġi ddelimitat mill–partijiet stabbilit fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-reformatio in peius, mill-Bord tal-Appell, tad-deċiżjoni tal-istanza inferjuri tal-UASI kkontestata quddiemu, rispettivament

46      L-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu eżaminati flimkien.

47      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qies li l-oppożizzjoni kienet intiża għall-prodotti kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. L-intervenjenti llimitat b’mod ċar, fl-att tal-oppożizzjoni, il-portata tagħha għat-tliet prodotti biss. Il-fatt li l-prodotti, li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, ma kinux jinkludu ż-“żraben tal-isnow-board” huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kellha tiċħad l-oppożizzjoni għal dawn il-prodotti bħala inammissibbli. Min-naħa l-oħra, dan ma jiġġustifikax l-estensjoni tal-oppożizzjoni għall-prodotti kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bħalma kien jagħmel il-Bord tal-Appell.

48      Fil-kuntest tal-argument tagħha dwar it-tieni motiv, ir-rikorrenti tfakkar li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sempliċement eżaminat il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti fir-rigward tat-tliet prodotti. Sa fejn huwa rrinvija l-kawża quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex teżamina l-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tal-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tar-rikorrenti, il-Bord tal-Appell qiegħed lil din tal-aħħar f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li kienet fiha qabel il-preżentata tal-appell. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell wettaq reformatio in peius tad-deċiżjoni tal-istanza inferjuri, projbit mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009.

49      B’risposta kemm għall-ewwel kif ukoll għat-tieni motiv, l-UASI jirrileva li r-rikors għandu jintlaqa’ sa fejn isemmi l-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset b’mod korrett li l-oppożizzjoni kienet limitata għat-tliet prodotti biss. Għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu spjegati, il-Bord tal-Appell ma nnotax din il-limitazzjoni.

50      L-intervenjenti tikkonferma, fl-istess kuntest, li l-oppożizzjoni kienet tkopri biss it-tliet prodotti. Hija tgħid ukoll li, bil-kontra tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, kien ġust li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma ddeċiditx li l-oppożizzjoni kienet inammissibbli għaż-“żraben tal-isnow-board”, sa fejn l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tar-rikorrenti kienet tkopri kull tip ta’ żraben, inklużi ż-żraben tal-isnow-board. Id-diversi tipi ta’ żraben indikati fil-lista tal-prodotti tal-klassi 25, koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), huma preċeduti mill-espressjoni “b’mod partikolari”, u dan juri li kienu indikati biss bħala eżempji. Il-linji gwida dwar il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI jirrikonoxxu l-possibbiltà li oppożizzjoni tkopri prodotti speċifiċi inklużi fi kliem iktar ġenerali koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

51      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li għalkemm l-UASI ma għandux il-kompetenza legali meħtieġa sabiex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, bil-maqlub, huwa ma huwiex marbut jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata ta’ Bord tal-Appell jew li neċessarjament jitlob iċ-ċaħda tar-rikorsi kollha li jikkontestaw tali deċiżjoni. Għaldaqstant, xejn ma jostakola lill-UASI milli jingħaqad mat-talbiet tar-rikorrenti, bħal ma huwa l-każ f’din il-kawża, fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti [ara, s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punti 26 u 27, u l-ġurisprudenza ċċitata].

52      Sussegwentement għandu jiġi kkonstatat li, minkejja t-titolu tiegħu, it-tieni motiv iqajjem il-kwistjoni, li hija iktar speċifika, tal-kompetenza ta’ Bord tal-Appell tal-UASI sabiex jeżamina oppożizzjoni għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għal ċerti prodotti jew servizzi, filwaqt li dan il-Bord huwa adit biss b’appell tal-applikant tat-trade mark, li jikkontesta d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li laqgħat l-oppożizzjoni għal prodotti oħrajn jew servizzi koperti mill-istess applikazzjoni. L-eżami ta’ din il-kwistjoni għandu loġikament isir qabel dak tal-kontestazzjoni, mill-ewwel motiv, tad-dikjarazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-intervenjenti ma llimitatx il-lista tal-prodotti koperti mill-oppożizzjoni.

53      Skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, wara l-eżami tal-mertu tal-appell, il-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq l-appell u jista’, meta jagħmel dan “jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata”, jiġifieri, f’dan il-każ, jagħti deċiżjoni huwa stess fuq l-oppożizzjoni billi jiċħadha jew billi jiddikjaraha fondata u b’hekk jikkonferma jew iwarrab id-deċiżjoni kkontestata. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punti 57), minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala effett tal-appell adit bih, il-Bord tal-Appell huwa mitlub jagħmel eżami ġdid u komplut tal-mertu tal-oppożizzjoni kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt.

54      Peress li l-appell quddiem il-Bord tal-Appell jikkonċerna biss parti mill-prodotti jew mis-servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew mill-oppożizzjoni, dan l-appell jawtorizza lill-Bord tal-Appell jagħmel eżami ġdid tal-mertu tal-oppożizzjoni, iżda biss b’rabta mal-imsemmija prodotti jew servizzi, peress li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-oppożizzjoni ma tressqux quddiemu għal dak li jikkonċerna l-bqija tal-prodotti jew tas-servizzi koperti.

