Language of document : ECLI:EU:T:2021:537

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Settembru 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Żvelar tad-data personali – Talba għal assistenza – Ċaħda tat-talba – Inkompetenza tal-awtur tal‑att li jikkawża preġudizzju – Att imħejji u ffirmat minn uffiċċju tal-avukati estern – Responsabbiltà – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑52/19,

AH, irrappreżentat minn N. de Montigny, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u taxXogħol (Eurofound), irrappreżentata minn F. van Boven u M. Jepsen, bħala aġenti, assistiti minn C. Callanan, solicitor,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2018, imħejjija u ffirmata minn uffiċċju tal-avukati estern, dwar talba għal assistenza tar-rikorrent fir-rigward tal-iżvelar tad-data personali tiegħu kif ukoll talba għad-danni u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab minnu minħabba din id-deċiżjoni kif ukoll minħabba l-imsemmi żvelar,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, N. Półtorak u M. Stancu (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑8 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

1        Ir-rikorrent, AH, huwa membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound).

2        Fit‑13 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent ressaq talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), sabiex jikseb klassifikazzjoni mill-ġdid retroattiva tal-grupp ta’ funzjonijiet tiegħu. Din it-talba ġiet miċħuda minn Eurofound permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2017.

3        Fit‑8 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem l-“ilment tat‑8 ta’ Settembru 2017”), li ġie miċħud mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) ta’ Eurofound fit‑8 ta’ Jannar 2018. Ir-rikorrent ma ppreżenta ebda appell kontra din l-aħħar deċiżjoni.

 Fuq l-iskoperta tal-fajl “hrlink”

4        Fit‑12 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent skopra fajl intitolat “hrlink” (iktar ’il quddiem il-“fajl ‘hrlink’”), aċċessibbli għall-persunal ta’ Eurofound fuq wieħed mis-servers tagħha. Dan il-fajl kien jinkludi diversi fajls kunfidenzjali li jikkonċernaw il-persunal ta’ Eurofound, fosthom fajl dwar l-ilment tat‑8 ta’ Settembru 2017 (iktar ’il quddiem il-“fajl kontenzjuż”). F’dan il-fajl kien hemm dokumenti li jikkonċernaw dan l-ilment, inkluż ittra elettronika tad‑9 ta’ Settembru 2017, li fiha [kunfidenzjali](1) u l-[kunfidenzjali] iddiskutew, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent abbażi ta’ allegazzjonijiet foloz magħmula minn dan tal-aħħar fl-ilment tat‑8 ta’ Settembru 2017.

5        Wara din l-iskoperta, ir-rikorrent, fil‑15 ta’ Jannar 2018, bagħat il-hyperlink tal-fajl kontenzjuż lil diversi kollegi u talabhom jivverifikaw jekk huma setax ikollhom aċċess għal dan il-fajl. Wara li kiseb konferma min-naħa tagħhom, ir-rikorrent, fl-istess jum, indika, permezz ta’ ittra elettronika, dan l-inċident lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD). Dan tal-aħħar fetaħ investigazzjoni dwar dan, irreġistrata bin-numru [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem l-“ewwel investigazzjoni tal-KEPD”).

6        Permezz ta’ ittra elettronika tat‑30 ta’ Jannar 2018, is-sindakat [kunfidenzjali] kiteb lid-Direttur Eżekuttiv fejn indika li kien seħħ żvelar tad-data personali fir-rigward ta’ wieħed mill-impjegati ta’ Eurofound, li kien ukoll membru tal-kumitat eżekuttiv tal-imsemmi sindakat fi ħdan Eurofound.

 Fuq it-talba tat2 ta’ Frar 2018 u d-deċiżjoni kkontestata

7        Fit‑2 ta’ Frar 2018, ir-rikorrent bagħat, permezz tal-avukat tiegħu, ittra elettronika lid-Direttur Eżekuttiv tar-Riżorsi Umani li kien fil-kariga f’dak iż-żmien (iktar ’il quddiem it-“talba tat‑2 ta’ Frar 2018”) li kienet tinkludi, minn naħa, talba għal assistenza sabiex Eurofound tinvestiga n-nuqqasijiet serji tal-ġerarkija tagħha li rriżultaw mill-qari tal-fajl kontenzjuż, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-iżvelar tad-data personali tiegħu u l-proposti fformulati mill-[kunfidenzjali] fl-ittra elettronika tad‑9 ta’ Settembru 2017, u, min-naħa l-oħra, talba għal kumpens fuq il-bażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża għall-kisba tal-ħlas ta’ EUR 60 000 b’mod provviżorju bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba dawn in-nuqqasijiet.

8        Fl‑14 ta’ Frar 2018, uffiċċju ta’ avukati Irlandiż (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju tal-avukati estern”) ikkonferma li rċieva t-talba tat‑2 ta’ Frar 2018 f’isem Eurofound.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-uffiċċju tal-avukati estern indika lir-rikorrent li t-talba għal kumpens tiegħu li tinsab fit-talba tat‑2 ta’ Frar 2018 kienet ġiet miċħuda minħabba li ma kien seħħ l-ebda żvelar intenzjonali tad-data personali tiegħu u li, konsegwentement, ma kien dovut lilu ebda kumpens. F’din id-deċiżjoni, l-imsemmi uffiċċju ppreċiża wkoll li, filwaqt li jirrikonoxxi li l-fajl “hrlink” ma kienx ġie protett, Eurofound kienet ser tiftaħ investigazzjoni interna dwar dan il-ksur ta’ sigurtà. Għal dan il-għan, huwa stieden lir-rikorrent sabiex iwieġeb għal ċerti mistoqsijiet dwar il-mod kif huwa stess kiseb aċċess għal dan il-fajl.

10      Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-avukat tar-rikorrent bagħat żewġ ittri elettroniċi lill-uffiċċju tal-avukati estern fil‑5 ta’ April u fid‑9 ta’ Mejju 2018, li twieġbu minn dan tal-aħħar permezz ta’ ittri elettroniċi tas‑26 ta’ April u tal‑1 ta’ Ġunju 2018. Dawn l-ittri elettroniċi kienu intiżi sabiex jiċċaraw il-kontenut u l-portata ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari l-portata tal-investigazzjoni msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq.

11      Fil‑21 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem l-“ilment tal‑21 ta’ Ġunju 2018”), fejn talab lil Eurofound, prinċipalment, tannulla din id-deċiżjoni u twettaq l-investigazzjoni li huwa kien talab qabel ma tiċħad it-talba għal kumpens imressqa minħabba l-iżvelar tad-data personali tiegħu u sabiex tieħu azzjoni legali kontra l-persuni responsabbli għal dan l-iżvelar, skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50), u, sussidjarjament, tħallsu kumpens ta’ EUR 30 000 għad-dannu morali mġarrab minnu.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2018, l-uffiċċju tal-avukati estern indika lir-rikorrent li l-ilment tiegħu kien ġie miċħud. Din id-deċiżjoni kienet iffirmata minn wieħed mill-avukati ta’ dan l-uffiċċju bħala “aġent legali ta’ Eurofound”.

 Fuq il-miżuri adottati minn Eurofound wara t-talba għal assistenza tar-rikorrent u liskoperta tal-ksur ta’ sigurtà tal-fajl “hrlink”

13      Permezz ta’ żewġ messaġġi elettroniċi tat‑2 ta’ Frar 2018, Eurofound, minn naħa, informat lill-persunal bl-eżistenza ta’ aċċess mhux sigur għall-fajl “hrlink” u bl-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, indikat dan il- ksur ta’ sigurtà lill-KEPD. Wara din l-aħħar ittra elettronika, il-KEPD fetaħ investigazzjoni, irreġistrata bin-numru [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem it-“tieni investigazzjoni tal-KEPD”).

14      Fit‑28 ta’ Marzu 2018, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data ta’ Eurofound (iktar ’il quddiem l-“UPD”) ħejja l-ewwel rapport dwar il-ksur ta’ sigurtà tal-fajl “hrlink”.

15      Permezz ta’ ittra elettronika tat‑3 ta’ April 2018, il-KEPD informa lil Eurofound li, minkejja l-iżvelar gravi tad-data personali minħabba aċċessibbiltà mhux sigura għal dan il-fajl, il-miżuri korrettivi meħuda sa dak iż-żmien kienu sodisfaċenti u li, konsegwentement, it-tieni investigazzjoni tiegħu kienet ser tingħalaq.

16      Permezz ta’ ittra elettronika tat‑13 ta’ April 2018, l-UPD talab lir-rikorrent jimla kwestjonarju fil-kuntest tal-investigazzjoni li huwa kien fil-proċess li jwettaq, sabiex jistabbilixxi rapport intiż għall-KEPD u għad-Direttur Eżekuttiv, dwar l-aċċess mhux awtorizzat għall-fajl “hrlink”. Ir-rikorrent wieġbu, fl-istess jum, sabiex jikteb lill-avukat tiegħu, li min-naħa tagħha kitbet lill-UPD fl‑20 ta’ April 2018 u ppreċiżat il-pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar dwar din l-investigazzjoni.

17      Permezz ta’ ittra elettronika tal‑24 ta’ Mejju 2018, l-UPD informa lill-KEPD bl-iżviluppi tal-investigazzjoni interna dwar l-aċċess mhux awtorizzat għall-fajl “hrlink”. Wara din l-ittra elettronika, fl‑14 ta’ Diċembru 2018, il-KEPD innotifika mill-ġdid lil Eurofound bl-intenzjoni tiegħu li jagħlaq it-tieni investigazzjoni tiegħu.

18      Permezz ta’ ittra elettronika tal‑4 ta’ Lulju 2018, il-KEPD kiteb lid-Direttur Eżekuttiv, fil-kwalità tiegħu ta’ kontrollur tal-ipproċessar tad-data personali ta’ Eurofound, sabiex jinformah bl-ilment indirizzat lill-KEPD mir-rikorrent u staqsieh jekk kellux kummenti dwar l-allegazzjonijiet tar-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni tiegħu. L-imsemmi direttur wieġeb għal din l-ittra elettronika fl‑1 ta’ Awwissu 2018.

19      Permezz ta’ ittra elettronika tat‑18 ta’ Ottubru 2018, l-UPD informa lill-KEPD li Eurofound kienet talbet perizja tal-informatika mingħand kumpannija esterna dwar il-ksur ta’ sigurtà tal-fajl “hrlink”, li r-rapport finali tagħha kien ikkonferma li dan il-fajl kien aċċessibbli tal-inqas mill‑2014 u li ma kienet saret ebda modifika intenzjonali għall-parametri ta’ sigurtà ta’ dan tal-aħħar sabiex jiġi żvelat il-fajl kontenzjuż.

20      Permezz ta’ ittra elettronika tal‑21 ta’ Ġunju 2019, id-Direttur Eżekuttiv kiteb lill-KEPD, fejn informah dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent kif ukoll dwar ir-rikors pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali f’din il-kawża. Fit‑3 ta’ Lulju 2019, il-KEPD wieġeb lil Eurofound li l-ewwel investigazzjoni tiegħu kienet ser tiġi sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm din l-istanza. Ittra elettronika simili ntbagħtet lir-rikorrent fil‑31 ta’ Lulju 2019.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Permezz ta’ att separat tal-istess jum, ir-rikorrent talab il-benefiċċju tal-anonimat, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ngħatalu fil‑11 ta’ Marzu 2019.

22      Eurofound ippreżentat ir-risposta tagħha fis‑26 ta’ April 2019. Permezz ta’ att separat tal-istess jum, Eurofound ressqet talba għall-ommissjoni ta’ ċerta data li tinsab fir-rikors fil-konfront tal-pubbliku, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura.

23      Ir-rikorrent ippreżenta r-replika fl‑10 ta’ Lulju 2019, li kien fiha wkoll talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Permezz ta’ att separat tal-istess jum, huwa talab l-ommissjoni ta’ ċerta data li tinsab fir-replika fil-konfront tal-pubbliku.

24      Fit‑12 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrent ippreżenta prova fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Awwissu 2019, il-Qorti Ġenerali talbet lil Eurofound tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar din il-prova fil-kuntest tal-kontroreplika.

