Kawża C-368/20
NW
vs
Landespolizeidirektion Steiermark
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑26 ta’ April 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Moviment liberu tal-persuni – Regolament (UE) 2016/399 – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Artikolu 25(4) – Introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni fil-limitu ta’ tul totali massimu ta’ sitt xhur – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi diversi perijodi konsekuttivi ta’ kontrolli li jwasslu għal qbiż ta’ dan it-tul ta’ żmien – Assenza ta’ konformità ta’ tali leġiżlazzjoni mal-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fil-każ fejn il-perijodi suċċessivi jkunu bbażati fuq l-istess theddid jew theddida – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li jiġi ppreżentat passaport jew karta tal-identità waqt il-kontroll fil-fruntiera interna taħt piena ta’ sanzjoni – Assenza ta’ konformità ta’ tali obbligu mal-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen meta l-kontroll innifsu jkun kuntrarju għal din id-dispożizzjoni”
1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kodiċi Komunitarju dwar il-qsim tal-fruntieri – Tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – Introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna – Tul ta’ din l-introduzzjoni mill-ġdid li jaqbeż it-tul totali massimu ta’ sitt xhur fl-assenza ta’ theddida ġdida – Inammissibbiltà
(Artikolu 72 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/399, Artikoli 25, 27, 29 u 30)
(ara l-punti 66, 68, 70, 77, 81, 89, 90, 94, u d-dispożittiv 1)
2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kodiċi Komunitarju dwar il-qsim tal-fruntieri – Tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – Introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna – Introduzzjoni mill-ġdid kuntrarja għall-imsemmi kodiċi peress li taqbeż it-tul totali massimu ta’ sitt xhur mingħajr ma hija bbażata fuq tħeddida ġdida – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga, taħt piena ta’ sanzjoni, lil persuna tippreżenta passaport jew karta tal-identità mad-dħul tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru minn fruntiera interna – Inammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/399, Artikolu 25(4))
(ara l-punti 97, 98, u d-dispożittiv 2)
Sunt
Minn Settembru 2015 sa Novembru 2021, ir-Repubblika tal-Awstrija introduċiet mill-ġdid, diversi drabi, kontroll fil-fruntieri tagħha mal-Ungerija u mas-Slovenja. Sabiex tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dan il-kontroll, dan l-Istat Membru bbaża ruħu fuq diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (1). B’mod partikolari, mill‑11 ta’ Novembru 2017, huwa bbaża ruħu fuq l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Qafas ġenerali għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni”, li jipprevedi l-possibbiltà għal Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid il-kontroll tal-fruntieri interni tiegħu fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku tiegħu jew għas-sigurtà interna tiegħu u jistabbilixxi perijodi massimi li fihom tali kontroll jista’ jiġi introdott mill-ġdid.
F’Awwissu 2019, NW, li kien ġej mis-Slovenja, kien is-suġġett ta’ verifika fil-fruntieri fil-punt tal-qsim tal-fruntiera ta’ Spielfeld (l-Awstrija). Peress li rrifjuta li jippreżenta l-passaport tiegħu, huwa ġie ddikjarat ħati li qasam il-fruntiera Awstrijaka mingħajr ma kellu dokument tal-ivvjaġġar u ġie kkundannat għall-ħlas ta’ multa. F’Novembru 2019, NW kien suġġett għal verifika oħra fil-fruntieri fl-istess punt tal-qsim tal-fruntiera. Quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa kkontesta l-legalità ta’ dawn iż-żewġ verifiki.
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-verifiki li NW kien suġġett għalihom, kif ukoll tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqu. Fil-fatt, meta l-miżuri ta’ kontroll ikkontestati seħħew, l-introduzzjoni mill-ġdid, mill-Awstrija, tal-kontroll fil-fruntiera tagħha mas-Slovenja kienet diġà, bl-effett kumulattiv tal-applikazzjoni tal-perijodi ta’ kontroll suċċessivi, taqbeż it-tul totali massimu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tiddeċiedi li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludi l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja minn Stat Membru tal-kontroll fil-fruntieri interni bbażata fuq theddida serja għall-ordni pubbliku tiegħu jew għas-sigurtà interna tiegħu meta t-tul tagħha jeċċedi t-tul totali massimu ta’ sitt xhur u meta ma jkunx hemm theddida ġdida li tiġġustifika applikazzjoni ġdida tal-perijodi previsti mill-kodiċi. Dan l-istess kodiċi jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjoni, lil persuna tippreżenta passaport jew karta tal-identità mad-dħul tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru minn fruntiera interna, meta l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni li fil-kuntest tiegħu dan l-obbligu huwa impost hija, fiha nnifisha, kuntrarju għall-imsemmi kodiċi.
