Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2023 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-505/23)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, pełnomocnik)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha d-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni 1  ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1) Ksur tal-Artikolu 192(2)(c) TFUE bl-adozzjoni tad-direttiva kollha fuq abbażi ta’ bażi legali żbaljata (Artikolu 192(1) TFUE)

Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 192(2)(c) TFUE peress li ma adottawx id-direttiva kkontestata abbażi tad-dispożizzjoni ċċitata iktar il fuq, li teżiġi l-unanimità tal-Kunsill, minkejja l-fatt li din id-direttiva taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi ta’ enerġija differenti u l-istruttura ġenerali tal-provvista enerġetika tiegħu.

2) Ksur tal-Artikolu 192(2)(a) TFUE bl-adozzjoni tal-EU ETS prevista mid-Direttiva 2023/959 abbażi ta’ bażi legali żbaljata (Artikolu 192(1) TFUE) meta din is-sistema tinkludi miżuri li huma ta’ natura prinċipalment fiskali.

Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 192(2)(a) TFUE peress li adottaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar l-EU ETS abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE minkejja l-fatt li din is-sistema tinkludi miżuri li huma ta’ natura prinċipalment fiskali, u peress li l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 192(2)(a) TFUE, li teżiġi l-unanimità tal-Kunsill.

3) Ksur tal-prinċipju ta’ solidarità enerġetika stabbilit fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE bl-estensjoni tal-għan u tal-portata tad-Direttiva 2003/87 kif emendata u dan minkejja l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-Istati Membri (inkluża l-Polonja) u l-ibbilanċjar tagħhom mal-interessi tal-Unjoni

Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 194(1)(b) TFUE peress li adottaw id-direttiva kkontestata minkejja l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-Istati Membri (inkluża l-Polonja) u l-ibbilanċjar tagħhom mal-interessi tal-Unjoni.

4) Ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE bl-adozzjoni tal-EU ETS minkejja l-fatt li diġà teżisti fl-Unjoni sistema ekwivalenti li tippermetti lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet indikati f’din id-direttiva fuq livell reġjonali u nazzjonali fi grad ogħla minn dak iggarantit mid-Direttiva 2023/959

Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-prinċipju ta’ sussidjarjetà peress li diġà teżisti fl-Unjoni sistema legali li permezz tagħha huwa possibbli li jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati tal-EU ETS. Wara l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, jeżistu issa żewġ sistemi li jikkompetu ma’ xulxin, filwaqt li s-sistema attwali tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tal-EU ETS fuq livell nazzjonali fi grad ogħla minn dak fuq livell tal-Unjoni kollha.

5) Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 191(2) TUE bl-istabbiliment tal-EU ETS, li ma hijiex neċessarja u li twassal għal spejjeż sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet indikati

Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li d-direttiva kkontestata tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha u li, barra minn hekk, hija twassal għal spejjeż sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet indikati.

6) Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet) bl-esklużjoni tal-possibbiltà tal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-finijiet tal-kalkolu tal-emissjonijiet iġġenerati mill-operaturi ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt setturi oħra fil-kuntest tal-EU ETS

Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li, billi eskludew id-dritt tal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-finijiet tal-kalkolu tal-emissjonijiet iġġenerati f’dawk imsejħa s-setturi oħra, id-direttiva kkontestata wettqet diskriminazzjoni fir-rigward tal-operaturi ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt is-setturi oħra meta mqabbla mal-operaturi ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt is-setturi msejħa EU ETS.

7) Ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE peress li ttieħdux inkunsiderazzjoni matul il-proċedura leġiżlattiva, ir-riżervi fformulati mill-Polonja

Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali peress li ma ħadux inkunsiderazzjoni, matul il-proċedura leġiżlattiva, sensiela ta’ riżervi mqajma mill-Polonja fir-rigward tal-konsegwenzi soċjali u legali tal-adozzjoni tad-direttiva inkwistjoni u peress li adottaw din id-direttiva mingħajr teħid inkunsiderazzjoni xierqa tar-riżervi mqajma.

____________

1     ĠU 2023, L 130, p. 134.