Language of document : ECLI:EU:C:2020:676

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Settembru 2020 (*)

Werrej



“Appell – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Riforma tal-1 ta’ Jannar 2014 – Artikolu 6 tal-Anness X – Uffiċjali u membri tal-persunal bil-kuntratt assenjati f’pajjiż terz – Dispożizzjonijiet ġodda dwar l-għoti ta’ jiem ta’ leave annwali mħallas – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Direttiva 2003/88/KE – Dritt fundamentali għal leave annwali mħallas”

Fil-Kawżi magħquda C‑119/19 P u C‑126/19 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentati, rispettivament, fl-14 ta’ Frar 2019 (C‑119/19 P) u fil-15 ta’ Frar 2019 (C‑126/19 P),

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr, G. Gattinara u L. Vernier, bħala aġenti,

appellanti fil-Kawża C‑119/19 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Francisco Carreras Sequeros, residenti f’Addis Ababa (l-Etjopja),

Mariola de las Heras Ojeda, residenti fil-Belt tal-Gwatemala (il-Gwatemala),

Olivier Maes, residenti fi Skopje (il-Maċedonja ta’ Fuq),

Gabrio Marinozzi, residenti f’Santo Domingo (ir-Repubblika Dominikana),

Giacomo Miserocchi, residenti f’Islamabad (il-Pakistan),

Marc Thieme Groen, residenti f’Kampala (l-Uganda),

irrappreżentati minn S. Orlandi u T. Martin, avocats,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Caisou-Rousseau, J. Steele u E. Taneva, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑119/19 P),

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

appellant fil-Kawża C‑126/19 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Francisco Carreras Sequeros, residenti f’Addis Ababa,

Mariola de las Heras Ojeda, residenti fil-Belt ta’ Gwatemala,

Olivier Maes, residenti fi Skopje,

Gabrio Marinozzi, residenti f’Santo Domingo,

Giacomo Miserocchi, residenti f’Islamabad,

Marc Thieme Groen, residenti f’Kampala,

irrappreżentati minn S. Orlandi u T. Martin, avocats,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, T. Bohr u L. Vernier, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Caisou-Rousseau, J. Steele u E. Taneva, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza (C‑126/19 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, F. Biltgen, K. Jürimäe, A. Kumin, N. Jääskinen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Diċembru 2018, Carreras Sequeros et vs Il‑Kummissjoni (T‑518/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:873), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiffissaw, għas-sena 2014, in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri Francisco Carreras Sequeros,  Mariola de las Heras Ojeda, Olivier Maes, Gabrio Marinozzi, Giacomo Miserocchi u Marc Thieme Groen (iktar ’il quddiem, flimkien “Carreras Sequeros et”), li huma kollha uffiċjali jew membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Karta Soċjali Ewropea

2        Il-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u rreveduta fi Strasbourg (Franza), daħlet fis-seħħ fl-1999. L-Istati Membri kollha huma Partijiet f’din il-konvenzjoni sa fejn aderixxew magħha fil-verżjoni oriġinali tagħha, fil-verżjoni rreveduta tagħha jew fiż-żewġ verżjonijiet tagħha.

3        Fil-verżjoni emendata tiegħu, l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea jipprevedi:

“Sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, il-Partijiet kontraenti jintrabtu li jiggarantixxu l-għoti ta’ leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema

4        Il-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, li kienet ġiet adottata matul laqgħa tal-Kunsill Ewropew miżmuma fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989, jipprovdi:

“Kull ħaddiem fil-Komunità Ewropea għandu jkollu dritt għal perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għall-leave annwali mħallas, li d-dewmien tiegħu ikun armonizzat progressivament permezz ta’ prattiċi nazzjonali”.

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

5        L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta), intitolat “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, jipprovdi:

“1.      Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.      Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas.”

 Id-Direttiva 2003/88/KE

6        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), intitolat “Għan u skop”, huwa fformulat hekk:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Diretiva tapplika għal:

(a)      il-perjodi minimi ta’ […] leave annwali […]

[…]”

7        Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

8        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet aktar speċifiċi tal-Komunità”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika meta strumenti oħrajn tal-Komunità jkun fihom ħtiġiet aktar speċifiċi li jirrigwardjaw l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għal ċerti impiegi jew attivitajiet ta’ l-impieg.”

9        L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-livell ta’ Protezzjoni”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stat Membru li jiżviluppa, fid-dawl ta’ ċirkostanzi li jinbidlu, leġislattiva differenti, disposizzjonijiet regolatorji jew kuntrattwali fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, sakemm il-ħtiġiet minimi li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva jkun hemm konformità magħhom, l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhiex tikkostitwixxi bażi valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema.”

 Ir-Regolamenti tal-Persunal

10      Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) huma stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 27 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).

11      L-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab fost id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dawn tal-aħħar, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikolu 80(4) tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), jipprovdi:

“L-uffiċjali f’impieġ atti[v] għandhom jingħataw l-kondizzjonijiet tax-xogħol, konformi ma’ l-istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà, mill-anqas ekwivalenti għall-ħtiġijiet minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati f’dawn l-oqsma skond it-Trattati.”

12      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa fformulat hekk:

“L-uffiċjali għandhom ikunu intitolati għal leave fis-sena ta’ mhux anqas minn 24 jiem utli lanqas aktar minn 30 jiem utli għal kull sena kalendarja, skond ir-regoli mniżżla bil-ftehim komuni tal-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.”

13      L-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jinkludi dispożizzjonijiet speċjali u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali assenjati fil-pajjiżi terzi. Skont l-Artikolu 118 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

14      L-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, kien jipprovdi, fir-rigward tal-persunal assenjat f’pajjiż terz:

“Kull sena kalendarja, l-uffiċjal ikun intitolat għal leave fis-sena ta’ tlett ġranet utli u nofs għal kull xahar ta’ servizz.”

15      Il-premessa 27 tar-Regolament Nru 1023/2013 tesponi:

“Huwa xieraq li jiġu modernizzati l-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal impjegat f’pajjiżi terzi u, biex dawn isiru aktar kosteffiċjenti filwaqt li jiġġeneraw iffrankar tal-ispejjeż. L-intitolamenti għal-leave annwali għandhom ikunu aġġustati, u għandha tiġi prevista l-possibbiltà li tiddaħħal firxa usa’ ta’ parametri għall-iffissar tal-allowance għall-kondizzjonijiet ta’ għajxien mingħajr ma jintlaqat l-għan ġenerali ta’ ġenerazzjoni ta’ ffrankar tal-ispejjeż. Il-kondizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu riveduti biex iqisu aħjar il-kondizzjonijiet lokali u jonqos il-piż amministrattiv.”

16      Sa mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2014, tal-punt 70(a) tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, l-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal”) jipprevedi, fir-rigward tal-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz:

“Uffiċjal għandu jkun intitolat, għal kull sena kalendarja, għal leave annwali ta’ jumejn ta’ xogħol għal kull xahar ta’ servizz.

Minkejja l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-uffiċjali li jkunu assenjati f’pajjiż terz fl-1 ta’ Jannar 2014 għandhom ikunu intitolati għal:

–      tlett ijiem tax-xogħol mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2014;

–      jumejn u nofs tax-xogħol mill-1 ta’ Jannar [2015] sal-31 ta’ Diċembru [2015].”

 Il-fatti li taw lok għat-tilwima

17      Il-fatti li taw lok għat-tilwima ġew esposti fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn il-fatti jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

18      Carreras Sequeros et huma uffiċjali jew membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni. Huma kollha kienu assenjati f’pajjiżi terzi u kienu diġà hekk assenjati qabel l-1 ta’ Jannar 2014.

