Language of document : ECLI:EU:T:2014:35

Kawża T‑528/09

Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw miċ-Ċina – Determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara – Artikolu 3(9) u Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 3(9) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009]”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Jannar 2014

1.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Impożizzjoni ta’ dazji antidumping – Kundizzjonijiet – Dannu – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Sitwazzjoni vulnerabbli tal-industrija Komunitarja – Sitwazzjoni kontradetta mid-data ekonomika rilevanti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(9), u Nru 1225/2009, Artikolu 3(9))

2.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Impożizzjoni ta’ dazji antidumping – Kundizzjonijiet – Dannu – Theddida ta’ ħsara kbira – Analiżi tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 3(9) u 9(4), u Nru 1225/2009, Artikoli 3(9) u 9(4))

1.      L-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżami dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, kif imwettaq mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura antidumping, għandu jkun ristrett għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex titwettaq l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-atti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter, peress li dan l-eżami jippresupponi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-istituzzjonijiet, ta’ data ta’ natura ekonomika. B’mod partikolari, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, id-dgħjufija tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll li tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux it-totalità ta’ data relevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom.

Għaldaqstant, il-Kunsill iwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi jqis li l-industrija Komunitarja hija f’sitwazzjoni vulnerabbli, meta d-data ekonomika rilevanti tal-każ ineżami tkun kollha pożittiva, barra mill-iżvilupp tas-sehem tas-suq tal-industrija Komunitarja, u tistabbilixxi, kollha flimkien, il-profil ta’ industrija f’sitwazzjoni b’saħħitha u mhux fraġli jew vulnerabbli.

(ara l-punti 53, 61, 66)

2.      Skont l-Artikolu 3(9), tar-Regolament antidumping bażiku Nruº384/96 [li sar l-Artikolu 3(9), tar-Regolament Nru 1225/2009], id-determinazzjoni ta’ konklużjoni li teżisti theddida ta’ ħsara materjali għandha tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibbiltà remota. Barra minn hekk, il-bidla fiċ-ċirkustanzi li toħloq sitwazzjoni fejn id-dumping jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti. Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara għandha tidher b’mod ċar mill-fatti tal-kawża. Minn dan jirriżulta wkoll li l-ħsara li tagħha jkun hemm theddida għandha sseħħ minnufih.

Għaldaqstant, il-Kunsill jikser l-Artikolu 3(9) tar-Regolament antidumping bażiku Nruº384/96 billi qies li teżisti theddida ta’ ħsara filwaqt li, minn naħa, il-konstatazzjoni tiegħu li l-industrija Komunitarja kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, u li, min-naħa l-oħra, l-erba’ fatturi previsti mill-imsemmi Artikolu 3(9) dwar l-analiżi ta’ theddida ta’ ħsara kienu s-suġġett ta’ analiżi li kien fiha lakuni u li kellha inkonsistenzi.

Għaldaqstant, il-Kunsill jikser ukoll l-Artikolu 9(4) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1225/2009], billi jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni u billi jipprovdi għall-ġbir ta’ dazji provviżorji stabbiliti fuq dawn l-esportazzjonijiet.

(ara l-punti 54, 91, 92)