55      Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Ir-rikorrenti appellat quddiem il-Bord tal-Appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, biss sa fejn din kienet laqgħat l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-tliet prodotti. Barra minn hekk, hija ma setgħetx tappella mill-istess deċiżjoni, sa fejn din kienet ikkonkludiet li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet issir għall-bqija tal-prodotti koperti minnha. Fil-fatt, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009, li tipprovdi li “[k]ull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella. Il-partijiet l-oħrajn kollha fl-istess proċedimenti għandhom ikunu partijiet fil-proċedimenti tal-appell bi dritt”, jiirriżulta li sa fejn id-deċiżjoni tal-istanza inferjuri tal-UASI laqgħat it-talbiet ta’ parti, din ma għandhiex locus standi quddiem il-Bord tal-Appell [digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2006, TeleTech Holdings vs UASI – Teletech International (TELETECH INTERNATIONAL), T‑194/05, Ġabra p. II‑1367, punt 22].

56      Konsegwentement u bħalma essenzjalment issostni r-rikorrenti permezz tat-tieni motiv, sa fejn hija annullat il-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-prodotti l-oħrajn, il-Bord tal-Appell eċċeda l-limiti tal-kompetenza tiegħu, kif definita fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, it-tieni motiv huwa fondat.

57      Fi kwalunkwe każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet u, barra minn hekk, huwa kkonfermat mill-qari tal-att ta’ oppożizzjoni li jinsab fil-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI, trażmess lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 133(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li bil-kontra ta’ li ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, l-oppożizzjoni kienet manifestament limitata għat-tliet prodotti biss. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv huwa fondat ukoll.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat it-tielet motiv. Peress li, fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell ma kellux dritt jeżamina l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-rigward tal-prodotti l-oħrajn, huwa superfluwu li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk huwa kellux jinforma lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jwettaq tali eżami u jagħtiha l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-raba’ motiv għandu jiġi eżaminat, peress li jikkonċerna t-tliet prodotti, jiġifieri aspett mid-deċiżjoni kkontestata li huwa differenti minn dak tal-ewwel tliet motivi.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95

59      Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti ma pproduċietx prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. Fil-fehma tagħha, sa fejn il-Bord tal-Appell wasal għall-konklużjoni kontrarja, huwa kiser il-punt (a) tas-subparagrafu tal-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

60      L-argument imressaq mir-rikorrenti jinqasam f’żewġ partijiet. Għall-ewwel parti r-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni, mill-Bord tal-Appell, tal-provi tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti prodotti mill-intervenjenti.

61      Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-insuffiċjenza ta’ provi tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell kien messu eżamina jekk, għall-finijiet ta’ prova, setax iqis l-użu tal-ewwel trade mark figurattiva tal-intervenjenti. Ir-rikorrenti tqis li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu ta’ din it-trade mark jmur kontra l-ġurisprudenza u l-prassi deċiżjonali tal-UASI.

62      L-ewwel nett, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata (ara wkoll il-punt 20 iktar ’il fuq), billi l-Bord tal-Appell qies li l-provi prodotti mill-intervenjenti kienu jippermettulu jikkonkludi li l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, fil-forma li ġiet irreġistrata biha, kien ġie pprovat, iddeċieda li ma jieħux inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni, l-użu tal-ewwel trade mark figurattiva tal-intervenjenti.

63      Minn dan isegwi li jekk, bħalma ssostni r-rikorrenti permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta ddeċieda li l-provi tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kienu suffiċjenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-eventwali użu tal-ewwel trade mark figurattiva tal-intervenjenti. Peress li din il-kwistjoni tal-aħħar ma ġietx eżaminata fil-fond mill-Bord tal-Appell, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li teżaminha, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra p. I‑0000, punti 72 u 73, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2010, Beifa Group vs UASI − Schwan-Stabilo Schwanhäußer (Strument tal-kitba), T‑148/08, Ġabra p. II‑1681, punt 124, u l-ġurisprudenza ċċitata].

64      Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tressaq serje ta’ argumenti bl-għan li turi n-natura żbaljata tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti ġie pprovat.

65      L-ewwel nett, hija tfakkar li l-fatturi prodotti mill-intervenjenti ma kinux jinkludu t-trade mark preċedenti, iżda l-ewwel trade mark figurattiva. Hija tiddubita li kien impossibbli li ssir distinzjoni bejn il-prodotti msemmija fuq fattura, skont it-trade mark li tkoprihom, bħalma essenzjalment irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, hija tqis li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti teħtieġ li jiġu pprovduti l-fatturi li jsemmu lil din it-trade mark.

66      It-tieni nett, il-provi l-oħra tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, prodotti mill-intervenjenti, ma jippreċiżawx jekk jikkonċernawx il-prodotti koperti minn din it-trade mark. Il-katalgu tal-prodotti invokat fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward peress li, minn naħa, huwa jinkludi diversi prodotti li jġibu biss l-ewwel jew it-tieni trade mark figurattiva tal-intervenjenti u, min-naħa l-oħra, jikkonċerna biss l-istaġun 2006/2007 u kien relatat biss mas-suq Spanjol.

67      It-tielet nett, il-bejgħ ta’ artikli koperti mit-trade mark preċedenti, invokati fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, kien jikkonċerna kwantitajiet minimi li, skont il-ġurisprudenza u l-prassi deċiżjonali tal-UASI, ma kinux suffiċjenti sabiex jipprovaw l-użu ġenwin minn trade mark irreġistrata għal prodotti li jinbiegħu f’ammont kbar, bħat-trade mark preċedenti.

68      L-UASI u l-intervenjenti jqisu li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kien ġie pprovat.

69      Skont l-UASI, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, b’mod korrett, fuq il-fatturi prodotti mill-intervenjenti fir-rigward tal-prova tal-post, tat-tul u tal-limitu tal-użu mit-trade mark preċedenti. Bil-kontra tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, ma huwiex neċessarju li din it-trade mark tissemma’ fuq il-fatturi nnifishom, peress li l-element determinanti huwa l-oppożizzjoni tat-trade mark fuq il-prodotti nnifishom.

70      Fir-rigward tal-eżami tan-natura tal-użu tal-imsemmija trade mark, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, b’mod korrett, fuq il-katalgi prodotti mill-intervenjenti, li kienu jippermettu li tiġi stabbilita, permezz ta’ numri ta’ kodiċi tal-artikli kkonċernati, rabta bejn il-prodotti u l-fatturi tal-intervenjenti. Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut li l-prodotti li jġibu t-trade mark preċedenti biss kienu riprodotti fl-imsemmija katalgi għall-finijiet ta’ użu simboliku ta’ din it-trade mark biss.

71      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-kwantità allegatament minima tal-bejgħ invokat fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, l-UASI jsostni li l-Bord tal-Appell ma kkalkolax id-dħul mill-bejgħ miksub minn kull artiklu kopert mit-trade mark preċedenti, iżda rrileva biss, bħala eżempju, ċerti intestaturi tal-fatturi prodotti mill-intervenjenti. Jeżistu eżempji oħra ta’ bejgħ ta’ prodotti li jġibu din it-trade mark, iżda fi kwalunkwe każ, lista purament kwantitattiva tad-dħul mill-bejgħ miksub minn dawn il-prodotti ma hijiex neċessarja peress li ma huwiex possibbli li jiġi definit livell minimu tal-użu, skont il-ġurisprudenza.

72      L-intervenjenti ssostni li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, li tipprovdi li l-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell ma kinux jipprovaw li l-bejgħ ta’ 21 artiklu, ma huwiex eżatt, bħalma juru diversi eżempji oħra ta’ bejgħ ta’ prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, elenkati fl-imsemmija fatturi. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva, b’mod korrett, li ma jkunx raġonevoli li l-intervenjenti tkun meħtieġa tidentifika kull wieħed mill-prodotti msemmija f’dawn il-fatturi.

73      Il-fatturi inkwistjoni ġew prodotti bħala eżempju u ma jikkonċernawx il-bejgħ kollu kemm hu mwettaq mill-intervenjenti fi Spanja u fl-Italja matul il-perijodu rilevanti. Il-volumi impressjonanti tal-imsemmi bejgħ jirriżulta mill-affidavit ta’ M. G., msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq.

74      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-volum allegatament żgħir tal-bejgħ ta’ prodotti li jġibu t-trade mark preċedenti, jinjora l-fatt li l-UASI għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-provi kollha tal-użu ġenwin. Tali evalwazzjoni ma tħalli l-ebda dubju dwar l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kriterji meqjusa mill-ġurisprudenza, il-volum tal-bejgħ li tirreferi għalih ir-rikorrenti ma jidhirx insuffiċjenti.

75      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, il-persuna li tagħmel applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, koperta minn oppożizzjoni, tista’ teħtieġ il-prova li t-trade mark preċedenti, invokata insostenn ta’ din l-oppożizzjoni u li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonal b’effett fi Stat Membru wieħed jew iktar, kienet użata b’mod ġenwin fl-imsemmija Stati Membri matul ħames snin qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni.

76      Barra minn hekk, skont ir-Regola Nru 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, kif emendata, il-prova tal-użu għandha tindika l-post, it-tul, il-limitu u n-natura tal-użu li sar mit-trade mark preċedenti.

77      Skont ġurisprudenza stabbilita, mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, kif ukoll mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li r‑ratio legis tar-rekwiżit li t-trade mark preċedenti għandha tkun intużat b’mod ġenwin sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal‑kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika valida li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat‑trade mark fis‑suq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet la huma intiżi biex jevalwaw is‑suċċess kummerċjali, la biex jikkontrollaw l‑istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas biex jirriżervaw il‑protezzjoni tat-trade marks biss fejn sar użu kummerċjali minnhom b’mod importanti mil-lat kwantitattiv [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, Ġabra p. II‑2811, punti 36 sa 38, u l-ġurisprudenza ċċitata].

78      Trade mark hija s-suġġett ta’ użu ġenwin meta tiġi użata, b’konformità mal‑funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal‑oriġini tal‑prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li għandu l-uniku għan li jżomm id-drittijiet mogħtija mit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, Ġabra p. I‑2439, punt 43). Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin mit-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit‑territorju rilevanti, tintuża, pubblikament u lejn l-estern (sentenza VITAFRUIT, punt 77 iktar ’il fuq, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

79      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali minnha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il‑prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il‑karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal‑użu mit-trade mark (sentenza VITAFRUIT, punt 77 iktar ’il fuq, punt 40; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Ansul, punt 78 iktar ’il fuq, punt 43).

80      Fir-rigward tal-limitu tal-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, min-naħa, u t-tul tal-perijodu li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il‑frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra (sentenzi VITAFRUIT, punt 77 iktar ’il fuq, punt 41, u HIPOVITON, punt 40, punt 35).

81      Sabiex tiġi eżaminata n-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-punti rilevanti kollha tal-każ ineżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-punti kkunsidrati. Għaldaqstant, volum żgħir ta’ prodotti kkumerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew kostanza kbira fil-perijodu ta’ użu minn din it-trade mark u bil-maqlub. (sentenzi VITAFRUIT, punt 77 iktar ’il fuq, punt 42, u HIPOVITON, punt 40 iktar ’il fuq, punt 36).

82      Id-dħul mill-bejgħ miksub kif ukoll il-kwantità ta’ bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti ma jistgħux jiġu evalwati fl-assolut, iżda jridu jiġu evalwati fid-dawl ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-volum tal-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il‑livell ta’ diversifikazzjoni tal-impriża li tuża t-trade mark kif ukoll il‑karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba dan, ma huwiex meħtieġ li l-użu mit-trade mark preċedenti jkun dejjem sinjifikattiv b’mod kwantitattiv sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin (sentenzi VITAFRUIT, punt 77 iktar ’il fuq, punt 42, u HIPOVITON, punt 40 iktar ’il fuq, punt 36). Għaldaqstant, użu anki minimu jista’ jkun suffiċjenti sabiex jitqies bħala ġenwin, bil-kundizzjoni li jkun meqjus bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq għall-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark. Konsegwentement, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat a priori, b’mod astratt, liema livell kwantitattiv għandu jitqies sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu kellux jew le natura ġenwina, b’tali mod li regola de minimis, li ma tippermettix lill-UASI jew, f’appell, lill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tat-tilwima sottomessa lilhom ma tistax tiġi ffissata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 72).

83      Hekk kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade marks biss li l-użu ġenwin minnhom kien ġie sospiż matul perijodu mhux interott ta’ ħames snin huma suġġetti għas-sanzjonijiet pprovduti minn dan ir-regolament. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li trade mark tkun ġiet użata ġenwinament matul parti mill-perijodu rilevanti sabiex taħrab minn dawn is-sanzjonijiet (sentenzi VITAFRUIT, punt 77 iktar ’il fuq, punt 45, u HIPOVITON, punt 40 iktar ’il fuq, punt 40).

84      Fl-aħħar nett, l-użu ġenwin minn trade mark ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li jipprovaw użu effettiv u suffiċjenti mit-trade mark fis-suq ikkonċernat [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs UASI – Harrison (HIWATT), T‑39/01, Ġabra p. II‑5233, punt 47, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASi – Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, Ġabra p. II‑3445, punt 28].

85      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, kienx ġust li l-Bord tal-Appell qies li l-provi prodotti mill-intervenjenti kienu juru użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

86      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li peress li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ppreżentata mir-rikorrenti ġiet ippubblikata fit-30 ta’ Jannar 2006 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), il-perijodu rilevanti ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa dak ta’ bejn it-30 ta’ Jannar 2001 u t-30 ta’ Jannar 2006, bħalma ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata.

87      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, eżattament bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell qies li ġiet prodotta prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq, huwa bbaża din il-konklużjoni fuq motivi sostanzjalment differenti minn dawk esposti fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

88      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tagħha, miġbura fil-qosor fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, minn naħa, ma bbażatx ruħha biss fuq il-fatturi tal-intervenjenti, iżda wkoll fuq l-istatistiki prodotti minnha, kif ukoll fuq l-affidavit ta’ M. G. Minn naħa, għal dak li jikkonċerna l-fatturi inkwistjoni, hija bbażat ruħha biss fuq il-preżenza, fil-parti ta’ fuq tagħhom, tal-ewwel trade mark figurattiva, li hija kkunsidrat bħala prova suffiċjenti u xierqa tal-użu mit-trade mark preċedenti, identika għall-ewwel element verbali ta’ din it-trade mark figurattiva. Madankollu, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tagħti l-impressjoni li injorat li l-ewwel trade mark figurattiva ma kinitx sempliċement tqegħid fejn xulxin tat-trade mark preċedenti u ta’ element figurattiv, iżda kienet trade mark distinta rreġistrata. Għaldaqstant, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk l-użu ġenwin minn trade mark figurattiva, li tinkludi element verbali, setgħetx isservi wkoll sabiex tipproduċi prova tal-użu ġenwin minn trade mark verbali distinta, komposta biss mill-imsemmi element verbali.

89      Il-Bord tal-Appell, min-naħa tiegħu, irrefera biss għal żewġ gruppi ta’ provi prodotti mill-intervenjenti, jiġifieri l-fatturi u l-katalgi (ara l-punti 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk huwa qies li l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, kif irreġistrata, kien ġie pprovat u li, għaldaqstant, ma kienx neċessarju li f’dan ir-rigward jittieħed inkunsiderazzjoni l-eventwali użu ġenwin tal-ewwel trade mark figurattiva, kif jirriżulta mill-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata.

90      B’mod partikolari, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-fatturi prodotti mill-intervenjenti għas-snin 2002 sa 2006 jipprovaw “id-dħul mill-bejgħ miskub f’dawn is-snin fi Spanja u fl-Italja, jiġifieri l-post, id-data u l-limitu tal-użu”. Fil-punt 25 tal-istess deċiżjoni, huwa invoka l-katalgi tal-intervenjenti, li huwa kkunsidra bħala prova tan-natura tal-użu mit-trade mark preċedenti, sa fejn din “tidher iżolata, bħala element verbali pur u sempliċi, fuq l-iskis, l-iski poles u numru kbir ta’ artikli oħrajn ta’ ħwejjeġ sportivi li jidhru fil-katalgi”.

91      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-prodotti murija fil-katalgi kienu “imsemmija wkoll fil-fatturi mdaħħla fil-fajl” u huwa rrefera, bħala “eżempju”, għal żewġ fatturi li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ ħames prodotti differenti lil klijent fi Spanja. Huwa ammetta li l-katalgu tal-iskis, maħruġ bl-Ispanjol, kien jikkonċerna biss is-suq Spanjol, iżda żied jgħid li minn paragun mal-fatturi indirizzati lid-distributur Taljan tal-intervenjenti jirriżulta li l-prodotti elenkati f’dan il-katalgu kienu kkummerċjalizzati wkoll fl-Italja. F’dan ir-rigward huwa semma’ bħala “eżempju” fattura tat-18 ta’ Novembru 2005, relatata mal-bejgħ ta’ prodotti li jġibu t-trade mark preċedenti.

