Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Latvja) fit8 ta’ Awwissu 2023 — SIA Laimz vs Izložu un azartspēļu uzraudzības inspekcija

(Kawża C509/23, Laimz)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā rajona tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SIA Laimz

Konvenut: SIA Laimz vs Izložu un azartspēļu uzraudzības inspekcija

Domandi preliminari

Il-punt (11)(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE , għandu jiġi interpretat fis-sens li individwu jista’ jitqies li huwa qrib ta’ persuna politika sempliċement minħabba l-fatt li dawn il-persuni jifformaw parti mill-istess organu pubbliku, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni ebda ċirkustanza oħra?1

[Il-punt 9 tal-Artikolu 3] tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex il-kwalità ta’ persuna politika, huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk din il-persuna tokkupax waħda mill-pożizzjonijiet msemmija f’dan l-artikolu u, barra minn hekk, li titwettaq investigazzjoni u li jiġi vverifikat jekk din hijiex pożizzjoni ta’ livell għoli u mhux pożizzjoni ta’ livell intermedjarju jew inqas?

L-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 45(8) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-entitajiet marbuta b’obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, li huma meqjusa bħala kumpanniji tal-istess grupp, jiskambjaw bejniethom informazzjoni, inkluż billi jikkonkludu ftehimiet ta’ skambju ta’ informazzjoni u billi jiżguraw iċ-ċirkulazzjoni reċiproka tal-informazzjoni u l-possibbiltà li jinfurzawha reċiprokament, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2015/849?

L-Artikolu 45(1) u (8) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-punti 12 u 15 tal-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, jippermetti wkoll li tintuża tali informazzjoni, jew deċiżjonijiet, u li dawn jiġu infurzati f’diversi impriżi li jkunu jappartjenu għall-istess grupp, fejn dawn ikunu deċiżjonijiet adottati, fi ħdan il-grupp, mill-amministrazzjoni ta’ impriża li tkun tappartjeni għall-grupp?

L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-entitajiet marbuta b’obbligu ma għandhomx l-obbligu li japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti kummerċjali diġà eżistenti jekk la t-terminu stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas it-terminu stabbilit mill-proċeduri tas-sistema ta’ kontroll intern għall-applikazzjoni mill-ġdid ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta ma jkun għadu skada u l-entità marbuta b’obbligu ma tkunx konxja ta’ ċirkustanzi ġodda li jkunu jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tar-riskju mwettqa fir-rigward tal-klijent ikkonċernat?

L-obbligu impost mill-Artikolu 11(d) tad-Direttiva 2015/849 fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu, li japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent meta, kemm fil-mument tal-ġbir tar-rebħ kif ukoll/jew fil-mument li jsiru l-imħatri, it-tranżazzjoni jkollha valur totali ta’ EUR 2 000 jew iktar, kemm jekk it-tranżazzjoni ssir fi tranżazzjoni waħda jew f’diversi tranżazzjonijiet li bejniethom tkun tidher li teżisti xi tip ta’ rabta, għandu jiġi interpretat fis-sens li tali miżuri għandhom japplikaw kull darba li l-ammont totali tat-tranżazzjoni jilħaq l-EUR 2 000, irrispettivament mill-perijodu ta’ żmien li fih jerġa’ jintlaħaq l-ammont ta’ EUR 2 000 stabbilit f’din id-dispożizzjoni?

____________

1ĠU 2015, L 141, p. 73.