Language of document : ECLI:EU:T:2011:739

Kawża T-504/09

Völkl GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali VÖLKL — Trade mark internazzjonali verbali preċedenti VÖLKL — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Rifjut parzjali ta’ reġistrazzjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 u Regola 22(3) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 — Kompetenza tal-Bord tal-Appell fil-każ ta’ appell limitat għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 — Talba għal bidla tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell — Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Persuni li jistgħu jippreżentaw rikors u jkunu parti fil-kawża — Persuni li t-talbiet tagħhom ma jintlaqgħux permezz ta’ deċiżjoni — Deċiżjoni li tirrinvija l-kawża quddiem l-istanza inferjuri għal eżami mill-ġdid

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(4))

2.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Appell quddiem il-Bordijiet tal-Appell — Kompetenza tal-Bordijiet tal-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 64(1))

3.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

4.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Determinazzjoni tal-livell kwantitattiv ta’ użu minimu — Esklużjoni

(Regolament tal Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

1.      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandha titqies bħala laqgħat it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet quddiem dan il-Bord, meta huwa jilqa’ t-talba ta’ din il-parti abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni jew għall-invalidità ta’ trade mark jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ parti biss mill-argument imressaq mill-imsemmija parti, anki jekk jonqos milli jeżamina jew jiċħad il-motivi l-oħra jew l-argumenti invokati minn din il-parti.

Min-naħa l-oħra, għandu jitqies li deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju ma tilqax, fis-sens tal-Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, it-talbiet ta’ parti, meta hija tiddeċiedi dwar talba mressqa quddiem l-Uffiċċju minn din il-parti b’mod sfavorevoli għaliha.

Dan l-aħħar każ għandu jitqies bħala jkopri l-każ meta l-Bord tal-Appell, wara li jkun ċaħad talba li, li kieku ntlaqgħet kienet ittemm il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju b’mod favorevoli għall-parti li tkun ippreżentata, jirrinvija l-kawża quddiem l-istanza inferjuri għal eżami mill-ġdid, u dan minkejja l-possibbiltà li dan l-eżami mill-ġdid jista’ jwassal għal deċiżjoni favorevoli għal din il-parti.

(ara l-punti 26-28)

2.      Peress li l-appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jikkonċerna biss parti mill-prodotti jew mis-servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew mill-oppożizzjoni, dan l-appell jawtorizza lill-Bord tal-Appell jagħmel eżami ġdid tal-mertu tal-oppożizzjoni, iżda biss b’rabta mal-imsemmija prodotti jew servizzi, peress li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-oppożizzjoni ma tressqitx quddiemu għal dak li jikkonċerna l-bqija tal-prodotti jew tas-servizzi koperti.

Dan huwa l-każ peress li l-parti rikorrenti appellat quddiem il-Bord tal-Appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni biss sa fejn din kienet laqgħat l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal parti mill-prodotti li għalihom kienet saret l-aplikazzjoni.

Konsegwentement, sa fejn huwa jannulla l-punt tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tikkonkludi għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti l-oħrajn, il-Bord tal-Appell jeċċedi l-limiti tal-kompetenza tiegħu, kif definita fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja.

(ara l-punti 54-56)

3.      Trade mark hija s-suġġett ta’ użu ġenwin meta tiġi użata, b’konformità mal‑funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal‑oriġini tal‑prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li għandu l-uniku għan li jżomm id-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin mit-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit‑territorju rilevanti, tintuża, pubblikament u lejn l-estern.

L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali minnha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il‑prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il‑karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal‑użu mit-trade mark.

Fir-rigward tal-limitu tal-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, min-naħa, u t-tul tal-perijodu li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il‑frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra.

(ara l-punti 78-80)

4.      Sabiex tiġi eżaminata n-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-punti rilevanti kollha tal-każ ineżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-punti kkunsidrati. Għaldaqstant, volum żgħir ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew kostanza kbira fil-perijodu ta’ użu minn din it-trade mark u bil-maqlub.

Id-dħul mill-bejgħ miksub kif ukoll il-kwantità ta’ bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti ma jistgħux jiġu evalwati fl-assolut, iżda jridu jiġu evalwati fid-dawl ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-volum tal-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-livell ta’ diversifikazzjoni tal-impriża li tuża t-trade mark kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba dan, ma huwiex meħtieġ li l-użu mit-trade mark preċedenti jkun dejjem sinjifikattiv b’mod kwantitattiv sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin. Għaldaqstant, użu anki minimu jista’ jkun suffiċjenti sabiex jitqies bħala ġenwin, bil-kundizzjoni li jkun meqjus bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq għall-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark. Konsegwentement, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat a priori, b’mod astratt, liema livell kwantitattiv għandu jitqies sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu kellux jew le natura ġenwina, b’tali mod li regola de minimis, li ma tippermettix lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jew, fuq rikors, lill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tat-tilwima sottomessa lilhom ma tistax tiġi ffissata.

(ara l-punti 81, 82)