Language of document : ECLI:EU:T:2011:449

Kawża T-36/09

dm-drogerie markt GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali dm — Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti dm — Proċedura amministrattiva — Deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni — Revoka — Rettifika ta’ żbalji materjali — Att ineżistenti — Ammissibbiltà tal-appelli ppreżentati quddiem il-Bord tal-Appell — Terminu għall-preżentata tal-appell — Aspettattivi leġittimi — Artikoli 59, 60a, 63 u 77a tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 60, 62, 65 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Regola 53 tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju – Rettifika — Limiti

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 53)

2.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Kompetenza tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni sabiex jirrevedu d-deċiżjonijiet tagħhom stess — Rettifika — Revoka — Reviżjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 60a u 77a; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 53)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Preżunzjoni ta’ validità — Att ineżistenti — Kunċett

4.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet — Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni — Kunċett — Silenzju tal-amministrazzjoni — Esklużjoni

5.      Trade mark Komunitarja — Proċedimenti tal-appell — Terminu u forma tal-appell — Invokazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex tiġi evitata d-dekadenza — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 59)

1.      Skont ir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, fejn l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jikkonstata, ex officio fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ikkonċernati, żball lingwistiku, żball ta’ traskrizzjoni jew żball manifest f’deċiżjoni, huwa għandu jiżgura li dan in-nuqqas jew dan l-iżball jiġi kkoreġut mid-dipartiment jew mid-diviżjoni responsabbli. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li r-rettifiki magħmula abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jkollhom biss l-għan li jikkoreġu l-iżbalji ortografiċi jew grammatikali, l-iżbalji ta’ traskrizzjoni - bħal, pereżempju, l-iżbalji dwar l-isem tal-partijiet jew dwar il-kitba tas-sinjali - jew żbalji li għandhom tali natura ovvja li ebda test ieħor minbarra dak li jirriżulta mill-korrezzjoni ma jista’ jiġi maħsub.

(ara l-punt 73)

2.      Kif ġie speċifikat fil-premessi ħdax u tnax tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni, meta adotta dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kompetenenzi tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u ta’ kull waħda mill-istanzi ta’ dan il-korp. B’hekk, il-mod normali ta’ tqegħid inkwistjoni tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni kien jikkonsisti mill-eżerċizzju, mill-partijiet li l-interessi tagħhom ġew ippreġudikati minn dawn id-deċiżjonijiet, tar-rimedji pprovduti mit-Titolu VII tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, l-imsemmi regolament jipprovdi tliet każijiet li fihom id-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni jistgħu huma stess jirrevedu d-deċiżjonijiet li huma adottaw, jiġifieri r-rettifika tad-deċiżjonijiet skont ir-Regola 53 tar-Regolament Nru 868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94, ir-revoka tad-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94, u r-reviżjoni tad-deċiżjonijiet f’każijiet inter partes prevista fl-Artikolu 60a tar-Regolament Nru 40/94. Dawn l-ipoteżijiet għandhom natura limitattiva. Fil-fatt, mill-istruttura ġenerali tar-regoli tal-proċedura amministrattiva stabbilita mir-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li d-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni bħala prinċipju jeżawrixxu l-kompetenza tagħhom meta jagħtu deċiżjoni skont l-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament u huma ma jkollhomx is-setgħa li jirtiraw jew jemendaw id-deċiżjonijiet adottati minnhom barra mill-każijiet ipprovduti mil-leġiżlazzjoni.

(ara l-punt 80)

3.      L-atti tal-istituzzjonijiet, ta’ korpi u ta’ aġenziji tal-Unjoni Ewropea jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ validità u għalhekk, jipproduċu effetti ġuridiċi anki jekk huma vvizzjati b’irregolaritajiet, sakemm ma jiġux annullati jew irtirati. Madankollu, bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti affettwati minn irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tkunx tista’ tiġi ttollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati, anki ex officio, bħala li ma kellhom ebda effett ġuridiku, jiġifieri jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex iżżomm bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda kultant kunfliġġenti, li ordinament ġuridiku għandu jissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi u l-osservanza tal-legalità. Il-gravità tal-konsegwenzi ġuridiċi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni titlob li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, din il-konstatazzjoni tkun limitata għal ipoteżijiet għal kollox estremi.

L-irregolaritajiet li jistgħu jwasslu lill-qorti tal-Unjoni tikkunsidra att bħala ġuridikament ineżistenti huma differenti mill-illegalitajiet li l-konstatazzjoni tagħhom twassal, bħala prinċipju, għall-annullament ta’ atti suġġetti għall-istħarriġ ta’ legalità pprovduta mit-Trattat mhux min-natura tagħhom iżda mill-gravità tagħhom u min-natura flagranti tagħhom. Fil-fatt, għandhom jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti l-atti vvizzjati b’irregolaritajiet li l-gravità tagħhom hija evidenti sal-punt li taffettwa l-kundizzjonijiet essenzjali tagħhom.

(ara l-punti 83, 86)

4.      Anki fin-nuqqas ta’ test, il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li fir-rigward tiegħu istituzzjoni, billi tkun tagħtu assigurazzjonijiet preċiżi, nisslet fih tamiet fondati. Tikkostitwixxi assigurazzjoni bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-amministrazzjoni. Parti għaldaqstant ma għandhiex id-dritt li tibbaża ruħha fuq is-silenzju tal-amministrazzjoni sabiex tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punti 108-110)

5.      Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex tiġi evitata d-dekadenza, appellant għandu jkun jista’ jinvoka aspettattivi bbażati fuq assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni tali li joħolqu konfużjoni ammissibbli f’moħħ persuna li tkun aġixxiet in bona fide u li tkun eżerċitat id-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment prudenti.

Fid-dawl tan-natura imperattiva tat-terminu għall-preżentata ta’ appell kontra deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), ipprovduta fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja u mfakkra waqt in-notifika, ir-rikorrenti, fin-nuqqas li jiġi ppreżentat f’dan it-terminu, anki b’mod kawtelatorju, appell kontra din id-deċiżjoni, ma wrietx id-diliġenza normalment meħtieġa sabiex tkun tista’ tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punti 114, 115)