Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2021 – Gutseriev vs Il-Kunsill

(Kawża T-526/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Mikail Safarbekovich Gutseriev (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: B. Kennelly, QC, J. Pobjoy, Barrister, u D. Anderson, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla (i) id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1002 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2021, L 219 I, p. 70) u (ii) ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/997 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU 2021, L 219 I, p. 3), sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrent (flimkien, iktar ’il quddiem l-“atti kkontestatai”);

tiddikjara li l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 (kif emendata) u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 (kif emendat) ma humiex applikabbli sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrent minħabba li huma illegali, u b’konsegwenza ta’ dan, tannulla, sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrent, l-atti kkontestati.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li l-kriterju għall-elenkar tar-rikorrent fil-miżuri kkontestati huwa ssodisfatt.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inklużi d-drittijiet għall-ħajja privata, tad-difiża, għall-proprjetà u għall-libertà ta’ negozju.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ illegalità jekk il-kriterju ta’ denominazzjoni fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642 u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill 765/2006 għandu jiġi interpretat li jkopri kull forma ta’ sostenn jew kull forma ta’ benefiċċju.

____________