25      Eurofound ippreżentat il-kontroreplika fit‑18 ta’ Settembru 2019. Permezz ta’ att separat tal-istess jum, hija tenniet it-talba tagħha għall-ommissjoni ta’ ċerta data mid-dokumenti kollha relatati ma’ din il-kawża fil-konfront tal-pubbliku, inklużi r-replika u l-kontroreplika.

26      Fl‑20 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrent talab, prinċipalment, b’applikazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Kawża T‑630/19, AH vs Eurofound, tingħaqad ma’ din il-kawża u, sussidjarjament u fil-każ li l-għaqda ma tingħatax, tissospendi t-trattament tal-Kawża T‑630/19. Eurofound ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn it-talbiet fid‑29 ta’ Ottubru 2019.

27      Fis‑17 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni motivata u wara konsultazzjoni mal-Imħallfin ikkonċernati, ħatar, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura, Imħallef Relatur ġdid, sedenti fi ħdan l-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

28      Fl‑20 ta’ Novembru 2019, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet li l-fażi bil-miktub tal-proċedura kienet magħluqa u li l-President tal-Ewwel Awla kien iddeċieda li ma jgħaqqadx din il-kawża mal-Kawża T‑630/19 f’dan l-istadju tal-proċedura.

29      Fit‑2 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent ressaq talba motivata, skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jinstema’ fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura.

30      Fit‑13 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent ipproduċa prova ġdida, li fir-rigward tagħha Eurofound ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fis‑7 ta’ Frar 2020.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti Ġenerali għaqqdet din il-kawża mal-Kawża T‑630/19, AH vs Eurofound, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

32      Fl-istess jum, il-Qorti Ġenerali fetħet il-fażi orali tal-proċedura u ddeċidiet li tibgħat lill-partijiet mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

33      Fit‑13 ta’ Novembru 2020, l-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat lil Eurofound mistoqsijiet ġodda għal tweġiba bil-miktub, li hija wieġbet fit-terminu stabbilit.

34      Fil‑25 ta’ Novembru 2020, Eurofound ipproduċiet prova. Fit‑30 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrent jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din il-prova oralment matul is-seduta.

35      Fl‑1 ta’ Diċembru 2020, Eurofound ippreżentat talba għal deroga mis-sistema lingwistika għall-fażi orali, sabiex tkun tista’ tesprimi ruħha bl-Ingliż. Fit‑3 ta’ Diċembru 2020, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jilqax it-talba ta’ Eurofound sabiex tuża l-Ingliż waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, peress li tali talba għal deroga ma tistax, skont l-Artikolu 1(2)(f) u l-Artikolu 45(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, titressaq minn wieħed mill-korpi jew organi tal-Unjoni Ewropea.

36      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑8 ta’ Diċembru 2020.

37      Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lil Eurofound tħallas is-somma ta’ EUR 30 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minħabba l-iżvelar tad-data personali tiegħu u ċ-ċaħda tat-talba tat‑2 ta’ Frar 2018;

–        tikkundanna lil Eurofound għall-ispejjeż.

38      Fir-risposta tagħha, Eurofound titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament u għad-danni fl-intier tiegħu bħala inammissibbli u infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha.

39      Fir-replika, ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ t-talba tiegħu għall-produzzjoni ta’ dokumenti billi titlob lil Eurofound tipproduċi l-mandati kollha mogħtija lir-rappreżentanti tagħha f’kull stadju prekontenzjuż u kontenzjuż;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lil Eurofound għall-ħlas ta’ kumpens stmat fl-ammont ta’ EUR 200 000, flimkien mal-interessi moratorji mid-data tal-għoti tas-sentenza bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE);

–        tikkundanna lil Eurofound għall-ispejjeż.

40      Fil-kontroreplika, Eurofound titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondati, it-talbiet kollha għall-produzzjoni ta’ dokumenti mressqa fir-replika dwar il-mandat tar-rappreżentanti ta’ tagħha;

–        teżamina u tiddeċiedi biss fuq it-talbiet imressqa fir-rikors, kif mitlub fir-risposta, u tiċħad it-talbiet ġodda għal kumpens, kif ukoll il-motivi korrispondenti u l-provi prodotti insostenn tagħhom, ippreżentati għall-ewwel darba fir-replika f’dak li jirrigwarda kemm l-ittra tal‑1 ta’ Awwissu 2018 lill-KEPD kif ukoll id-dokumenti ppreżentati fl-Annessi 9, 10 u 13 tar-replika;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq it-talba għal annullament

41      Insostenn tat-talbiet għal annullament, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att li jikkawża preġudizzju; it-tieni wieħed, fuq il-ksur tad-dmir ta’ assistenza kif ukoll fuq iċ-ċaħda prematura tat-talba għal kumpens tiegħu; it-tielet wieħed, fuq in-natura kontradittorja tal-pożizzjoni tal-amministrazzjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal smigħ; ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali; il-ħames wieħed, fuq kunflitt ta’ interessi u fuq il-ksur tad-dmirijiet ta’ oġġettività, ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza tal-amministrazzjoni; is-sitt wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter u s-seba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-kunfidenzjalità tal-attivitajiet sindakali.

42      Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiċħad it-talba għad-danni tiegħu, permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li ċ-ċaħda ta’ tali talba kienet prematura. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tiċħad talba għad-danni tagħmel parti integrali mill-proċedura amministrattiva mressqa qabel ir-rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, it-talbiet għal annullament ta’ tali deċiżjoni ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu mit-talba għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2019, Mauritsch vs INEA, T‑271/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:286, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, peress li r-rikorrent ippreżenta talbiet għad-danni intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi kkumpensat għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-iżvelar tad-data personali tiegħu (ara l-punt 82 iktar ’il quddiem), ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni b’mod awtonomu fuq it-talbiet għal annullament intiżi kontra ċ-ċaħda ta’ din it-talba għad-danni.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

