Language of document : ECLI:EU:C:2022:33

Kawża C261/20

Thelen Technopark Berlin GmbH

vs

MN

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat18 ta’ Jannar 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15 – Onorarji tal-periti u tal-inġiniera – Tariffi obbligatorji minimi – Effett dirett – Sentenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ngħatat matul il-proċedura quddiem qorti nazzjonali”

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni konformi mad-dritt primarju kollu – Portata – Impossibbiltà li tkun tista’ ssir interpretazzjoni konformi – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Supremazija – Dritt nazzjonali kuntrarju – Inapplikabbiltà ipso jure tar-regoli eżistenti – Neċessità li tintalab jew li wieħed jistenna t-tneħħija minn qabel tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni – Assenza – Obbligu, għall-qorti nazzjonali, li ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Limiti għal dan l-obbligu – Dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma għandhiex effett dirett

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE)

(ara l-punti 30 sa 33)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Effetti – Obbligi tal-Istat Membru li jwettaq in-nuqqas – Eżekuzzjoni integrali tas-sentenza – Obbligi tal-qrati u tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali kompetenti – Adozzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha intiżi sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni – Inapplikabbiltà ipso jure ta’ kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 260(1) TFUE)

(ara l-punt 39)

3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Effetti – Obbligi tal-Istat Membru li jwettaq in-nuqqas – Inapplikabbiltà ipso jure, fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi, ta’ kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Esklużjoni – Obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jikkumpensa għad-dannu kkawżat lill-individwi minħabba n-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti protezzjoni lill-individwi – Rabta kawżali bejn dan il-ksur u d-dannu – Verifika mill-qorti nazzjonali – Kunċett ta’ ksur suffiċjentement serju

(Artikoli 258 TFUE u 260 TFUE)

(ara l-punti 40 sa 47)

4.        Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati – Onorarji tal-periti u tal-inġiniera – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Tariffi obbligatorji minimi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa ammonti minimi ta’ onorarji u li trendi nulli l-ftehimiet li jidderogaw minnha – Leġiżlazzjoni li tikser id-Direttiva 2006/123 – Obbligu, għall-qrati nazzjonali, fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi, li ma japplikawx l-imsemmija leġiżlazzjoni abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni – Assenza – Possibbiltà li l-imsemmija leġiżlazzjoni tiġi mwarrba abbażi tad-dritt intern – Possibbiltà, għall-parti leża, li titlob kumpens għad-dannu subit

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikolu 15(1), (2)(g) u (3))

(ara l-punt 48 u d-dispożittiv)

5.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u regolamentari – Portata tal-obbligu fil-qasam tal-libertajiet fundamentali – Domanda magħmula fuq tilwima li qamet fi Stat Membru wieħed biss – Assenza ta’ indikazzjoni tal-element ta’ rabta li jagħmel l-interpretazzjoni mitluba neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża – Inammissibbiltà

(Artikoli 49, 56, 63 u 267 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 94)

(ara l-punti 50, 52 sa 54)

Sunt

Minkejja l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tiffissa ammonti minimi ta’ onorarji għas-servizzi tal-periti u tal-inġiniera (HOAI) tmur kontra d-Direttiva tas-“Servizzi”, qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn individwi, ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

Dan huwa madankollu bla ħsara, minn naħa, għall-possibbiltà, għal din il-qorti, li twarrab din il-leġiżlazzjoni abbażi tad-dritt intern fil-kuntest ta’ tali tilwima, u, min-naħa l-oħra, għall-possibbiltà, jekk ikun il-każ, għall-parti leża minħabba li din il-leġiżlazzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni li titlob kumpens mingħand l-Istat Ġermaniż

Fl‑2016, Thelen, kumpannija tal-proprjetà immobbli, u MN, inġinier, ikkonkludew kuntratt ta’ studji li fil-kuntest tiegħu dan tal-aħħar intrabat li jipprovdi ċerti servizzi msemmija mill-Verordnung über die Honorare für Architekten- und Ingenieurleistungen (Honorarordnung für Architekten und Ingenieure - HOAI) (ir-Regolament Ġermaniż tal‑10 ta’ Lulju 2013 dwar l-onorarji għas-servizzi tal-arkitettura u tal-inġinerija, iktar ’il quddiem il-“HOAI”), għall-ħlas ta’ onorarji b’rata fissa li l-ammont tagħhom kien jammonta għal EUR 55 025.

Sena wara, MN xolja dan il-kuntratt u ffattura s-servizzi mwettqa f’fattura finali ta’ onorarji. Billi bbaża ruħu fuq dispożizzjoni tal-HOAI (1) li tipprevedi li, għas-servizz li huwa pprovda, il-fornitur għandu dritt għal remunerazzjoni tal-inqas ugwali għall-ammont minimu ffissat mid-dritt nazzjonali, u billi ħa inkunsiderazzjoni l-ħlasijiet li diġà saru, MN ippreżenta azzjoni ġudizzjarja sabiex jitlob il-ħlas tas-somma li għadha dovuta, li tammonta għal EUR 102 934.59, jiġifieri somma ogħla minn dik miftiehma mill-partijiet fil-kuntratt.

Peress li Thelen parzjalment tilfet fl-ewwel u fit-tieni istanza, hija ppreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha, din il-qorti tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat (2) l-inkompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tal-HOAI mad-dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/123 (3) li tipprojbixxi essenzjalment lill-Istati Membri milli jżommu rekwiżiti li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività għall-osservanza mill-fornitur ta’ tariffi minimi u/jew massimi jekk dawn ir-rekwiżiti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità. L-imsemmija qorti għalhekk iddeċidiet li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors ta’ individwu ppreżentat kontra individwu ieħor, qorti nazzjonali għandhiex ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali li fuqha tkun bbażata t-talba meta din id-dispożizzjoni tmur kontra direttiva, f’dan il-każ id-Direttiva tas-“Servizzi”. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li interpretazzjoni konformi tal-HOAI mad-Direttiva tas-“Servizzi” ma hijiex possibbli f’dan il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala kulleġġ ġudikanti, taqta’ u tiddeċiedi li qorti nazzjonali, adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa, bi ksur tal-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva tas-“Servizzi”, ammonti minimi ta’ onorarji għas-servizzi tal-periti u tal-inġiniera u li trendi nulli l-ftehimiet li jidderogaw minn din il-leġiżlazzjoni.

Ċertament, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-istanzi kollha tal-Istati Membri li jagħtu effett sħiħ lid-diversi normi tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni, dan l-istess prinċipju jeżiġi li l-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun il-każ ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra.

Madankollu, qorti nazzjonali ma hijiex meħtieġa li, fuq il-bażi biss tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ li din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jkollhiex effett dirett. Madankollu, dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà, għal din il-qorti, kif ukoll għal kull awtorità amministrattiva nazzjonali kompetenti, li teskludi, abbażi tad-dritt intern, kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhiex tali effett.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tas-“Servizzi” jista’ jipproduċi effett dirett meta din id-dispożizzjoni tkun suffiċjentement preċiża, ċara u inkundizzjonata. Madankollu, din id-dispożizzjoni hija invokata f’dan il-każ, bħala tali, f’tilwima bejn individwi, sabiex tiġi evitata leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontriha. B’mod konkret, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tas-“Servizzi” iċċaħħad lil MN mid-dritt tagħha li titlob ammont ta’ onorarji li jikkorrispondi għall-minimu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teskludi li tali effett jista’ jiġi rrikonoxxut lil din id-dispożizzjoni, fil-kuntest ta’ tali tilwima bejn individwi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, skont l-Artikolu 260(1) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru, dan l-Istat Membru huwa marbut li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali kompetenti huma obbligati jadottaw il-miżuri kollha sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, billi jekk ikun hemm bżonn ma japplikawx dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, is-sentenzi li jikkonstataw tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandhom qabelxejn bħala għan li jiddefinixxu d-dmirijiet tal-Istati Membri fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom u mhux li jagħtu drittijiet lill-individwi. Għalhekk, l-imsemmija qrati jew awtoritajiet ma humiex obbligati, abbażi biss ta’ tali sentenzi, li ma japplikawx, fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi, leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni ta’ direttiva.

Għall-kuntrarju, il-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għal dannu kkawżat mill-imsemmi nuqqas ta’ konformità. Skont l-imsemmija ġurisprudenza, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżgura li l-individwi jiksbu kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, peress li diġà kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u li ż-żamma tagħha tikkostitwixxi għalhekk nuqqas min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jitqies li huwa manifestament serju fis-sens tal-ġurisprudenza tagħha dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.


1      L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jagħmel obbligatorji l-ammonti minimi ffissati fl-iskala prevista f’dan l-artikolu għas-servizzi tal-ippjanar u tas-sorveljanza tal-periti u tal-inġiniera, ħlief f’ċerti każijiet eċċezzjonali, u jrendi null ftehim li jipprevedi onorarji inqas mill-ammonti minimi konklużi ma’ periti jew ma’ inġiniera.


2      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑377/17, EU:C:2019:562), u d-digriet tas‑6 ta’ Frar 2020, hapeg dresden, (C‑137/18, mhux ippubblikat, EU:C:2020:84).


3      Dawn huma l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tas-‘Servizzi’”). B’mod iktar partikolari, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tipprevedix rekwiżiti li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività għall-osservanza mill-fornitur ta’ tariffi minimi u/jew massimi u jiżguraw li dawn ir-rekwiżiti jkunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità.