Language of document : ECLI:EU:T:2009:456

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

19 ta’ Novembru 2009

Kawża T-49/08 P

Christos Michail

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Appell inċidentali – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2003 – Attribuzzjoni ta’ punt ta’ mertu fin-nuqqas ta’ dmirijiet li għandhom jitwettqu – Danni morali – Obbligu ta’ motivazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Novembru 2007, Michail vs Il‑Kummissjoni (F-67/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Novembru 2007, Michail vs Il‑Kummissjoni (F-67/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), hija annullata. Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Appell – Appell inċidentali – Terminu għall-preżentata

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 141(1))

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Redazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 110)

3.      Uffiċjali – Prinċipji – Dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 110)

4.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Annullament tal-att illegali kkontestat – Dannu morali li mhux konness mal-illegalità li ma jistax jiġi kkumpensata kompletament mill-annullament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      L-uniku terminu li appell inċidentali huwa suġġett għalih huwa dak stabbilit fl-Artikolu 141(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza għall-preżentata tar-risposta, jiġifieri xahrejn mid-data tan-notifika tal-appell.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 72

2.      Ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera huwa dokument essenzjali fl-evalwazzjoni tal-persunal impjegat mal-istituzzjonijiet, peress li jipperemetti li ssir evalwazzjoni tal-abbiltà, tal-effiċjenza u tal-kondotta ta’ uffiċjal, skont l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal. Tali evalwazzjoni ma tiddeskrivix biss il-kompiti mwettqa matul il-perijodu kkonċernat, iżda tinvolvi wkoll evalwazzjoni tal-abbiltà u kwalitajiet umani u soċjali li l-persuna evalwata wriet fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha. Tali rapport jikkostitwixxi għaldaqstant ġudizzju ta’ valur magħmul mis-superjuri ġerarkiċi tal-uffiċjal evalwat fuq il-mod li bih dan tal-aħħar wettaq il-kompiti li ngħatawlu u fuq il-kondotta tiegħu fis-servizz matul il-perijodu kkonċernat. Għalhekk, fil-kuntest tar-redazzjoni tal-imsemmi rapport, l-attribuzzjoni ta’ punt ta’ mertu bbażat fuq evalwazzjoni tal-effiċjenza, tal-abbiltà u tal-kondotta fis-servizz tal-uffiċjal ikkonċernat, skont l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, tassumi li dan tal-aħħar ingħata kompiti li għandhom jitwettqu matul il-perijodu ta’ referenza.

Bħall-istituzzjonijiet Komunitarji kollha, il-Kummissjoni għandha obbligu speċifiku ta’ trasparenza fir-rigward tal-evalwazzjoni, tal-avvanz u tal-promozzjoni tal-membri tal-persunal tagħha, li l-osservanza tiegħu huwa żgurat permezz tal-proċedura formali stabbilita fl-Artikoli 43 u 46 tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proċedura tipprovdi li r-redazzjoni tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera jsir, minn tal-inqas, kull sentejn taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn kull istituzzjoni, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, f’sitwazzjoni eċċezzjonali fejn jiġi kkonstatat li l-uffiċjal ikkonċernat, għalkemm f’servizz attiv kif iddefinit fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(1) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma ngħatalu, wara riorganizzazzjoni interna tal-amministrazzjoni, l-ebda funzjoni li tista’ tiġi evalwata matul il-perijodu ta’ referenza, l-amministrazzjoni għandha xorta tipprepara rapport li jirrikonoxxi l-imsemmija sitwazzjoni, u sabiex din tiġi informata u l-uffiċjal ikkonċernat ikollu prova bil-miktub u formali tal-eżistenza ta’ din is-sitwazzjoni.

Fil-fatt, l-obbligu speċifiku ta’ trasparenza jimponi li r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera jiġi redatt, kemm għall-amministrazzjoni tajba u għar-razzjonalizzazzjoni tad-dipartimenti tal-Komunità kif ukoll sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi tal-uffiċjali. Bħala dokument intern, dan id-dokumenti għandu bħala funzjoni ewlenija li jagħti lill-amministrazzjoni informazzjoni perjodika kif ukoll kompleta kemm jista’ jkun fuq il-kundizzjonijiet ta’ twettiq tal-kompiti tas-servizz tagħhom minn dawn l-uffiċjali. Fir-rigward tal-uffiċjal ikkonċernat, ir-rapport għandu rwol importanti fl-iżvolġiment tal-karriera tiegħu, essenzjalment fil-qasam ta’ trasferiment u ta’ promozzjoni. Fil-fatt, huwa jikkostitwixxi element indispensabbli kull darba li l-karriera tal-uffiċjal tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġerarkika u r-redazzjoni perijodika tiegħu għandha l-għan li tippermetti perspettiva ġenerali tal-iżvilupp tal-karriera ta’ uffiċjal.

