Language of document : ECLI:EU:T:2011:127

Kawża T-33/09

Ir-Repubblika Portugiża

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Pagamenti ta’ penalità — Talba għal ħlas — Tħassir tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza — Rikors għal annullament ippreżentat minn Stat Membru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffissa l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità dovuti b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

(l-ewwel paragrafu tal-Artikoli 225(1) KE, Artikoli 228(2) KE u 230 KE)

2.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tiġi eżegwita sentenza u li timponi pagamenti ta’ penalità — Kompetenza tal-Kummissjoni biex tikkalkola l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti

(Artikoli 226 KE sa 228 KE)

1.      It-Trattat KE ma jipprovdix għal dispożizzjoni speċifika għas‑soluzzjoni tat-tilwim li jinqala’ bejn Stat Membru u l-Kummissjoni fil‑kuntest tal-irkupru tas-somom dovuti lill-baġit tal-Unjoni b’eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 228(2) KE, li tikkundanna Stat Membru għal ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità lill-Kummissjoni.

Minn dan isegwi li r-rimedji stabbiliti mit-Trattat KE japplikaw u li d-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tiffissa l-ammont dovut mill-Istat Membru abbażi tal‑pagamenti ta’ penalità li għalihom ikun ġie kkundannat, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ rikors bħal dan, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 225(1) KE.

Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-Qorti Ġenerali ma tistax tidħol fuq il-kompetenza esklużiva rriżervata għall-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikoli 226 KE u 228 KE. Il-Qorti Ġenerali ma tistax għalhekk tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE kontra deċiżjoni tal‑Kummissjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar kwistjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq mill‑Istat Membru tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattat KE, li ma tkunx ġiet deċiża preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 62-67)

2.      Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi pagamenti ta’ penalità fuq Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tevalwa l‑miżuri meħuda mill-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mas‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li l-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ma jillimitax ruħu illi jadotta miżuri li fir-realtà jkollhom l-istess kontenut bħal dawk li kienu s-suġġett tas‑sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali la jaffettwa d-drittijiet – u, b’mod partikolari, id-drittijiet proċedurali – tal-Istati Membri, kif jirriżultaw mill-proċedura stabbilita bl‑Artikolu 226 KE u lanqas il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Id-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-Istati Membri u l-evalwazzjoni tal‑aġir tagħhom jistgħu jirriżultaw biss minn sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikoli 226 KE sa 228 KE. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiddeċiedi f’kuntest bħal dan li l-miżuri meħuda minn Stat Membru sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza ma humiex konformi mad-dritt Komunitarju sabiex minn dan tislet konklużjonijiet fir-rigward tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk hija tikkunsidra li s-sistema legali l-ġdida introdotta minn Stat Membru għadha sa issa ma tikkostitwixxix traspożizzjoni korretta ta’ direttiva, hija għandha tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE.

(ara l-punti 81, 82, 88, 89)