Language of document : ECLI:EU:T:2011:702

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

30 ta’ Novembru 2011

Kawża T‑51/08 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Daniel Dittert

“Appell — Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2005 — Punti ta’ Prijorità — Nuqqas ta’ attribuzzjoni minħabba inċident tekniku — Kumitat ta’ promozzjoni A* — Attribuzzjoni ta’ numru ta’ punti ta’ prijorità supplimentari inferjuri għall-proposta tal-ġerarkija — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ uffiċjali promossi”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tat-22 ta’ Novembru 2007, Dittert vs Il‑Kummissjoni (F‑109/06, ĠabraSP p. I-A-1-383 u II-A-1-2131), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-Appell huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Daniel Dittert.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Appelli — Att li jikkawża preġudizzju — Sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni — Nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità — Att li jista’ jiġi kkontestat — Kundizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 38(f) u 45)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

5.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni implementata mill-Kummissjoni, deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità li tirriżulta minn żball, u mhux minn għażla deliberata bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-merti tal-uffiċjal ikkonċernat, tikkostitwixxi difett proċedurali jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità fl-iżvolġiment tal-proċedura, il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ attribuzzjoni seta’ kien differenti.

(ara l-punti 59 u 60)

2.      Mill-Artikolu 38(f) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-uffiċjali kkollokati għandhom iżommu posthom, id-dritt tagħhom għall-avvanzament u l-eliġibbiltà tagħhom għal promozzjoni. Minn dan isegwi li dawn l-uffiċjali, li jkomplu l-karriera tagħhom fi ħdan id-Direttorat Ġenerali ta’ oriġini, ma għandhomx jiġu trattati b’mod differenti minn oħrajn f’dak li jirrigwarda l-promozzjoni u għandhom jibbenefikaw mill-istess possibbiltajiet bħal kollegi tagħhom assenjati għall-istess Direttorat Ġenerali.

F’dan ir-rigward, istituzzjoni ma tistax validament tinvoka l-allegata diffikultà li jista’ jkun hemm biex jiġu pparagunati l-merti rispettivi ta’ uffiċjali kkollokati u ta’ uffiċjali mhux ikkollokati, peress li r-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera tal-uffiċjali kkollokati jiġu stabbiliti fid-Direttorat Ġenerali ta’ oriġini, u mhux mill-ġerarkija tagħhom fl-istituzzjoni ospitanti. Għalhekk, il-paragun tal-merti tal-uffiċjali kkollokati ma dawk tal-uffiċjali mhux ikkollokati jibqa’ possibbli, u saħansitra indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali kollha.

(ara l-punti 62, 66 u 67)

3.      Xejn ma jipprekludi li difett proċedurali li seħħ matul il-proċedura ta’ attribuzzjoni tal-punti ta’ prijorità fi ħdan Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni jkun jista’ jiġi kkoreġut mill-Awtorità tal-Ħatra fi stadju sussegwenti tal-proċedura ta’ promozzjoni. Madankollu, dan l-intervent ta’ korrezzjoni għandu jiġi ppjanat u għandu jiżvolġi fl-osservanza tal-karatteristiċi ġenerali tas-sistema ta’ promozzjoni implementata mir-regoli interni tal-Kummissjoni.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ din is-sistema, kull uffiċjal, indipendentement minn jekk huwiex ikkollokat jew le, għandu d-dritt li jikseb żewġ eżamijiet konsekuttivi tal-merti tiegħu, li kull wieħed minnhom jista’, waħdu, iżid il-possibbiltajiet tiegħu li jiġi promoss: eżami komparattiv fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tiegħu, imwettaq mid-Direttur Ġenerali, li l-iskop tiegħu huwa l-għoti eventwali ta’ punti ta’ prijorità, u wara eżami komparattiv mifrux fuq id-Direttorati Ġenerali kollha, imwettaq mill-Kumitat ta’ promozzjoni u mill-Awtorità tal-Ħatra, li l-iskop tiegħu huwa l-għoti eventwali ta’ punti ta’ prijorità supplimentari. Għaldaqstant, l-ewwel funzjoni ta’ dan l-eżami mifrux fuq id-Direttorati Ġenerali kollha ma huwiex li jissostitwixxi l-eżami li jagħmlu d-diversi Direttorati Ġenerali, iżda li jikkompletah permezz tal-għoti, jekk ikun il-każ, ta’ punti ta’ prijorità supplimentari.

Barra minn hekk, f’sistema ta’ promozzjoni bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, ikkaratterizzata mill-għoti, kull sena, ta’ punti ta’ mertu u ta’ punti ta’ prijorità supplimentari lill-uffiċjali, il-possibbiltà li jkun hemm intervent ta’ korrezzjoni min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra hija tali li tirrimedja difett proċedurali li jkun twettaq, pereżempju, fir-rigward ta’ uffiċjal, matul l-eżami komparattiv tal-merti tiegħu fil-livell tad-Direttorat Ġenerali tiegħu, biss jekk din tiggarantixxi li l-persuna kkonċernata tingħata trattament li jkun daqstant favorevoli daqs dak li kienet tingħata fl-assenza tal-imsemmi difett. Dan il-prinċipju ma jiġix osservat fil-każ fejn l-Awtorità tal-Ħatra ma tqisx li hija b’xi mod marbuta mill-garanziji formali mogħtija mid-Direttur Ġenerali kkonċernat, fir-rigward tal-intenzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-imsemmi uffiċjal fl-assenza tal-irregolarità mwettqa, meta l-uniku għan tal-proċess segwit mid-Direttur Ġenerali kien li jiġi kkoreġut difett proċedurali li seta’ jikkomprometti l-validità tad-deċiżjoni li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura li l-amministrazzjoni għandha.

(ara l-punti 70 sa 73 u 75)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Ġunju 2007, Parlante vs Il-Kummissjoni, T‑342/04, ĠabraSP p. I-A-2-133 u II-A-2-921, punti 59, 64 u 68

4.      Il-proċedura ta’ promozzjoni implementata mill-Kummissjoni tipprevedi l-parteċipazzjoni tad-Diretturi Ġenerali fil-proċedura ta’ promozzjoni, permezz tal-attribuzzjoni tal-punti ta’ prijorità tad-Direttorat Ġenerali tagħhom. Għalhekk, huwa normali li Direttur Ġenerali li ġie prekluż, minħabba inċident tekniku indipendenti mir-rieda tiegħu, milli jiddeċiedi dwar fajl ta’ wieħed mis-subordinati tiegħu, jibgħat lill-Kumitat ta’ promozzjoni u lill-Awtorità tal-Ħatra l-informazzjoni rilevanti dwar l-eżami komparattiv tal-merti tal-persuna kkonċernata fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tiegħu. Tali aġir mhux biss talli ma jpoġġix lill-persuna kkonċernata f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik tal-uffiċjali l-oħra li jaqgħu taħt l-istess Direttorat Ġenerali, iżda talli huwa, bil-kontra ta’ dan, konformi mhux biss mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mad-dmir ta’ premura, iżda wkoll mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punt 81)

5.      Is-sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni hija bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, ikkaratterizzata mill-għoti, kull sena, ta’ punti ta’ mertu u ta’ punti ta’ prijorità supplimentari lill-uffiċjali, b’tali mod li tippermetti paragun tal-merti iktar oġġettiv u eħfef milli kien qabel. F’tali sistema n-numru ta’ punti akkumulati mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi huwa determinanti għall-promozzjoni tagħhom, fis-sens li dawk fosthom li jaqbżu l-limitu ta’ promozzjoni jkunu, bħala prinċipju, promossi.

(ara l-punt 93)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Parlante vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59