Għalkemm, f’tali sitwazzjoni eċċezzjonali, esklużivament attribwibbli lill-amministrazzjoni, l-evalwaturi ma jistgħux jattribwixxu punt ta’ mertu sabiex jiġu evalwati l-kisbiet u l-prestazzjonijiet individwali skont ir-riżultati li għandhom jintlaħqu, huwa għandhom madankollu jieħdu deċiżjoni li, skont id-dmir ta’ premura impost fuq l-amministrazzjoni, tosserva l-interessi tal-uffiċjal ikkonċernat u, b’mod partikolari, ir-rwol tal-karriera li dan tal-aħħar għandu fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji.

(ara l-punti 57 sa 65)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Lulju 1980, Grassi vs Il-Kunsill, 6/79 u 97/79, Ġabra p. 2141, punt 20; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Mejju 1997, Burban vs Il-Parlament, T‑59/96, Ġabra SP p. I‑A‑109 u II‑331, punti 44 u 73;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T‑187/01, Ġabra SP p. I‑A‑81 u II‑389, punt 77 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Diċembru 2005, Rounis vs Il-Kummissjoni, T‑274/04, Ġabra SP p. I‑A‑407 u II‑1849, punti 24 u 42

3.      Id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni jirrifletti l-ekwilibriju bejn id-drittjiet u l-obbligi reċiproki li r-Regolamenti tal-Persunal introduċew fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, Dan l-ekwilibriju jimplika b’mod partikolari li, meta hija tieħu deċiżjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija tikkunsidra mhux biss l-interess tad-dipartiment, iżda wkoll dak tal-uffiċjali kkonċernat.

Fil-kuntest tar-redazzjoni ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera, skont id-dmir ta’ premura, l-evalwaturi jistgħu għaldaqstant jevalwaw li hemm lok li jattribwixxu lill-uffiċjal ikkonċernat numru ta’ punti ta’ mertu xierqa għall-finijiet li jiġu ssalvagwardati l-interessi tiegħu, u b’mod partikolari, il-perspettivi tiegħu ta’ żviluppp tal-karriera fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji.

In-neċessità li jiġi ggarantit l-obbligu speċifiku ta’ transparenza jimponi madankollu li din id-deċiżjoni tiġi adottata skont ir-regoli tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali stabbilita fl-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u bid-dispożizzjonijiet ġenerali adottati, għall-applikazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, fil-każ li l-awtur tad-deċiżjoni jkollu setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji proċedurali mogħtija mill-ordni ġuridiku Komunitarju hija ta’ importanza fundamentali saħansitra ikbar.

(ara l-punti 66 sa 68)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Novembru 1995, France-aviation vs Il-Kummissjoni, T‑346/94, Ġabra p. II‑2841, punti 32 sa 34 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs Il-Kummissjoni, T‑95/98, Ġabra SP p. I‑A‑51 u II‑219, punt 37; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Settembru 2006, Lantzoni vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/05, Ġabra SP p. I‑A‑2‑189 u II‑A‑2‑969, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Għalkemm l-obbligu li għandu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu ma jimplikax li dan jirrispondi fid-dettall għal kull argument invokat minn parti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ argument li ma għandux natura ċara u preċiża biżżejjed u ma jibbażax ruħu fuq elementi ta’ prova ċirkustanzjali, huwa jimponi fuqu, tal-inqas, li jiddeċiedi fuq it-talbiet tar-rikors.

Fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għat-talbiet għal kumpens, għalkemm l-annullament ta’ att ivvizzjat jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, il-kumpens adegwat u, fil-prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, dan ma jistax ikun il-każ meta r-rikorrent juri li ġarrab dannu morali li mhux konness mal-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u ma jistax jiġi kkumpensat kompletament minn dan l-annullament.

(ara l-punti 87 u 88)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Diċembru 1998, Schröder et vs Il-Kummissjoni, C‑221/97 P, Ġabra p. I‑8255, punt 24 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 121 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Settembru 2003, Belgique vs Il-Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 81 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C‑167/06 P, Ġabra p. I‑141, punt 22;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, Ġabra SP p. I‑A‑2‑129 u II‑A‑2‑609, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata.