Language of document : ECLI:EU:C:2021:385

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

12 ta’ Mejju 2021 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Ex membru tal-persunal bil-kuntratt – Sigurtà soċjali – Skema ta’ Assigurazzjoni għall-Mard Komuni għall-Istituzzjonijiet tal‑Komunitajiet Ewropej (SAMK) – Artikolu 95 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (KAO) – Żamma ta’ affiljazzjoni wara l-irtirar – Kundizzjoni li wieħed ikun ilu impjegat għal iktar minn tliet snin – Talba għall-affiljazzjoni mas-SAMK wara trasferiment tad‑drittijiet għall-pensjoni – Assimilazzjoni tas-snin ta’ servizz pensjonabbli akkreditati għal snin ta’ servizz – Ċaħda tat-talba – Rikors għal annullament – Att li jikkawża preġudizzju – Digriet tal-Qorti Ġenerali li jikkonstata l‑inammissibbiltà tar-rikors – Annullament”

Fil-Kawża C‑202/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-12 ta’ Mejju 2020,

Claudio Necci, residenti fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentat minn S. Orlandi u T. Martin, avukati, sussegwentement minn S. Orlandi, avukat,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin u T. S. Bohr, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Van Pottelberge u I. Terwinghe, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u M. Alver, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Marzu 2020, Necci vs Il‑Kummissjoni (T‑129/19, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:131), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tiegħu għal annullament skont l-Artikolu 270 TFUE kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2018, li tiċħad impliċitament it-talba tiegħu għall-affiljazzjoni mal-Iskema ta’ Assigurazzjoni għall-Mard Komuni għall-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej (SAMK) imressqa fit-18 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea

2        L-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kif emendati bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU 2010, L 311, p. 1), jipprevedi, essenzjalment, li l-uffiċjal, il-konjuġi tiegħu, meta dan ma jkunx jista’ jibbenefika minn benefiċċji tal-istess natura u tal-istess livell skont kull dispożizzjoni legali jew regolamentari oħra, it-tfal tiegħu u l-persuni dipendenti l-oħra huma koperti mir-riskji ta’ mard mis-SAMK. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(2) tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li baqa’ fis-servizz tal-Unjoni sa l-età ta’ 63 sena jew li jirċievi benefiċċju ta’ l-invalidità, għandu jkun intitolat għall-benefiċċji pprovduti fil-paragrafu 1 wara li jitlaq mis-servizz. L-ammont tal-kontribuzzjoni għandu jinħadem b’riferenza għall-ammont tal-pensjoni jew tal-benefiċċju.”

3        L-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bir-Regolament Nru 1080/2010, jinsab taħt it-Titolu VII tagħhom, intitolat “Appelli”, u huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolament tal-Persunal tista’ tibgħat talba lill-awtorità tal-ħatra biex tieħu deċiżjoni dwaru. L-awtorità għandha tavża l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni rraġunata tagħha fi żmien erbgħa xhur mid-data ta’ meta ssir it-talba. Jekk fl-aħħar ta’ dak il-perjodu, ma tasal l-ebda tweġiba għat-talba, din titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni taċita li ma kenitx aċċettata, li kontriha ilment jista’ jsir skond il-paragrafu li ġej.

2.      Kull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tibgħat ilment lill-awtorità tal-ħatra kontra att li taffettwah ħażin, kemm jekk l-imsemmi awtorità ħadet deċiżjoni, jew fejn naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment għandu jkun ippreżentat fi żmien tliet xhur. […]

[…]”

4        L-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Komunitajiet wara:

–        li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali;

jew

–        li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu,

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ħallas lill-Komunitajiet il-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

Fit-tali każ l-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment, għandha tistabbilixxi permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li bih huwa jkun ikkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-[Unjoni] dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment.

[…]”

 Il-kondizzjonijiet tal-impjieg ta ’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea

5        L-Artikolu 95 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, kif emendati bir-Regolament Nru 1080/2010 (iktar ’il quddiem il-“KAO”), jipprovdi:

“[…] [L]-Artikolu 72(2) u (2a) tar-Regolamenti tal-Persunal m’għandhomx japplikaw għal membru tal-persunal bil-kuntratt, li baqa’ fis-servizz tal-Komunità sa l-età ta’ 63 sena, sakemm ma kienx impjegat għal aktar minn tliet snin bħala membru tat-tali persunal.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor il-fatti li wasslu għall-kawża fil-punti segwenti tad-digriet appellat:

“1.      Ir-rikorrent [l-appellant f’din l-istanza], Claudio Necci, eżerċita l-funzjonijiet tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea […] bħala membru tal-persunal bil-kuntratt bejn l-1 ta’ Lulju 2009 u t-30 ta’ Ġunju 2011.

2.      Fis-27 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrent talab it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni […] li huwa kien kiseb matul is-servizz tiegħu mal-amministrazzjoni Taljana, lejn l-iskema tal-pensjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem is-“SPUE”), skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal[, kif emendati bir-Regolament Nru 723/2004].

3.      Fl-1 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrent telaq mill-Kummissjoni u rtira fl-età ta’ 64 sena.

4.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ffissat id-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrent. Hija waqqfet ukoll l-affiljazzjoni tiegħu ma[s-SAMK] billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 95 tal-[KAO], li jissuġġetta ż-żamma tal-benefiċċju tas-SAMK, għal membru tal-persunal bil-kuntratt li jibqa’ fis-servizz tal-Unjoni sal-età tal-irtirar, għal kundizzjoni li dan ikun ġie impjegat tiegħu, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, għal iktar minn tliet snin. Id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 ma ġietx ikkontestata.

5.      Fit-12 ta’ Frar 2014, il-fond ta’ pensjoni Taljan informa lill-Kummissjoni li l-ammont tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrent fid-data tal-applikazzjoni [għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni] kien ta’ EUR 383 570.92.

6.      Permezz ta’ posta elettronika tat-18 ta’ Marzu 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu lir-rikorrent nota ta’ informazzjoni dwar il-kalkolu provviżorju tas-snin ta’ servizz tiegħu u talbitu jieħu deċiżjoni dwar it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni. Dan id-dokument, li kien jirreferi għall-Artikolu 95 tal-KAO, fakkar il-kundizzjoni li tliet snin ta’ servizz effettiv fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu neċessarji sabiex jibbenefika minn kopertura kontra r-riskji ta’ mard fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet u ġibed l-attenzjoni tar-rikorrent għall-konsegwenzi li [t-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni] seta’ jkollu.

7.      Fil-11 ta’ April 2014, ir-rikorrent bagħat posta elettronika lill-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u tal-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO), li permezz tagħha talab estensjoni tat-terminu sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar [it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni]. Huwa żied: “Naf li ser nitlef l-assigurazzjoni kontra l-mard tal-Italja u li ma nkunx kopert mis-SAMK tal-Kummissjoni. Nixtieq nitlob iktar informazzjoni dwar kopertura privata”. Huwa ngħata estensjoni tat-terminu sal-5 ta’ Mejju 2014.

8.      Fis-6 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent aċċetta l-offerta provviżorja ta’ [trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni] li kienet twassal sabiex jiġu rrikonoxxuti lilu numru ta’ snin ta’ servizz addizzjonali li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni fis-SPUE ta’ 16‑il sena, 9 xhur u 17‑il jum.

[…]

11.      Fl-14 ta’ Awwissu 2017, il-Fond ta’ Pensjoni Taljan ħallas is-somma ta’ EUR 387 768.73 lis-SPUE abbażi tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali tar-rikorrent.

12.      Fid-19 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-ewwel deċiżjoni dwar l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li wasslet għar-rikonoxximent lir-rikorrent ta’ perijodu ta’ kontribuzzjoni addizzjonali fis-SPUE ta’ 14‑il sena u 9 ijiem. Wara lment imressaq mir-rikorrent fit-18 ta’ Diċembru 2017 u aċċettat fit-14 ta’ Marzu 2018, din l-akkreditazzjoni ġiet estiża għal 16‑il snin, 9 xhur u 17‑il jum.

13.      Fit-18 ta’ Diċembru 2017, wara t-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, ir-rikorrent ressaq talba għall-affiljazzjoni mas-SAMK quddiem il-PMO.

14.      Din it-talba kienet suġġetta għal rifjut impliċitu fit-18 ta’ April 2018, [din iċ-ċaħda impliċita tikkostitwixxi d-deċiżjoni kontenzjuża], konformement mal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal[, kif emendati bir-Regolament Nru 1080/2010].

15.      Fit-18 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal[, kif emendati bir-Regolament Nru 1080/2010], kontra [d-deċiżjoni kontenzjuża].

16.      Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2018. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-ilment kien inammissibbli minħabba li dan kellu jitressaq kontra d-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi d-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrent, li fiha ġie indikat li huwa ma kienx affiljat mas-SAMK.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2019, l-appellant ippreżenta azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan ir-rikors kien ibbażat fuq żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 95 tal-KAO u, it-tieni wieħed, invokat sussidjarjament, fuq l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE.

8        Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni sostniet li r-rikors kien inammissibbli peress li kien ippreċedut minn ilment li kien ukoll inammissibbli. Fil-fehma tagħha, l-ilment kien inammissibbli peress li kellu jitressaq kontra d-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi d-drittijiet għall-pensjoni tal-appellant u li fiha ġie indikat li ma kienx ser ikun affiljat mas-SAMK (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011”). Dik l-istituzzjoni, sussidjarjament, talbet li l-motivi mressqa mill-appellant jiġu miċħuda.

9        Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli. Hija qieset l-ewwel nett li d-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 kienet att li jikkawża preġudizzju li sar definittiv fl-assenza ta’ lment min-naħa tar-rikorrent. Filwaqt li fakkret li membru tal-persunal temporanju li naqas milli jippreżenta rikors kontra att li jikkawżalu preġudizzju ma jistax, permezz ta’ talba sussegwenti, jirrimedja din l-ommissjoni sakemm fatt ġdid u sostanzjali ma jkunx ta’ natura li jimmotiva l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali qieset li t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tal-appellant ma kienx jikkostitwixxi tali fatt, b’mod partikolari peress li dan it-trasferiment ma kienx ibiddel is-sitwazzjoni tal-appellant fir-rigward tal-affiljazzjoni tiegħu mas-SAMK. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellant ma setax, permezz tat-talba tiegħu għall-affiljazzjoni mas-SAMK tas-17 ta’ Diċembru 2017, joħloq mill-ġdid għall-benefiċċju tiegħu dritt ta’ azzjoni kontra d-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10      Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

–        tirriżerva l-ispejjeż.

11      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

12      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żnaturament tas-suġġett tat-tilwima, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

13      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jinvoka żnaturament tas-suġġett tat-tilwima, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 45 tad-digriet appellat, li l-att li jikkawżalu preġudizzju kien id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011. L-appellant isostni li huwa ma jikkontestax din id-deċiżjoni u li ma kellux interess ġuridiku fir-rigward tagħha, sa fejn il-Kummissjoni kienet korretta meta kkonstatat li, skont l-Artikolu 95 tal-KAO, huwa ma setax jibqa’ affiljat mas-SAMK b’effett minn meta rtira, peress li kien eżerċita l-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal inqas minn tliet snin. Min-naħa l-oħra, ir-rikors għal annullament tiegħu kien jirrigwarda d-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li taffiljah mas-SAMK b’effett mid-19 ta’ Settembru 2017 minħabba li d-drittijiet għall-pensjoni Taljani ttrasferiti lis-SPUE ma setgħux jiġu assimilati għal snin ta’ servizz, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

14      Skont l-appellant, id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 u d-deċiżjoni kontenzjuża huma bbażati fuq motivi differenti u għalhekk ma għandhomx l-istess suġġett, billi l-ewwel waħda hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-appellant ma kienx impjegat għal iktar minn tliet snin mal-Unjoni u t-tieni waħda timmaterjalizza r-rifjut tal-amministrazzjoni li tassimila s-snin ta’ servizz akkreditati għal snin ta’ servizz, fis-sens tal-Artikolu 95 tal-KAO.

15      L-appellant jindika li, ċertament, fit-18 ta’ Lulju 2011 huwa ġie avżat bil-fatt li l-Kummissjoni interpretat l-Artikolu 95 tal-KAO bħala li jeskludi s-snin ta’ servizz pensjonabbli li ġew akkreditati abbażi ta’ eventwali trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni. Madankollu, din it-twissija turi biss l-intenzjoni futura tal-amministrazzjoni li ma teżaminax mill-ġdid l-affiljazzjoni tal-appellant mas-SAMK f’każ ta’ trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni. L-imsemmija twissija ma tistax titqies li tikkawża preġudizzju lill-appellant peress li ma taffettwax direttament u immedjatament l-interessi tiegħu fil-mument tal-irtirar tiegħu billi tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu.

16      L-appellant iżid li l-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Qorti Ġenerali fil-punti 46 u 52 tad-digriet appellat f’dak li jirrigwarda l-fatt li huwa ta l-kunsens tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu ma jaffettwawx l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa jikkunsidra fil-fatt li huwa ma setax jikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz pensjonabbli akkreditati sakemm dan it-trasferiment kien għadu ma sarx.

17      Il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza tal-iżnaturament allegat u titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud. Filwaqt li tirreferi għall-punt 51 tad-digriet appellat, dik l-istituzzjoni ssostni li t-trasferiment effettiv tad-drittijiet għall-pensjoni Taljani ma setax jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 95 tal-KAO, peress li dan it-trasferiment ma biddilx in-numru ta’ snin li matulhom l-appellant kien impjegat mal-Unjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ma hemm l-ebda rabta bejn din u l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bir-Regolament Nru 723/2004, li jippermetti li jiżdied in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli permezz tat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet imħallsa taħt l-iskema nazzjonali. Għaldaqstant, l-appellant iħallat, b’mod żbaljat, is-snin ta’ impjieg effettiv fis-servizz tal-Unjoni man-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli mogħtija minħabba l-imsemmi trasferiment.

18      Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 u d-deċiżjoni kontenzjuża kellhom suġġett differenti, kif l-appellant innifsu jirrikonoxxi. Peress li din id-deċiżjoni tal-aħħar tirrigwarda n-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli ttrasferiti, hija ma tistax tikkostitwixxi fatt ġdid għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-numru ta’ snin ta’ impjieg, fis-sens tal-Artikolu 95 tal-KAO, iddeterminat b’mod definittiv bid-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011. Peress li s-snin ta’ servizz pensjonabbli ttrasferiti ma jistgħux jimmodifikaw in-numru ta’ snin ta’ servizz fi ħdan l-Unjoni, huma ma jistgħux jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tal-appellant meta mqabbla ma’ dik li tat lok għal din id-deċiżjoni.

19      Id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 ma tikkostitwixxix “twissija”, kif isostni l-appellant, u lanqas ma tindika li d-deċiżjoni dwar l-irtirar tal-kopertura tal-assigurazzjoni għall-mard tas-SAMK kienet biss provviżorja. Għall-kuntrarju, hija kkonstatat li l-appellant ma jibbenefikax minn din il-kopertura matul l-irtirar tiegħu u ġiet applikata immedjatament.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

20      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-suġġett tat-tilwima meta qieset, fid-digriet appellat, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet purament konfermattiva tal-att li jikkawżalu preġudizzju, jiġifieri d-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011, mingħajr ma kien hemm ebda fatt ġdid u sostanzjali ta’ natura li jiġġustifika eżami mill-ġdid tagħha, meta dawn id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq motivi differenti u għalhekk ma kellhomx l-istess suġġett.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li att huwa purament konfermattiv ta’ att preċedenti meta ma jkun fih ebda element ġdid b’paragun ma’ dan tal-aħħar. Fir-rigward ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija biss l-eżistenza ta’ fatti ġodda sostanzjali li tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ tali talba (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, L‑Estonja vs Il‑Kummissjoni, C‑334/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:914, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif tammetti l-Kummissjoni stess, id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 u d-deċiżjoni kontenzjuża għandhom suġġetti differenti. Konsegwentement, it-tieni waħda ma tistax titqies li hija purament konfermattiva tal-ewwel waħda.

23      Fil-fatt, minn naħa, permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011, l-affiljazzjoni tal-appellant mas-SAMK ġiet itterminata b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, data li fiha huwa rtira, skont l-Artikolu 95 tal-KAO, li jipprovdi li tali affiljazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt wara t-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu hija suġġetta għat-twettiq ta’ perijodu ta’ impjieg ta’ dan tal-aħħar fis-servizz tal-Unjoni ta’ iktar minn tliet snin. Min-naħa l-oħra, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-talba tal-appellant li jkun affiljat mas-SAMK b’effett mid-19 ta’ Settembru 2017, wara t-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni Taljani, ġiet miċħuda, peress li s-snin ta’ servizz pensjonabbli akkreditati ma jistgħux jiġu assimilati ma’ snin ta’ servizz, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

24      Minn dan isegwi li t-talba għall-affiljazzjoni mas-SAMK ibbażata fuq it-trasferiment tal-imsemmija drittijiet għall-pensjoni tikkostitwixxi element ġdid, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011.

25      F’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li din id-deċiżjoni kellha bħala suġġett ir-rifjut li s-snin ta’ servizz pensjonabbli akkreditati tal-appellant jiġu assimilati għal snin ta’ servizz għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 95 tal-KAO. Fil-fatt, mhux biss l-appellant ma kienx ressaq talba f’dan is-sens qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, iżda wkoll huwa ma kienx f’pożizzjoni li jagħmel dan, sa fejn, minkejja li kien talab it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni Taljani matul is-sena 2010, kien biss matul is-sena 2017 li dan it-trasferiment seħħ.

26      Għalhekk, tali rifjut kien jirrigwarda sitwazzjoni futura u ipotetika, b’mod li l-appellant ma setax jippreżenta rikors kontra dan ir-rifjut, minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, liema interess kellu jkun stabbilit u attwali fl-istadju tal-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, Bionorica u Diapharm vs Il‑Kummissjoni, C‑596/15 P u C‑597/15 P, EU:C:2017:886, punti 83 u 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 51 tad-digriet appellat, li t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni Taljani tal-appellant lis-SPUE ma kienx jibdel is-sitwazzjoni legali tiegħu fir-rigward tal-affiljazzjoni tiegħu mas-SAMK, kif ukoll l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-appellant ħallat, b’mod żbaljat, is-snin ta’ impjieg effettiv fis-servizz tal-Unjoni man-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli mogħtija minħabba dan it-trasferiment, ma humiex ta’ natura li jikkompromettu s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda għandhom rabta mal-fondatezza tagħha.

28      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi qieset li l-att li jikkawża preġudizzju lill-appellant kien id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 u li r-rikors tiegħu għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża kien inammissibbli f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żnaturat, fid-digriet appellat, is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel aggravju jintlaqa’ u, għaldaqstant, li d-digriet appellat jiġi annullat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravju.

 Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tad-digriet appellat

30      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

31      F’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent bħala inammissibbli u, konsegwentement, ma eżaminatx il-motivi invokati minn dan tal-aħħar insostenn tar-rikors tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Marzu 2020, Necci vs IlKummissjoni (T129/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:131), huwa annullat.

2)      Il-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.