Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-205/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: N. Ruiz García u B. Cullen, aġenti)

Konvenut: L-Irlanda

Talbiet

tikkonstata li l-Irlanda naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 30(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi 1 , billi ma ddeterminatx ir-reġim ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament u billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni l-imsemmi reġim ta’ sanzjonijiet sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Jannar 2016; u

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Regolament Nru 143/2014 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015. Skont l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, l-Irlanda kellha tiddetermina r-reġim tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament (Artikolu 30(1)) u tikkomunika dan ir-reġim ta’ sanzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Jannar 2016 (Artikolu 30(4)).

Peress li l-Irlanda ma kkomunikat l-ebda miżura relatata mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 30(1) u (4) tar-Regolament Nru 1143/2014 lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Irlandiżi sabiex jinfurmaw lis-servizzi tagħha għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Mit-tweġibiet mibgħuta mill-Irlanda fl-20 ta’ April 2017, fit-22 ta’ Diċembru 2017 u fil-21 ta’ Settembru 2018 ħareġ li l-proċedura għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament ma kinitx tlestiet.

Konsegwentement, fil-25 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda, li biha stiednet lill-Irlanda sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn minn meta tirċievi din l-ittra. Mir-risposta tal-Irlanda deher li hija kienet għadha ma kkonformatx ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 30(1) u (4) tar-Regolament Nru 1143/2014.

Fid-dawl tar-risposta mibgħuta mill-Irlanda u tal-assenza ta’ progress fil-perijodu sussegwenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Irlanda kienet għadha ma kkonformatx mal-Artikolu 30(1) u (4) tar-Regolament Nru 1143/2014. Għalhekk, fit-28 ta’ Novembru 2019, hija ħarġet opinjoni motivata skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, li biha stiednet lill-Irlanda tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-imsemmi avviż. Huwa ċar mir-risposta mibgħuta mill-Irlanda li, fi tmiem dan it-terminu, dan l-Istat Membru naqas (u baqa’ jonqos minn dakinhar) milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 30(1) u (4) tar-Regolament Nru 1143/2014.

____________

1 ĠU 2014, L 317, p. 35.