19      Il-fajls personali ta’ Carreras Sequeros et ġew aġġornati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk dawn tal-aħħar ingħataw 36 jum ta’ xogħol bħala leave annwali għas-sena 2014, b’differenza mit-42 jum mogħtija fis-sena preċedenti.

20      Carreras Sequeros et ippreżentaw ilmenti bejn is-17 ta’ Frar u t-13 ta’ Marzu 2014. Dawn l-ilmenti ġew miċħuda, skont il-każ, mill-awtorità tal-ħatra jew mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, permezz ta’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Mejju 2014 li kienu fformulati kollha bl-istess mod.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21      Fir-rikors tagħhom ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, Carreras Sequeros et talbu, bħala l-ewwel talba tagħhom, li l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi ddikjarat illegali u, bħala t-tieni talba tagħhom, li jiġu annullati d-deċiżjonijiet kontenzjużi li jnaqqsu l-leave annwali tagħhom “b’effett [mis-sena] 2014”.

22      Insostenn tar-rikors tagħhom, Carreras Sequeros et sostnew erba’ motivi bbażati fuq ksur, rispettivament, tan-natura partikolari u tal-għan tad-dritt għal leave annwali, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja.

23      Qabel bdiet l-eżami tagħhom, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, fil-punti 24 sa 26 tas-sentenza appellata, speċifikat li s-suġġett tar-rikors kien jikkonċerna d-determinazzjoni tad-dritt għal leave annwali ta’ Carreras Sequeros et għas-sena 2014 biss u li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, kienet tqajmet eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

24      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali evalwat, fil-punti 27 sa 39 tas-sentenza appellata, il-portata u l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Carreras Sequeros et. F’dan ir-rigward, wara li fakkret il-ġurisprudenza tagħha stess, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li, “[f]id-dawl tar-rabta li tgħaqqad id-dispożizzjonijiet tranżitorji mad-dispożizzjonijiet finali, billi tal-ewwel ma għandhom ebda raġuni sabiex jeżistu mingħajr it-tieni, u fid-dawl tal-assenza ta’ marġni ta’ manuvra tal-awtorità kompetenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjonijiet [kontenzjużi] u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u li, billi dan l-ewwel paragrafu kien ir-riżultat tal-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, dan huwa tal-inqas indirettament applikabbli għal dawn id-deċiżjonijiet sa fejn kien rilevanti għall-adozzjoni tagħhom, sa fejn dawn kienu essenzjalment ibbażati fuqu, anki jekk ma kienx formalment jikkostitwixxi l-bażi legali tagħhom”. Għaldaqstant, skont il-punt 36 tal-imsemmija sentenza, “id-deċiżjonijiet [kontenzjużi] kienu jikkostitwixxu fir-rigward [ta’ Carreras Sequeros et] l-ewwel applikazzjoni tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-konsegwenza li, mill-2016, huma ma kinux jibbenefikaw iktar ħlief minn 24 jum ta’ leave”.

25      Fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-eżami tagħha tal-portata u tal-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità billi ddeċidiet li, “anki jekk id-deċiżjonijiet [kontenzjużi] huma formalment ibbażati fuq id-dispożizzjoni tranżitorja li tikkonċerna biss is-sena 2014, li tinsab fl-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 il-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, [Carreras Sequeros et] għandhom dritt jikkontestaw ukoll, permezz ta’ eċċezzjoni, il-legalità tas-sistema definittiva tal-leave annwali stabbilita mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu”.

26      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel motiv ta’ Carreras Sequeros et, ibbażat fuq ksur tan-natura partikolari u tal-għan tad-dritt għal leave annwali, u fil-punt 113 tas-sentenza appellata kkonkludiet li dan il-motiv kien fondat. Hija għaldaqstant laqgħet ir-rikors ta’ Carreras Sequeros et mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra tiegħu.

27      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel, fil-punti 60 sa 70 tas-sentenza appellata, ivverifikat jekk, kif kienu qegħdin isostnu Carreras Sequeros et, kienx possibbli li d-Direttiva 2003/88 tiġi invokata fil-konfront tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Filwaqt li kkonstatat li direttiva, bħala tali, ma torbotx lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-punt 61 tal-imsemmija sentenza hija identifikat tliet każijiet li fihom dawn l-istituzzjonijiet għandhom xorta waħda jieħdu inkunsiderazzjoni d-direttivi. B’mod partikolari, hija eżaminat jekk id-Direttiva 2003/88 setgħetx tiġi invokata fil-konfront tal-leġiżlatur tal-Unjoni sa fejn hija l-espressjoni ta’ dritt fundamentali, f’dan il-każ, id-dritt għal leave annwali ggarantit mill-Artikolu 31(2) tal-Karta.

28      Filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Ispjegazzjonijiet stabbiliti mill-Praesidium tal-Konvenzjoni dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata, li, “[s]a fejn id-Direttiva 2003/88 hija espressjoni konkreta tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, […] il-leġiżlatur, li huwa marbut li josserva dan l-artikolu li għandu l-istess valur bħat-trattati, ma jistax ma jirreferix għall-kontenut ta’ din id-direttiva”, bil-konsegwenza li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi eskluża jekk tirriżulta “inkompatibbli mad-dritt għal leave annwali, li n-natura u l-għan tiegħu jirriżultaw mill-Artikolu 31(2) tal-Karta, moqri fid-dawl tad-Direttiva 2003/88”.

29      It-tieni, filwaqt li vverifikat, fil-punti 72 sa 96 tal-imsemmija sentenza, ksur, mill-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-dritt għal leave annwali, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll l-għan imfittex minn din tal-aħħar. Hija ddeċidiet, fil-punti 88 u 89 ta’ din is-sentenza, li, min-natura tiegħu, id-dritt għal-leave annwali previst fl-Artikolu 31(2) tal-Karta huwa intiż, bħala prinċipju, li jiffavorixxi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema, u li l-fatt li n-numru ta’ jiem ta’ leave annwali ddeterminat permezz tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jibqa’ superjuri għall-minimu meħtieġ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma huwiex biżżejjed, kif tallega l-Kummissjoni, sabiex jiġi konkluż li dan l-artikolu l-ġdid ma jiksirx id-dritt għal leave annwali.

30      Għall-kuntrarju, fil-punti 90 sa 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li t-tnaqqis sinjifikattiv fit-tul tal-leave tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi, li fuq medda ta’ tliet snin naqas minn 42 jum għal 24 jum, ma jistax jitqies li huwa kompatibbli mal-prinċipju intiż li jiffavorixxi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-persuni kkonċernati u li l-portata tat-tnaqqis introdott b’dan il-mod ma tistax titnaqqas permezz tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-annessi tagħhom li jikkostitwixxu l-kuntest tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn id-dispożizzjonijiet jew ma kinux rilevanti jew kienu insuffiċjenti jew marġinali sabiex jikkumpensaw it-tnaqqis tan-numru ta’ jiem ta’ leave annwali li jirriżulta mill-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

31      It-tielet, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-ksur tad-dritt għal leave annwali kkonstatat f’dan is-sens setax jiġi ġġustifikat b’mod adegwat, ġustifikazzjoni li hija eskludiet wara l-eżami li wettqet fil-punti 98 sa 112 tas-sentenza appellata.

32      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 109 u 110 tal-imsemmija sentenza, li, meta naqqas il-leave annwali għal 24 jum ta’ xogħol b’effett mis-sena 2016, ma kienx jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati fi ħdan l-Unjoni jibbenefikaw minn leave li jista’ jilħaq it-30 jum ta’ xogħol fuq il-bażi tal-età u tal-grad tagħhom, u lanqas ma kien jidher li dan il-leġiżlatur kien ivverifika jekk il-leave ta’ mistrieħ, previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, kienx jiggarantixxi, bħala tali, lil kull uffiċjali u lil kull membru tal-persunal assenjat f’pajjiż terz u mqiegħed f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli protezzjoni suffiċjenti tas-saħħa u tas-sigurtà tiegħu, u dan minkejja li, skont din id-dispożizzjoni, dan il-leave ta’ mistrieħ jista’ jingħata biss b’mod eċċezzjonali u għandu jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni speċjali u motivata.

33      Għaldaqstant, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx ivverifika jekk l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal kienx jikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fid-dritt għal-leave annwali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi. Hija għalhekk qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha b’mod validu fuq l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi u annullat dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34      Fil-Kawża C‑119/19 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tieni sar-raba’ motivi tar-rikors tal-ewwel istanza kif ukoll tirriżerva l-ispejjeż.

35      Fil-Kawża C‑126/19 P, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appell, taqta’ l-kawża u tiċħad ir-rikors tal-ewwel istanza bħala infondat, kif ukoll tikkundanna lil Carreras Sequeros et għall-ispejjeż imġarrba mill-Kunsill fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

36      Min-naħa tagħhom, Carreras Sequeros et jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

37      Il-Parlament Ewropew, intervenjenti fl-ewwel istanza, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appelli.

38      Konformement mal-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fit-12 ta’ Marzu 2019 li jgħaqqad il-Kawżi C‑119/19 P u C‑126/19 P għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

39      Konformement mal-Artikolu 133(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-appell bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) tal-imsemmija regoli, il-Kummissjoni u l-Kunsill talbu li l-appelli jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa.

40      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad dawn it-talbiet permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2019. Fil-fatt, la l-motiv ibbażat fuq l-allegata inċertezza legali li tolqot lill-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li tirriżulta mis-sentenza appellata, u lanqas il-motiv ibbażat fuq in-numru ta’ uffiċjali potenzjalment ikkonċernati mill-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-imsemmija sentenza, ma jistgħu jikkostitwixxu, bħala tali, ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ natura li jiġġustifikaw li kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ April 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:232, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata). Evalwazzjoni identika għandha tapplika għall-inkonvenjenti ta’ natura amministrattiva marbuta mal-ġestjoni tal-persunal assenjat fil-pajjiżi terzi, li ġew invokati wkoll insostenn tat-talba tal-Kummissjoni.

41      Madankollu, fid-dawl tal-importanza tal-Kawżi C‑119/19 P u C‑126/19 P għall-Unjoni u għall-istituzzjonijiet tagħha, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li dawn il-kawżi kellhom jiġu ttrattati bi prijorità, b’applikazzjoni tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

42      Il-Kunsill ippreżenta appell inċidentali fil-Kawża C‑119/19 P permezz ta’ att ippreżentat fit-30 ta’ April 2019.

43      Carreras Sequeros et jitolbu li dan l-appell inċidentali jiġi miċħud u li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

44      Permezz ta’ att ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2019, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) talab li jintervjeni fil-Kawża C‑119/19 P, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

45      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:658).

 Fuq l-appelli

46      L-appelli huma bbażati, essenzjalment, fuq tliet aggravji.

 Fuq l-ewwel aggravju tal-appelli prinċipali u inċidentali tal-Kunsill, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw il-portata tal-kompetenza tal-Qorti Ġenerali fl-eżami tar-rikors

47      Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-assenza ta’ riklassifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors fl-ewwel istanza

–       L-argumenti tal-partijiet

48      Skont il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni fir-risposti tagħha għall-appelli prinċipali u inċidentali tal-Kunsill, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 26 tas-sentenza appellata u fid-dispożittiv tagħha, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma ffissawx in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali għas-sena 2014, b’applikazzjoni tal-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda naqqsu n-numru ta’ jiem ta’ leave annwali.

49      Issa, fil-fehma tal-Kunsill, il-Qorti Ġenerali kellha tikklassifika b’mod korrett is-suġġett tar-rikors, kif għandha l-kompetenza tagħmel. Skont il-Kunsill, l-assenza ta’ tali riklassifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors kellha konsegwenza dannuża doppja.

50      Minn naħa, din l-assenza wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna lill-Kummissjoni tistabbilixxi mill-ġdid in-numru ta’ leave annwali li għalih kienu intitolati Carreras Sequeros et qabel l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, il-Kunsill ifakkar, filwaqt li jirreferi, b’mod partikolari, għad-digriet tas-26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il-Kummissjoni (C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 24), li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex il-kompetenza li tagħti ordnijiet lill-amministrazzjoni u lanqas ma għandha l-kompetenza li timponi eżekuzzjoni partikolari tas-sentenza tagħha. Barra minn hekk, ma għadx hemm bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tad-dispożittiv tas-sentenza appellata peress li l-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, tħassar permezz ta’ dan tal-aħħar.

51      Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni li l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi dwar it-“tnaqqis”, għas-sena 2014, tan-numru ta’ jiem ta’ leave annwali jemenda n-numru ta’ jiem ta’ leave attribwibbli lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal ikkonċernati u, għalhekk, is-sustanza stess tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. B’hekk, is-sentenza appellata tissostitwixxi d-deċiżjonijiet li jiffissaw bħala 36 in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali li għalihom huma intitolati Carreras Sequeros et b’deċiżjonijiet oħra li jiffissaw dan in-numru, għas-sena 2014, bħala 42. Il-Qorti Ġenerali b’hekk bidlet id-deċiżjonijiet kontenzjużi u marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

52      Carreras Sequeros et jirribattu l-argumenti tal-Kunsill.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Għandu jiġi osservat li, għalkemm, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeskriviet fil-qosor l-għan tat-tieni talba ta’ Carreras Sequeros et bħala l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi li applikaw “tnaqqis” tad-dritt għal-leave annwali tagħhom b’effett mis-sena 2014, jirriżulta, b’mod partikolari mill-punt 27 tal-imsemmija sentenza, li l-Qorti Ġenerali kklassifikat id-deċiżjonijiet kontenzjużi bħala li “stabbilixxew biss in-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali għas-sena 2014”. Għalhekk, il-Kunsill qiegħed jaqra b’mod minn tal-inqas parzjalment żbaljat il-motivi tas-sentenza appellata.

54      Barra minn hekk, il-fatt li l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jiddikjara l-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet “dwar it-tnaqqis” għas-sena 2014 tan-numru ta’ jiem ta’ leave annwali ta’ Carreras Sequeros et bl-ebda mod ma jimplika li, lil hinn mill-eventwali ineżattezza formali ta’ din l-espressjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva s-suġġett tat-tilwima mressqa quddiemha jew ordnat lill-Kummissjoni twettaq eżekuzzjoni partikolari tas-sentenza appellata.

55      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill mhux jikkontesta l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 32 u 33 tas-sentenza appellata fis-sens li, essenzjalment, l-awtorità kompetenti ma kellha ebda marġni ta’ manuvra sabiex tiddetermina n-numru ta’ jiem ta’ leave annwali wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2014, tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li wassal, għal Carreras Sequeros et, għal tnaqqis ta’ sitt’ijiem fit-tul tal-leave annwali tagħhom għas-sena 2014 meta mqabbel ma’ dak għas-sena 2013, b’applikazzjoni tal-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

56      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kunsill fis-sens li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha sa fejn tat, fil-konfront tal-Kummissjoni, ordnijiet li jikkonċernaw il-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti Ġenerali tannulla att ta’ istituzzjoni, din tal-aħħar hija meħtieġa, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

57      Madankollu, l-Artikolu 266 TFUE ma jispeċifikax in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-istituzzjoni kkonċernata għall-finijiet ta’ tali eżekuzzjoni, b’tali mod li hija din l-istituzzjoni li għandha tidentifika dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punti 52 u 53). Barra minn hekk, huwa biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament li l-Artikolu 266 TFUE jimponi obbligu fuq l-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tal-att annullat (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 30).

58      Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, mis-sentenza appellata bl-ebda mod ma jirriżulta li, bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE, il-Qorti Ġenerali, minbarra li annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi, ordnat lill-Kummissjoni tissostitwixxi lil dawn tal-aħħar b’deċiżjonijiet ġodda li jagħtu lil Carreras Sequeros et, għas-sena 2014, in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali li għalih setgħu kienu intitolati qabel l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal permezz tar-Regolament Nru 1023/2013.

59      Barra minn hekk, sa fejn il-Qorti Ġenerali sempliċement annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi, hija ma tistax tiġi kkritikata li bidlithom.

60      Mill-bqija, mill-atti tal-Kummissjoni kif ukoll minn dawk ta’ Carreras Sequeros et jirriżulta li, bla ħsara għal din il-proċedura ta’ appell, din l-istituzzjoni identifikat diversi modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, li jinkludu l-għoti ta’ eventwali kumpens finanzjarju lil Carreras Sequeros et.

61      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appelli prinċipali u inċidentali tal-Kunsill għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi dwar l-ammissibbiltà u l-portata tal-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata fl-ewwel istanza

–       L-argumenti tal-partijiet

62      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-Parlament, jikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tosserva l-portata tal-kompetenza tagħha meta ddikjarat ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata minn Carreras Sequeros et, li kienet tikkonċerna s-sistema kollha tal-leave annwali prevista fl-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż il-fażi definittiva tagħha applikabbli b’effett mis-sena 2016, u mhux biss id-dispożizzjoni implimentata permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, jiġifieri l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-imsemmi anness tar-Regolamenti tal-Persunal.

63      Fil-fehma tal-Kunsill, peress li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu ġew adottati fuq il-bażi tal-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, l-eċċezzjoni ta’ illegalità setgħet tikkonċerna biss din id-dispożizzjoni, u dan sa fejn il-Kummissjoni, f’dan il-każ, ma kinitx applikat, la direttament u lanqas indirettament, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-imsemmi Anness X.

64      Il-Kunsill jirrileva, f’dan ir-rigward, li l-fatt li jitwarrab l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, ma jistax ikollu effett fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi li jiffissaw in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali għas-sena 2014, li huma s-suġġett tar-rikors għal annullament. Il-fatt li dispożizzjoni tkun tista’, b’mod ipotetiku, tiġi applikata għal uffiċjal ma jistax jiġġustifika li dan tal-aħħar ikun jista’ jikkontesta l-legalità tagħha taħt l-Artikolu 277 TFUE, għaliex altrimenti parti tkun tista’ tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, li huwa pprojbit mill-ġurisprudenza. B’hekk il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà u l-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, li madankollu kienet iċċitata b’mod korrett fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata.

65      Carreras Sequeros et iqisu li l-argumenti mressqa mill-Kunsill għandhom jiġu miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Skont l-Artikolu 277 TFUE, kull parti tista’, fil-kuntest ta’ tilwima li ddaħħal inkwistjoni att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tibbaża ruħha fuq il-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att.

67      Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, EU:C:1979:53, p. 777, punt 39, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il-Parlament, 262/80, EU:C:1984:18, punt 6).

68      Peress li l-Artikolu 277 TFUE ma huwiex intiż li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 32/65, EU:C:1966:42, p. 563, 594).

69      Huwa għalhekk li, fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati kontra deċiżjonijiet individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li jistgħu jkunu b’mod validu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi tal-imsemmija deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1981, Krupp Stahl vs Il‑Kummissjoni, 275/80 u 24/81, EU:C:1981:247, punt 32, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 1985, Salerno et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, 87/77, 130/77, 22/83, 9/84 u 10/84, mhux ippubblikata, EU:C:1985:318, punt 36) jew li jkollhom rabta legali diretta ma’ tali deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1965, Macchiorlati Dalmas vs L-Awtorità Għolja, 21/64, EU:C:1965:30, p. 227, 245; tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C‑361/01 P, EU:C:2003:434, punt 76; kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 237).

70      Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li eċċezzjoni ta’ illegalità indirizzata kontra att ta’ portata ġenerali li d-deċiżjoni individwali ma tikkostitwixxix miżura ta’ applikazzjoni tiegħu hija inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kunsill vs Chvatal et, C‑432/98 P u C‑433/98 P, EU:C:2000:545, punt 33).

71      F’dan il-każ, il-Kunsill isostni li, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikklassifikat b’mod żbaljat bħala “rabta legali diretta” ir-relazzjoni li hemm bejn id-deċiżjonijiet kontenzjużi u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, qieset b’mod żbaljat li, peress li dan l-ewwel paragrafu huwa r-riżultat tal-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-imsemmi anness, huwa kien minn tal-inqas indirettament applikabbli għall-imsemmija deċiżjonijiet.

72      Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

73      Fil-fatt, huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet kontenzjużi huma bbażati fuq l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness X tal-Istatut, li huwa biss dispożizzjoni tranżitorja li torganizza l-bidla progressiva lejn is-sistema definittiva tal-leave annwali stabbilita permezz tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu bil-għan, b’mod partikolari, li jiġu evitati jew imtaffa l-effetti ta’ bidla f’daqqa fis-sistema preċedenti għall-membri tal-persunal ikkonċernati, li kienu diġà assenjati f’pajjiż terz fl-1 ta’ Jannar 2014, bħalma kienu Carreras Sequeros et.

74      Peress li n-natura stess ta’ perijodu tranżitorju hija li tiġi organizzata l-bidla progressiva minn sistema għal oħra, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 34 tas-sentenza appellata, hija għaldaqstant ma wettqitx żball ta’ liġi meta minn din il-konstatazzjoni kkonkludiet li kien hemm rabta bejn iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni tal-perijodu tranżitorju previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tirriżulta biss mill-adozzjoni tas-sistema definittiva stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-imsemmi artikolu.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta minn dan iddeduċiet, fil-punti 35 u 39 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu miżuri ta’ applikazzjoni tas-sistema introdotta, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, mill-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u għandhom rabta legali diretta ma’ din is-sistema, b’tali mod li Carreras Sequeros et setgħu jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tas-sistema definittiva tal-leave annwali stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

76      Għandu jingħad ukoll li l-interpretazzjoni kuntrarja, difiża mill-Kunsill, ikollha bħala effett, għall-finijiet tal-eżami tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tas-sistema ta’ leave annwali ddeterminata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, li tifred b’mod artifiċjali l-perijodu definittiv u l-perijodi tranżitorji ta’ din l-istess sistema waħda.

77      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appelli prinċipali u inċidentali tal-Kunsill għandha tiġi miċħuda bħala infondata, kif ukoll, b’hekk, l-ewwel aggravju fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni u fuq it-tieni aggravju tal-appelli prinċipali u inċidentali tal-Kunsill, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta u tad-Direttiva 2003/88, kif ukoll fil-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal leave annwali mħallas

78      Insostenn ta’ dawn l-aggravji, indirizzati kontra l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 61 sa 97 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni u l-Kunsill iqajmu, essenzjalment, erba’ partijiet.

 Fuq l-ewwel żewġ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq żball ta’ liġi dwar l-invokabbiltà ta’ direttivi fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fuq definizzjoni żbaljata tal-portata tad-dritt għal leave annwali mħallas, previst fl-Artikolu 31(2) tal-Karta moqri fid-dawl tad-Direttiva 2003/88

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Permezz tal-ewwel parti, il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, identifikat tliet każijiet li fihom direttiva indirizzata lill-Istati Membri tista’ tiġi invokata fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bi ksur tal-prinċipju li tali att, bħala tali, ma jistax jimponi obbligi fuq dawn l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom, bla ħsara biss għar-riżerva, ferm relattiva, li tirriżulta mill-punti 40 u 46 tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Rieżami Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570).

80      Skont il-Kunsill, ebda wieħed mit-tliet każijiet imsemmija mill-Qorti Ġenerali ma huwa ta’ natura li jiġġustifika l-invokabbiltà tad-Direttiva 2003/88 fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, mis-sentenza appellata ma jirriżultax liema każ ta’ invokabbiltà l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni tapplika f’din il-kawża, u lanqas ma jirriżulta sa fejn id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-punt 61 tal-imsemmija sentenza jissostanzjaw id-dispożittiv tagħha.

81      Fir-risposta tagħha għall-appell inċidentali tal-Kunsill, il-Kummissjoni tqis li huwa diffiċli li jinftiehem jekk il-punt 61 tas-sentenza appellata jservix ta’ bażi għall-konklużjonijiet fis-sens li d-Direttiva 2003/88 tista’ tiġi invokata fil-konfront tal-leġiżlatur tal-Unjoni u fis-sens li l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu jinqara fid-dawl tal-imsemmija direttiva. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-raġunament fuq il-mertu tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq il-kundizzjonijiet għall-invokabbiltà ta’ direttivi fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif indikati fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tispeċifika li hija tikkontesta wkoll dan il-punt, bħalma jagħmel il-Kunsill.

82      Permezz tat-tieni parti, il-Kummissjoni u l-Kunsill, sostnuti mill-Parlament, isostnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax ikun marbut, kif qieset b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali fil-punti 69 sa 72 tas-sentenza appellata, mill-kontenut kollu tad-Direttiva 2003/88 u li din tal-aħħar ma tistax tiġi integrata fid-dritt primarju.

83      Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, hija biss is-sustanza tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, bħala regola ta’ protezzjoni minima, u mhux id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva, li tista’, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ inċidentali tal-legalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal dwar id-dritt għal leave annwali fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

84      Il-Kunsill iżid li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-portata tal-Artikolu 52(7) tal-Karta permezz ta’ sofiżmu li jwassal għall-istħarriġ tal-legalità tar-Regolament Nru 1023/2013, li introduċa l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, billi integrat din tal-aħħar fid-dritt primarju bi ksur tal-ġerarkija tan-normi.

85      Skont il-Kummissjoni u l-Kunsill, dan l-iżball ta’ liġi huwa partikolarment manifest sa fejn wassal lill-Qorti Ġenerali, fil-punti 73 sa 83 tas-sentenza appellata, sabiex teżamina l-legalità tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tal-Artikoli 14 u 23 tad-Direttiva 2003/88, f’sitwazzjoni fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. F’dan id-dawl, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 336 TFUE jagħti preċiżament il-kompetenza lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jistabbilixxi r-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn il-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u dawn tal-aħħar. B’hekk, huwa d-dritt primarju stess li jagħti lil dawn l-istituzzjonijiet il-kompetenza li jadottaw ir-regoli applikabbli għall-persunal tagħhom stess, mingħajr ma jissuġġettaw lil dan tal-aħħar għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt sekondarju.

86      Carreras Sequeros et isostnu li dawn iż-żewġ partijiet huma ineffettivi u, fi kwalunkwe każ, infondati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87      Wara li fakkret, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu, bħala tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom, il-Qorti Ġenerali identifikat, fil-punt 61 tal-imsemmija sentenza, tliet każijiet li fihom ma jistax jiġi eskluż “li r-regoli jew prinċipji stipulati f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra [dawn l-]istituzzjonijiet”.

88      L-ewwel, il-Qorti Ġenerali indikat li dan ikun il-każ meta dawn ir-regoli jew dawn il-prinċipji “jidhru biss bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-trattat u ta’ prinċipji ġenerali li japplikaw direttament għall-imsemmija istituzzjonijiet”. It-tieni, hija qieset li “direttiva tista’ torbot istituzzjoni meta din, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal, kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew ukoll fil-każ fejn att ta’ portata ġenerali ta’ applikazzjoni interna jirreferi huwa stess espressament għall-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont Trattati”. It-tielet, hija qieset li l-“istituzzjonijiet għandhom, konformement mad-dmir ta’ lealtà impost fuqhom, jikkunsidraw, fl-aġir tagħhom bħala persuna li timpjega, dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fuq l-iskala tal-Unjoni”.

89      Mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni b’mod ġenerali dwar l-eżattezza tal-identifikazzjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tas-sentenza appellata, ta’ tliet każijiet distinti ta’ invokabbiltà ta’ direttiva fil-konfront ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, għandu qabel kollox jiġi osservat, fir-rigward tad-Direttiva 2003/88, li hija l-unika direttiva inkwistjoni f’din il-kawża, li fil-punt 64 ta’ din is-sentenza l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Carreras Sequeros et fis-sens li l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi att b’portata ġenerali ta’ applikazzjoni interna li jirreferi għal din id-direttiva. B’hekk, il-Qorti Ġenerali eskludiet, kif jirriżulta espliċitament minn dan il-punt 64, li Carreras Sequeros et jistgħu jinvokaw l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-imsemmija direttiva sabiex jiġi ddikjarat inapplikabbli, b’mod inċidentali, l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

90      Għaldaqstant, sa fejn il-Kunsill jikkritika t-tieni każ identifikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tas-sentenza appellata u sa fejn l-evalwazzjoni marbuta ma’ dan il-każ ma tissostanzjax id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, l-argument tal-Kunsill għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

91      Sussegwentement, minn ebda motiv tas-sentenza appellata ma jirriżulta li l-Qorti Ġenerali applikat it-tielet każ identifikat minnha fil-punt 61 tal-imsemmija sentenza u mfakkar fil-punt 88 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, l-argument tal-Kunsill huwa wkoll ineffettiv sa fejn huwa marbut ma’ dan it-tielet każ.

92      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ewwel każ ta’ invokabbiltà tad-Direttiva 2003/88 fil-konfront ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, identifikat fil-punt 61 tas-sentenza appellata, fis-sens li din id-direttiva hija fl-intier tagħha l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattat u ta’ prinċipji ġenerali, dan il-każ ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 69 sa 83 tal-imsemmija sentenza.

93      Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-dispożittiv tas-sentenza appellata ma huwiex ibbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 69 sa 83 ta’ din is-sentenza iżda fuq il-motivi esposti fil-punti 84 sa 113 tagħha, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur inġustifikat tad-dritt għal leave annwali mħallas ta’ Carreras Sequeros et, ibbażat fuq ksur tan-natura u tal-għan ta’ dan id-dritt, previst fl-Artikolu 31(2) tal-Karta.

94      Għaldaqstant, l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni u tat-tieni aggravju tal-appelli prinċipali u inċidentali tal-Kunsill għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tan-natura u l-għan tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta

–       L-argumenti tal-partijiet

95      Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punt 88 tas-sentenza appellata, fis-sens li d-dritt għal-leave annwali previst fl-Artikolu 31(2) tal-Karta huwa intiż li jiffavorixxi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema hija żbaljata.

96      Tali għan ma jissemmiex f’dan l-artikolu, li t-titolu tiegħu jikkonċerna biss “[k]ondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”. Kif tfakkar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 84 tas-sentenza appellata, l-għan tad-dritt għal leave annwali huwa, skont dawn l-istituzzjonijiet, li wieħed igawdi minn perijodu ta’ mistrieħ u ta’ ħin liberu.

97      Il-Kummissjoni żżid li l-għan ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-persuni kkonċernati lanqas ma jirriżulta minn qari tal-Artikolu 31(2) tal-Karta fid-dawl tad-Direttiva 2003/88, kif qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, ma hemm xejn li jiġġustifika l-integrazzjoni, fil-kontenut tad-dritt għal leave annwali, iggarantit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, ħlief għall-Artikolu 7 tagħha.

98      Ir-riferimenti għall-Artikoli 151 u 153 TFUE, magħmula fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li huwa minnu li jikkonċernaw l-għanijiet ta’ politika soċjali tal-Unjoni, ma jibdlu xejn f’dan ir-rigward. Dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex rilevanti fil-każ ineżami sa fejn hija inkwistjoni evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 31(2) tal-Karta ta’ att leġiżlattiv adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 336 TFUE.

99      Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punt 90 tas-sentenza appellata, fis-sens li t-tnaqqis fin-numru ta’ jiem ta’ leave annwali, introdott permezz tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax jitqies li huwa inkompatibbli mal-prinċipju intiż li jiġi ffavorit it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-persuni kkonċernati, hija żbaljata wkoll għal żewġ raġunijiet oħra.

100    Minn naħa, skont il-Kummissjoni, minn ebda sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol jikkostitwixxi, fih innifsu, l-espressjoni speċifika ta’ regola fundamentali tat-Trattati jew ta’ prinċipju ġenerali. Għall-kuntrarju, fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni (C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punti 60 u 99), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, meta l-leġiżlatur jaġixxi skont l-Artikolu 336 TFUE, id-drittijiet tal-uffiċjali jistgħu jiġu emendati fi kwalunkwe mument, anki jekk id-dispożizzjonijiet emendati jkunu inqas favorevoli minn dawk preċedenti.

101    Min-naħa l-oħra, fil-fehma tal-Kunsill, il-kwistjoni ma hijiex jekk it-tnaqqis fin-numru ta’ jiem ta’ leave annwali huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, iżda jekk in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali li għalih huma intitolati l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni jippreġudikax id-dritt tagħhom għal leave annwali, is-saħħa tagħhom u s-sigurtà tagħhom.

102    Issa, skont il-Kummissjoni u l-Kunsill, l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt għal leave annwali mħallas, kif iggarantit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, peress li n-numru ta’ jiem ta’ leave annwali mogħti bi dritt minn dan l-Artikolu 6 l-ġdid, jiġifieri 24 jum b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, jibqa’ superjuri għall-minimu ta’ erba’ ġimgħat, jiġifieri 20 jum, meħtieġ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Tnaqqis fin-numru ta’ jiem ta’ leave annwali ta’ din il-portata ma jistax jitqies li huwa illegali fih innifsu, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 90 tas-sentenza appellata.

103    Il-Parlament jaqbel ma’ din l-analiżi. Huwa jżid li, peress li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal inkwistjoni għandhom numru ta’ jiem ta’ leave suffiċjenti, f’dan il-każ superjuri għar-rekwiżiti minimi fis-seħħ fl-Unjoni, anki wara l-emenda tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal mil-leġiżlatur tal-Unjoni, id-dritt fundamentali għal leave annwali mħallas ma huwiex miksur.

104    Carreras Sequeros et isostnu, qabel kollox, li, fil-kuntest tal-appelli ineżami, l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jispjegawx b’mod ċar b’liema mod l-argumenti tagħhom għandhom iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma huwiex intiż li jiffavorixxi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-artikolu huwa intiż, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, li jtejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 153(1) TFUE.

105    Issa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li jkun hemm ksur ta’ dan il-prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni jekk il-leġiżlatur ta’ din tal-aħħar ikun awtorizzat inaqqas b’mod sinjifikattiv it-tul tal-leave annwali mħallas mingħajr ma jistabbilixxi li wettaq effettivament ibbilanċjar ekwilibrat tal-interessi inkwistjoni. Għaldaqstant, skont Carreras Sequeros et, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett li t-tnaqqis fid-dritt għal leave annwali mħallas tal-membri tal-persunal assenjati fil-pajjiżi terzi kien sproporzjonat.

106    Carreras Sequeros et iżidu li s-sentenza appellata taqa’ fil-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punti 81 sa 84), li minnha joħroġ li l-ħaddiema huma intitolati għal leave annwali mħallas li t-tul tiegħu għandu jiġi armonizzat b’mod progressiv u, għaldaqstant, għall-finijiet tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol. L-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jistax jingħata interpretazzjoni differenti mill-prinċipju li huwa intiż li jirrifletti.

107    Barra minn hekk, mis-sentenza appellata l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jisiltu b’mod żbaljat allegat “prinċipju ta’ nuqqas ta’ regressjoni” minkejja li, fil-punt 90 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali espliċitament iddeċidiet f’sens kuntrarju. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li l-uniku limitu li l-Qorti Ġenerali timponi fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni meta jkollu l-intenzjoni jnaqqas it-tul tal-leave annwali huwa li jwettaq minn tal-inqas ibbilanċjar ekwilibrat tal-interessi inkwistjoni.

108    F’dan il-każ, skont Carreras Sequeros et, il-premessi tar-Regolament Nru 1023/2013 bl-ebda mod ma jirriflettu xi teħid inkunsiderazzjoni tan-natura partikolari u tal-għan tad-dritt fundamentali għal leave annwali mħallas b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ġustament laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħhom. Barra minn hekk, dan il-limitu impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa konformi mal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109    Kif jirriżulta mill-punti 84 sa 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, meta adotta l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal li jnaqqas, b’mod sinjifikattiv, in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser id-dritt għal leave annwali, kif protett mill-Artikolu 31(2) tal-Karta, minkejja li n-numru ta’ jiem ta’ leave annwali, iddeterminat f’dan l-Artikolu 6 ġdid, baqa’, fi kwalunkwe każ, superjuri għat-tul tal-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

110    F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, minn naħa, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati, b’mod partikolari, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li, għaldaqstant, huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fiha. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, l-istess valur legali bħad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat josservah b’mod partikolari meta jadotta att bħalma huma r-Regolamenti tal-Persunal, fuq il-bażi tal-Artikolu 336 TFUE (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Rieżami Il-Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punti 39 u 58).

111    L-Artikolu 31(2) tal-Karta jistabbilixxi, għal kull ħaddiem, id-dritt għal perijodu ta’ leave annwali mħallas, iżda ma jispeċifikax it-tul preċiż ta’ dan il-perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 85, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förerung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 74). Għaldaqstant, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dritt fundamentali għal leave annwali mħallas stabbilit f’din id-dispożizzjoni tal-Karta jeħtieġ, minn tal-inqas fir-rigward tat-tul ta’ dan il-leave, preċiżjoni normattiva.

112    Skont l-Ispjegazzjonijiet marbuta mal-Artikolu 31 tal-Karta, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, l-Artikolu 31(2) huwa ispirat mid-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), li tħassret u ġiet ikkodifikata permezz tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Rieżami Il-Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punti 27, 28 u 39, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förerung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 52 u 53).

113    B’dan premess, id-dritt għal leave annwali mħallas bħala prinċipju essenzjali u imperattiv tad-dritt soċjali tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu wkoll is-sors tiegħu, skont dawn l-istess spjegazzjonijiet, f’diversi strumenti, kemm dawk imfassla mill-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni, bħall-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, u kemm dawk li kkooperaw fihom u li aderixxew magħhom l-imsemmija Stati Membri, bħall-Karta Soċjali Ewropea, li fiha l-Istati Membri kollha huma Partijiet, żewġ strumenti dawn li jissemmew fl-Artikolu 151 TFUE (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Rieżami Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punti 26 u 27, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förerung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 70 sa 73).

114    B’mod iktar preċiż, l-Ispjegazzjonijiet marbuta mal-Artikolu 31(2) tal-Karta jfakkru li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea kif ukoll fuq il-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, li t-tnejn li huma jaffermaw id-dritt ta’ kull ħaddiem għal leave annwali mħallas, filwaqt li l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea jiggarantixxi l-għoti ta’ tali leave għal tul ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat.

115    B’hekk, mill-Ispjegazzjonijiet marbuta mal-Artikolu 31(2) tal-Karta jirriżulta li r-riferiment magħmul minnhom għad-Direttiva 2003/88 ma jikkonċernax, kif qieset b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali fil-punti 69 sa 83 tas-sentenza appellata, din id-direttiva fl-intier tagħha, li barra minn hekk għandha portata usa’ mid-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, iżda jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jirriflettu u li jispeċifikaw id-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit permezz ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta. Dan huwa l-każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li jipprevedi dritt għal leave annwali mħallas ta’ minn tal-inqas erba’ ġimgħat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu, C‑12/17, EU:C:2018:799, punti 24 u 25, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punti 22 u 23).

116    F’dan ir-rigward, kif jikkonferma l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u kif jirrikonoxxu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-appelli ineżami, ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, sa fejn jiggarantixxu lil kull ħaddiem il-benefiċċju ta’ leave annwali mħallas ta’ minn tal-inqas erba’ ġimgħat, jagħmlu parti integrali mir-Regolamenti tal-Persunal u għandhom, bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli previsti fihom, jiġu applikati għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Rieżami Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punti 51 u 56).

117    Dispożizzjoni, bħall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li tispeċifika, fid-dritt tal-Unjoni, it-tul minimu tal-perijodu annwali ta’ leave mħallas li għalih huwa intitolat kull ħaddiem, billi tallinea ruħha għal dan il-għan mat-tul previst fl-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea li fuqu huwa bbażat ukoll id-dritt fundamentali għal leave annwali mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, ma tistax, min-natura tagħha stess, tikkostitwixxi ksur għal dan id-dritt fundamentali. Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva sempliċement jikkonkretizza dan id-dritt fundamentali.

118    Minn dan isegwi li ma tistax titqies li tikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali għal leave annwali mħallas dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li, bħall-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, tiżgura lil ħaddiema dritt għal leave annwali mħallas ta’ tul superjuri għall-minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

119    F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali mħallas mogħti lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi kien ta’ 36 jum għas-sena 2014, li hija kkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, u ta’ 30 jum għas-sena 2015. B’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 6 l-ġdid, dan in-numru tnaqqas għal 24 jum b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, filwaqt li jiġi speċifikat iżda li, kif jirriżulta mill-anness tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-leave, li ġiet prodotta minn din l-istituzzjoni wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, u għall-kuntrarju ta’ dak li din tal-aħħar iddeċidiet fil-punt 109 tas-sentenza appellata, dawn l-uffiċjali u dawn il-membri tal-persunal jibbenefikaw, b’effett minn din id-data u l-istess bħall-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-uffiċjal huwa intitolat għal jiem ta’ leave addizzjonali għad-dritt bażiku tiegħu fuq il-bażi tal-grad tiegħu u tal-età tiegħu u dan, għal kull sena kalendarja, sa massimu ta’ 30 jum ta’ xogħol.

120    Il-fatt li, b’effett mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ikkonċernati ġew gradwalment imċaħħda minn ċertu numru ta’ jiem ta’ leave annwali mħallas bl-ebda mod ma jibdel il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 118 u 119 ta’ din is-sentenza sa fejn, taħt l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 6 l-ġdid, huma jżommu l-benefiċċju ta’ perijodu ta’ leave annwali mħallas li, fi kwalunkwe każ, huwa itwal minn dak li jirriżulta mir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

121    Għandu jingħad ukoll li, billi tiffissa tul ta’ leave annwali mħallas superjuri għall-erba’ ġimgħat minimi meħtieġa fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni bħall-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal hija ta’ natura li tiggarantixxi li jiġi ssodisfatt l-għan doppju tad-dritt għal-leave annwali, jiġifieri, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ħaddiem ikun jista’ jistrieħ mit-twettiq tal-kompiti tiegħu u li jkollu perijodu ta’ mistrieħ u ta’ ħin liberu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Rieżami Il-Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 35, u tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 32).

122    Barra minn hekk, l-iffissar ta’ tali tul ta’ leave annwali mħallas li jmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 huwa intiż li jikkontribwixxi għall-osservanza tal-għan stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea, li madankollu ma tteħidx inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-motivi tas-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punt 87 tagħha.

123    Fil-fatt, minn dan l-artikolu tal-Karta Soċjali Ewropea jirriżulta li l-Partijiet Kontraenti fl-imsemmija Karta qablu li perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas ta’ erba’ ġimgħat jippermetti li “jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti”.

124    Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi rrikonoxxut, fid-dawl tal-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata, id-dritt għal leave annwali previst fl-Artikolu 31(2) tal-Karta huwa intiż, bħala prinċipju, li jiffavorixxi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema.

125    Madankollu, din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma tfisser, għall-kuntrarju ta’ dak li qieset essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, li dispożizzjoni li, għalkemm twassal għal tnaqqis fin-numru ta’ jiem ta’ leave annwali mħallas li għalih kienu intitolati l-ħaddiema kkonċernati taħt dispożizzjoni preċedenti, iżżomm dan it-tul f’livell superjuri għar-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, għandha titqies li hija inkompatibbli ma’ tali għan u lanqas, barra minn hekk, li hija inkompatibbli mal-għan li tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, li għalihom dawn ir-rekwiżiti minimi jikkontribwixxu direttament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Rieżami Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 44).

126    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tal-Istatut, li l-għan tagħha huwa li tispeċifika t-tul tad-dritt għal leave annwali li minnu għandhom jibbenefikaw l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati fil-pajjiżi terzi, filwaqt li fi kwalunkwe każ tiżguralhom tul superjuri għar-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, ma tistax titqies li tikser in-natura u l-għan tad-dritt fundamentali għal leave annwali mħallas stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta.

127    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tivvizzja l-evalwazzjoni tagħha bi żbalji ta’ liġi, tqis li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser id-dritt fundamentali għal leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 31(2) tal-Karta f’sitwazzjoni fejn it-tul, iffissat minn dan l-Artikolu 6 l-ġdid, tal-leave annwali mħallas tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni assenjati fil-pajjiżi terzi jibqa’ fi kwalunkwe każ superjuri għall-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat meħtieġ fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

128    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni u tat-tieni aggravju tal-appelli prinċipali u inċidentali tal-Kunsill għandha tintlaqa’. Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata r-raba’ parti ta’ dawn l-aggravji u mingħajr ma jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra tal-appelli prinċipali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill kif ukoll tal-appell inċidentali ta’ dan tal-aħħar, li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-ġustifikazzjoni tal-ksur tad-dritt għal leave annwali.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

129    Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

130    F’dan il-każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li r-rikors għal annullament ippreżentat minn Carreras Sequeros et fil-Kawża T‑518/16 huwa bbażat fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġx li tiġi ordnata xi miżura supplimentari ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ir-rikors jinsab fi stat li jiġi deċiż u li hemm lok li tagħti deċiżjoni definittiva dwaru.

131    Dan ir-rikors huwa bbażat fuq erba’ motivi, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tan-natura u tal-għan tad-dritt għal leave annwali, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tan-natura partikolari u tal-għan tad-dritt għal leave annwali

132    Carreras Sequeros et isostnu, essenzjalment, li bl-adozzjoni tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur kiser in-natura partikolari u l-għan tad-dritt għal leave annwali.

133    F’dan ir-rigward, huwa madankollu biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 110 sa 127 ta’ din is-sentenza, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, sa fejn it-tul tal-leave annwali mħallas iffissat permezz tal-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal f’livell superjuri għar-rekwiżiti minimi meħtieġa mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jiksirx, fil-fatt, in-natura u l-għan tad-dritt fundamentali ta’ Carreras Sequeros et għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament

134    Carreras Sequeros et isostnu, minn naħa, li tnaqqis fin-numru tal-jiem ta’ leave annwali tagħhom jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn ma jiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari li tiddistingwi l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz mill-persunal assenjat fl-Unjoni, u li hija marbuta essenzjalment mal-fatt li l-persunal assenjat f’pajjiż terz huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ għajxien iktar diffiċli, għal mobbiltà perijodika iktar frekwenti u għall-ħtieġa li ħafna drabi jkollhom iżommu żewġ residenzi, waħda fil-post ta’ assenjazzjoni u l-oħra fil-post tar-residenza tal-familja.

135    Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, b’differenza mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal assenjati fl-Unjoni, il-leġiżlatur ta’ din tal-aħħar ma pprevediex, għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal assenjati fil-pajjiżi terzi, il-possibbiltà li jibbenefikaw minn jiem ta’ leave annwali supplimentari, fuq il-bażi tal-età u tal-grad, sa limitu massimu ta’ 30 jum ta’ xogħol previst fl-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal.

136    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill u mill-Parlament, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

137    F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 76), jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C‑227/04 P, EU:C:2007:490, punt 63, u tal-15 ta’ April 2010, Gaultieri vs Il‑Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 70).

138    F’dan il-każ, fir-rigward tal-argument ta’ Carreras Sequeros et imsemmi fil-punt 134 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, irrispettivament mill-vantaġġi l-oħra, enfasizzati mill-Kummissjoni, li minnhom igawdu, bis-saħħa tal-Artikoli 5, 10 u 24 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz fil-qasam, rispettivament, tal-abitazzjoni, tal-allowance speċjali għall-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-kopertura komplementari tal-assigurazzjoni għall-mard, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-adozzjoni tar-riforma tal-2014, żamm, favur dawn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal, il-possibbiltà li, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, jitolbu, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 9(2) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, leave speċjali ta’ mistrieħ li jista’ jilħaq il-ħmistax-il jum skont il-livell tad-diffikultà tal-kundizzjonijiet tal-għajxien prevalenti fil-post ta’ assenjazzjoni tagħhom, u li jiżdied mad-drittijiet għal leave annwali mħallas irrikonoxxuti mir-Regolamenti tal-Persunal lil kull uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni.

139    Fir-rigward tal-argument ta’ Carreras Sequeros et riprodott fil-punt 135 ta’ din is-sentenza, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punt 119 ta’ din is-sentenza.

140    Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

141    Carreras Sequeros et isostnu li n-numru ta’ jiem ta’ leave annwali li minnu kienu jibbenefikaw qabel l-1 ta’ Jannar 2014 kien jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali u determinanti tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, il-perijodu twil li matulu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni qiesu li dan in-numru ta’ jiem ta’ leave kien neċessarju ħolqilhom aspettattiva leġittima dwar il-possibbiltà li, matul il-karriera tagħhom, ikunu jistgħu jikkombinaw il-ħajja professjonali u dik privata tagħhom, u l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ittradixxa din l-aspettattiva.

142    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jirribattu dan l-argument.

143    F’dan id-dawl, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-rabta legali bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija rregolata mir-Regolamenti tal-Persunal u mhux minn kuntratt. Minn dan jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu jiġu emendati f’kull mument mil-leġiżlatur (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 60, kif ukoll tal-4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il-Parlament, C‑496/08 P, EU:C:2010:116, punt 82).

144    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li d-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeħtieġ li assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, min-naħa ta’ sorsi awtorizzati u affidabbli, ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Issa, kif sostnew il-Kummissjoni u l-intervenjenti mingħajr ma ġew kontradetti fuq dan il-punt minn Carreras Sequeros et, dawn tal-aħħar ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ xi assigurazzjoni li kienet ingħatatilhom mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni fir-rigward tal-fatt li l-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal qatt ma kien ser jiġi emendat.

146    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja

147    Carreras Sequeros et isostnu li l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprekludihom milli jżommu, matul il-leave annwali tagħhom, l-attivitajiet tal-familja u soċjali tagħhom bħalma kien possibbli qabel. F’dan id-dawl, huma jsemmu l-eżempju ta’ wieħed minnhom, li huwa assenjat fil-Pakistan iżda li jirrisjedi f’Milano (l-Italja), u li fl-aħħar mill-aħħar għandu biss sittax-il jum fis-sena sabiex iżomm relazzjoni mal-bniet tiegħu li jgħixu f’Ateni (il-Greċja) ma’ ommhom.

148    Skont Carreras Sequeros et, id-deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom li jaffettwaw il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja tagħhom huwa sproporzjonat.

149    Il-Kummissjoni, li mal-argumenti tagħha jingħaqdu l-Kunsill u l-Parlament, tirribatti dan l-argument ta’ Carreras Sequeros et.

150    F’dan id-dawl, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni, f’dan il-każ, dwar ir-rabta li Carreras Sequeros et jallegaw li jistabbilixxu bejn id-drittijiet stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6 l-ġdid tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li tiegħu Carreras Sequeros et qegħdin jeċċepixxu l-illegalità, jikkonċerna esklużivament in-numru ta’ jiem ta’ leave annwali rrikonoxxut lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal assenjati fil-pajjiżi terzi.

151    Kif issostni l-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill u mill-Parlament, dan l-Artikolu 6 l-ġdid huwa bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal li joħorġu mir-Regolamenti tal-Persunal, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħajja privata u l-ħajja tal-familja tal-persuna kkonċernata, bħalma huma dawk dwar il-kalkolu tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u tal-perijodu għal raġuni ta’ distanza.

152    Barra minn hekk, dispożizzjonijiet oħra tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-familja tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati fil-pajjiżi terzi. B’hekk, l-Artikoli 18, 20 sa 22, 24 u 25 ta’ dan l-anness, dwar, rispettivament, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż taċ-ċaqliq, l-allowance ta’ akkomodazzjoni provviżorja kif ukoll dwar il-benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-mard komplementari u tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti li jistgħu jseħħu barra mill-Unjoni, japplikaw kemm għal dawn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal kif ukoll għall-familji tagħhom jew għall-persuni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ dawn tal-aħħar.

153    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eżempju, imsemmi fil-punt 147 ta’ din is-sentenza, imqajjem minn Carreras Sequeros et insostenn ta’ dan il-motiv, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet misluta mill-konsegwenzi ta’ dan l-att f’każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 43).

154    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat.

155    Peress li ebda wieħed mill-motivi tar-rikors ma ntlaqa’, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

156    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

157    Skont l-Artikolu 138(1) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

158    F’dan il-każ, peress li Carreras Sequeros et tilfu u peress li l-Kunsill talab li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li Carreras Sequeros et jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-Kunsill marbuta mal-appelli ineżami u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Peress li l-Kummissjoni talbet, quddiem il-Qorti Ġenerali iżda mhux quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li Carreras Sequeros et jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li Carreras Sequeros et jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-Kummissjoni marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta mal-appelli ineżami.

159    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Parlament, li intervjena fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u li pparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu għalhekk ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Diċembru 2018, Carreras Sequeros et vs IlKummissjoni (T518/16, EU:T:2018:873), hija annullata.

2)      Ir-rikors ippreżentat minn Francisco Carreras Sequeros, Mariola de las Heras Ojeda, Olivier Maes, Gabrio Marinozzi, Giacomo Miserocchi u Marc Thieme Groen fil-Kawża T518/16 huwa miċħud.

3)      Francisco Carreras Sequeros, Mariola de las Heras Ojeda, Olivier Maes, Gabrio Marinozzi, Giacomo Miserocchi u Marc Thieme Groen għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-ispejjeż imġarrba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-appelli ineżami u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-aħħar.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess mġarrba fil-kuntest tal-appelli ineżami.

5)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.