L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fir-rigward tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja minn Stat Membru tal-kontrolli fil-fruntieri interni bbażata fuq theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tiegħu (2), il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, qabelxejn, li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti.
Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-kliem “m’għandux jaqbeż is-sitt xhur” għandu tendenza li jeskludi kull possibbiltà li jinqabeż dan it-tul.
Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 25(4) ta’ dan il-kodiċi u fir-rigward, l-ewwel, tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi b’ċarezza u preċiżjoni t-tul massimu kemm għall-introduzzjoni mill-ġdid inizjali tal-kontroll fil-fruntieri interni, kif ukoll għal kull estensjoni ta’ dan il-kontroll, inkluż it-tul totali massimu applikabbli għal tali kontroll. It-tieni, l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li abbażi tiegħu l-fruntieri interni jistgħu jinqasmu f’kull post mingħajr ma jsiru kontrolli fuq il-persuni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom (3). Sa fejn l-eċċezzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni għandhom jiġu interpretati b’mod strett, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni għandha tkun eċċezzjonali u għandha titwettaq biss bħala l-aħħar soluzzjoni. Għalhekk, din l-interpretazzjoni stretta timmilita kontra interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tal-imsemmi kodiċi li abbażi tagħha l-persistenza tat-theddida inizjalment identifikata (4) hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dan il-kontroll lil hinn mill-perijodu ta’ tul totali massimu ta’ sitt xhur previst f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex tippermetti, fil-prattika, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni minħabba l-istess theddida għal perijodu llimitat, u għalhekk tippreġudika l-prinċipju nnifsu tal-assenza ta’ kontrolli fil-fruntieri interni. It-tielet, interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fis-sens li, fil-każ ta’ theddida serja, Stat Membru jista’ jaqbeż it-tul totali massimu ta’ sitt xhur għall-kontrolli tal-fruntieri interni jċaħħad minn sens id-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn, minn naħa, il-kontrolli fil-fruntieri interni introdotti mill-ġdid skont dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, dawk introdotti mill-ġdid skont l-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi (5), li għalihom it-tul totali massimu tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontroll fil-fruntieri interni ma jistax jaqbeż sentejn (6).
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-għan imfittex mir-regola dwar it-tul totali massimu ta’ sitt xhur jaqa’ taħt l-għan ġenerali li jikkonsisti fir-rikonċiljazzjoni tal-prinċipju ta’ moviment liberu mal-interess tal-Istati Membri li jiżguraw is-sigurtà tat-territorji tagħhom. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna ta’ Stat Membru fl-ispazju mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni ma hijiex neċessarjament limitata ratione temporis, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li perijodu ta’ sitt xhur kien suffiċjenti sabiex l-Istat Membru kkonċernat jadotta, jekk ikun il-każ b’kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra, miżuri li jippermettu li tiġi affaċċjata tali theddida filwaqt li jiġi ppreżervat, wara dan il-perijodu ta’ sitt xhur, il-prinċipju ta’ moviment liberu.
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-imsemmi perijodu ta’ tul totali massimu ta’ sitt xhur huwa imperattiv, b’tali mod li kull kontroll fil-fruntieri interni introdott mill-ġdid skont l-Artikolu 25 wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu huwa inkompatibbli mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Madankollu, tali perijodu jista’ jiġi applikat mill-ġdid biss fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat juri l-eżistenza ta’ theddida serja ġdida li taffettwa l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna tiegħu. Sabiex jiġi evalwat jekk theddida partikolari hijiex ġdida meta mqabbla ma’ dik inizjalment identifikata, għandu jsir riferiment għaċ-ċirkustanzi li wasslu għan-neċessità li jerġgħu jiġu introdotti l-kontrolli fil-fruntieri interni, kif ukoll għaċ-ċirkustanzi u għall-avvenimenti li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istat Membru kkonċernat (7).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Artikolu 72 TFUE (8) ma jippermettix lil Stat Membru jintroduċi mill-ġdid, sabiex jaffaċċja tali theddida, kontrolli temporanji fil-fruntieri interni bbażati fuq l-Artikoli 25 u 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen matul perijodu li jeċċedi t-tul totali massimu ta’ sitt xhur. Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza fundamentali li għandu l-moviment liberu tal-persuni fost l-għanijiet tal-Unjoni u l-mod iddettaljat li bih il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-possibbiltà għall-Istati Membri li jinterferixxu ma’ din il-libertà permezz tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, billi ppreveda din ir-regola dwar it-tul totali massimu ta’ sitt xhur, dan il-leġiżlatur ħa debitament inkunsiderazzjoni l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna.