Language of document : ECLI:EU:T:2014:972





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tad-19 ta’ Novembru 2014 —
European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Europol

(Kawżi T‑40/12 u T‑183/12)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi informatiċi relatati ma’ sistema ta’ ġestjoni ta’ dokumenti u ta’ portal tal-intranet ta’ impriża — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Trasparenza — Proporzjonalità — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

1.                     Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Motivazzjoni insuffiċjenti — Motiv li jista’ jiġi invokat f’kull fażi tal-proċedura (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2)) (ara l-punt 37)

2.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta — Obbligu li jiġu kkomunikati, fuq talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-persuna magħżula — Evalwazzjoni fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors (Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(3)) (ara l-punti 38-41)

3.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002) (ara l-punt 46)

4.                     Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Motiv imqajjem għall-ewwel darba fil-fażi tar-replika — Inammissibbiltà — Rekwiżiti analogi fir-rigward tal-ilmenti invokati insostenn ta’ motiv (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2)) (ara l-punt 51)

5.                     Proċedura ġudizzjarja — Produzzjoni tal-provi — Terminu — Produzzjoni tardiva tal-provi — Kundizzjonijiet (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(1)) (ara l-punti 64, 65)

6.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni mill-awtorità kontraenti tal-modifiki magħmula għal offerta mill-offerent — Inammissibbiltà (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 89(1) u 99; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 148(3)) (ara l-punti 83, 103-105)

7.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza — Portata — Obbligu ta’ formulazzjoni ċara, preċiża u univokali tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002) (ara l-punt 114)

8.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Obbligu, għal istituzzjoni, li teżerċità l-possibbiltà għaliha li tagħmel kuntatt ma’ offerent wara l-ftuħ tal-offerti — Kundizzjoni — Eżerċizzju fl-osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 89 u 92; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 148(3)) (ara l-punt 135)

9.                     Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) (ara l-punti 147, 148)

10.                     Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent — Rikors ippreżentat minn offerent, imwarrab qabel il-fażi ta’ għoti, kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt — Inammissibbiltà (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) (ara l-punti 150-153)

11.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Assenza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punt 161)

Suġġett

Fil-Kawża T‑40/12, talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ Europol, tat-22 ta’ Novembru 2011, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti D/C3/1104 għall-provvista ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-kontenut ta’ impriża (ġestjoni ta’ dokumenti, ta’ fajls u ta’ proċessi relatati mal-kummerċ) u ta’ portal tal-intranet ta’ impriża (ĠU 2011/S 134‑22204), u, fil-Kawża T‑183/12, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Europol li tagħti l-kuntratt pubbliku relatat mas-sejħa għal offerti prevista hawn fuq lil offerent ieħor u, min-naħa l-oħra, talba għal kumpens għad-dannu li rriżulta mit-telf ta’ possibbiltà, għar-rikorrenti, li jingħataw dan il-kuntratt pubbliku.


Dispożittiv

1)

Il-Kawżi T‑40/12 u T‑183/12 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)

European Dynamics Luxembourg SA u Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettvi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol).