Language of document : ECLI:EU:T:2011:127

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

29 ta’ Marzu 2011 (*)

“Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Pagamenti ta’ penalità – Talba għal ħlas – Tħassir tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni”

Fil-Kawża T‑33/09,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u J. A. de Oliveira, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, P. Guerra e Andrade u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 7419 finali, tal-25 Novembru 2008, li fiha talba għall-pagamenti ta’ penalitajiet dovuti b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/06, Ġabra p. I‑1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 225(1) KE:

“Il-Qorti ta’ Prim’Istanza hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 230, 232, 235, 236 u 238, bl‑eċċezzjoni ta’ dawk assenjati lil xi awla ġurisdizzjonali u ta’ dawk li l-Istatut jirriserva għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istatut jista’ jipprovdi li l‑Qorti ta’ Prim’Istanza tkun kompetenti għal kategoriji oħra ta’ rikorsi.”

2        L-Artikolu 226 KE jistabilixxi li:

“Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skont dan it-Trattat, hija għandha toħroġ opinjoni motivata dwar il-materja wara li tagħti lill-Istat interessat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

Jekk l-Istat inkwistjoni ma jikkonformax ruħu ma’ dik l-opinjoni fil‑perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’ ġġib il-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.”

3        L-Artikolu 228 KE jipprevedi li:

“1. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja issib li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligi taħt dan it-Trattat, l-Istat ikun marbut li jieħu l‑miżuri kollha meħtieġa biex jimxi mas-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja.

2. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru involut ma jkunx ħa dawn il-miżuri hija, għandha, wara li tagħti l-opportunità lill-Istat biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, tagħti opinjoni motivata fejn tispeċifika l-punti li dwarhom l-Istat Membru involut ma jkunx ikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Jekk l-Istat Membru involut jonqos milli jieħu l-passi neċessarji biex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żmien indikat mill-Kummissjoni, din tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tagħmel hekk, għandha tindika is-somma ta’ ħlas f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità li tikkonsidra illi l-Istat Membru involut għandu jħallas skont iċ-ċirkostanzi.

Jekk lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultalha li l-Istat Membru involut ma jkunx mexa skont is-sentenza tagħha, din tista’ timponi fuqu l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità.

[...]”

4        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 274 KE:

“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-budget, skond id‑disposizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 279[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑275/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-2004”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li:

“li, billi naqset li tirrevoka d-Digriet Leġiżlattiv Nru 48051 tal-21 ta’ Novembru 1967, li jissuġġetta l-għoti ta’ kumpens għad-danni lill‑persuni li sofrew ħsara minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il‑kuntratti pubbliċi, jew tal-liġijiet nazzjonali li jimplementawh, għall‑prova ta’ ħtija jew aġir intenzjonat, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall‑għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246)

6        Peress li kkunsidrat li r-Repubblika tal-Portugall ma kkonformatx ruħha ma’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li tressaq rikors ġdid għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 228(2) KE għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi imposti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

7        Il-Liġi Nru 67/2007, tal-31 ta’ Diċembru 2007, Aprove o Regime de Responsabilidade Civil Extracontractual do Estado e Demais Entidades Públicas (Liġi Nru 67/2007 dwar l-adozzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħra, Diário da República, serje 1, Nru 251, tal-31 ta’ Diċembru 2007) tistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħra fil-każ ta’ danni kkawżati mill-eżerċizzju tal-funzjoni leġiżlattiva, ġudizzjarja u amministrattiva għal dak kollu li ma huwiex previst f’liġi speċjali. Hija tirregola wkoll, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ liġi speċjali, ir-responsabbiltà ċivili tal-uffiċjali, tal-uffiċjali pubbliċi u tal-impjegati pubbliċi fil-każ ta’ danni kkawżati bl-azzjonijiet jew bl-ommissjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-qadi ta’ funzjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji li jirriżultaw minn tali qadi u r-responsabbiltà ċivili ta’ ħaddiema oħra fis-servizz ta’ entitajiet koperti minn din il-liġi. L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 67/2007 iħassar id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051. Il-Liġi Nru 67/2007 daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Jannar 2008.

8        Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/06, Ġabra p. I‑1, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑2008”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

“16. Fil-punt 1 tad-dispożittiv [tas-sentenza tagħha tal-2004], iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, ir-Repubblika Portugiża kienet naqset mill-obbligi li għandha skond l-Artikoli 1(1) u 2(1)c) tad-Direttiva 89/665.

17. Fil-kuntest tal-preżenti proċedura għal nuqqas, sabiex jiġi kkonstatat jekk ir-Repubblika Portugiża adottatx il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, għandu jiġi stabbilit jekk id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 ġiex abrogat.

18. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-data ta’ riferiment sabiex jiġi evalwat nuqqas skond l-Artikolu 228 KE hija dik ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill‑opinjoni motivata maħruġa bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-12 ta’ Lulju tal-2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, Ġabra p. I-6263, punt 30; tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-119/04, Ġabra p. I-6885, punt 27, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-503/04, Ġabra p. I-6153, punt 19).

19. F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata nnotifikata lilha fit-13 ta’ Lulju 2005, ir-Repubblika Portugiża kienet għadha ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051.

20. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza [tal-2004], ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) KE.

[…]

23. Bl-istess mod, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-Repubblika Portugiża li jgħid li r-responsabbiltà ta’ l-Istat għad-danni kkawżati minn atti mwettqa mill-uffiċjali u l-aġenti tiegħu huma diġà previsti minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali tagħha. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 33 [tas-sentenza tagħha tal-2004] din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għan-nuqqas li bih jitħalla fis-seħħ id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 fis-sistema legali interna. L-eżistenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax, għaldaqstant, tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

24. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 li jissuġġetta l-għoti ta’ kumpens lill-persuni li sofrew danni minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, jew tal-liġijiet nazzjonali li jimplementawh, għall-prova ta’ negliġenza jew aġir doluż, ir-Repubblika Portugiża ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni [tas-sentenza tagħha tal-2004], u naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) KE

[…]

30. Peress li kkonstatat li r-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha [mas-sentenza tagħha tal-2004], il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 228(2) KE, timponi fuq dak l-Istat Membru ħlas ta’ somma f’daqqa u/jew penalità.

31. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull każ, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu deċiżi (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-177/04, Ġabra p. I-2461, punt 58).

32. F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 25 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li timponi penalità fuq ir-Repubblika Portugiża.

[…]

36. Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, matul is-seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2007, l-aġent tar-Repubblika Portugiża kkonferma li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 kien għadu fis-seħħ f’dik id-data.

[…]

54. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li r-Repubblika Portugiża tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, penalità ta’ EUR 19 392 kull jum ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza [tal-2004], iċċitata iktar ‘il fuq, mid-data tal-preżenti sentenza sal-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmija sentenza [tal-2004].

[…]

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1. Billi ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, tal-21 ta’ Novembru 1967, li jissuġġetta l-għoti ta’ kumpens lill-persuni li sofrew ħsara minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, jew tal-liġijiet nazzjonali li jimplementawh, għall-prova ta’ negliġenza jew aġir doluż, ir-Repubblika Portugiża ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza [tal-2004], u naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) KE.

Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, penalità ta’ EUR 19 392 kull jum ta’ dewmien fl‑implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha [mas-sentenza tal-2004], mid-data tal-preżenti sentenza sal-eżekuzzjoni [tal-imsemmija sentenza tal-2004].”

9        Fit-28 ta’ Jannar 2008 saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti tar-Repubblika Portugiża u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, li matulha ġiet diskussa l-portata tal-Liġi Nru 67/2007. Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Portugiżi sostnew li, bl-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru 67/2007 li tabbroga d-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, ir-Repubblika Portugiża kienet ħadet il-miżuri kollha neċessarji li kienu inklużi fis-sentenza tal‑2004. Ir‑rappreżentanti tar-Repubblika Portugiża indikaw ukoll li kienu bi ħsiebhom jikkontestaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kull deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ ammonti dovuti bħala pagamenti ta’ penalità stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huma argumentaw ukoll li r-Repubblika Portugiża ma kellhiex tħallas l-ammonti eventwalment dovuti ħlief għall-perijodu mid-data tal-għoti tas-sentenza, jiġifieri mill-10 ta’ Jannar 2008, sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 67/2007, jiġifieri t-30 ta’ Jannar 2008.

10      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, iddefendiet l-argument li, essenzjalment, il-Liġi Nru 67/2007 ma tirrappreżentax implementazzjoni adegwata u sħiħa tas-sentenza tal-2004.

11      Imbagħad saru żewġ laqgħat oħra bejn il-partijiet fuq l-inizjattiva tar‑Repubblika Portugiża biex tinstab soluzzjoni bonarja għat-tilwima mal-Kummissjoni.

12      Permezz ta’ ittra datata 25 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu lill-Kummissjoni abbozz ta’ liġi Nru 210/2008 li jemenda l-Liġi Nru 67/2007.

13      Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-abbozz ta’ liġi, il-gvern Portugiż jiġġustifika l-emenda għal-liġi Nru 67/2007 minħabba l-ħtieġa ta’ konformità tas-sistema ġdida ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑entitajiet pubbliċi dwar l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tas‑sentenza tal-2008 u dwar is-sistema prevista mid-Direttiva 89/665 u d-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina l‑liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315).

14      Fil-15 ta’ Lulju 2008, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Suq Intern u Servizzi” bagħat ittra lill-awtoritajiet Portugiżi li fiha, minn naħa, huwa qal li jikkondividi l-pożizzjoni skont liema dawn tal‑aħħar kienu għadhom ma ħadux il-miżuri kollha meħtieġa għall-implementazzjoni tas-sentenza 2004 u, min-naħa l-oħra, huwa talab ħlas ta’ ammont ta’ EUR 2 753 664 li jikkorrispondi għall-pagamenti ta’ penalità dovuti għall‑perijodu mill-10 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2008, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2008.

15      Permezz ta’ ittra datata 23 ta’ Lulju 2008, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu lill-Kummissjoni kopja tal-Liġi Nru°31/2008, tas-17 ta’ Lulju 2008, Procede à primeira alteração à Lei n 67/2007” (Liġi Nru 31/2008 għall‑ewwel emenda tal-Liġi Nru 67/2007, Diário da República, serje 1, Nru 137, tas-17 ta’ Lulju 2008). Din il-liġi daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2008.

16      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2008, l-awtoritajiet Portugiżi wieġbu għas-sejħa għall-fondi mill-Kummissjoni. Huma tennew il-fehma tagħhom li, bil-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 67/2007, huma kienu adottaw il-miżuri kollha li l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2004 kienet titlob. Huma sostnew li kienu madankollu aċċettaw li jemendaw il-Liġi Nru 67/2007 u li jadottaw l-Liġi Nru 31/2008 sabiex jiġi evitat li titwal il-litigazzjoni u tintemm it-tilwima tagħhom mal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata l-Liġi Nru 67/2007. Huma indikaw ukoll li l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 31/2008 jipprovdi għal applikazzjoni retroattiva tal-liġi mit-30 ta’ Jannar 2008. Għalhekk, is-sistema legali Portugiża hija f’konformità mas-sentenza tal-2004 mit-30 ta’ Jannar 2008. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Portugiżi talbu, essenzjalment, ir-rivalutazzjoni tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità billi tittieħed bħala data ta’ referenza t-30 ta’ Jannar 2008.

17      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2008, l-awtoritajiet Portugiżi informaw lill-Kummissjoni li huma kienu se jitrasferixxu għall-kont “Riżorsi proprji tal-Kummissjoni Nru 636003” l-ammont ta’ EUR 2 753 664, filwaqt li ddikjaraw li dan it-trasferiment sar taħt kundizzjoni u ma jirrappreżentax l-aċċettazzjoni mill-Portugall tal‑pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum jew ir-rinunzja għad-dritt tagħhom li jikkontestaw l‑eżiġibiltà tas-somma billi jużaw il-proċeduri ġudizzjarji xierqa.

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2008 bir-referenza T‑378/08, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat rikors għall-annullament tal-ittra datata 15 ta’ Lulju 2008.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit-3 ta’ Diċembru 2008, il‑Kummissjoni eċċepiet l-inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Hija essenzjalment sostniet li l-ittra tal-15 ta’ Lulju 2008 ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat peress li ma kinitx tirrigwarda deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

20      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Jannar 2009, ir-Repubblika Portugiża informat lill-Qorti Ġenerali, b’mod konformi mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, li hija kienet ser tirrinunzja għar‑rikors tagħha.

21      Il-Kawża T‑378/08 ġiet imħassra mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Marzu 2009.

22      Permezz tad-Deċiżjoni C (2008) 7419 finali, tal-25 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir‑Repubblika Portugiża b’ittra tas-Segretarjat Ġenerali tas-26 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni, essenzjalment, sostniet li fl-opinjoni tagħha, il‑Liġi Nru 67/2007 ma kinitx teżegwixxi b’mod xieraq is-sentenza tal‑2004, li, madankollu, bil-liġi Nru°31/2008, l-awtoritajiet Portugiżi kienu eżegwew din is-sentenza, u li, peress li din il-liġi daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2008, id-data li fiha l-ksur tal-obbligu kien waqaf kienet stabbilita għat-18 Lulju 2008. Hija għalhekk laqgħet it-talba għall-pagamenti ta’ penalità magħmula fl-ittra mid-DĠ “Suq Intern u Servizzi” tal-15 ta’ Lulju 2008. Il-Kummissjoni talbet ukoll ammont addizzjonali ta’ EUR 911 424 għall-perijodu mill-1 Ġunju sas-17 ta’ Lulju tal-2008.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Ir-Repubblika Portugiża titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

–        prinċiparjament, tannulla s-sentenza kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn l-effetti tagħha jmorru lil hinn mid-data tad-29 ta’ Jannar 2008;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni biex tħallas l-ispejjeż kollha jew, jekk il-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-pagament ta’ penalità, tikkundanna lil kull parti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba tar-Repubblika Portugiża;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża tbati l-ispejjeż fl-intier tagħhom.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

25      Prinċiparjament, ir-Repubblika Portugiża ssostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ċar li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu rriżulta minn nuqqas tat-tħassir tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 u li, għaldaqstant, kellha tħassar id-Digriet Leġiżlattiv biex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-2004.

26      Madankollu, ir-Repubblika Portugiża kkonformat ruħha mas-sentenza tal-2004 bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 67/2007, li tħassar id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 u tintroduċi sistema ġdida ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-Istat.

27      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li l‑interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni ta’ din il-liġi hija żbaljata.

28      F’dan ir-rigward, hija ssostni, essenzjalment, li fil-punt 31 tas-sentenza tagħha tal-2004, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat illi bl-issuġġettar tar-responsabbiltà ċivili tal-Istat għall-obbligu li jiġu pprovati n-negliġenza jew aġir doluż, kif previst bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, ir-Repubblika Portugiża kienet naqset milli tissodisfa l-obbligi Komunitarji tagħha. Min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ responsabbiltà bbażata fuq preżunzjoni ta’ negliġenza - kif stabbilita bil-Liġi Nru 67/2007 u, b’mod partikolari bl-Artikoli 7 u 10(2) u (3) tagħha ‑ hija konformi mad-direttivi Komunitarji. Xejn fis-sentenza tal‑2004 ma jista’ tabilħaqq iwassal għall-konklużjoni li r‑responsabbiltà tal-Istat fil-kuntest tal-kuntratti koperti mid‑Direttiva tal‑Kunsill 71/305/KEE, tas‑26 ta’ Lulju 1971, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (ĠU L 185, p. 5) u d-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti (ĠU 1977 L 13, p. 1) hija purament oġġettiva, jiġifieri mingħajr negliġenza.

29      Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li, biex tikkonforma ruħha mas‑sentenza tal-2004, hija setgħet għalhekk liberament tistabbilixxi l‑kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu msemmi fl‑Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 89/665, sakemm dan il-mekkaniżmu jipprovdi li l-persuna li tkun sofriet id-danni għandha ġġib prova ta’ negliġenza mill-awtorità kontraenti.

30      Skont ir-Repubblika Portugiża, l-eżistenza ta’ negliġenza u l–ħtieġa li tinġieb prova tagħha ma jistgħux jiġu konfużi.

31      Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li l-fatt li s-sistema l-ġdida tipprevedi għal prezunżjoni konfutabbli ma jaffettwax il-konformità tagħha mad-Direttiva 89/665, sa fejn ikun biżżejjed biex l-individwu li jasserixxi u jipprova l-illegalità tal-aġir, mingħajr ma jkollu jipprova l-eżistenza ta’ negliġenza, filwaqt li tkun ir-responsabbiltà tal-Istat li jipprovdi, fejn xieraq, prova kuntrarja.

32      Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra wkoll li r-riferiment għal negliġenza ħafifa taħt l-Artikolu 10(2) tal-Liġi Nru 67/2007 hija irrilevanti, peress li l-vittma hija fi kwalunkwe mod eżentata milli tistabbilixxi n-negliġenza u li dan ir-riferiment għandu bħala għan u effett waħdieni li jostakola l‑istħarriġ tar-responsabbiltà konġunta tal-uffiċjal jew l-aġent responsabbli għall-aġir illegali u li jikkawża dannu. Fi kliem ieħor, ma huwa se jkun hemm l-ebda rikors kontra l-aġent fil-każ ta’ negliġenza ħafifa iżda biss f’każijiet ta’ negliġenza jew aġir doluż. Din id-distinzjoni, li tikkonċerna biss ir-relazzjoni bejn l-amministrazzjoni u l-aġenti tagħha, madankollu, hija irrilevanti għall-vittma.

33      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) u (4) tal-Liġi Nru 67/2007 dwar in-nuqqas ta’ notifika għandhom essenzjalment, skont ir-Repubblika Portugiża, l-għan li jħarsu lill-individwu f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx jista’ jidentifika b’mod eżatt l-aġent jew uffiċjal responsabbli mill-att illegali li joħloq id-dannu. F’dawn il-każijiet, l-illegalità tal-att tiġi preżunta. L-individwu huwa eżentat wkoll milli jipprova l-illegalità tal-att, li hija forma ta’ responsabbiltà oġġettiva.

34      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ssostni essenzjalment li sa fejn hija ma limitatx ruħha li tħassar id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 iżda stabbilixxiet sistema ġdid ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-Istat, ma teżistix kontinwità bejn is-sistema preċedenti u s-sistema stabbilita mill-Liġi Nru 67/2007 u, għaldaqstant, il-kontinwità tal-ksur tal-liġi Komunitarja.

35      Ir-Repubblika Portugiża ssostni wkoll li l-emenda tal-Liġi Nru 67/2007, introdotta bil-Liġi Nru 31/2008 kienet intiża biss biex tingħeleb diverġenza ta’ interpretazzjoni mal-Kummissjoni u jiġi evitat illi din tiġi mtawla.

36      Skont ir-Repubblika Portugiża, peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-konformità tal-Liġi Nru 67/2007 mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rikors ġdid għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex tissottometti l-kwistjoni tal-adegwatezza tas-sistema ġuridika ġdida stabbilita minn din il-liġi mad-dritt tal-UE, lill-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Sussidjarjament, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-retroattività tal-Liġi Nru°31/2008 - jekk wieħed jassumi li din tal-aħħar, u mhux il-Liġi Nru 67/2007, ġabet il-konformità bejn id-dritt Portugiż u d-dritt Komunitarju - twassal għal konklużjoni li d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għat-tmiem tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu hija t-30 ta’ Jannar 2008 u mhux id-data tal-pubblikazzjoni tal-liġi, kif erronjament iddeċidiet il-Kummissjoni.

38      Hija titlob, għalhekk, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba żbalji ta’ liġi imwettqa mill-Kummissjoni.

39      Fir-rigward tal-oġġezzjoni mqajma prinċiparjament mir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, l-ewwel nett, li s-suġġett tal-kawża huwa stabbilit mill-Kummissjoni fl-avviż ta’ intimazzjoni li hija tibgħat lill-Stat Membru kkonċernat.

40      Madankollu, skont il-Kummissjoni, is-suġġett tal-kawża fil-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miġjuba kontra r-Repubblika Portugiża, ma kinitx azzjoni pożittiva ta’ dak l-Istat iżda ommissjoni tiegħu. Din l-ommissjoni tirriżulta mill-fatt li d-Direttiva 89/665 tippreżumi kisba ta’ riżultat – il-kumpens għall-persuni leżi minn kwalunkwe ksur tad-dritt Komunitarju li jirregola l–għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jimplementawhom - u li t-tħassir tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 48051 ma kienx biżżejjed, skont il-Kummissjoni, biex jintlaħaq dan l-għan.

41      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, għalhekk, dan ma kienx sempliċement każ ta’ revoka tad-Digriet LeġiżlattivNru 48 051, iżda s-sistema legali kollha li kienet qed tikkawża n-nuqqas ta’ twettiq tad-direttiva Komunitarja. Hija temmen li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċara f’dan ir‑rigward fis-sentenzi tagħha tal-2004 u l-2008, filwaqt li l-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, li ssuġġetta l-għoti ta’ danni lill-parti leża għall‑prova tan-negliġenza, skont il-modalitajiet previsti f’din il‑leġiżlazzjoni, poġġa lir-Repubblika Portugiża f’sitwazzjoni ta’ ksur tad-dritt Komunitarju. Hija tkompli targumenta li, fis-sentenza tal-2008, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, billi naqset milli tabbroga s-sistema li tikkawża n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu, ir-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha mas-sentenza tal-2004.

42      Il-Kummissjoni tqis li huwa ovvju li s-sentenza tal-2004 ma tfissirx li bis-sempliċi tħassir tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, ir-Repubblika Portugiża ġabet id-dritt tagħha f’konformità mal-obbligi tagħha taħt Artikoli 1(1) u 2(1)(c) tad-Direttiva 89/665.

43      Il-Kummissjoni ssostni li skont l-interpretazzjoni tagħha tal-liġi Portugiża, il-Liġi Nru 67/2007 ma poġġithiex f’konformità mad-dritt Komunitarju, anki jekk tirrikonoxxi fis-sottomissjonijiet tagħha li din kienet sistema legali differenti mis-sistema fis-seħħ qabel. Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Portugiża kkonformat ruħha mas-sentenza tal‑2004 biss meta, fil-fatt, adottat il-Liġi Nru 31/2008.

44      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-Direttiva 89/665 tipprovdi għal kumpens lil persuni leżi minn deċiżjonijiet illegali ta’ awtoritajiet kontraenti jew permezz ta’ ksur tal-liġi. Din ma tirrigwardax għalhekk responsabbiltà oġġettiva iżda responsabbiltà ċivili extra kuntrattwali. Hija tikkunsidra f’dan ir-rigward li, fis-sentenza tal-2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx din il-kwistjoni u li minn din is-sentenza ma tistax tinġibed xi konklużjoni dwar dan is-suġġett.

45      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, madankollu, li s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tar-Repubblika Portugiża kienet insuffiċjenti għaliex peress li kienet tinħtieġ prova tal-eżistenza ta’ danni mwettqa mill-aġenti tal-entità amministrattiva.

46      Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-Liġi Nru 67/2007 lanqas ma tikkostitwixxi traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 89/665 fil-liġi Portugiża.

47      Il-Kummissjoni tispeċifika li huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn tliet sitwazzjonijiet f’dan ir-rigward.

48      L-ewwel nett, jekk l-att twettaq minn uffiċjal jew aġent li jkun aġixxa b’mod doluż jew twettaq b’negliġenza gravi, l-att illegali jiġi direttament attribwibbli għal dak l-uffiċjal jew l-aġent u l-Istat huwa indirettament responsabbli konġuntament jekk, minbarra dawn l-ewwel żewġ kundizzjonijiet, l-aġent jew l-uffiċjal hekk identifikat ikun aġixxa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Fin-nuqqas ta’ dan, l-Istat ma jkunx responsabbli.

49      Il-Kummissjoni temmen, barra minn hekk, li jekk l-uffiċjal kien ħati ta’ aġir doluż jew ta’ negliġenza gravi, il-parti leża għandha tipprova l-aġir doluż jew in-negliġenza gravi, skont l-Artikolu 10(2), tal-Liġi Nru 67/2007, minħabba li l-kriterji ġenerali dwar l-oneru tal-prova jerġgħu jsiru applikabbli f’dan il-każ.

50      It-tieni nett, jekk l-att illegali sar minn uffiċjal li jkun wettaq ksur minuri, l-att illegali huwa direttament attribwibbli għal dak l-uffiċjal jew l-aġent u r-responsabbiltà tal-Istat hija indirettament attribwita, peress li ma jistax jiġi attribwit lilu att li tiegħu ma jkunx l-awtur. Huwa jinżamm responsabbli biss għall-aġir ta’ ħaddieħor. Għal darb’oħra, skont il-Kummissjoni, l-assunzjoni tar-responsabbiltà tippresupponi li l-aġent jew l-uffiċjal ikun aġixxa fl-eżerċizzju tal-funzjoni amministrattiva tiegħu u minħabba dan l-eżerċizzju. Jekk l-Istat juri li l-uffiċjal ma wettaq l-ebda nuqqas, huwa ma jkunx responsabbli.

51      Fir-rigward tan-negliġenza ħafifa, il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li l-preżunzjoni ta’ negliġenza tista’ faċilment tinqaleb bi kwalunkwe mezz, inkluż xhieda, meta n-negliġenza hija ddeterminata b’riferiment għad-diliġenza ta’ impjegat ċivili medju li mhux mistenni li jsolvi n-nuqqasijiet tas-sistema amministrattiva.

52      It-tielet nett, jekk l-att jew ommissjoni huwa funzjonali u li d-danni ma humiex dovuti għal xi uffiċjal jew aġent partikolari, jew fejn huwa impossibbli li tattribwixxi l-att jew ommissjoni li xi awtur kwalunkwe, id-danni jiġu attribwiti għal operazzjoni mhux normali tas-servizz, jekk inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi u tal-istandards medji, tip ta’ kondotta oħra setgħet raġonevolment tkun mistennija mis-servizz. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, l-Istat ma jkunx responsabbli.

53      Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li l-kunċett ta’ operazzjoni mhux normali tas-servizz huwa, għall-inqas parzjalment, sostitut għan‑negliġenza, billi dan jinvolvi l-verifika tad-diliġenza meħtieġa direttament mis-servizz pubbliku fejn seħħ il-fatt li kkawża l-preġudizzju.

54      B’hekk, fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, il-kumpens tal-vittma huwa suġġett, bil-liġi, għall-eżistenza ta’ aġir ħażin ta’ uffiċjal fit-twettiq tal-att illegali, jew ta’ operazzjoni mhux normali tas-servizz.

55      Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li r-responsabbiltà ċivili tal-Istat ma hijiex diretta taħt il-Liġi Nru 67/2007, qabel ma ġiet emendata bil-Liġi Nru 31/2008, iżda tiddependi fuq l-eżistenza ta’ aġir ħażin min-naħa ta’ uffiċjali jew aġenti tal-entità amministrattiva. Fis-sentenza tagħha tal-2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din is-sistema ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665. Fil-fatt, kemm l-aġir ħażin tal-aġent jew tal-uffiċjal kif ukoll l-operazzjoni mhux normali tas-servizz huma kunċetti estranji għad-Direttiva 89/665.

56      Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tikkunsidra, essenzjalment, li l-ksur huwa kontinwu u kien itterminat biss mil-Liġi Nru°31/2008, peress li f’dan ir-rigward, is-suċċessjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 u tal-Liġi Nru 67/2007 hija irrilevanti. Hija temmen ukoll li r-retroattività tal-Liġi Nru 31/2008 hija wkoll irrilevanti, peress li huwa permezz tal-adozzjoni ta’ din il-liġi, fis-17 ta’ Lulju 2008, li ntemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li hija biss din id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

57      Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 226 KE, fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas milli jikkonforma ma’ wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat KE, hija għandha toħroġ opinjoni motivata wara li tkun tat lil dak l-Istat l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk l-Istat ikkonċernat ma jikkonformax ma’ din l-opinjoni fit-terminu speċifikat mill-Kummissjoni, din tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

58      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni fil-fatt ma għandha l-ebda awtorità biex tiddetermina b’mod konklużiv, mill-opinjoni mogħtija taħt l-Artikolu 226  KE jew minn pożizzjonijiet oħra fil-kuntest ta’ din il-proċedura, id-drittijiet u l-obbligi ta’ Stat Membru, jew li tagħtih garanziji dwar il-kompatibbiltà mat-Trattat ta’ aġir partikolari, u li, skont l-Artikoli 226 KE, 227 KE u 228 KE, id-determinazzjoni ta’ drittijiet u obbligi tal-Istati Membri u l-evalwazzjoni tal-aġir tagħhom tista’ biss tirriżulta minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 1981, Essevi u Salengo, 142/80 u 143/80, Ġabra p. 1413, punt 16, u u tat-22 ta’ Frar 2001, Gomes Valente, C‑393/98, Ġabra p. I‑1327, punt 18).

59      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 228(2) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq riferiment mill-Kummissjoni wara li tkun ħarġet l-opinjoni motivata jekk ma tittiħidx azzjoni fuqha mill-Istat Membru kkonċernat, tista’ timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità jekk issib li l-Istat Membru ma jkunx ikkonforma ruħu mas-sentenza tagħha.

60      Il-proċedura prevista fl-Artikolu 228(2) KE għandha tiġi kkunsidrata bħala proċedura ġuridika speċjali għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi, fi kliem ieħor, bħala mezz ta’ eżekuzzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑304/02,Ġabra p. I‑6263, punt 92).

61      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat KE ma jistabbilixxix ir-regoli għall-implementazzjoni tas-sentenza deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar ta’ din il-proċedura ġdida, speċjalment meta jiġi impost pagamenti ta’ penalità.

62      Madankollu, jekk sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija taħt l‑Artikolu 228(2) KE, tikkundanna Stat Membru jħallas lill‑Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagamenti ta’ penalità u fejn, skont l‑Artikolu 274 KE, il-Kummissjoni timplementa l-baġit, hija għandha tirkupra l-ammonti dovuti lill-baġit tal-Unjoni b’eżekuzzjoni tas-sentenza, skont id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti adottati bl-implementazzjoni tal-Artikolu 279 KE.

63      Madankollu, it-Trattat KE ma jipprovdix għal dispożizzjoni speċifika għas-soluzzjoni tat-tilwim li jinqala’ bejn Stat Membru u l-Kummissjoni f’dan il-kuntest.

64      Minn dan isegwi li r-rimedji stabbiliti mit-Trattat KE japplikaw u li d-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tiffissa l-ammont dovut mill-Istat Membru fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità li għaliha jkun ġie kkundannat, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għall-annullament taħt l-Artikolu 230 KE.

65      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ rikors bħal dan, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 225(1) KE.

66      Madankollu, fl-eżerċizzju din il-kompetenza, il-Qorti Ġenerali ma tistax tidħol fuq il-kompetenza esklużiva riservata għall-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikoli 226 KE u 228 KE.

67      Il-Qorti Ġenerali ma tistax għalhekk tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 228(2) KE, dwar domanda dwar in-nuqqas ta’ twettiq mill-Istat Membru tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattat KE, li ma tkunx ġiet deċiża preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq il-każ ineżami

68      Huwa tajjeb li jitfakkru t-termini tas-sentenza tal-2008:

“16. Fil-punt 1 tad-dispożittiv [tas-sentenza tal-2004], iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, ir-Repubblika Portugiża kienet naqset mill-obbligi li għandha skont l-Artikoli 1(1) u 2(1)c) tad-Direttiva 89/665.

17. Fil-kuntest tal-preżenti proċedura għal nuqqas, sabiex jiġi kkonstatat jekk ir-Repubblika Portugiża adottatx il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, għandu jiġi stabbilit jekk id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 ġiex abrogat.

18. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-data ta’ riferiment sabiex jiġi evalwat nuqqas skont l-Artikolu 228 KE hija dik ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata maħruġa bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, Ġabra p.I‑6263, punt 30; tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-119/04, Ġabra p. I-6885, punt 27, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑503/04, Ġabra p. I‑6153, punt 9).

19. F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata nnotifikata lilha fit-13 ta’ Lulju 2005, ir‑Repubblika Portugiża kienet għadha ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051.

20. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) KE.

[…]

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1. Billi ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, tal-21 ta’ Novembru 1967, li jissuġġetta l-għoti ta’ kumpens lill-persuni li sofrew ħsara minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, jew tal-liġijiet nazzjonali li jimplementawh, għall-prova ta’ negliġenza jew aġir doluż, ir-Repubblika Portugiża ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni [tas-sentenza tal-2004], u naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) KE.

2. Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, penalità ta’ EUR 19 392 kull jum ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha [mas-sentenza tal-2004], mid-data tal-preżenti sentenza sa l-eżekuzzjoni [tal-imsemmija sentenza tal-2004]”.

69      Mid-dispożittiv tas-sentenza tal-2008, moqri fid-dawl tar-raġunijiet iċċitati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 16 sa 19, jirriżulta espressament li kien biżżejjed għar-Repubblika Portugiża li tabroga d-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 biex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-2004 u li l-pagamenti ta’ penalità jkunu dovuti sa dan it-tħassir.

70      Huwa paċifiku li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 ġie abrogat mill-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 67/2007, adottata fil-31 ta’ Diċembru 2007, ippubblikata fid-Diário da República fl-istess jum u daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Jannar 2008.

71      Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li l-Liġi Nru 67/2007 ma kinitx eżekuzzjoni xierqa tas-sentenza tal-2004, li, madankollu, bil-Liġi Nru 31/2008 l-awtoritajiet Portugiżi kienu eżegwew din is-sentenza, u li din il-liġi daħlet fis-seħħ fit‑18 ta’ Lulju 2008, u d-data li fiha n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu waqaf ġiet stabbilita fit-18 ta’ Lulju 2008. Il-Kummissjoni b’hekk irrifjutat li tistabbilixxi t-tmiem tan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu fid-data li fiha d-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 ġie abrogat bil-Liġi Nru 67/2007.

72      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret id-dispożittiv tas-sentenza tal‑2008. Id-deċiżjoni kkontestata għandha għaldaqstant tiġi annullata.

73      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-interpretazzjoni mogħtija lis-sentenza tal-2004 mill-Kummissjoni.

74      Filwaqt li l-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, billi titlob, fis-sentenzi tagħha tal-2004 u tal-2008, it-tħassir tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 “li jissuġġetta l-għoti ta’ kumpens lill-persuni li sofrew ħsara minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, jew tal-liġijiet nazzjonali li jimplementawh, għall-prova ta’ ħtija jew aġir intenzjonat” talbet mhux biss it-tħassir tad-Digriet Leġiżlattiv - li hija, temmen, li kienet twassal għal lacuna legali u ma kinitx tikkostitwixxi traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 89/665 ‑ iżda li dawn is-sentenzi għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li l-għoti ta’ danni lill-persuni leżi minn ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponuh, għal prova ta’ aġir doluż jew negliġenza ma kienx konformi mad-direttiva.

75      Hija tikkunsidra li, konsegwentement, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kompla sakemm fid-dritt Portugiż kien hemm dan l-issuġġettar tal-għoti ta’ danni lill-persuni leżi minn ksur ta’ dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponuh għall-prova ta’ aġir doluż jew negliġenza.

76      Il-Kummissjoni konsegwentement tqis li hija għandha tikkunsidra mhux id-data li fiha d-Digriet Leġiżlattiv ġie abrogat, iżda d-data li fiha l-leġiżlatur Portugiż abolixxa l-issuġġettar tal-għoti ta’ kumpens għad-danni lill‑persuni leżi minn ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponuh, għall-prova ta’ aġir doluż jew negliġenza.

77      Skont il-Kummissjoni, peress li r-revoka tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 480 51 ma kellhiex dan l-effett, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għalhekk seta’ jippersisti.

78      Dan huwa dak li hija kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, meta kkunsidrat, essenzjalment, li l-Liġi Nru 67/2007 ma tikkostitwixxix eżekuzzjoni xierqa tas-sentenza tal-2004, filwaqt li, min-naħa l-oħra, bil-Liġi Nru 31/2008, l-awtoritajiet Portugiżi kienu taw eżekuzzjoni lil din is-sentenza, u li peress li din l-liġi daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2008, id-data li fiha n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu waqaf kienet stabbilita għat-18 ta’ Lulju 2008.

79      Il-Kummissjoni għalhekk ma kellhiex biss il-fakultà, iżda wkoll l-obbligu, li tivverifika jekk is-sistema legali l-ġdida stabbilita wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 67/2007 kinitx traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 89/665.

80      Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

81      Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi pagamenti ta’ penalità fuq Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tevalwa l‑miżuri meħuda mill-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mas‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li l-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ma jillimitax ruħu illi jadotta miżuri li fir-realtà jkollhom l-istess kontenut bħal dawk li kienu s-suġġett tas-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja.

82      Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni ma jaffettwax la d-drittijiet – u, b’mod partikolari, id-drittijiet proċedurali – tal-Istati Membri, kif jirriżultaw mill-proċedura stabbilita bl-Artikolu 226 KE u lanqas lill-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju.

83      Għandu jiġi kkonstatat li la fil-kuntest tas-sentenza tagħha tal-2004, u lanqas f’dak tas-sentenza tagħha tal-2008, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 67/2007 mad‑Direttiva 89/665.

84      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Liġi Nru 67/2007 abrogat id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 u introduċiet sistema ta’ responsabbiltà ġdida li tinvolvi bidliet sostanzjali meta mqabbla ma’ dak li jirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051.

85      Il-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi, fid-deċiżjoni kkontestata, li “il-Liġi Nru 67/2007 tagħmilha potenzjalment inqas diffiċli sabiex jinkisbu danni mill-offerenti leżi b’att illegali tal-awtorità kontraenti” u fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-leġiżlatur Portugiż ma kkuntentax ruħu bit-tħassir tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, iżda issostitwih permezz ta’ din il-liġi, b’sistema legali ġdida.

86      Barra minn hekk, kemm mid-diskussjonijiet bejn il-partijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ din il-kawża jirriżulta li huma ma jaqblux dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 67/2007 mad-dritt Komunitarju.

87      Sabiex tiġi deċiża tali kwistjoni jfisser li għandha ssir evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 67/2007 mad-dritt Komunitarju, li tinħtieġ analiżi legali kumplessa, li tmur ferm lil hinn minn stħarriġ formali biex jiġi determinat jekk id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48/051 ġiex abrogat jew le.

88      Id-determinazzjoni ta’ drittijiet u obbligi tal-Istati Membri u l-evalwazzjoni tal-aġir tagħhom jistgħu jirriżultaw biss minn sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikoli 226 KE, 227 KE u 228 KE (ara l-punt 58 hawn fuq).

89      Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddeċiedi, fiil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2008, li l-Liġi Nru 67/2007 ma kinitx konformi mad-dritt Komunitarju, u mbagħad tiġbed minnha konklużjonijiet għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn hija kkunsidrat li s-sistema legali introdotta bil-liġi l-ġdida ma kinitx traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 89/665, hija kellha tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE.

90      Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l‑argument imressaq mill-Kummissjoni, li għandha tingħata diskrezzjoni ikbar fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 228(2) KE, għandu l-konsegwenza li, wara l-kontestazzjoni minn Stat Membru quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni lil hinn mit-termini stess tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din inevitabbilment ser ikollha tiddeċiedi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja u mhux tal-Qorti Ġenerali.

91      Minn dak li ntqal iktar qabel jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li tadotta d-deċiżjoni kkontestata, li għandha għaldaqstant tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

92      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont it-talbiet tar-Repubblika Portugiża.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 7419 finali, tal-25 ta’ Novembru 2008, hija annullata.

2)      Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Marzu 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.