Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Bologna (l-Italja) fis-7 ta’ Frar 2022 – BU vs Ministero dell’Interno, Dipartimento per le Libertà civili e l’Immigrazione - Unità Dublino

(Kawża C-80/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale ordinario di Bologna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BU

Konvenuti: Ministero dell’Interno, Dipartimento per le Libertà civili e l’Immigrazione - Unità Dublino

Domandi preliminari

Liema huma l-konsegwenzi ġuridiċi li d-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprevedi fil-każ ta’ ksur, min-naħa tal-Istat li jagħmel it-talba fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 1 , tal-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 jiġifieri l-obbligu li jagħmel l-intervista personali tal-applikant skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament, u b’mod partikolari jekk l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament UE 604/2013 għandhomx jiġu interpretati:

fis-sens li n-nuqqas ta’ kunsinna tal-fuljett informattiv previst mill-Artikolu 4(2) lil persuna li hija fil-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 23 tar-regolament, jiġifieri n-nuqqas ta’ użu tal-intervista personali tal-applikant skont l-Artikolu 5 tar-regolament jiddeterminax minnu nnifsu biss l-illegalità irrimedjabbli tad-dispożizzjoni ta’ trasferiment, u l-konsegwenti attrazzjoni tal-kompetenza li jipproċessa l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-Istat Membru li jagħmel it-talba;

jiġifieri fis-sens li l-illeġittimità tad-dispożizzjoni ta’ trasferiment hija suġġetta għall-allegazzjoni u għall-prova li l-proċedura kien ikollha riżultat differenti kieku l-awtorità tal-Istat li jagħmel it-talba tkun wettqet l-obbligi stabbiliti mill-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament UE 604/2013;

jiġifieri fis-sens li fl-ebda każ l-awtorità tal-Istat li jagħmel it-talba ma hija obbligata tiżgura lill-barrani suġġett għall-proċedura ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba l-garanziji ta’ informazzjoni u ta’ parteċipazzjoni previsti mill-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament UE 604/2013?

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament UE 604/2013, waħdu jew flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat:

fis-sens li dan jimponi l-obbligu li jiġu żgurati l-garanziji stabbiliti mill-Artikoli 4 u 5 tar-regolament għall-barrani suġġett għal proċedura ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor sa fejn din tkun strumentali għall-protezzjoni tad-dritt għal appell effettiv kontra deċiżjoni ta’ trasferiment;

f’każ pożittiv, fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja adita bit-talba għal annullament tal-miżura ta’ trasferiment fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament UE 604/2013 hija leġittimata li tirrevedi l-mertu tad-deċiżjoni li biha l-awtorità amministrattiva tal-Istat li tkun saritlu t-talba, skont il-kriterji ta’ kompetenza li tagħha t-Taqsima III tar-regolament, aċċertat il-kompetenza tagħha stess li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali proposta mir-rikjedenti?

____________

1     ĠU 2013, L 180, p. 31 u rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.