Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta' Jannar 2008 minn Ch. Michaïl kontra s-sentenza mogħtija fit-22 ta' Novembru 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-34/06, Michaïl vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-50/08 P)

Lingwa tal-kawża:Il-Grieg

Partijiet

Appellant: Ch. Michaïl (rappreżentant: Ch. Meïdanis, avukat)

Il-parti l-oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellant

tiddikjara li dan l-appell kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-34/06 huwa ammissibbli u fondat;

tannulla l-atti (is-sentenzi) kkontestati tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-34/06;

tordna kumpens għad-dannu morali li l-appellant bagħta, li jammonta għal EUR 120 000;

tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant isostni li, fis-sentenza kkontestata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar 'il quddiem it-"TSP") iddeċieda b'mod żbaljat fuq ir-rikors tiegħu, li permezz tiegħu huwa talab l-annullament tar-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera tiegħu ta' l-2004 u tad-deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad l-ilmenti ppreżentati minnu abbażi ta' l-Artikolu 90(2) tar-Regolament tal-Persunal ta' l-Uffiċjali.

B'mod iktar partikolari, l-appellant jinvoka, l-ewwel nett, il-fatt li t-TSP interpreta b'mod żbaljat l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali u d-dispożizzjonijiet ġenerali adottati skond dan l-artikolu. It-tieni nett, skond l-appellant, it-TSP ma interpretax korrettement it-talba magħmula fir-rikors tiegħu u wettaq evalwazzjoni żbaljata tal-provi. It-tielet nett, l-appellant isostni li t-TSP ibbaża ruħu fuq motivazzjonijiet kontradittorji sabiex jiċħad ir-rikors tiegħu, u dan wassal sabiex jiġu ppreġudikati d-drittijiet proċedural fundamentali tiegħu. Ir-raba nett, l-appellant isostni li t-TSP wettaq żball billi rrifjuta li jieħu deċiżjoni fuq it-talba in kwistjoni, jew, sussidjarjament, li s-sentenza tiegħu mhijiex suffiċjentement immotivata u fl-aħħar nett li t-TSP ma kienx iġġustifikat meta ċaħad parti mir-rikors tiegħu minħabba impreċiżjoni.

____________