Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Frar 2012 - Bateni vs Il-Kunsill

(Kawża T-42/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Naser Bateni (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Kienzle und M. Schlingmann, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta' Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran 2 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta' Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran 4;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-kawża u, b'mod partikolari, dawk sostnuti mir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent

Il-Kunsill kiser id-dritt tar-rikorrent għal rimedju effettiv quddiem qorti u, b'mod partikolari, l-obbligu ta' motivazzjoni, inkwantu ma pprovdiex motivazzjoni suffiċjenti għall-inklużjoni tiegħu fl-anness tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati.

Il-Kunsill naqas li jsemmi, wara talba espressa tar-rikorrent, ir-raġunijiet jew l-argumenti, u li jipprovdi l-provi korrispondenti xierqa sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tiegħu fl-anness tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati.

Il-Kunsill kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrent inkwantu ma taħx il-fakultà li jinvoka l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 24(3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Artikolu 36(3) u (4) tar-regolament ikkontestat, li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-entitajiet sanzjonati u, b'dan il-mod, li jobbliga lill-Kunsill jagħmel reviżjoni.

It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' bażi fir-rigward tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-entitajiet sanzjonati

Ir-raġunijiet addottati mill-Kunsill ma jurux bi preċiżjoni liema hija l-bażi legali li fuqha l-Kunsill ibbaża ruħu sabiex jinkludi lir-rikorrent fil-lista tal-entitajiet sanzjonati.

Attività li r-rikorrent wettaq biss sa Marzu 2008 ma tistax tiġġustifika l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-entitajiet sanzjonati tax-xahar ta' Diċembru 2011.

L-attività tar-rikorrent bħala direttur tal-Hanseatic Trade Trust & Shipping (HTTS) GmbH ma tiġġustifikax l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-entitajiet sanzjonati, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat ir-Regolament (UE) Nru 961/2010  sa fejn kienet tirrigwarda lil HTTS GmbH.

Il-fatt biss li r-rikorrent sar direttur ta' kumpannija Ingliża, li fil-frattemp ġiet xolta, ma jippermettix li jiġi konkluż li rriżultat waħda mir-raġunijiet indikati fl-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK  u/jew fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-entitajiet sanzjonati.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrent għar-rispett tal-proprjetà privata

L-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-entitajiet sanzjonati tikkostitwixxi ksur inġustifikat tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà privata tiegħu, inkwantu, minħabba motivazzjoni insuffiċjenti min-naħa tal-Kunsill, ir-rikorrent ma kienx f'pożizzjoni li jifhem għal liema raġunijiet huwa ġie inkluż fil-lista ta' persuni milquta mill-miżuri ta' sanzjoni.

L-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-entitajiet sanzjonati bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet previsti fid-Deċiżjoni 2010/413/PESK u r-Regolament Nru 961/2010, hija manifestament inadatta u tikkostitwixxi, barra minn hekk, indħil sproporzjonat fid-dritt tiegħu għall-proprjetà privata.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta' Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71).

2 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta' Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11).

3 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p 1).

4 - 2010/413/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).