43      Mingħajr ma teċċepixxi formalment l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament, Eurofound issostni li dawn huma inammissibbli minħabba l-assenza ta’ interess ġuridiku ċert, reali u attwali tar-rikorrent, peress li hija ma kinitx irrifjutat li tmexxi investigazzjoni dwar l-iżvelar tad-data personali tagħha u dejjem ikkollaborat mal-KEPD fuq dan is-suġġett. Ir-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti u jwieġeb, essenzjalment, li l-investigazzjoni mwettqa minn Eurofound qatt ma kellha l-għan li twieġeb għat-talbiet imressqa fit‑2 ta’ Frar 2018, jiġifieri li tidentifika l-kawża u l-persuni responsabbli għall-iżvelar tad-data personali tiegħu.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li r-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. Dan il-benefiċċju jista’ jkun marbut kemm mal-interessi materjali kif ukoll mal-interessi morali u mal-perspettivi futuri tal-persuna interessata (ara d-digriet tal‑20 ta’ Ottubru 2009, Lebard vs Il-Kummissjoni, T‑89/06, mhux ippubblikat, EU:T:2009:408, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, ir-rikorrent jikkontesta ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal assistenza sa fejn kienet intiża għat-twettiq, taħt superviżjoni esterna, ta’ investigazzjoni amministrattiva dwar l-iżvelar allegatament illegali tad-data personali tiegħu lil terzi mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu u dwar l-identifikazzjoni tal-persuni responsabbli għal tali żvelar. Issa, din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dan ir-rikors jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent, sa fejn l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jwassal lil Eurofound tipproċedi b’tali investigazzjoni.

46      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talbiet għal annullament tar-rikorrent għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli.

 Fuq il-fondatezza tat-talbiet għal annullament

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att

47      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment huma vvizzjati b’inkompetenza, sa fejn dawn ġew adottati mill-uffiċċju tal-avukati estern, li ma jistax jitqies li huwa awtorità fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal.

48      Eurofound titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li dan ma tqajjimx fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. L-ewwel, id-deċiżjoni kkontestata ġiet imħejjija u ffirmata mill-uffiċċju tal-avukati estern, fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant ta’ Eurofound, fuq istruzzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, Eurofound tippreċiża li s-setgħat tal-ASTK baqgħu fil-kompetenza esklużiva tad-Direttur Eżekuttiv matul il-fażi prekontenzjuża kollha u ma ngħatawx lill-uffiċċju tal-avukati estern. It-tieni, id-dritt Irlandiż jipprevedi li uffiċċju tal-avukati estern jista’ jiffirma deċiżjoni meħuda minn awtorità amministrattiva. It-tielet, l-għażla ta’ assistenza minn uffiċċju tal-avukati estern ġiet imposta mill-fatt li r-rikorrent kien huwa stess talab l-assistenza ta’ konsulent legali. Ir-raba’, id-deċiżjonijiet tal-ASTK ma huma suġġetti għal ebda kundizzjoni formali, peress li t-talbiet tal-uffiċjali jew tal-membri tal-persunal stess ma għandhomx josservaw tali kundizzjonijiet.

49      Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk jeżistix essenzjalment, fl-ilment tal‑21 ta’ Ġunju 2018, preġudizzju li jista’ jintrabat ma’ dan il-motiv, għandu jitfakkar li l-motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur ta’ att li jikkawża preġudizzju huwa motiv ta’ ordni pubbliku li, skont il-każ, għandu jiġi rrilevat mill-Qorti Ġenerali ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs BĊE, T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għaldaqstant, l-imsemmi motiv għandu jiġi eżaminat fil-mertu.

51      Għandu jiġi kkonstatat li, fl-ewwel lok, l-uffiċċju tal-avukati estern ġie awtorizzat iħejji u jiffirma d-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ma jirriżultax li dan l-uffiċċju ma aġixxiex fuq l-istruzzjonijiet ta’ Eurofound. Fil-fatt, minn naħa, huwa paċifiku li l-imsemmi uffiċċju dejjem indika li kien aġixxa f’isem u għan-nom ta’ Eurofound. Min-naħa l-oħra, l-elementi tal-kuntest, prodotti minn Eurofound quddiem il-Qorti Ġenerali u li jirrigwardaw l-iskambji tagħha mal-uffiċċju tal-avukati estern matul il-fażi prekontenzjuża, jikkonfermaw li l-ittri ta’ dan l-uffiċċju kienu miftiehma ma’ Eurofound.

52      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni mogħtija b’dan il-mod minn Eurofound lill-uffiċċju tal-avukati estern sabiex iħejji u jiffirma d-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni, essenzjalment, li dan l-uffiċċju kellu delega ta’ firma u li din id-delega kienet legali.

53      F’dan ir-rigward, indipendentement min-natura tal-awtorizzazzjoni li kellu l-uffiċċju tal-avukati estern sabiex iħejji u jiffirma d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tad-delega ta’ setgħat, li istituzzjoni jew organu tal-Unjoni huwa awtorizzat jipprevedi sensiela ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni u ta’ delega ta’ setgħat lil korpi deċiżjonali fi ħdanu, b’mod partikolari, fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, EU:C:2005:306, punti 41 sa 43).

54      Sussegwentement għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li “[k]ull istituzzjoni għandha tistabbilixxi min ġewwa fiha għandu jeserċita s-setgħat mogħtija […][m]ir-Regolamenti tal-Persunal fuq l-awtorità tal-ħatra” u li “istituzzjoni waħda jew aktar tista’ tafda lil kull wieħed minnhom jew korp inter-istituzzjonali l-eserċizzju ta’ xi setgħat jew is-setgħat kollha mogħtija lill-Awtorità tal-ħatra, minbarra d-deċiżjonijiet dwar il-ħatriet, promozzjonijiet jew trasferimenti ta’ l-uffiċjali.” Għalhekk, l-awtorità kompetenti għandha tiġi ddeterminata “fi ħdan” l-imsemmija istituzzjoni, b’tali mod li dawn is-setgħat jistgħu, bħala prinċipju, jingħataw biss lil persuna waħda jew iktar dipendenti fuqha. L-unika eċċezzjoni awtorizzata mir-Regolamenti tal-Persunal tikkonċerna l-każ fejn istituzzjoni waħda jew iktar jiddeċiedu li jafdaw lil waħda minnhom jew lil organu interistituzzjonali l-imsemmija setgħat, li fl-ebda każ ma jistgħu jestendu għad-deċiżjonijiet dwar il-ħatriet, il-promozzjonijiet jew it-trasferimenti ta’ uffiċjali.

55      Barra minn hekk, id-delega ta’ firma tikkostitwixxi miżura relatata mal-organizzazzjoni interna tad-dipartimenti tal-amministrazzjoni tal-Unjoni u hija l-mezz normali li bih din teżerċita l-kompetenzi tagħha. Minn dan isegwi li, bħala delega ta’ firma, huma biss il-membri tal-persunal u l-uffiċjali li bħala prinċipju jistgħu jkunu awtorizzati li jadottaw, f’isem u taħt il-kontroll tal-amministrazzjoni, miżuri ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni ddefiniti b’mod ċar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 1994, Lisrestal et vs Il-Kummissjoni, T‑450/93, EU:T:1994:290, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fl-aħħar nett, il-legalità ta’ awtorizzazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-proċedura prekontenzjuża, prevista mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, dan tal-aħħar jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ djalogu bejn l-istituzzjoni u l-uffiċjal tagħha jew il-membru tal-persunal tagħha dwar il-problemi li setgħu jqumu fir-relazzjoni tax-xogħol u li jagħtihom il-possibbiltà li jsibu soluzzjoni bonarja għat-tilwima (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, TK vs Il-Parlament, T‑446/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:151, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, sabiex ikun hemm mentalità miftuħa ta’ djalogu li tali fażi teħtieġ, l-istituzzjoni għandha tibqa’ l-interlokutriċi pprivileġġjata tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal matul dan il-proċess kollu.

57      F’dan il-każ, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq, għandu jitqies li, għalkemm Eurofound kienet f’pożizzjoni li tikseb konsulenza mill-uffiċċju tal-avukati estern fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, din il-possibbiltà ma tistax, madankollu, tasal sabiex tippermetti lil Eurofound tawtorizza entità privata esterna, bħall-imsemmi uffiċċju, tħejji u tiffirma d-deċiżjoni kkontestata.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-uniku interlokutur li miegħu r-rikorrent kellu xi skambji matul it-tul kollu tal-fażi prekontenzjuża kien l-uffiċċju tal-avukati estern u mhux Eurofound. Għalhekk, ir-rwol predominanti li dan l-uffiċċju kellu fil-fażi prekontenzjuża pprekluda l-istabbiliment ta’ djalogu seren bejn Eurofound u r-rikorrent fuq il-problemi li setgħu jqumu fir-relazzjoni tax-xogħol, li jagħtuhom il-possibbiltà li jsibu soluzzjoni bonarja għat-tilwima. Barra minn hekk, din iċ-ċirkustanza ġiet ikkonfermata minnha waqt is-seduta, meta sostniet li l-għażla li tiġi rrappreżentata minn uffiċċju tal-avukati estern kienet saret ukoll fid-dawl tan-natura “kontenzjuża” tat-talba għal kumpens imressqa fit‑2 ta’ Frar 2018.

59      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva hija rregolata minn regoli u prinċipji inerenti għall-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jeżiġi li t-tqassim tal-kompetenzi u tas-setgħat ta’ firma fi ħdan l-istituzzjonijiet ikun iddefinit u ppubblikat b’mod ċar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs BĊE, T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817, punt 53, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, XG vs Il-Kummissjoni, T‑504/18, EU:T:2019:883, punt 87). Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeżiġi li att li jirriżulta mill-awtoritajiet pubbliċi ma jistax jiġi invokat kontra individwi qabel ma dawn ikollhom il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tiegħu, titlob, anki jekk ebda dispożizzjoni bil-miktub ma tipprovdi dan espressament, li d-deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea għall-ASTK ikunu s-suġġett ta’ miżura ta’ reklamar adegwata skont il-modalitajiet u l-forom li għandhom jiġu ddeterminati mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il-Kummissjoni, F‑80/08, EU:F:2009:160, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li Eurofound setgħet tawtorizza lill-uffiċċju tal-avukati estern sabiex iħejji u jiffirma d-deċiżjoni kkontestata, ebda element fil-proċess ma juri li din l-awtorizzazzjoni kienet iddefinita b’mod ċar u lanqas a fortiori ppubblikata.

61      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li ġiet imħejjija u ffirmata minn uffiċċju tal-avukati estern.

62      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mressqa minn Eurofound.

63      L-ewwel, għandu jitfakkar li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti sabiex tiċħad talba għal assistenza bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u talba għal kumpens imressqa minn uffiċjal skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, Eurofound ma hijiex suġġetta għad-dritt Irlandiż. Fil-fatt, minn qari flimkien tal-aħħar premessa u tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas‑26 ta’ Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta’ Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 181), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1111/2005 tal‑24 ta’ Ġunju 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 230) jirriżulta li, minn naħa, Eurofound hija stabbilita fil-kuntest tal-Unjoni u taġixxi b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-persunal irreklutat minnha wara l‑4 ta’ Awwissu 2005 huwa suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, anki jekk jitqies li uffiċċju tal-avukati estern jista’, skont id-dritt nazzjonali li jirregolah, iħejji u jiffirma deċiżjoni meħuda minn amministrazzjoni pubblika, tali regola ma tistax tiġi applikata għad-deċiżjonijiet meħuda abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal.

64      It-tieni, Eurofound ma tistax validament issostni li, peress li r-rikorrent kien assistit minn avukat, hija kienet obbligata wkoll li tirrikorri għas-servizzi tal-uffiċċju tal-avukati estern.

65      Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni kkonċernati ma jistgħux jiġu pprojbiti milli jiżguraw assistenza legali, fl-istadju tal-fażi prekontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 1991, Il-Parlament vs Virgili‑Schettini, C‑348/90 P, EU:C:1991:413, punt 5 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju huwa spjegat mill-fatt li, filwaqt li istituzzjoni, li għandha riżorsi iktar estiżi minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal, tista’ tibbenefika minn dipartiment legali u tiġi assistita jew tingħata parir mill-impjegati tagħha, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal, li mhux neċessarjament għandu għarfien legali, għandu d-dritt li jirrikorri għas-servizzi ta’ konsulent legali estern. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li, kif ippreċiżat Eurofound fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija ma kinitx obbligata li tkun assistita minn uffiċċju tal-avukati estern, peress li din kienet tibbenefika minn ftehim tal-livell ta’ servizz mad-Direttorat tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni Ewropea għat-trattament tal-ilmenti amministrattivi.

66      It-tielet, Eurofound tiżbalja meta ssostni, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 1991, Il-Parlament vs Virgili‑Schettini (C‑348/90 P, EU:C:1991:413), li d-deċiżjonijiet tal-ASTK ma huma suġġetti għal ebda kundizzjoni ta’ forma partikolari u li, għaldaqstant, huma jistgħu jitħejjew u jiġu ffirmati minn uffiċċju tal-avukati estern.

67      Dik is-sentenza tirriproduċi fir-realtà prinċipju ġurisprudenzjali, stabbilit mis-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni (54/77, EU:C:1978:45), li jipprovdi li talba mressqa fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal mill-uffiċjal ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni formali u l-kontenut tagħha għandu jiġi interpretat u mifhum mill-amministrazzjoni bid-diliġenza kollha li organizzazzjoni kbira organizzata b’mod tajjeb għandha tieħu fil-konfront ta’ dawk li tiddeċiedi dwarhom, inklużi l-membri tal-persunal tagħha. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni Eurofound, il-flessibbiltà li tikkonċerna l-kundizzjonijiet formali tapplika esklużivament għat-talbiet tal-uffiċjali jew tal-membri tal-persunal, li jistgħu jressqu tali talba anki mingħajr l-intermedjarju ta’ avukat, u mhux għad-deċiżjoni formali li l-istituzzjoni hija mitluba tieħu abbażi ta’ din it-talba, li t-tħejjija u l-firma tagħha ma jistgħux jiġu ddelegati lil entità privata esterna, kif jirriżulta mill-punt 57 iktar ’il fuq.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’inkompetenza li, fid-dawl b’mod partikolari tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 58 u 60 iktar ’il fuq, ippreġudikat ir-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal. Għandha tiġi annullata għal din ir-raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs BĊE, T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Madankollu, sabiex tiġi ggarantita amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandu jiġi eżaminat ukoll it-tieni motiv invokat mir-rikorrent.

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat b’mod partikolari fuq il-ksur tad-dmir ta’ assistenza

70      Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li Eurofound kisret l-obbligu ta’ assistenza, sa fejn hija ċaħdet b’mod prematur it-talba għal kumpens, mingħajr ma wettqet l-investigazzjoni li huwa kien talab fit‑2 ta’ Frar 2018. Din l-investigazzjoni kellu jkollha l-għan, skont ir-rikorrent, li tiċċara l-ksur ta’ sigurtà, jiġifieri li jiġu identifikati l-persuni responsabbli għal dan il-ksur, dawk li kkonsultaw il-fajl kontenzjuż, kif ukoll ir-raġuni għalfejn għamlu dan, u dan b’tali mod li jkun jista’ għalhekk jiġġustifika d-dannu li fir-rigward tiegħu huwa kien qiegħed jitlob kumpens.

71      Eurofound tikkontesta dawn l-argumenti. Fl-ewwel lok, hija tirribatti, li ċ-ċaħda tat-talba għal kumpens ma kinitx prematura, peress li hija kellha, fil-mument tal-preżentata tagħha, elementi rilevanti sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha u li r-rikorrent għalhekk kellu, jew jirtira t-talba tiegħu għal kumpens, jew jistenna r-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva għal fastidju u dik tal-KEPD, u mbagħad iressaq talba għal kumpens jekk ir-riżultat ta’ waħda jew l-oħra minn dawn l-investigazzjonijiet kien ikun iġġustifikaha. Fit-tieni lok, hija ssostni li la għandha l-obbligu li twettaq investigazzjoni sabiex tippermetti lir-rikorrent jevalwa l-kumpens li huwa għandu dritt għalih, u lanqas li tipprovdilu l-provi neċessarji sabiex isostni tali talba.

72      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, mil-lista purament illustrattiva tal-aġir elenkat fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda b’mod partikolari t-theddid, l-inġurji, id-diffamazzjonijiet jew attentati fuq il-persuna jew il-beni tal-uffiċjal minħabba l-kwalità jew id-dmirijiet tiegħu, jirriżulta li l-obbligu ta’ assistenza għandu biss l-għan li jipproteġi lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tal-Unjoni mill-attakki mhux iġġustifikati, li huma inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, li ġejjin minn terzi jew minn uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali tippreċiża f’dan ir-rigward li l-obbligu ta’ assistenza huwa dovut biss fil-konfront ta’ atti li l-illegalità tagħhom hija ssuspettata u li jistgħu raġonevolment jiġu analizzati bħala li jippreġudikaw id-drittijiet tal-uffiċjali (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il-Kummissjoni, T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Skont l-obbligu ta’ assistenza, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha, f’każ ta’ inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi l-fatti u li minnhom tislet, b’għarfien tal-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi provi, minn tal-inqas prima facie, tar-realtà tal-attakki li huwa jsostni li kien is-suġġett tagħhom. Fil-preżenza ta’ tali provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi twettaq investigazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-fatti li wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tiegħu (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il-Kummissjoni, T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk Eurofound issodisfatx l-obbligu tagħha ta’ assistenza wara t-talba ppreżentata mir-rikorrent intiża li tikxef żvelar tad-data personali tiegħu, li jista’ jitqies bħala att li jippreġudika d-drittijiet tal-uffiċjali.

75      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, wara t-talba għal assistenza tar-rikorrent, Eurofound adottat diversi miżuri li jikkonċernaw il-ksur ta’ sigurtà. L-ewwel, hija kkorreġiet dan il-ksur u avżat lill-membri tal-persunal tagħha b’dan l-inċident; it-tieni, hija immedjatament informat lill-KEPD bl-imsemmi ksur u baqgħet f’kuntatt kontinwu miegħu fil-kuntest tat-tieni investigazzjoni tal-KEPD; it-tielet, hija talbet l-għajnuna mingħand l-aġenziji l-oħra, b’mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), sabiex tanalizza l-aspetti tekniċi marbuta mal-ksur ta’ sigurtà; ir-raba’, hija talbet li ssir perizja tal-informatika mingħand kumpannija esterna; il-ħames, hija wettqet reviżjoni globali tal-politiki u tal-proċeduri fis-seħħ fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni, inkluż mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data personali.

76      Madankollu, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, minkejja l-isforzi mwettqa fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri intiżi li jikkontrollaw l-effetti tal-ksur ta’ sigurtà tal-fajl “hrlink”, l-ebda investigazzjoni amministrattiva nnifisha ma twettqet sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent stess kienx effettivament ġarrab żvelar tad-data personali tiegħu wara dan il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 45/2001 (li sar ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39)).

77      Eurofound dejjem sostniet, kemm matul il-fażi prekontenzjuża kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-rikorrent la qatt ipprova suffiċjentement skont il-liġi li l-iżvelar tad-data personali tiegħu kien intenzjonali u lanqas li huwa ġarrab dannu li jirriżulta mill-imsemmi żvelar. Barra minn hekk, peress li l-iżball li wassal għall-ksur ta’ sigurtà kien ta’ natura teknika u peress li l-KEPD kien issodisfa ruħu bil-miżuri meħuda minn Eurofound, ebda azzjoni oħra ma kienet meħtieġa min-naħa tagħha.

78      Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li Eurofound issostni b’mod żbaljat li, sabiex jiġi ġġustifikat id-dannu mġarrab, tali żvelar għandu jkun intenzjonali. Fil-fatt, huwa importanti li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-iżvelar, anki mhux intenzjonali, ta’ informazzjoni ta’ natura personali bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 (li sar ir-Regolament 2018/1725) jikkostitwixxi nuqqas ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, HJ vs EMA, T‑881/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:5, punti 54 u 57).

79      Barra minn hekk, Eurofound ma tistax validament tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-KEPD kien issodisfatt bil-miżuri meħuda, peress li dan kien temm biss it-tieni investigazzjoni tiegħu, miftuħa fuq twissija ta’ Eurofound, u mhux l-ewwel waħda, miftuħa fuq ilment tar-rikorrent, li ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm din l-istanza.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li Eurofound naqset ukoll mid-dmir ta’ assistenza tagħha.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrent kif ukoll il-provi tiegħu u t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa minn dan tal-aħħar fir-replika li tikkonċerna b’mod partikolari l-produzzjoni tal-mandat ad litem tar-rappreżentanti ta’ Eurofound. Barra minn hekk, fir-rigward tal-provi prodotti minn Eurofound fil‑25 ta’ Novembru 2020 dwar ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ippreżentat mir-rikorrent fit‑13 ta’ Novembru 2020 fil-kuntest tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma jikkonċerna ebda wieħed mill-motivi li l-Qorti Ġenerali qieset utli li teżamina fil-kuntest tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li ma hemmx lok li dan jiġi eżaminat. L-istess japplika għall-Annessi 9, 10 u 13 tar-replika, li Eurofound teċċepixxi l-inammissibbiltà tagħhom fil-kuntest tal-kontroreplika.

 Fuq it-talbiet għad-danni

82      Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob kumpens għal allegat dannu morali li jirriżulta, minn naħa, mill-iżvelar tad-data personali tiegħu u, min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata. Fir-replika, huwa jsostni li l-iskoperta, mill-qari tar-risposta, tal-iżvelar tal-kontenut sħiħ lill-KEPD tat-talba għal assistenza tiegħu għal fastidju u t-ton akkużatorju u derogatorju użat minn Eurofound f’din l-istess risposta aggravaw id-dannu morali tiegħu, li għandu jiżdied sa EUR 200 000.

83      Eurofound tirribatti li t-talbiet għad-danni, kif ifformulati kemm fir-rikors kif ukoll fir-replika, huma inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondati.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni fformulati fir-rikors

84      Eurofound issostni li, minn naħa, is-suġġett tar-rikors ma jikkorrispondix għal dak tal-ilment tal‑21 ta’ Ġunju 2018, li jikkostitwixxi ksur tar-regola ta’ konkordanza u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma osservax ir-regola tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli qabel il-proċedura kontenzjuża. Eurofound issostni b’mod partikolari li, fl-ewwel lok, ir-rikorrent ma talabx, fl-ilment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ċaħdet it-talba tiegħu għal kumpens u, fit-tieni lok, it-talba tiegħu għad-danni ma kinitx tagħmel parti mit-talba prinċipali ta’ dan l-ilment, iżda kienet ifformulata b’mod vag u sussidjarjament. Barra minn hekk, kien biss fil-mument tar-rikors li r-rikorrent ippreċiża, għall-ewwel darba, li t-talba għal kumpens imressqa fit‑2 ta’ Frar 2018 kienet tikkonċerna d-dannu morali li jirriżulta kemm mill-iżvelar tad-data personali tiegħu kif ukoll mill-allegati atti ta’ fastidju fil-konfront tiegħu u li l-ammont ta’ EUR 60 000 kien għalhekk imqassam fl-ammont ta’ EUR 30 000 għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ kapijiet ta’ danni. Barra minn hekk, peress li r-rikors għad-danni għandu rabta mill-qrib mar-rikors għal annullament, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li r-rikors għal annullament għandu wkoll jitqies bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, infondat.

85      Ir-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti.

86      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li t-talbiet tal-ilment tal‑21 ta’ Ġunju 2018 huma fformulati b’mod kważi identiku għal dawk ippreżentati mir-rikorrent fir-rikors tiegħu (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), fatt li huwa barra minn hekk irrikonoxxut minn Eurofound fil-punt 1.2 tar-risposta.

87      Sussegwentement, anki jekk fl-ilment tal‑21 ta’ Ġunju 2018 ir-rikorrent ma jispjegax ir-raġuni għalfejn huwa biddel l-ammont tad-dannu meta mqabbel mat-talba tat‑2 ta’ Frar 2018, dan il-fatt ma jistax jaffettwa l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-konkordanza tal-ilmenti għandha teżisti biss bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors, sabiex jiġi evitat b’mod partikolari li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal jinvoka ċerti lmenti, jew kollha flimkien, biss matul il-fażi kontenzjuża, bil-konsegwenza li kull possibbiltà ta’ ftehim bonarju tkun imnaqqsa b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Wehrheim vs BĊE, T‑100/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:882, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li din ir-regola ta’ konkordanza ma għandux ikollha l-effett li torbot, b’mod rigoruż u definittiv, il-fażi kontenzjuża eventwali, mill-mument li t-talbiet imressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni la jbiddlu l-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Wehrheim vs BĊE, T‑100/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:882, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li t-talba tat‑2 ta’ Frar 2018, l-ilment tal‑21 ta’ Ġunju 2018 u r-rikors huma bbażati fuq l-istess kawża, jiġifieri l-kumpens għal dannu morali.

89      Konsegwentement, peress li r-rikorrent qiegħed jippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali kapijiet ta’ talbiet li huma bbażati fuq l-istess kawża bħal dik li fuqha huma bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, it-talbiet għad-danni huma ammissibbli.

90      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument li r-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud, peress li dan huwa marbut mill-qrib mar-rikors għal annullament, li għandu huwa stess jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li mill-eżami tal-ewwel u tat-tieni motiv jirriżulta li r-rikors huwa fondat.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Eurofound għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni fformulati fir-replika

92      Eurofound issostni li t-talbiet għad-danni fformulati fir-replika għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, minħabba li, minn naħa, huma bbażati fuq kapijiet ta’ dannu ġodda ppreżentati għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma eżawrixxiex ir-rimedji amministrattivi qabel il-bidu ta’ proċedura kontenzjuża għal dawn il-kapijiet ta’ danni.

93      Ir-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti.

94      Skont l-Artikolu 76(e) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti rikorrenti għandha tindika t-talbiet tagħha fir-rikors. Għalhekk, bħala prinċipju, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fir-rikors. L-Artikolu 84(1) tar‑Regoli tal-Proċedura jippermetti l-produzzjoni ta’ motivi ġodda taħt il-kundizzjoni li dawn ikunu bbażati fuq provi ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu ġew żvelati waqt il-proċedura. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni tirregola a fortiori kull emenda tat-talbiet u li, fin-nuqqas ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt irrivelati matul il-proċedura bil-miktub, huma biss it-talbiet tar-rikors li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara d-digriet tas‑27 ta’ Marzu 2017, Frank vs Il-Kummissjoni, T‑603/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:228, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, argument li jbiddel il-bażi stess tar-responsabbiltà tal-Unjoni għandu jitqies li jikkostitwixxi motiv ġdid li l-invokazzjoni tiegħu hija pprojbita fil-mori tal-kawża (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2019, TO vs AEE, T‑462/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:397, punt 236 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kapijiet ta’ dannu l-ġodda li jinsabu fir-replika huma bbażati fuq kapijiet ta’ dannu ġodda, li jbiddlu l-bażi stess tar-responsabbiltà tal-Unjoni, b’mod partikolari l-fatti li jiġġeneraw id-dannu morali invokat mir-rikorrent fir-rikors. Fil-fatt, ir-rikorrent isostni li huma l-iżvelar tal-kontenut sħiħ tal-fajl tiegħu lill-KEPD permezz tal-ittra tal‑1 ta’ Awwissu 2018 u t-ton akkużatorju u derogatorju użat minn Eurofound fir-risposta li jiġġustifikaw iż-żieda tal-ammont mitlub għall-allegat dannu morali tagħha.

96      Għaldaqstant, peress li dawn id-danni l-ġodda huma l-konsegwenza ta’ żbalji allegatament imwettqa mill-amministrazzjoni, dawn għandhom ikunu s-suġġett ta’ proċedura prekontenzjuża ġdida. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’tali każ, din il-proċedura għandha neċessarjament tibda b’talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal fejn l-ASTK tintalab tagħti kumpens għad-dannu allegatament imġarrab u titkompla, skont il-każ, bi lment intiż kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑25 ta’ Marzu 2020, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, T‑507/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:118, punti 54 u 55).

97      Konsegwentement, peress li r-rikorrent ma segwiex, u lanqas ma beda, il-proċedura prekontenzjuża adegwata sabiex jikkontesta dawn in-nuqqasijiet, it-talbiet għal kumpens imressqa fir-replika huma inammissibbli, b’tali mod li huma ammissibbli biss dawk ifformulati fir-rikors.

 Fuq il-fondatezza tat-talba għal kumpens għall-allegat dannu morali

98      L-ewwel, fir-rigward tal-kap tad-dannu morali li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża. Dan madankollu, ma jistax ikun il-każ meta r-rikorrent juri li ġarrab dannu morali li jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kompletament ikkumpensat b’dan l-annullament (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, BZ vs Il-Kummissjoni, T‑336/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:21, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jurix kif dan il-kap tad-dannu ma jistax jiġi kompletament ikkumpensat permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li hija l-kawża tal-imsemmi dannu.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li dan id-dannu huwa kkumpensat b’mod adegwat u suffiċjenti permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li t-talbiet għal kumpens intiżi għall-kumpens tal-imsemmi kap tad-dannu għandhom jiġu miċħuda.

101    It-tieni, fir-rigward tal-kap tad-dannu morali li jirriżulta mill-iżvelar tad-data personali tar-rikorrent, għandu jitfakkar li hija Eurofound, skont l-Artikolu 266 TFUE, li għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza. Barra minn hekk, l-ewwel investigazzjoni tal-KEPD mibdija fuq ilment tar-rikorrent ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm din l-istanza.

102    Għalhekk, peress li l-Qorti Ġenerali la tista’ tippreġudika l-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni u lanqas il-miżuri meħuda b’eżekuzzjoni tas-sentenza, li fid-dawl tagħhom ir-rikorrent jista’ jiddeċiedi li jressaq talba għad-danni ġdida, hemm lok li t-talbiet għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu morali li jirriżulta minn dan l-iżvelar jiġu miċħuda bħala prematuri.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tiċħad it-talba għal assistenza tar-rikorrent, u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

104    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

105    F’dan il-każ, peress li r-rikors essenzjalment intlaqa’, issir evalwazzjoni ġusta tal-kawża jekk jiġi deċiż li Eurofound għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat22 ta’ Marzu 2018, imħejjija u ffirmata minn uffiċċju tal-avukati estern, li tikkonċerna talba għal assistenza ta’ AH dwar l-iżvelar tad-data personali tiegħu, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u taxXogħol (Eurofound) hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn AH.

Kanninen

Półtorak

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 Data kunfidenzjali moħbija.