92      Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 53 iktar ’il fuq, bħala effett tal-appell adit bih, il-Bord tal-Appell huwa mitlub jagħmel eżami ġdid u komplut tal-mertu tal-oppożizzjoni kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt. Wara dan l-eżami huwa jista’, b’mod partikolari, jikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, abbażi ta’ motivi differenti minn dawk meqjusa minn din tal-aħħar. F’din l-ipoteżi, fil-kas ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, hija l-legalità tal-motivi meqjusa minn dan u mhux dawk li jinsabu fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li għandhom jiġu mistħarrġa.

93      Huwa minnu li ġie deċiż ripetutament li meta l-Bord tal-Appell jikkonferma d-deċiżjoni tal-istanza inferjuri tal-UASI fl-intier tagħha, din id-deċiżjoni, kif ukoll il-motivazzjoni tagħha, jagħmlu parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, kuntest li l-partijiet huma familjari miegħu u li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju kollu tagħha fir-rigward tal-mertu tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra p. II‑1927, punt 47, u tal-24 ta’ Settembru 2008, HUP Uslugi Polska vs UASI – Manpower (I.T.@MANPOWER), T‑248/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 48]. Madankollu, din il-kunsiderazzojoni ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni motivi tad-deċiżjoni tal-istanza inferjuri meta l-Bord tal-Appell, filwaqt li wasal għall-istess motivi tad-deċiżjoni ta’ din l-istanza, ma adottax il-motivi tad-deċiżjoni ta’ din l-istanza u lanqas irrefera għalihom fid-deċiżjoni tiegħu stess [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2010, Matratzen Concord vs UASI – Barranco Schnitzler (MATRATZEN CONCORD), T‑351/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 26].

94      Peress li dan huwa l-każ f’din il-kawża, għandu jsir stħarriġ tal-motivi mressqa mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġġustifika l-konklużjoni tiegħu li tipprovdi li l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti kien ġie pprovat, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li jidhru fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

95      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-fajl tal-UASI effettivament fih numru kbir ta’ fatturi li jixhdu l-bejgħ, mill-intervenjenti, ta’ ċerti prodotti lil kumpannija fl-Italja u lil kumpannija oħra fi Spanja, li skont l-ispjegazzjonijiet pprovduti mill-intervenjenti quddiem l-UASI, huma d-distributuri tal-prodotti tagħha f’dawn iż-żewġ pajjiżi. Il-fatturi inkwistjoni jinkudu, fil-parti ta’ fuq tagħhom, l-ewwel trade mark figurattiva tal-intervenjenti. Fuq uħud minnhom, din it-trade mark hija ppreżentata ħdejn sinjal ieħor figurattiv li jinkludi l-element verbali “marker”. Fuq kull fattura, il-prodotti mibjugħa huma identifikati minn kodiċi kif ukoll mill-isem tal-mudell, mingħajr ma tissemma’ n-natura tal-prodott li dan jirrigwarda, u laqas ma tissemma’ t-trade mark preċedenti. Il-kwantitajiet u l-valur totali tal-prodotti kkonċernati minn kull fattura jidhru sinjifikattivi, peress li diversi fatturi li jirrigwardaw il-bejgħ jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ euro. Il-perijodu kkonċernat mill-bejgħ inkwistjoni jestendi mid-19 ta’ Frar 2002 sal-14 ta’ Diċembru 2006 għall-bejgħ fl-Italja u mill-11 ta’ Diċembru 2002 sat-18 ta’ Awwissu 2006 għall-bejgħ fi Spanja u għaldaqstant fiż-żewġ każijiiet jinkludi parti kbira tal-perijodu rilevanti, imsemmi fil-punt 86 iktar ’il fuq.

96      Il-fatt li t-trade mark preċedenti ma tissemmiex fuq l-imsemmija fatturi ma jistax, fih innifsu, juri n-nuqqas ta’ rilevanza ta’ dawn tal-aħħar għall-finijiet tal-prova tal-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2007, La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER), T‑418/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 65]. Dan huwa iktar il-każ f’din il-kawża peress li dawn il-fatturi ma kinux intiżi għall-konsumaturi finali tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, f’dan il-każ, il-pubbliku ġenerali, iżda għad-distributuri tal-intervenjenti.

97      Madankollu, sabiex il-fatturi setgħu jkunu ta’ prova rilevanti għall-użu mit-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, kien neċessarju li jiġi vverifikat jekk huma kinux effettivament jikkonċernaw tali prodotti u, jekk dan kien il-każ, jekk l-isemmija prodotti kienux iġibu t-trade mark preċedenti jew, għall-inqas, jekk din tal-aħħar kinitx użata, skont il-funzjoni essenzjali tagħha, pubblikament u lejn l-estern, b’rabta mal-bejgħ tal-imsemmija prodotti lill-konsumaturi.

98      Il-preżentazzjoni mill-intervenjenti, għall-finijiet ta’ din il-verifika, ta’ dħul mill-bejgħ separati dwar il-prodotti biss li jġibu t-trade mark preċedenti, ikkunsidrati mill-Bord tal-Appell bħala impenjattivi ħafna u definittivament impossibbli, ma kinux indispensabbli. Kien ikun suffiċjenti li fuq il-fatturi jiġu identifikati, jekk meħtieġ b’riferiment għal provi oħrajn, prodotti tal-kategoriji msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq u li jġibu t-trade mark preċedenti, u dan fi kwantità li tippermetti li tiġi eskluża kwalunkwe possibbiltà ta’ użu purament simboliku tal-imsemmija trade mark u, konsegwentement, li jkun biżżejjed sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin tagħha.

99      Iż-żewġ katalgi prodotti mill-intervenjenti kienu jikkostitwixxu prova li tista’ sservi għal dan il-għan, bħalma rrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel wieħed minn dawn il-katalgi huwa bl-Ispanjol u juri diversi mudelli ta’ skis ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti. Għal kull mudell, jinkludi ritratt tal-prodott, ismu kif ukoll informazzjoni oħra rilevanti fosthom, b’mod partikolari, il-kodiċi użat mill-intervenjenti sabiex tidentifikah, It-tieni katalgu huwa bit-Taljan u bl-Ingliż u jinkludi indikazzjonijiet simili għall-ħwejjeġ tal-isport ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti.

100    Kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, numru kbir ta’ prodotti li jidhru f’dawn iż-żewġ katalgi kienu jġibu t-trade mark preċedenti. F’diversi każi, din tidher flimkien mal-ewwel trade mark figurattiva jew it-tieni trade mark figurattiva tal-intervenjenti. Madankollu, kif essenzjalment irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-fatt kien irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-intervenjenti kinitx produċietx prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda regola fil-qasam tat-trade mark Komunitarja li tobbliga lill-persuna li tkun qed topponi t-trade mark sabiex tipproduċi prova tal-użu mit-trade mark preċedenti b’mod iżolat, indipendentement minn kull trade mark oħra [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI − Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, Ġabra p. II‑5309, punti 33 u 34].

101    Għaldaqstant, il-katalgi inkwistjoni ma jikkostitwixxux biss provi tan-natura tal-użu mit-trade mark preċedenti magħmul mill-intervenjenti. Peress li kienu jinkludu, b’mod partikolari, in-numri tal-kodiċi tal-prodotti li kienu ppreżentati fil-katalgi, huma kienu jippermettu li jiġi vverifikat jekk dawn il-prodotti kinux imsemmija wkoll fil-fatturi prodotti mill-intervenjenti.

102    Għall-finijiet ta’ tali verifika, billi juża l-espressjoni “pereżempju” il-Bord tal-Appell irrefera, b’mod indikattiv, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, għal sitt prodotti differenti, imsemmija fi tliet “fatturi”, bid-data tat-18 ta’ Novembru u tal‑21 ta’ Diċembru 2005 u tat-12 ta’ Jannar 2006. Mill-qari tal-katalgi tal-intervenjenti jirriżulta li dawn is-sitt prodotti huma kollha skis (jiġifieri “Tagħmir għal eżerċizzju fiżiku u tal-isport” tal-klassi 28) u effettivament iġibu t-trade mark preċedenti.

103    B’mod iktar ġenerali, meta jinqraw flimkien it-tliet dokoumenti invokati fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-katalgu tal-iskis tal-intervenjenti, jista’ jiġi kkonstatat li l-fattura tat-18 ta’ Novembru 2005 issemmi t-total ta’ sitt pari ta’ skis, ta’ tipi diversi, li jġibu t-trade mark preċedenti. Il-fattura tal-21 ta’ Diċembru 2005 issemmi t-totali ta’ għaxar pari ta’ skis ta’ diversi tipi li, kif jikkonferma l-qari tal-katalgu, kienu jġibu kollha t-trade mark preċedenti. Il-“fattura tat-12 ta’ Jannar 2006 fl-isem ta’ klijent Spanjol” issemmi 43 par ta’ skis ta’ diversi tipi, li kienu jġibu wkoll it-trade mark preċedenti. Madankollu, skont it-titolu tiegħu stess, dan id-dokument tal-aħħar ma huwiex fattura, iżda nota ta’ kunsinna li ma ssemmi l-ebda prezz tal-artikli li tirreferi għalihom. Matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-parti intervenjenti ppreċiża, bħala risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, li dan ma kienx dokument tal-kontabbiltà.

104    Barra minn hekk, fost il-ħafna fatturi prodotti mill-intervenjenti, hemm waħda, bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2005, li hija indirizzata lid-distributur Taljan tagħha. Din fiha 27 paġna, tirrigwarda prodotti ta’ valur totali ta’ EUR 54 938.98 u fuq l-ewwel żewġ paġni ssemmi divers pari ta’ diversi tipi, liema prodotti, hekk kif jista jiġi kkonfermat permezz tal-katalgu tal-iskis, iġibu t-trade mark preċedenti. Madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ par ta’ skis mibjugħ għall-prezz ta’ EUR 88, għall-parti l-oħrajn kollha, il-prezz ta’ bejgħ imsemmi huwa ta’ EUR 0. Bħala risposta għal domanda oħra tal-Qorti Ġenerali magħmula matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-intervenjenti ddikjara li ma kienx jaf id-dettalji tal-fattura inkwistjoni, iżda żied jgħid li meta mudelli ġodda ta’ skis kienu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ distributur għal prova, kienet użanza li fuq il-fattura korrispondenti jissemma prezz ta’ EUR 0. Ittieħdet nota ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fil-proċess verbali tas-seduta.

105    Fattura oħra, indirizzata lid-distributur Taljan tal-intervenjenti u bid-data tat-12 ta’ Jannar 2006, tikkonċerna l-bejgħ ta’ prodotti tal-valur totali ta’ EUR 408 625.40. Numru kbir tal-prodotti msemmija huma skis li jġibu t-trade mark preċedenti. B’mod partikolari, il-fattura ssemmi l-bejgħ ta’ 600 unità ta’ skis tal-mudell “Racetiger GS Racing Tit Moti 06/07”, bin-numru tal-kodiċi 106001, ta’ valur totali ta’ EUR 124 200, u ta’ 350 unità ta’ skis tal-mudell “Racetiger SL Racing Motion 06/07”, bin-numru tal-kodiċi 106011, ta’ valur totali ta’ EUR 72 450. Dawn iż-żewġ mudell kienu jidhru fil-katalgu tal-iskis tal-intervenjenti u għaldaqstant, jista’ jiġi kkonfermat li kienu jġibu t-trade mark preċedenti.

106    Fattura oħra, bid-data tas-27 ta’ Jannar 2006 u indirizzata lid-distributur Spanjol tal-intervenjenti, ta’ valur totali ta’ EUR 13 631.90, tikkonċerna bejgħ ta’ skis ta’ diversi mudelli msemmija fil-katalgu tal-iskis tal-intervenjenti u li jġibu t-trade mark preċedenti, fi kwantitajiet li jvarjaw minn par għal erba’ pari għal kull mudell.

107    Madankollu, bl-eċċezzjoni tat-tliet dokumenti msemmija fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, tat-tliet fatturi msemmija fil-punti 104 sa 106 iktar ’il fuq u ta’ ċerti fatturi ta’ wara l-perijodu rilevanti, kif definit fil-punt 86 iktar ’il fuq, il-bqija tal-fatturi prodotti mill-intervenjenti, jiġifieri l-parti l-kbira tagħhom, jikkonċernaw prodotti li ma jistgħux jiġu identifikati fil-katalgu mqiegħed fil-falj mill-intervenjenti, peress li fihom numri ta’ kodiċi li ma jissemmewx f’dawn il-katalgi.

108    Meta matul is-seduta ġie mistieden jippreżenta osservazzjonijiet fuq l-identifikazzjoni tal-prodotti kkonċernati min-numri ta’ kodiċi msemmija fil-parti l-kbira tal-fatturi prodotti mill-intervenjenti, ir-rappreżentant ta’ din tal-aħħar essenzjalment irrileva li n-numri ta’ kodiċi użati mill-intervenjenti kienu jiżviluppaw ta’ spiss minn staġun għall-ieħor, għal raġunijiet loġistiċi. Issa, din l-ispjegazzjoni, iktar plawżibbli milli tidher, ma ssolvix il-problema tal-identifikazzjoni tal-prodotti msemmija fuq il-fatturi minn numri tal-kodiċi li ma jidhrux fil-katalgi tal-intervenjenti.

109    Għaldaqstant, mingħajr preċiżjonijiet addizzjonali, l-ebda fattur ma jippermetti li jiġi konkluż li l-intervenjenti kienet biegħet, matul il-perijodu rilevanti, “Basktijiet tal-isport” tal-klassi 18 u “Ħwejjeġ” tal-klassi 25, li jġibu t-trade mark preċedenti. Huwa ċertament minnu li żewġ katalgi prodotti mill-intervenjenti, dak relatat mal-iskis juri diversi tipi ta’ basktijiet li jġibu t-trade mark preċedenti u l-ieħor jinkludi ċerti artikli ta’ ħwejjeġ tal-isport li jġibu din it-trade mark. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-artikli ma jidhru fuq il-fatturi, b’dati li jaqgħu fil-perijodu rilevanti, prodotti mill-intervenjenti. Fir-risposta tiegħu l-UASI jinvoka eżempju wieħed biss ta’ dan, iżda jikkonċerna fattura bid-data tat-18 ta’ Awwissu 2006, jiġifieri wara l-perijodu rilevanti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-katalgi tal-intervenjenti ma jistgħux, fihom innifishom, jitqiesu bħala provi suffiċjenti tal-użu mit-trade mark preċedenti, peress li mill-ebda parti tal-proċess ma jirriżulta kif kienu tqassmu.

110    Fir-rigward tat-“Tagħmir għal eżerċizzju fiżiku u tal-isport” tal-klassi 28, huwa minnu li, kif ġie rrilevat fil-punti 102 sa 105 iktar ’il fuq, jeżistu ċerti fatturi li jixhdu l-bejgħ ta’ skis, li huma prodotti ta’ din il-kategorija, iżda l-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni jekk il-kwantitajiet ikkonċernati minn dan il-bejgħ kinux suffiċjenti jew le sabiex jiġġustifikaw użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

111    Issa, din il-kwistjoni ma tistax tiġi deċiża mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax li l-bejgħ invokati fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata kien jipprova, fih innifsu, l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. Bil-kontra, mill-kliem użat f’dan il-punt jirriżulta li dan il-bejgħ ġie invokat purament bħala eżempju. Fi kliem ieħor, il-Bord tal-Appell qies, b’mod impliċitu iżda b’mod ċar, li l-fatturi l-oħrajn prodotti mill-intervenjenti kienu jikkonċernaw ukoll, għall-inqas parzjalment, il-bejgħ ta’ prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u li jġibu din it-trade mark. Kien fuq din il-bażi li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-użu ġenwin mill-imsemmija trade mark kien ġie pprovat. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li teżamina jekk il-fajl sottomess lill-Bord tal-Appell kienx jippermetti li ssir din il-konklużjoni.

112    Dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, kif diġà ssemma fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-prodotti kkonċernati mill-parti l-kbira tal-fatturi prodotti mill-intervenjenti, ma setgħux jiġu identifikati b’mod ċar. Għall-kuntrarju ta’ dak li jagħti x’jifhem il-kliem użat mill-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tliet dokumenti msemmija fiha ma kinux eżempji tipiċi magħżula b’kumbinazzjoni, iżda kienu jagħmlu parti minn grupp żgħir ħafna ta’ dokumenti, kollha bid-data li taqa’ f’perijodu li dam ftit iktar minn xahrejn, f’dan il-każ, mit-18 ta’ Novembru 2005 sas-27 ta’ Jannar 2006, u li kienu l-uniċi li dwarhom seta’ jiġi kkonfermat li kienu jikkonċernaw prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u li kienu jġibu din it-trade mark.

113    Minn dan isegwi li l-provi tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, jiġifieri l-fatturi u l-katalgi mqiegħda fil-fajl mill-intervenjenti, ma kinux suffiċjenti sabiex isostnu l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li t-trade mark preċedenti kienet intużat b’mod ġenwin għall-prodotti fil-klassijiet 18, 25 u 28 koperti minnha matul il-peridjodu kollu kkonċernat mill-imsemmija fatturi. L-iktar l-iktar, dawn il-provi kienu jikkostitwixxu indizzji li jippermettu li titqies bħala probabbli l-ipotezi ta’ tali użu. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, sempliċi ipoteżi, tidher kemm tidher probabbli, ma hijiex suffiċjenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, li jeħtieġ il-prova ta’ tali użu.

114    Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kellu janalizza l-fajl iktar fid-dettall u jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-provi l-oħra prodotti mill-intervenjenti, b’mod partikolari, l-affidavit ta’ M. G., li l-valur probatorju tiegħu kellu jiġi ddeterminat. Fil-każ li kien xieraq, huwa seta’ jistieden lill-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet addizzjonali skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 207/2009, anki jadotta, skont l-Artikolu 78 tal-istess regolament, il-miżuri istruttorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HIPOVITON, punt 40 iktar ’il fuq, punti 57 u 58).

115    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, li r-raba’ motiv huwa fondat ukoll u għandu jintlaqa’.

 Fuq it-talba għal bidla

116    Kif ġie rrilevat fil-punt 40 iktar ’il fuq, permezz tat-tieni u tielet kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob bidla tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motiv, li diġà ġie rrilevat li għandhom jintlaqgħu taħt it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jiġġustifikawx tali bidla.

117    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li fil-kunstest tal-argument tagħha dwar l-ewwel motiv (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni li saret fid-deċiżjoni kkontestata li ż-“żraben tal-isnow-board” ma kinux koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kienet eżatta iżda li l-konsegwenza li kellha tirriżulta minn dan kellha tkun iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni, sa fejn din kienet tirrigwada l-imsemmija żraben.

118    Għaldaqstant, din il-parti tal-argument tar-rikorrenti huwa essenzjalment intiż għall-bidla tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jiġi annulat u li l-oppożizzjoni tiġi miċħuda, sa fejn hija tirrigwarda ż-“żraben tal-isnow‑board”.

119    Din it-talba ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda. Kif ġustament issostni l-intervenjenti, il-prodotti kollha koperti mill-oppożizzjoni kienu koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-prodotti tal-klassi 25, il-formulazzjoni ta’ din l-applikazzjoni (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) issemmi, qabel kollox, iż-“żraben” u sussegwentement diversi tipi ta’ żraben, preċeduti mill-espressjoni “b’mod partikolari”. Issa, skont il-ġurisprudenza, din l-espressjoni użata f’deskrizzjoni ta’ prodotti għandha s-sempliċi valur ta’ eżempju [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2008, Scil proteins vs UASI – Indena (affilene), T‑87/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38, ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI – Kolene (NU-TRIDE), T‑224/01, Ġabra p. II‑1589, punt 41]. Użata f’lista ta’ prodotti, hija sservi sabiex tiddistingwi prodotti li għandhom interess speċifiku għall-proprjetarju ta’ trade mark, mingħajr madankollu ma teskludi ebda prodott ieħor tal-lista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza affilene, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). Isegwi li r-rikorrenti applikat għar-reġistrazzjoni tad-trade mark tagħha għaż-“żraben” inġenerali u għaldaqstant anki għaż-“żraben tal-iski, żraben tal-isnow-board u żraben tal-isport”, koperti mill-oppożizzjoni.

120    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-formulazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ssemmi wkoll, fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 25, iż-“żraben tal-isport” li jikkostitwixxu kategorija iktar ġenerali, li tinkludi ż-“żraben tal-isnow‑board”.

121    It-tieni nett, sa fejn it-talba għal bidla hija intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata hija nnifisha li l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti ma ġiex ipprovat u tiċħad, għal dan il-motiv, l-oppożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti ġiet eżaminata fil-fond mill-UASI, iżda dan sar b’mod mhux komplet, kif ġie rrilevat fil-punti 113 u 114 iktar ’il fuq. L-eżami tagħha mill-Qorti Ġenerali essenzjalment jinvolvi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet amministrattivi u investigattivi li huma tal-UASI u minħabba f’dan, imorru kontra l-bilanċ istituzzjonali li minnu huwa inspirat il-prinċipju ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-UASI u l-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li tiġi milqugħa t-talba msemmija iktar ’il fuq tar-rikorrenti [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2009, Fiorucci vs UASI – Edwin (ELIO FIORUCCI), T‑165/06, Ġabra p. II‑1375, punt 67 ; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ottubru 2006, Freixenet vs UASI (forma ta’ flixkun bl-iżmerill iswed matt), T‑188/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47].

122    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u l-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż għal raġunijiet eċċezzjonali.

124    F’dan il-każ, l-UASI talab li jiġi ordnat li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha u, barra minn hekk, sostna t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet marbuta mal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti (ara l-punt 49 iktar ’il fuq). Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tikkostitwixxix raġuni eċċezzjonali fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tiġġustifika t-tqassim tal-ispejjeż u ma tostakolax li l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż tar-rikorrenti, skont it-talbiet tagħha, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ngħatat minn Bord tal-Appell tal-UASI (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VENADO b’bordura et, punt 51 iktar ’il fuq, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hemm lok li l-UASI jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti.

125    Peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat‑30 ta’ Settembru 2009 (Każ R 1387/2008‑1) hija annullata.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Völkl GmbH & Co. KG.

4)      Marker Völkl International GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2011.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.