Language of document :

Appell imressaq fit-28 Jannar 2008 minn Luigi Marcuccio mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-6 ta' Diċembru 2007 fil-kawża F-40/06, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-46/08 P)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellant

tannulla d-digriet ta' l-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea tas-6 ta' Diċembru 2007 fil-kawża F-40/06, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, peress illi: (a) ir-rikors imressaq mill-appellant fl-ewwel istanza ġie miċħud minħabba raġuni differenti min-nuqqas ikkonstatat ta' locus standi ta' l-appellant; (b) it-talbiet ta' l-appellant intiżi sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu subit ġew miċħuda u (ċ) l-appellant ġie kkundannat iħallas lura lill-appellata l-ispejjeż kollha li hija sostniet;

tiddikjara li r-rikors fl-ewwel istanza kien ammissibbli, u b'mod partikolari li l-appellant, meta ressaq dan ir-rikors, kellu locus standi;

primarjament, li tilqa' t-talbiet relatati mal-kumpens għad-dannu subit kif ukoll tikkundanna lill-appellata tħallas lura lill-appellant l-ispejjeż kollha sostnuti minn dan ta' l-aħħar kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża in kwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi fuq il-mertu dwar: (a) il-partijiet kollha tal-kawża in kwistjoni li fuqhom il-Tribunal ma ddeċidiex jew li ġew annullati permezz tas-sentenza li ġiet appellata; (b) l-ispejjeż kollha sostnuti fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Nuqqas assolut ta' motivazzjoni, anki minħabba nuqqas manifest ta' loġika, inkoerenza, konfużjoni, nuqqas ta' investigazzjoni, nuqqas ta' deċiżjoni rigward fatt fundamentali tal-kawża in kwistjoni u ksur ta' l-obbligu ta' clare loqui, tibdil u żnaturament tal-fatti (b'mod partikolari, punti 10, 12, 26 sa 38 inklużi, 42 sa 46 inklużi tad-digriet appellat).

Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u tad-dispożizzjonijiet applikabbli kif ukoll tal-ġurisprudenza Komunitarja fir-rigward tal-kumpens għad-dannu (b'mod partikolari, punti 42 sa 46 inklużi tad-digriet appellat).

Nuqqas manifest ta' loġika tad-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll tad-deċiżjoni tiegħu fuq l-ispejjeż, minħabba wkoll nuqqas ta' raġjonevolezza, nuqqas assolut ta' motivazzjoni, kif ukoll tibdil u żnaturament tar-realtà tal-fatti u arbitrarjetà (b'mod partikolari, punti 49 u 50 tad-digriet appellat).

Nuqqas assolut ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni appellata fir-rigward ta' dak li ġie deċiż fl-ewwel istanza (b'mod partikolari, punti 26 sa 38 inklużi tad-digriet appellat).

Tibdil u żnaturament tal-fatti kif ukoll irregolaritajiet fil-proċeduri (errores in provedendo) ta' serjetà tali li jaffettwaw mingħajr rimedju id-dritt ta' l-appellant li jiddefendi ruħu u li jirriżultaw fi ksur tar-regoli sostanzjali li jaffettwaw mingħajr rimedju d-digriet appellat (b'mod partikolari, il-punt 24 tad-digriet appellat).

Ksur tar-regoli ta' smigħ xieraq, b'riferiment partikolari għar-regoli tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (punti 24 u 26 sa 38 inklużi ta' dan l-appell).

____________