Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Diċembru 2009 - Völkl vs UASI - Marker Völkl (VÖLKL)

(Kawża T-504/09)

Lingwa tar-rikors: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Völkl GmbH & Co. KG (Erding, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Raßmann, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Marker Völkl International GmbH (Baar, l-Isvizzera)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-30 ta' Settembru 2009, fil-Każ R 1387/2008-1;

tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, tal-31 ta' Lulju 2008, dwar l-Oppożizzjoni Nru B 1 003 153, sa fejn tilqa' l-oppożizzjoni;

tiċħad l-oppożizzjoni;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "VÖLKL" għal prodotti fil-klassijiet 3, 9, 18 u 25 (Applikazzjoni Nru 4 403 705)

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Marker Völkl International GmbH

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: it-trade mark verbali "VÖLKL" (Trade mark internazzjonali Nru 571 440) għal prodotti fil-klassijiet 18, 25 u 28

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa parzjalment

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni annullata fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti u l-każ irrinvijat quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex terġa' tiddeċiedi dwaru; appell miċħud sa fejn jikkonċerna d-deċiżjoni dwar il-prova tal-użu ġenwin

Motivi invokati:

ksur tal-prinċipju tad-dispożizzjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 1) sa fejn il-Bord tal-Appell irrinvija l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għal deċiżjoni fir-rigward ta' prodotti li ma kinux is-suġġett tal-oppożizzjoni;

ksur tal-projbizzjoni tar-reformatio in pejus, sa fejn il-Bord tal-Appell ma setax jirrinvija l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fir-rigward ta' prodotti li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet diġà aċċettat ir-reġistrazzjoni tagħhom;

ksur tal-prinċipju tad-dritt għal smigħ (Artikolu 38(3) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94);

ksur tal-Artikoli 15(2)(a) u 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll tar-Regola 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 2, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonstata, b'mod żbaljat, li jeżisti użu ġenwin mit-trade mark invokata fl-oppożizzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta' Diċembru 1003, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189)