Language of document : ECLI:EU:C:2022:576

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 (1)

Kawża C176/19 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Servier SAS,

Servier Laboratories Ltd,

Les Laboratoires Servier SAS

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tal-perindopril, prodott mediċinali intiż għall-kura tal‑mard kardjovaskulari – Ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi fil-qasam tal-privattivi konklużi bejn laboratorju ta’ verżjonijiet tal-bidu proprjetarju ta’ privattivi u kumpanniji ta’ ġeneriċi – Ftehim dwar soluzzjoni bonarja assoċjat ma’ ftehim dwar liċenzja – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l‑għan – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett – Definizzjoni tas‑suq rilevanti”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-fatti

1. Operaturi kkonċernati b’din il-kawża

2. Il-prodott u l-privattivi inkwistjoni

a) Perindropil ta’ Servier

b) Il-perindropil ta’ Krka

3. Kawżi relatati mal-perindropil u tnedija ta’ verżjonijiet ġeneriċi

a) Il-kawżi quddiem l-UEP

b) Il-kawżi quddiem il-qrati nazzjonali

4. Kawżi u ftehimiet bejn Servier u Krka

B. Id-deċiżjoni kkontestata

C. Is-sentenza appellata

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet talpartijiet

IV. Evalwazzjoni

A. Fuq l-appell

1. Fuq l-Artikolu 101 TFUE

a) Fuq ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (l-ewwel sas-sitt aggravju)

1) L-analiżi tal-għan tal-ftehimiet Krka fid-deċiżjoni kkontestata u fis-sentenza appellata

i) Id-deċiżjoni kkontestata

ii) Is-sentenza appellata

2) L-aggravji relatati mal-għan tal-ftehimiet Krka

i) Fuq il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Krka fuq Servier (lewwel aggravju)

– Fuq l-ammissibbiltà u n-natura effettiva tal-aggravju

– Fuq il-mertu

– Konklużjoni intermedja

ii) Fuq il-liċenzja bħala inċentiv għal Krka sabiex taċċetta rrestrizzjonijiet tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (it-tieni aggravju)

– Fuq il-liċenzja bħala korrispettiv tal-obbligu li ma tikkompetix

– Fuq in-natura ta’ inċentiv tal-liċenzja

– Fuq il-kwantifikazzjoni tal-valur ittrasferit lil Krka permezz talliċenzja

– Konklużjoni intermedja

iii) Fuq l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (it-tielet aggravju)

– Fuq in-nuqqas ta’ tqassim “nett” tas-swieq

– Fuq l-intenzjonijiet tal-partijiet u l-konvinzjonijiet tagħhom dwar il-validità tal-privattiva 947

– Fuq id-duopolju konkret stabbilit bil-liċenzja

– Fuq dikjarazzjoni minn Lupin

– Fuq il-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija u r-Regolament Nru 772/2004 fuq l‑applikazzjoni talArtikolu [101(3) TFUE] għall-kategoriji ta’ ftehim dwar ittrasferiment ta’ teknoloġija

– Konklużjoni intermedja

iv) Fuq l-intenzjoni tal-partijiet (ir-raba’ aggravju)

– Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni tal-paritjiet

– Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji relatati mal-amministrazzjoni talprovi

– Fuq il-kredibbiltà tal-provi skont id-data ta’ meta ġew redatti

– Fuq il-valur probatorju ta’ dikjarazzjonijiet sussegwenti

– Konklużjoni intermedja

v) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti favur il-kompetizzjoni tal-liċenzja (il-ħames aggravju)

vi) Fuq il-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka (is-sitt aggravju)

3) Konklużjoni dwar l-għan tal-ftehimiet Krka

b) Fuq ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett (is-seba’ aggravju)

1) L-analiżi tal-effetti tal-ftehimiet Krka fid-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata

i) Id-deċiżjoni kkontestata

ii) Is-sentenza appellata

2) L-aggravju relatat mal-effetti tal-ftehimiet Krka

i) Fuq l-analiżi kontrafattwali

ii) Fuq il-mument li għandu jiġi kkunsidrat għall-analiżi kontrafattwali

iii) Fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tad-distinzjoni bejn il-ftehimiet implimentati u l-ftehimiet mhux implimentati

3) Konklużjoni dwar l-effetti tal-ftehimiet Krka

c) Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur skont lArtikolu 101(1) TFUE fir-rigward tal-ftehimiet Krka

2. Fuq l-Artikolu 102 TFUE

a) Il-konstatazzjonijiet relatati mal-Artikolu 102 TFUE fiddeċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata

1) Id-deċiżjoni kkontestata

2) Is-sentenza appellata

b) L-aggravji relatati mal-Artikolu 102 TFUE

1) Fuq il-pożizzjoni tal-prezz waqt li jiġi stabbilit is-suq rilevanti talprodotti lesti (it-tmien aggravju)

i) Fuq il-fatturi marbuta mal-prezzijiet meta jiġi stabbilit is-suq rilevanti (l-ewwel u t-tieni parti tat-tmien aggravju)

ii) Fuq in-nuqqas ta’ sensittività għall-prezzijiet tat-tobba li jippreskrivu (it-tielet u r-raba’ parti tat-tmien aggravju)

iii) Fuq il-kompetizzjoni eżerċitata mill-ġeneriċi tal-perindropil (ilħames u s-sitt partijiet tat-tmien aggravju)

iv) Konklużjoni intermedja

2) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sostitwibbiltà terapewtika meta jiġi stabbilit is-suq rilevanti tal-prodotti lesti (id-disa’ aggravju)

i) Fuq ir-rwol tas-sostitwibbiltà terapewtika sabiex jiġi stabbilit issuq rilevanti tal-prodotti lesti (l-ewwel parti tad-disa’ aggravju)

ii) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni jew l-analiżi ta’ ċerti provi (it-tieni sas-sitt parti tad-disa’ aggravju)

iii) Konklużjoni intermedja

3) Fuq l-inammissibbiltà ta’ ċerti annessi fl-ewwel istanza (l-għaxar aggravju)

4) Fis-suq rilevanti tat-teknoloġija (il-ħdax-il aggravju)

c) Konklużjoni dwar l-aggravji relatati mal-Artikolu 102 TFUE

B. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

V. L-ispejjeż

VI. Konklużjoni



I.      Introduzzjoni

1.        L-istess bħal fil-kawża parallela Servier vs Il-Kummissjoni (C‑201/19 P), li fiha ser nippreżenta wkoll il-konklużjonijiet tiegħi llum, din il-kawża ssegwi l-kawżi Generics (UK) et (2) u Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (3), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-kriterji li abbażi tagħhom ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża bejn proprjetarju ta’ privattiva farmaċewtika u produttur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi huwa kuntrarju għad-dritt tal-kompetizzjoni tal‑Unjoni.

2.        L-isfond ta’ din il-kawża, tal-kawża Servier vs Il-Kummissjoni u ta’ seba’ appelli oħra li jiffurmaw dan il-grupp ta’ disa’ appelli ppreżentati kontra tmien sentenzi tal-Qorti Ġenerali (4), huwa magħmul minn diversi ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi ta’ privattivi konklużi mill-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali Servier ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi.

3.        Bħal fil-kawżi Generics (UK) et u Lundbeck vs Il-Kummissjoni, dawn il-ftehimiet daħlu fis-seħħ f’sitwazzjoni li fiha l-privattiva dwar is‑sustanza attiva tal-prodott mediċinali inkwistjoni, f’dan il-każ il‑perindropil, kienet diġà fid-dominju pubbliku, minkejja li Servier kien għad baqagħlu privattivi msejħa “sekondarji” fuq ċerti proċessi ta’ produzzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali.

4.        Il-ftehimiet ikkontestati essenzjalment ippermettew li l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi, li xtaqu jidħlu fis-suq b’verżjonijiet ġeneriċi tal-imsemmi prodott mediċinali, obbligaw ruħhom li jipposponu d-dħul tagħhom inkambju għal trasferiment ta’ valur minn Servier.

5.        Fid-deċiżjoni kkontestata (5), il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-ftehimiet inkwistjoni, konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva, Krka u Lupin, kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett u konsegwentement ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

6.        Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-konklużjoni tagħhom, flimkien ma’ aġir ieħor bħall-akkwist ta’ teknoloġiji għall-produzzjoni tal-ingredjent farmaċewtiku attiv (IFA) tal-perindropil, kienet tikkostitwixxi, min-naħa ta’ Servier, strateġija intiża li tipposponi d‑dħul ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi tal-perindropil fis-suq ta’ dan il-prodott mediċinali, li fih Servier kellu pożizzjoni dominanti. Għalhekk, il‑Kummissjoni ssanzjonat dan l-aġir bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE.

7.        Fis-sentenza appellata u fis-sentenzi l-oħra tagħha fil-grupp ta’ kawżi kkonċernat, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal‑Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-erba’ ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin. Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma kkontestati minn Servier fil‑kawża Servier vs Il‑Kummissjoni u minn dawn il-kumpanniji ta’ ġeneriċi fl-appelli rispettivi tagħhom ippreżentati kontra s-sentenzi tal‑Qorti Ġenerali li jikkonċernawhom.

8.        Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett tal-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Krka, u f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ Servier, peress li l‑Kummissjoni wettqet żbalji waqt id-definizzjoni tas-suq rilevanti.

9.        Dawn l-annullamenti huma kkontestati mill-Kummissjoni f’din il‑kawża u fil-kawża Il-Kummissjoni vs Krka (C‑151/19 P). Dawn il‑kawżi jqajmu kwistjonijiet ġodda li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ta’ ftehim dwar liċenzja konkluż fl‑istess ħin ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża dwar privattiva, il-klassifikazzjoni ta’ tali grupp ta’ ftehimiet ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett u d-definizzjoni tas-suq rilevanti fil‑qasam farmaċewtiku.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-fatti

10.      Il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-fatti li wasslu għall-kawża fil‑punti 1 sa 73 tas-sentenza appellata li, għall-finijiet ta’ din il‑proċedura tal-appell, jistgħu jitqassru bil-mod segwenti.

1.      Operaturi kkonċernati b’din il-kawża

11.      Il-grupp Servier, magħmul b’mod partikolari minn Servier SAS, il‑kumpannija omm tiegħu, stabbilita fi Franza, minn Laboratoires Servier SAS u minn Servier Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Servier”), jiġbor kumpanniji farmaċewtiċi fuq livell globali. Les Laboratoires Servier hija kumpannija tal-farmaċewtika Franċiża speċjalizzata fl-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali tal-verżjonijiet tal-bidu, b’mod partikolari għat-trattament ta’ mard kardjovaskulari (6). Biogaran hija sussidjarja 100 % ta’ Laboratoires Servier inkarigata mill-ġeneriċi (7).

12.      Il-grupp farmaċewtiku Krka, irreġistrat fis-Slovenja u speċjalizzat fl-iżvilupp, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, jinkludi l-kumpannija omm, Krka Tovarna Zdravil d.d., u diversi sussidjarji fis-Slovenja u f’pajjiżi oħra (iktar ’il quddiem “Krka”) (8).

2.      Il-prodott u l-privattivi inkwistjoni

a)      Perindropil ta’ Servier

13.      Servier żviluppa l-perindopril, prodott mediċinali indikat bħala mediċina kardjovaskulari, intiż prinċipalment sabiex tiġi miġġielda l‑pressjoni għolja u l-insuffiċjenza kardijaka. L-IFA tal-perindropil hija fil-forma ta’ melħ. Il-melħ użat inizjalment kien l-erbumina (jew tert‑butilamina), li jippreżenta ruħu f’forma kristallina minħabba l‑proċess użat minn Servier għas-sinteżi tiegħu (9).

14.      Il-privattiva EP0049658 marbuta mal-molekula tal-perindopril ġiet ippreżentata quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) fid‑29 ta’ Settembru 1981. Din il-privattiva kellha tiskadi fid‑29 ta’ Settembru 2001, iżda l-protezzjoni tagħha ġiet estiża f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Renju Unit, sat-22 ta’ Ġunju 2003 (10). Fi Franza, il-protezzjoni tal-imsemmija privattiva ġiet estiża sat-22 ta’ Marzu 2005 u, fl-Italja, sat-13 ta’ Frar 2009 (11). L-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (ATS) għal pilloli ta’ perindropil erbumina (2 u 4 mg) għat-trattament tal-pressjoni għolja arterjali fl‑Ewropa sar bejn l-1988 u l-1989 (12).

15.      Wara l-applikazzjoni għall-privattiva ta’ molekula, Servier applika għal diversi privattivi ta’ proċess relatati mal-produzzjoni tal‑perindropil quddiem l-UEP. Il-privattivi kkonċernati b’din il‑proċedura huma, b’mod partikolari, il-privattivi EP0308339, EP0308340 u EP0308341 (iktar ’il quddiem, rispettivament, il‑“privattiva 339”, il-“privattiva 340” u l-“privattiva 341”), li għalihom applika fl-1988 u li kellhom jiskadu fl-2008, u, barra minn hekk, il‑privattiva EP1296947 (magħrufa “privattiva alpha”, iktar ’il quddiem il‑“privattiva 947”), li għaliha applika fl-2001. Il-privattiva 947 kienet tkopri l-forma kristallina alpha tal-perindopril erbumina u l-metodi sabiex tiġi prodotta u ngħatat fl-4 ta’ Frar 2004 (13).

16.      Servier ippreżenta wkoll applikazzjonijiet għal privattivi nazzjonali f’diversi Stati Membri tal-Unjoni, pereżempju fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja. Huwa għalhekk li ngħataw privattivi fis-16 ta’ Mejju 2006 fil-Bulgarija, fis-17 ta’ Awwissu 2006 fl-Ungerija, fit-23 ta’ Jannar 2007 fir‑Repubblika Ċeka, fit-23 ta’ April 2007 fis-Slovakkja u fl-24 ta’ Marzu 2010 fil-Polonja. Dawn il-privattivi kienu jikkorrispondu, essenzjalment, għall-privattivi li għalihom saret applikazzjoni quddiem l-UEP (14).

17.      B’effett mill-2002, Servier żviluppa perindropil tat-tieni ġenerazzjoni, prodott minn melħ ġdid, l-arginina, li għalih huwa ppreżenta applikazzjoni għal privattiva (EP1354873B) fis-17 ta’ Frar 2003. Din il-privattiva ngħatat fis-17 ta’ Lulju 2004, b’data ta’ skadenza fis-17 ta’ Frar 2023. Id-dħul tal-perindropil arginina fis-swieq tal-Unjoni beda fl-2006. Dan il-prodott huwa verżjoni ġenerika bijoekwivalenti tal-prodott tal-ewwel ġenerazzjoni, iżda jinbiegħ f’dożi differenti minħabba l-piż molekulari differenti tal-melħ il‑ġdid (15). Il‑perindropil arginina ngħata ATS fi Franza fl-2004 u sussegwentement ġie awtorizzat permezz tal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku fi Stati Membri oħra (16).

b)      Il-perindropil ta’ Krka

18.      Krka bdiet l-iżvilupp tagħha stess tal-perindropil fl-2003. Matul il‑perijodu 2005-2006, hija rċeviet ATS għal diversi swieq tal-Unjoni u nediet il-perindropil fis-suq f’diversi Stati Membri tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, fosthom fil-Polonja u fl-Ungerija. Matul dan il-perijodu, hija kienet qiegħda tipprepara wkoll it-tqegħid fis-suq tiegħu fi Stati Membri oħra, fosthom fi Franza, fir-Renju Unit u fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm waħidha kif ukoll f’kooperazzjoni ma’ kumpanniji oħra (17).

3.      Kawżi relatati mal-perindropil u tnedija ta’ verżjonijiet ġeneriċi

19.      Bejn l-2003 u l-2009, Servier kien parti minn sensiela ta’ kawżi li jikkonċernaw il-perindropil, kemm quddiem l-UEP kif ukoll quddiem qrati nazzjonali. Dawn kienu essenzjalment talbiet għal ordnijiet u għal proċeduri relatati mal-privattiva 947, mibdija fi Stati Membri differenti bejn Servier u sensiela ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi li kienu qegħdin jippreparaw it-tnedija ta’ verżjoni ġenerika tal-perindropil (18).

a)      Il-kawżi quddiem l-UEP

20.      L-ewwel nett, għaxar kumpanniji ta’ ġeneriċi, fosthom Krka, ippreżentaw oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP fl‑2004, bil-ħsieb li jiksbu r-revoka totali tagħha kollha, billi invokaw raġunijiet ibbażati fuq nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva u fuq il‑karattru insuffiċjenti tal-espożizzjoni tal-invenzjoni (19).

21.      Fis-27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP ikkonfermat il-validità tal‑privattiva 947, wara tibdiliet żgħar fil‑pretensjonijiet inizjali ta’ Servier (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006”). Disa’ kumpanniji ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni, iżda Krka u Lupin innotifikaw l-irtirar tar-rikors tagħhom fil-11 ta’ Jannar u fil-5 ta’ Frar 2007, rispettivament, wara l‑ftehimiet tagħhom ma’ Servier. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2009, il-Bord tal-Appell tekniku tal-UEP annulla d‑deċiżjoni tal‑UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u rrevoka l-privattiva 947 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-UEP tas‑6 ta’ Mejju 2009”). Ir‑rikors għal reviżjoni ppreżentat minn Servier kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fid‑19 ta’ Marzu 2010 (20).

b)      Il-kawżi quddiem il-qrati nazzjonali

22.      Il-validità tal-privattiva 947 ġiet ikkontestata wkoll minn kumpanniji ta’ ġeneriċi quddiem il-qrati ta’ ċerti Stati Memri, u Servier ippreżenta talbiet għal ordnijiet provviżorji, li xi drabi kienu aċċettati (21). Madankollu, il-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi ntemmu qabel l-intervent ta’ deċiżjoni finali dwar il-validità tal-privattiva 947 minħabba ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja konklużi bejn Servier u kumpanniji ta’ ġeneriċi.

23.      Madankollu, żewġ kawżi bejn Servier u Apotex, l-unika kumpannija ta’ ġeneriċi parti f’kawża ma’ Servier fir-Renju Unit li magħha Servier ma kkonkludiex ftehim dwar soluzzjoni bonarja, ma ġewx interrotti u sussegwentement wasslu għall-invalidità tal‑privattiva 947.

24.      B’hekk, minn naħa, fl-1 ta’ Awwissu 2006, Servier ippreżenta azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947 kontra Apotex, li kienet nediet verżjoni ġenerika tal-perindropil “f’riskju” fis-suq tar-Renju Unit, quddiem il-qrati tar-Renju Unit u kiseb id-deċiżjoni ta’ ordni provviżorja fit‑8 ta’ Awwissu 2006. Madankollu, wara kontrotalba għall-annullament tal-imsemmija privattiva mressqa minn Apotex, il-privattiva 947 ġiet invalidata fis-6 ta’ Lulju 2007, l-ordni tneħħiet u Apotex daħlet fis-suq bil-perindropil ġeneriku, u dan fetaħ is-suq għall-ġeneriċi fir-Renju Unit. Fid-9 ta’ Mejju 2008, id-deċiżjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947 ġiet ikkonfermata fl-appell (22).

25.      Min-naħa l-oħra, fit-13 ta’ Novembru 2007, Katwijk Farma, sussidjarja ta’ Apotex, adixxiet il-qrati Olandiżi b’talba għal annullament tal-parti Olandiża tal-privattiva 947 u nediet, fit-13 ta’ Diċembru 2007, il-perindropil ġeneriku tagħha, filwaqt li talba għal ordni provviżorja minn naħa ta’ Servier ġiet miċħuda. Fil-11 ta’ Ġunju 2008, il-qrati Olandiżi annullaw il-privattiva 947 għall-Pajjiżi l-Baxxi fi tmiem kawża parallela mibdija minn Pharmachemie, sussidjarja ta’ Teva (23).

26.      B’effett minn Mejju 2008, Sandoz, kumpannija oħra ta’ ġeneriċi, nediet il-perindropil ġeneriku tagħha f’diversi Stati Membri (24).

4.      Kawżi u ftehimiet bejn Servier u Krka

27.      Bejn l-2005 u l-2007, Servier ikkonkluda ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi Niche/Unichem, Matrix, Teva, Krka u Lupin. Il-ftehimiet ikkonċernati b’dan l-appell huma dawk konklużi minn Servier ma’ Krka.

28.      Servier ressaq, fit-30 ta’ Mejju 2006, talba għal ordni provviżorja fl-Ungerija intiża li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ verżjoni ġenerika tal-perindropil imqiegħda fis-suq minn Krka, minħabba ksur tal‑privattiva 947. Din it-talba ġiet miċħuda fit-13 ta’ Ottubru 2006 (25).

29.      Fir-Renju Unit, Servier ippreżenta, fit-28 ta’ Lulju 2006, azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 340 kontra Krka. Fit-2 ta’ Awwissu 2006, Servier ippreżenta wkoll azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947 kontra Krka u talba għal ordni provviżorja. Fl-1 ta’ Settembru 2006, Krka ressqet kontrotalba għall-annullament tal-privattiva 947 u talba għal proċedura sommarja (motion of summary judgment). Fit-8 ta’ Settembru 2006, Krka ressqet kontrotalba oħra għall-annullament tal-privattiva 340.

30.      Fit-3 ta’ Ottubru 2006, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)), laqgħet it-talba għal ordni provviżorja ta’ Servier u ċaħdet it-talba għal proċedura sommarja (motion of summary judgment) imressqa minn Krka fl-1 ta’ Settembru 2006, intiża għall-invalidità tal-privattiva 947, filwaqt li ordnat li għandha ssir proċedura fuq il-mertu. Fl-1 ta’ Diċembru 2006, il‑kawża pendenti ntemmet wara ftehim dwar soluzzjoni bonarja bejn il‑partijiet u l-ordni provviżorja tneħħiet (26).

31.      Servier u Krka ffirmaw ftehim dwar soluzzjoni bonarja (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka”) u ftehim dwar liċenzja (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar liċenzja Krka”), fis-27 ta’ Ottubru 2006, issupplimentat permezz ta’ addendum konkluż fit-2 ta’ Novembru 2006. Barra minn hekk, dawn il-partijiet ikkonkludew ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka”) fil-5 ta’ Jannar 2007 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “il-ftehimiet Krka”).

32.      Fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka, kien previst li l‑privattiva 947 kienet tkopri wkoll il-privattivi nazzjonali ekwivalenti. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, fis-seħħ sal‑iskadenza jew ir-revoka tal-privattivi 947 jew 340, Krka obbligat ruħha li tirrinunzja għal kwalunkwe pretensjoni eżistenti fir-rigward tal‑privattiva 947 fid-dinja kollha u fir-rigward tal-privattiva 340 fir‑Renju Unit u li ma tikkontesta l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ privattivi fil-futur fid-dinja kollha. Barra minn hekk, Krka u s-sussidjarji tagħha ma kinux awtorizzati jintroduċu jew ibiegħu verżjoni ġenerika tal‑perindopril bi ksur tal-privattiva 947 matul il-perijodu ta’ validità ta’ dan tal-aħħar u fil-pajjiż fejn kienet għadha valida, ħlief bl‑awtorizzazzjoni espressa ta’ Servier. Bl-istess mod, Krka ma setgħet tforni lil ebda terzi verżjoni ġenerika tal-perindopril bi ksur tal-privattiva 947, ħlief bl‑awtorizzazzjoni espressa ta’ Servier. Inkambju, Servier obbliga ruħu li jwaqqaf il-kawżi pendenti madwar id-dinja kollha bbażati fuq il-ksur tal‑privattivi 947 u 340, kontra Krka, inkluż it-talbiet tiegħu għal ordni provviżorja (27).

33.      Bis-saħħa tal-ftehim dwar liċenzja Krka, konkluż għal perijodu li jikkorrispondi mal-validità tal-privattiva 947, Servier ta lil Krka liċenzja “esklużiva” u irrevokabbli fuq il-privattiva 947, sabiex tuża, timmanifattura, tbiegħ, tipproponi għal-bejgħ, tippromwovi u timporta l-prodotti tiegħu li fihom il-forma kristallina alpha tal-erbumina fir-Repubblika Ċeka, fil‑Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fil-Polonja, fis-Slovenja u fis‑Slovakkja.

34.      Inkambju tal-liċenzja, Krka obbligat ruħha tħallas lil Servier tariffa ta’ 3 % tal-ammont nett tal-bejgħ tagħha f’dawn it-territorji kollha. F’dawn l-istess Stati, Servier kien awtorizzat juża direttament jew indirettament (jiġifieri għal waħda mis‑sussidjarji tiegħu jew għal terz wieħed għal kull pajjiż) il‑privattiva 947 (28).

35.      Fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, l-ekwivalenti nazzjonali tal-privattiva 947 kienu għadhom ma ngħatawx lil Servier f’uħud minn dawn is-seba’ swieq minkejja li Krka kienet diġà tikkummerċjalizza l-prodott tagħha fihom (29).

36.      Bis-saħħa tal-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka, Krka ttrasferixxiet żewġ applikazzjonijiet għal privattivi lil Servier, waħda li tikkonċerna proċess ta’ sinteżi tal-perindopril (WO 2005 113500) u l‑oħra l-preparazzjoni ta’ formulazzjonijiet ta’ perindopril (WO 2005 094793). It‑teknoloġija protetta minn dawn l-applikazzjonijiet għal privattivi kienet użata għall-produzzjoni tal‑perindopril ta’ Krka. Krka obbligat ruħha li ma tikkontestax il-validità tal-privattivi li jingħataw abbażi tal-applikazzjonijiet inkwistjoni. Inkambju għal dan it‑trasferiment, Servier ħallas lil Krka ammont ta’ EUR 15 miljuni għal kull applikazzjoni inkwistjoni. Servier ta wkoll lil Krka liċenzja mhux esklużiva, irrevokabbli, mhux trasferibbli u eżenti minn ħlasijiet, mingħajr dritt li tikkonċedi sotto‑liċenzji (jekk mhux lis-sussidjarji tagħha), fuq l-applikazzjonijiet jew fuq il-privattivi li jirriżultaw minnhom, peress li din il-liċenzja ma kinitx limitata rationae temporis, fir-rigward tat-territorju jew fl-użu li seta’ jsir minnhom (30).

B.      Id-deċiżjoni kkontestata

37.      Fid-deċiżjoni kkontestata, adottata fid‑9 ta’ Lulju 2014 (31), il‑Kummissjoni qieset li Servier kiser, minn naħa, l‑Artikolu 101 TFUE, billi pparteċipa f’erba’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi bi ħlas invertit ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin, u fi tliet ftehimiet, li kienu jikkostitwixxu ksur wieħed u kontinwu, ma’ Krka.

38.      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li Servier kien kiser l‑Artikolu 102 TFUE billi żviluppa u implimenta, permezz, b’mod partikolari, tal-akkwist ta’ teknoloġija u ta’ dawn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, strateġija ta’ esklużjoni li tkopri s-suq tal-formulazzjonijiet ta’ perindopril fi Franza, fil-Pajjiżi l‑Baxxi, fil-Polonja u fir-Renju Unit u s-suq tat-teknoloġija tal-IFA tal-perindopril l(32)

39.      Il-Kummissjoni qieset li Servier u Krka kienu kisru l‑Artikolu 101 TFUE fit-18/20 Stat Membru (33) fejn Krka obbligat ruħha, permezz tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka, li ma tikkompetix iktar ma’ Servier bil-prodotti eżistenti tagħha inkambju għal liċenzja fis-seba’ Stati Membri l-oħra. Dawn il-ftehimiet kellhom għalhekk bħala għan li jaqsmu u jallokaw is-swieq tal-Unjoni bejn dawn iż-żewġ operaturi. Il‑Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-ftehimiet Krka kienu kkostitwixxew restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett u f’dan ir-rigward eżaminat l-effetti tal-imsemmija ftehimiet fis-swieq ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit (34). Il-Kummissjoni ma kkonstatatx ksur fis-seba’ Stati Membri li għalihom kienet ingħatat il-liċenzja (35).

40.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li Servier u Krka kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE sa fejn Krka kienet waqfet tikkompeti bħala sors eżistenti ta’ teknoloġija ta’ perindropil billi ttrasferixxiet it‑teknoloġija tagħha lil Servier bi ħlas ta’ ammont totali ta’ EUR 30 miljun (36).

41.      Il-Kummissjoni imponiet multi fuq Servier għal dan il-ksur tal‑Artikoli 101 u 102 TFUE (37).

C.      Is-sentenza appellata

42.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Settembru 2014, Servier ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata. Quddiem il-Qorti Ġenerali, Servier kien sostnut fit-talbiet tiegħu mill-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA).

43.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, bħala Awla Estiża, fl-ewwel lok, annullat 1) l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata (li kkonstata l-ksur minn Servier tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l‑ftehimiet ma’ Krka); 2) l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata (li kkonstata l-ksur minn Servier tal-Artikolu 102 TFUE), u 3) l‑Artikolu 7(4)(b) u (6) tad-deċiżjoni kkontestata (li kien jimponi l-multi fuq Servier għal dawn iż-żewġ ksur).

44.      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali 4) naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Servier minħabba l-ftehim ma’ Matrix, imsemmi fl‑Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-Artikolu 7(2)(b) tal‑imsemmija deċiżjoni. Fit-tielet lok, hija 5) ċaħdet il-kumplament tar‑rikors u, fir-raba’ lok, 6) u 7) ikkundannat lil Servier, il-Kummissjoni u l-EFPIA jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet talpartijiet

45.      Permezz ta’ att tat‑22 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni appellat kontra s-sentenza appellata.

46.      Parallelment, il-Kummissjoni appellat ukoll mis-sentenza tal‑Qorti Ġenerali fil-kawża Krka vs Il-Kummissjoni, filwaqt li Servier u d-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata li tilfu quddiem il-Qorti Ġenerali appellaw miċ-ċaħda tar-rikors tagħhom kontra l-imsemmija deċiżjoni (38).

47.      Permezz ta’ att tat‑22 ta’ Mejju 2019, ir-Renju Unit talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. L-intervent ġie aċċettat permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Ġunju 2019.

48.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja

–        tannulla l-punti 1), 2) u 3) tas-sentenza appellata li jannullaw i) l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Servier fil-ftehimiet li saru minn Servier mal-kumpannija Krka, ii) l-Artikolu 7(4)(b) tad-deċiżjoni kkontestata li jistabbilixxi l-multa imposta kontra Servier talli kkonkluda dawn il-ftehimiet, iii) l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonstata ksur minn Servier tal‑Artikolu 102 TFUE u iv) l-Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni kkontestata li jistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Servier relatata ma’ dan il-ksur;

–        tannulla s-sentenza appellata inkwantu tiddikjara l-annessi A 286 u A 287 mar-rikors u l-anness C 29 mar-replika bħala ammissibbli (punti 1461, 1462 u 1463 ta’ din is-sentenza);

–        tiddeċiedi b’mod finali fuq it-talba għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata mressqa minn Servier u tiċħad it‑talba ta’ Servier għall-annullament tal-Artikolu 4, tal‑Artikolu 7(4)(b), tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 7(6) tad‑deċiżjoni kkontestata u tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni li tiddikjara bħala inammissibbli l-annessi A 286 u A 287 mar‑rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u l-anness C 29 mar‑replika quddiem il-Qorti Ġenerali (punti 1461 sa 1463 tas-sentenza appellata);

–        tikkundanna lil Servier ibati l-ispejjeż kollha tal-appell.

49.      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja

–        tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni.

50.      Servier jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

51.      L-EFPIA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell u tal-ewwel istanza.

52.      Fit-13 ta’ Settembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill‑partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenza Generics (UK) et  u dwar is-sentenzi tal-grupp Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (39).

53.      Fl-20 u 21 ta’ Ottubru 2021, il-partijiet tad-disa’ appelli ppreżentati kontra t-tmien sentenzi tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjoni kkontestata nstemgħu fl-osservazzjonijiet tagħhom u fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt seduta waħda.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Fuq l-appell

54.      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka ħdax-il aggravju, li minnhom l-ewwel seba’ jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati mal-evalwazzjonijiet tal-ftehimiet Krka mill‑perspettiva tal-Artikolu 101 TFUE (1), filwaqt li l-aħħar erbgħa jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati mad‑definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 102 TFUE (2) (40).

1.      Fuq l-Artikolu 101 TFUE

55.      Permezz tal-ewwel sas-sitt aggravji tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li l‑ftehimiet Krka ma kinux jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (a). Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset li l‑Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett (b).

a)      Fuq ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (l-ewwel sas-sitt aggravju)

56.      Qabel ma jiġu eżaminati l-aggravji tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-analiżi tal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet Krka mill‑Qorti Ġenerali (2), huwa utli li jingħad fil-qosor kif dan il-għan ġie analizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata (1).

1)      L-analiżi tal-għan tal-ftehimiet Krka fid-deċiżjoni kkontestata u fis-sentenza appellata

i)      Id-deċiżjoni kkontestata

57.      Fit-Taqsima 5.5 (il-premessi 1670 sa 1812 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni eżaminat it-tliet ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka u qieset li kienu jikkostitwixxu attività waħda u kontinwa li kellha bħala għan li tillimita l-kompetizzjoni billi taqsam is-swieq tal‑perindropil fl-Unjoni bejn dawn iż-żewġ operaturi (41).

58.      Skont il-Kummissjoni, minn naħa, il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka u l-ftehim dwar liċenzja Krka kellhom bħala għan il-qsim u l-allokazzjoni tas-swieq tal-Unjoni bejn Servier u Krka bil-mod segwenti: il-ftehim dwar liċenzja Krka kien jawtorizza lil Krka sabiex tkompli tikkummerċjalizza jew tniedi l-perindropil ġeneriku fil‑qafas ta’ duopolju reali ma’ Servier f’seba’ Stati Membri li kienu jirrappreżentaw is-swieq prinċipali ta’ Krka. Din l-awtorizzazzjoni kienet tikkostitwixxi l-kumpens għall-obbligu ta’ Krka, bis-saħħa tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka, li tastjeni milli tikkompeti ma’ Servier fit‑18/20 suq li jibqa’ tal-Unjoni (42). Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-ftehim dwar liċenzja kien jikkostitwixxi l-inċentiv offrut minn Servier lil Krka sabiex din tal-aħħar taċċetta r-restrizzjonijiet miftiehma fil‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja (43).

59.      Minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka, konkluż xahrejn wara l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka, ippermetta li tissaħħaħ il‑pożizzjoni kompetittiva ta’ Servier u ta’ Krka li kienet tirriżulta mill‑qsim tas-swieq stabbilit permezz ta’ dawn il-ftehimiet kollha, billi Krka ġiet prekluża milli tittrasferixxi t-teknoloġija kompetittiva tagħha għall‑produzzjoni tal-perindropil lil kumpanniji ta’ ġeneriċi oħra. Sa fejn il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 30 miljun fil-qafas ta’ dan il-ftehim ma kellux rabta mad-dħul mistenni jew riċevut minn Servier minħabba l-ġestjoni kummerċjali tat-teknoloġija ttrasferita minn Krka, dan il-pagament ġie analizzat mill-Kummissjoni bħala qsim tad-dħul iġġenerat mill-qsim tas‑swieq bejn Servier u Krka (44).

ii)    Is-sentenza appellata

60.      Il-Qorti Ġenerali indikat, fl-ewwel lok, fil-punti 255 sa 274 tas‑sentenza appellata, il-kundizzjonijiet li fihom hija qieset li l‑introduzzjoni ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ privattivi u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġeneriċi fi ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi dwar privattivi hija anti-kompetittiva. Skont il-Qorti Ġenerali, dan huwa l-każ jekk l-introduzzjoni ta’ tali klawżoli f’tali ftehim hija bbażata mhux fuq ir-rikonoxximent mill‑partijiet tal-validità tal-privattiva u tan-natura ta’ ksur ta’ privattiva tal-prodotti ġeneriċi kkonċernati, iżda fuq ħlas invertit sinjifikattiv u mhux iġġustifikat min-naħa tal-proprjetarju tal-privattiva favur il‑kumpannija ta’ ġeneriċi, li jinċentivaha tissuġġetta ruħha għall‑imsemmija klawżoli. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat (punt 271 tas‑sentenza appellata) li, fil-preżenza ta’ tali inċentiv, il-ftehimiet inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala ftehimiet ta’ esklużjoni tas‑suq li fihom min jibqa’ fis-suq jikkumpensa lil min joħroġ minnu.

61.      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali spjegat, fil-punti 797 sa 810 tas‑sentenza appellata, li, meta ftehim kummerċjali komuni huwa assoċjat ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża ta’ privattiva li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, tali muntaġġ kuntrattwali għandu jkun ikklassifikat bħala antikompetittiv jekk il-valur ittrasferit mill‑proprjetarju tal-privattiva lill-kumpannija ta’ ġeneriċi bis-saħħa tal‑ftehim kummerċjali jeċċedi l-valur tal-beni ttrasferit minnha fil‑qafas ta’ dan il-ftehim. Fi kliem ieħor, tali muntaġġ kuntrattwali għandu jkun ikklassifikat bħala antikompetittiv jekk il-ftehim kummerċjali komuni assoċjat mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja jservi fir-realtà sabiex jaħbi trasferiment ta’ valur tal-proprjetarju tal-privattiva lejn il-kumpannija ta’ ġeneriċi, li bħala korrispettiv għandu biss l-obbligu ta’ din tal-aħħar li ma tikkompetix.

62.      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali evalwat, fil-punti 943 sa 1032 tas‑sentenza appellata, fil-qafas tal-eżami tagħha tad-disa’ motiv ippreżentat minn Servier fl-ewwel istanza, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan f’dak li jirrigwarda l‑ftehimiet Krka, l-eżempju tal-assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma’ ftehim dwar liċenzja, preżenti f’dan il-każ mal-assoċjazzjoni tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka.

63.      Skont il-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, il-kunsiderazzjonijiet imqassra fil-punt 61 hawn fuq, li jikkonċernaw l-assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja u ta’ ftehim kummerċjali komuni, ma humiex validi. Dan għaliex l-assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma’ ftehim dwar liċenzja tikkostitwixxi motiv adattat sabiex tintemm il‑kawża billi tippermetti d-dħul tal-kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq u tilqa’ t-talbiet taż-żewġ partijiet. Barra minn hekk, il-preżenza, fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja, ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tkun leġittima meta dan il-ftehim ikun ibbażat fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva. Ftehim dwar liċenzja, li jagħmel sens biss meta l-liċenzja tkun effettivament użata, ikun ibbażat preċiżament fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva (punti 943 sa 947 tas-sentenza appellata).

64.      Sabiex jiġi stabbilit li ftehim dwar liċenzja assoċjat ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja fir-realtà jaħbi ħlas invertit tal-proprjetarju tal‑privattiva lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, il-Kummissjoni għandha għalhekk turi li l-ħlas magħmul mill-imsemmija kumpannija lill‑imsemmi proprjetarju fil-qafas ta’ dan il-ftehim dwar liċenzja huwa abnormalment baxx (punti 948 u 952 tas-sentenza appellata).

65.      Barra minn hekk, l-għan antikompetittiv ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja jitnaqqas bl-effett favur il-kompetizzjoni tal-ftehim dwar liċenzja, li jiffavorixxi d-dħul tal-kumpannija ta’ ġeneriċi fis‑suq (punti 953 sa 956 tas-sentenza appellata).

66.      Għalhekk, fil-preżenza ta’ kawża reali bejn il-partijiet ikkonċernati fil-kawża u ta’ ftehim dwar liċenzja li jidher relatat b’mod dirett mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ din il-kawża, l‑assoċjazzjoni ta’ dan il-ftehim mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma huwiex indizju serju tal‑eżistenza ta’ ħlas invertit. F’każ bħal dan, il‑Kummissjoni għandha turi abbażi ta’ indizji oħra li l-ftehim dwar liċenzja ma jikkostitwixxix tranżazzjoni konkluża skont il‑kundizzjonijiet normali ta’ suq u b’hekk jaħbi ħlas invertit, b’tali mod li r-rabta kuntrattwali għandha tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan (punt 963 tas-sentenza appellata).

67.      Kien permezz ta’ dawn il-kriterji li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil‑punti 964 sa 1032 tas-sentenza appellata, il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka, biex finalment waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma urietx li dawn il-ftehimiet kellhom għan antikompetittiv. Il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konstazzjoni, essenzjalment, fuq il-kunsiderazzjonijiet segwenti:

–        Il-kawżi ta’ privattivi pendenti kienu reali u mhux fittizji u kemm il‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka kif ukoll il-ftehim dwar liċenzja Krka kienu relatati ma’ dawn il-kawżi (punti 965 sa 969 tas‑sentenza appellata).

–        Fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmija ftehim, il-partijiet qablu dwar il-validità tal-privattiva 947, b’mod partikolari minħabba d‑deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 (45). Il-fatt li Krka kompliet tikkontesta din il-privattiva fil-qrati u tikkummerċjalizza l-prodott tagħha wara l-imsemmija deċiżjoni ma jindikax il-kuntrarju. B’dan il‑mod, Krka, filwaqt li kienet persważa li l-privattiva kienet valida, riedet sempliċement issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati ma’ Servier fid-dawl tal-konklużjoni tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Risposta ulterjuri ta’ Krka għal talba għal informazzjoni tal‑Kummissjoni ssostni din l-interpretazzjoni (punti 970, 971, 999, 1000, 1010, 1011 u 1026 sa 1028 tas-sentenza appellata).

–        L-ammont tal-ħlas dovut minn Krka lil Servier fil-qafas tal-ftehim dwar liċenzja Krka ma kienx abnormalment baxx u l-Kummissjoni ma urietx li dan il-ftehim ma kienx jikkostitwixxi tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-Kummissjoni għalhekk ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ħlas invertit li jikkostitwixxi inċentiv (punti 975 sa 984 tas-sentenza appellata).

–        L-istabbiliment ta’ duopolju bejn Servier u Krka fis-seba’ swieq koperti mill-ftehim dwar liċenzja Krka ma kienx ir-riżultat ta’ dan il‑ftehim, iżda r-riżultat ta’ għażliet ulterjuri ta’ Servier u Krka, imprevedibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim (punti 987 sa 991 tas-sentenza appellata).

–        Ma kienx hemm qsim nett ta’ swieq bejn Servier u Krka, għaliex Servier kien awtorizzat jibqa’ attiv fis-seba’ swieq koperti bil-liċenzja (punti 1003 sa 1006 tas-sentenza appellata).

–        Il-ftehim dwar liċenzja Krka kellu effett favur il-kompetizzjoni f’dawn is-seba’ swieq, anki jekk l-ekwivalenti nazzjonali tal-privattiva 947 kienu għadhom ma ngħatawx fuq uħud mill-imsemmija swieq, b’tali mod li Krka ma kellhiex bżonn ta’ liċenzja sabiex tidħol fihom jew tibqa’ fihom. Madankollu, il-liċenzja kellha l-effett pożittiv li tevita riskju kontenżjuz ulterjuri għal Krka, fil-każ li jingħataw privattivi lil Servier f’dawn is-swieq fil-futur (punti 1007 sa 1009 u 1027 tas‑sentenza appellata).

–        Il-provi dokumentarji kontemporanji prodotti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li Krka ma kinitx temmen fil-validità tal‑privattiva 947 u li Servier kellu strateġija ta’ esklużjoni tal‑ġeneriċi, huma frammentarji, ambigwi, mhux konvinċenti jew kontradetti minn risposta ulterjuri ta’ Krka għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni (punti 1010 sa 1025 tas-sentenza appellata).

68.      Finalment, fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1041 sa 1060 tas-sentenza appellata, li l-klassifikazzjoni tal-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kienet ukoll żbaljata, għaliex kienet ibbażata fuq l‑ipoteżi preċedenti żbaljata ta’ qsim tas-swieq stabbilit mill-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka.

2)      L-aggravji relatati mal-għan tal-ftehimiet Krka

69.      Skont il-Kummissjoni, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali mqassra fil-punti 62 sa 68 hawn fuq huma vvizzjati b’diversi żbalji ta’ liġi.

70.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq l‑allegat rikonoxximent tal-validità tal-privattiva 947 minn Krka fil-qafas tal-analiżi tagħha tal-għan tal-ftehimiet Krka, filwaqt li naqset milli teżamina l-motiv tal-ewwel istanza relatat mal-kompetizzjoni potenzjali bejn Krka u Servier (i).

71.      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali vvizzjat l-analiżi tagħha bi żbalji meta qieset li l‑liċenzja ma kinitx tikkostitwixxi inċentiv sabiex Krka taċċetta r‑restrizzjonijiet tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka (ii).

72.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan, b’mod partikolari, billi kkonkludiet li ma kienx hemm qsim tas-swieq bejn Servier u Krka minħabba li dan il‑qsim ma kienx “nett”, billi żnaturat il-provi dwar il-konvinzjonijiet tal‑partijiet jew inkella billi qieset li d-duopolju stabbilit kien jirriżulta minn għażliet ulterjuri ta’ dawn il-partijiet u mhux mill-ftehimiet (iii).

73.      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi waqt l-analiżi tagħha tal-provi dokumentarji relatati mal-intenzjoni tal-partijiet (iv).

74.      Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti favur il‑kompetizzjoni tal-liċenzja (v).

75.      Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi meta rrifjutat li tirrikonoxxi n-natura antikompetittiva tal-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka (vi).

i)      Fuq il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Krka fuq Servier (lewwel aggravju)

76.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi u żnaturat provi meta kkonkludiet, fi tmiem ta’ motivazzjoni insuffiċjenti, li Krka ma kinitx tirrapreżenta iktar, fir-realtà, sors ta’ pressjoni kompetittiva fuq Servier fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet Krka.

–       Fuq l-ammissibbiltà u n-natura effettiva tal-aggravju

77.      Preliminarjament, l-oġġezzjonijiet ta’ Servier li dan l-aggravju huwa kemm inammissibbli kif ukoll ineffettiv, għandhom jiġu miċħuda.

78.      Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, il‑Kummissjoni tindika b’mod preċiż il-punti tas-sentenza appellata milquta b’din il-kritika.

79.      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni lanqas tfittex, kif isostni Servier, li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproċedi għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx ir-regoli li jirregolaw l-oneru u l-amministrazzjoni tal-provi fid-dritt tal-Unjoni, u li żnaturat provi u vvizzjat l-ispjegazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward minħabba nuqqasijiet ta’ motivazzjoni. Tali żbalji jistgħu jiġu invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas ta’ appell. Barra minn hekk, il‑kritiki tal-Kummissjoni jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ġuridika tal‑fatti eżaminati mill-Qorti Ġenerali u l-konsegwenzi ta’ dritt li din siltet minnha, u dan jaqa’ wkoll fl-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑qafas tal-appell (46).

80.      Fit-tielet lok, l-argument ta’ Servier li dan l-aggravju huwa ineffettiv lanqas ma għandu jintlaqa’.

81.      Skont Servier, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Servier u Krka ma għandux jikkontesta l-konklużjonijiet tas-sentenza appellata relatata man-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li huma bbażati fuq motivi oħra differenti mill-klassifikazzjoni ta’ Krka bħala kompetitur potenzjali ta’ Servier.

82.      Din l-oġġezzjoni ta’ Servier tirrifletti l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punt 1234 tas-sentenza appellata, li l-fatt li kkonstatat li l-ftehimiet Krka ma kinux jikkostitwixxu, skont l-analiżi tal‑Qorti Ġenerali, la restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u lanqas restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, kien jagħmel superfluwu l-eżami tal-motiv relatat mal-kompetizzjoni potenzjali bejn Servier u Krka mill-Qorti Ġenerali.

83.      Kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħed jissuġġerixxi dan il-punt u kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx il‑klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan (lanqas il-klassifikazzjoni tal‑imsemmija ftehimiet bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett (47)) għal motivi differenti mill-klassifikazzjoni ta’ Krka bħala kompetitur potenzjali ta’ Servier.

84.      Kif jirriżulta mis-sunt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 60, 63 u 67 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l‑allegat rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 sabiex tiċħad il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan. Il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Kummissjoni (punt 58 hawn fuq), Krka aċċettat li ma tkunx kompetitur ta’ Servier għat‑18/20 suq tal-Unjoni koperti mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja mhux għax Servier kien ipproponilha l-liċenzja għas-seba’ swieq l-oħra, iżda għaliex hija kienet temmen fil-validità tal-privattiva 947.

85.      Skont il-Qorti Ġenerali, ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża ta’ privattiva li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma għandux jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ħlief jekk ikun ibbażat mhux fuq ir-rikonoxximent tal-validità tal-privattiva mill-partijiet, iżda fuq inċentiv mogħti mill-proprjetarju tal-privattiva lill-kumpannija ta’ ġeneriċi (punti 262 sa 265 tas-sentenza appellata).

86.      Għalhekk, l-allegat rikonoxximent tal-validità tal-privattiva 947 minn Krka kkostitwixxa – flimkien mal-allegata natura mhux ta’ inċentiv tat-trasferiment ta’ valur lil Krka rrappreżentat mill-ftehim dwar liċenzja Krka (48) – il-leitmotiv tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali waqt l-analiżi tagħha tal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet Krka (punti 970, 971, 999, 1000, 1010 sa 1012 u 1026 sa 1028 tas-sentenza appellata).

87.      Fil-qafas tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni preċiżament li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi fuq ir‑rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 mingħajr ma teżamina l-kwistjoni preċedenti tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Krka u Servier. Fil-fatt, insostenn tal-argument li Krka kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier, il-Kummissjoni pproduċiet provi, injorati mill-Qorti Ġenerali, li juru li Krka ġustament ma kinitx konvinta mill-validità ta’ din il-privattiva. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti mill-Kummissjoni, magħżula b’mod selettiv, li fuqhom hija bbażat il-konvinzjoni tagħha fir-rigward tal-allegat rikonoxximent tal-validità tal-imsemmija privattiva minn Krka, u ppreżentat spjegazzjonijiet alternattivi manifestament żbaljati waqt l‑interpretazzjoni tal-imsemmija provi.

88.      Minn dan l-argument jirriżulta li l-Kummissjoni ma ssostnix biss li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk Servier u Krka kinux kompetituri potenzjali fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet Krka, iżda wkoll, u fuq kollox, li l-Qorti Ġenerali bbażat l-analiżi tagħha dwar l-għan antikompetittiv ta’ dawn il-ftehimiet fuq evalwazzjoni parzjali, jiġifieri selettiva, u żnaturament tal-provi tal-proċess.

89.      Ma hemm l-ebda dubju li tali kritika hija rilevanti għall-eżami tal‑fondatezza tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ natura antikompetittiva tal-ftehimiet Krka mill-Qorti Ġenerali, għaliex din setgħet, jekk tirriżulta fondata, tiżvela n-natura żbaljata ta’ din il-konstatazzjoni u twassal għall‑annullament tas-sentenza appellata (49).

90.      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażata fuq l-allegata natura ineffettiva tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-mertu

91.      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset, b’mod partikolari fil-punti 970, 1026, 1028, 1154 u 1162 tas-sentenza appellata, li Krka kienet tirrikonoxxi l-validità tal‑privattiva 947 u li l-azzjonijiet tagħha wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 (50) ma kinux juru li hija kienet determinata li tkompli bl‑isforzi tagħha sabiex tidħol fis-suq minkejja din id-deċiżjoni.

92.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi evalwata korrettament ħlief jekk l-indizji invokati mid-deċiżjoni kkontestata ma jiġux ikkunsidrati waħidhom, iżda kollha flimkien, fid-dawl tal-karatteristiċi tas‑suq tal-prodotti inkwistjoni (51). Il-portata tal-istħarriġ tal-legalità prevista fl‑Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad‑deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li tagħhom il-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall, fid-dritt u fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mill‑partijiet (52).

93.      Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-prinċipju prevalenti fid‑dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi u li l‑uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil‑kredibbiltà tagħhom (53). Sabiex tissodisfa l-oneru tal-prova li għandha, il-Kummissjoni għandha tipproduċi provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat seħħ (54).

94.      Madankollu, kull prova mressqa mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal‑ksur. Huwa biżżejjed li d-diversi indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (55). Il-provi li għandha l‑Kummissjoni jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet u l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (56).

95.      Jekk il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-ipoteżi li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati b’mod ieħor ħlief b’aġir antikompetittiv, il‑konstatazzjoni ta’ ksur ma għandhiex tiġi aċċettata meta l-impriżi kkonċernati jressqu argument li jitfa’ dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li tippermetti għalhekk li tingħata spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti differenti minn dik użata mill-Kummissjoni (57).

96.      Finalment, żnaturament tal-provi teżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata (58), peress li l-Qorti Ġenerali qabżet manifestament il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi msemmija (59).

97.      Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil‑punt 1016 tas-sentenza appellata, dawn il-prinċipji kollha, u b’mod partikolari dawk imqassra fil-punt 94 hawn fuq, ma japplikawx biss meta l-Kummissjoni għandha tiddeduċi l-eżistenza nnifisha ta’ akkordju jew ta’ kuntatti antikompetittivi ta’ provi frammentarji u skarsi. Dawn il‑prinċipji huma rilevanti wkoll f’sitwazzjoni bħal din f’dan il-każ, fejn il-Kummissjoni setgħa jkollha l-kontenut tal-ftehimiet inkwistjoni (60).

98.      F’sitwazzjoni bħal din, ċertament ma huwiex il-kontenut stess ta’ dawn il-ftehimiet li għandu jiġi mibni mill-ġdid permezz ta’ deduzzjonijiet. Madankollu, ir-risposta għad-domanda dwar jekk dan il‑kontenut kellux l-għan ta’ qsim illeġittimu tas-suq għandha tiġi dedotta mhux biss mill-imsemmi kontenut, iżda wkoll mill-kuntest tal-ftehimiet u, jekk ikun il-każ, mill-intenzjoni tal-partijiet (61). Għall-interpretazzjoni ta’ dawn l-elementi ta’ kuntest, il-prinċipji hawn fuq imsemmija jibqgħu rilevanti.

99.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat tali elementi ta’ kuntest sabiex tistabbilixxi jekk Krka kinitx kompetitur potenzjali ta’ Servier qabel il‑konklużjoni tal-ftehimiet Krka. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni esponiet, fil-premessi 1680 sa 1700 tad-deċiżjoni kkontestata, li Krka kienet bil-kbir l-ewwel kompetitur ġeneriku li sfida l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Servier għall-provvista ta’ perindropil, li Servier u Krka kienu diġà kompetituri reali għall-provvista ta’ perindropil fir‑Repubblika Ċeka, fl-Ungerija, fil-Litwanja, fil-Polonja u fis-Slovenja, u li Krka kienet kompetitur potenzjali fis-swieq l-oħra tal‑Unjoni għaliex, l-ewwel nett, il-prodott tagħha kien lest sabiex jiġi mniedi fihom, it-tieni nett, il-barrieri fil-qasam ta’ privattiva ma kinux insurmontabbli, it-tielet nett, hija kellha ċertu numru ta’ msieħba ta’ kooperazzjoni għal diversi swieq u, ir-raba’ nett, hija kienet għamlet sforzi biex tidħol f’dawn is‑swieq.

100. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-evalwazzjoni minn Krka tal‑validità tal-privattivi ta’ Servier, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li ħafna provi dokumentarji preċedenti għad-deċiżjoni tal‑UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 kienu juru l-fatt li Krka kienet konvinta li ser tirbaħ it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (premessa 1685 tad‑deċiżjoni kkontestata).

101. Minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-allegazzjoni ta’ Krka li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 wasslitha sabiex twaqqaf l-isforzi tagħha għall-kummerċjalizzazzjoni tal-perindropil erbumina ta’ forma alpha ma għandhiex tintlaqa’ u li l-provi prodotti minn Krka f’dan ir-rigward ma kinux konvinċenti fid-dawl ta’ uħud mill‑provi li kienu juru li Krka ma aċċettatx l-imsemmija deċiżjoni u baqgħet determinata li tidħol fis-suq bil-prodott tagħha (premessi 1686 sa 1691 tad-deċiżjoni kkontestata).

102. Il-Kummissjoni ssostni li, kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-provi u r-raġunament li jinsab fil-premessi tad‑deċiżjoni kkontestata mqassra fil-punti 99 sa 101 hawn fuq, ma setgħetx tikkonkludi, fil-punti 971, 1010, 1011 u 1017 tas-sentenza appellata, li Krka kienet irrikonoxxiet il-validità tal-privattiva 947 u kienet skorraġuta milli tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tidħol fis-suq wara d‑deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u l-ordni provviżorja tat‑3 ta’ Ottubru 2006 maħruġa fir-Renju Unit kontra Krka (62).

103. Il-Qorti Ġenerali indikat biss, fil-punti 970 u 1154 tas-sentenza appellata, li “fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja, kienu jeżistu indizji konkordanti li jippermettu lill‑partijiet jaħsbu li l-privattiva 947 kienet valida”, u f’dan ir-rigward irreferiet għall-punti 967 u 968 tal-imsemmija sentenza. F’dawn il-punti, hija tat fil-qosor ċerti fatti relatati mal-proċedura ta’ oppożizzjoni għall‑privattiva 947 quddiem l-UEP u mal-kawżi bejn Krka u Servier quddiem il-qrati Ingliżi (63).

104. Madankollu, fost dawn il-fatti, il-Qorti Ġenerali qieset biss d‑deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u l-ordni provviżorja mogħtija kontra Krka mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)), fit-3 ta’ Ottubru 2006. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-provi segwenti, prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell, li huma rilevanti għall-evalwazzjoni minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 lejliet l‑iffirmar tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka fis‑27 ta’ Ottubru 2006:

–        Provi dokumentarji tal-evalwazzjoni magħmula minn Krka dwar id‑deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 juru li Krka qieset din id-deċiżjoni bħala “xokkanti”, “tal-biża’” u diskriminatorja, li hija ma kinitx taċċetta r-raġunament tagħha u li hija kienet determinata li ma taċċettahiex (premessa 1688 tad-deċiżjoni kkontestata).

–        Krka mhux biss kompliet tikkontesta l-validità tal-privattiva 947 quddiem l-UEP wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 (64), iżda ressqet ukoll, f’Settembru 2006, kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattivi 947 u 340 u talba għal proċedura sommarja (motion of summary judgment) quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)) (65) (premessi 1687 u 1688 tad-deċiżjoni kkontestata).

–        Id-digriet ta’ din il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja mogħti fit-3 ta’ Ottubru 2006 f’din il-kawża, li ta lil Servier ordni provviżorja kontra Krka u li ordna li jkun hemm proċedura fuq il-mertu (66), indika li Krka kellha bażi solida sabiex tikkontesta l-validità tal-privattiva 947 (premessi 904 u 1689 tad-deċiżjoni kkontestata).

–        Fl-Ungerija, fit-13 ta’ Ottubru 2006, Krka rebħet kawża kontra talba għal ordni provviżorja mressqa minn Servier, li ġiet miċħuda (67) (premessa 1687 tad-deċiżjoni kkontestata).

–        Numru ta’ provi juru li l-invalidazzjoni potenzjali tal-privattiva 947 kienet meqjusa minn Servier mhux bħala riskju marġinali, iżda bħala possibbiltà reali u konkreta (premessa 1691 tad-deċiżjoni kkontestata).

–        Krka indikat lill-Kummissjoni li Servier qies li huwa kellu waħda mill‑aqwa provi u l-iktar eżawrjenti fil-qafas tal-oppożizzjoni quddiem l-UEP u tar-revoka fir-Renju Unit (premessi 912, 1688 u 1690 tad-deċiżjoni kkontestata).

105. Il-Qorti Ġenerali la spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-provi, u lanqas kif, fl-opinjoni tagħha, dawn il-provi huma kompatibbli mal-konstatazzjoni tal-allegat rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u l-ordni provviżorja mogħtija mill-qorti Brittanika fit-3 ta’ Ottubru 2006.

106. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ma pproduċiet l-ebda prova li tikkonferma d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ma kien jeżisti l-ebda dokument kontemporanju tal-ftehimiet li jindika li l-imsemmija deċiżjonijiet u ordni provviżorja kienu biddlu l-perċezzjoni tal‑privattiva 947 minn Krka.

107. Il-Kummissjoni aċċettat, fil-premessi 1688 u 1690 tad-deċiżjoni kkontestata, li Krka lanqas kienet ċertament kompletament konvinta mill‑pożizzjoni kontenzjuża tagħha wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u li din id-deċiżjoni u l-ordnijiet maħruġa fir-Renju Unit kontra Krka u Apotex (68) kienu ċertament influwenzaw l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni dwar il-privattiva minn Krka. Madankollu, skont l-analiżi tal‑Kummissjoni, Krka kienet ’il bogħod milli tirrinunzja li tinsisti fuq l‑invalidità tal-privattiva 947, bil-benefiċċju tal-appoġġ tal-imsieħba tagħha. Ma kien hemm l-ebda ostakolu għal possibbiltà reali u konkreta għal Krka li tinvalida l-privattiva 947 fi proċedura dwar il-mertu.

108. Kif tiddikjara l-Kummissjoni, l-elementi ċċitati fil-punt 104 hawn fuq jikkonfermaw din l-analiżi, filwaqt li l-pożizzjoni kuntrarja tal‑Qorti Ġenerali ma ssibx sostenn fid-dokumenti tal-proċess.

109. Fit-tieni lok, fil-punti 1010 u 1011 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq risposta ta’ Krka għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 913 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha Krka ddikjarat, b’mod partikolari, li “[i]l-kisba ta’ liċenzja u l-irtirar tal-oppożizzjonijiet kienu kkunsidrati bħala l-aħjar għażla għal Krka f’dak il-mument”, u li, “[s]kont ix-xenarji l-oħra kollha, ma setgħetx issir tnedija qabel talinqas sentejn minn Lulju 2006, u anki wara tali perijodu, tnedija ma kinitx żgurata (riskju li l-privattiva 947 tinżamm, riskji ta’ żvilupp tal-forma non-alpha)”. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan l-estratt “[kien sostna] l-konstatazzjoni li Krka kienet tikkunsidra kull żamma jew kull dħul immedjat fis-seba’ Stati Membri koperti bil-ftehim dwar liċenzja bħala, fin-nuqqas ta’ dan il‑ftehim, impossibbli minħabba l‑privattiva 947”.

110. B’hekk, l-għoti ta’ valur probatorju ikbar lil dikjarazzjoni magħmula minn Krka matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni milli lil elementi li juru konvinzjonijiet ta’ Krka qabel il-konklużjoni tal‑ftehimiet Krka, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi quddiem il-qrati tal-Unjoni. Skont dawn il-prinċipji, dikjarazzjonijiet ulterjuri li saru għall-finijiet tal‑proċedura quddiem il-Kummissjoni għandhom valur probatorju inqas għoli mill‑provi u dokumenti kontemporanji tal-aġir antikompetittiv inkwistjoni, li ġew stabbiliti in tempore non suspecto u b’rabta diretta mal-fatti inkwistjoni (69).

111. Fit-tielet lok, fl-istess ordni ta’ ideat, huwa diffiċli li jinftiehem kif id-dikjarazzjoni ta’ Krka, mogħtija waqt l-investigazzjoni tal‑Kummissjoni u ċċitata fil-premessa 1738 tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-prezz ta’ opportunità mitlufa li ma tikkonkludix il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka kien ekwivalenti ‘*fi tliet snin, għal iktar minn EUR 10 miljuni’ ta’ “profitti mitlufa” setgħet tikkostitwixxi, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 1000 tas-sentenza appellata, “indizju addizzjonali mill‑fatt li hija kkunsidrat li l-privattiva 947 kienet valida”. Dawn il-profitti kienu jikkorrispondu għal dawk mistennija għal dħul jew għal żamma fis-seba’ swieq koperti mill-ftehim dwar liċenzja Krka, u għalhekk għal stima tal-valur kummerċjali tal-liċenzja.

112. Madankollu, huwa korrett li l-Kummissjoni ssostni li ma huwiex possibbli li jiġi dedott, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, mill-fatt li Krka stmat b’dan il-mod il-valur tal-liċenzja matul il-proċedura quddiem il‑Kummissjoni li hija qieset, fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehimiet Krka, li l-privattiva 947 kienet valida. Il-Qorti Ġenerali tidher tinferixxi din l-interpretazzjoni mill-idea li din id-dikjarazzjoni ta’ Krka kienet tfisser li hija kienet konvinta, fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehimiet, li kienet ser titlef dan l-ammont jekk ma tiksibx il-liċenzja mingħand Servier għaliex ma setgħetx tidħol jew iżżomm ruħha fl‑imsemmija swieq mingħajr tali liċenzja.

113. Kif tindika l-Kummissjoni, ma hemm l-ebda indizju li jsaħħaħ tali interpretazzjoni u, għall-kuntrarju, hemm indizji serji li juru li Krka kienet ser tibqa’ fis-swieq koperti bil-liċenzja fin-nuqqas ta’ ftehimiet ma’ Servier, b’mod partikolari l-fatt li Krka kompliet tbiegħ il-prodott tagħha fl-Ungerija wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u li ddefendiet ruħha b’suċċess kontra t-talba għal ordni provviżorja ta’ Servier fl-Ungerija (premessa 1675 tad-deċiżjoni kkontestata).

114. Fir-raba’ lok, lanqas ma jista’ jinftiehem għal-liema raġuni l-Qorti Ġenerali tat importanza suprema lill-ordni miksuba minn Servier kontra Krka quddiem il-qorti Brittanika fit-3 ta’ Ottubru 2006, iżda xorta ma semmietx, fil-parti kkonċernata tas-sentenza appellata, iddedikata għall‑għan tal-ftehimiet Krka, li talba simili ta’ ordni provviżorja minn Servier kontra Krka ġiet miċħuda fl-Ungerija fit-13 ta’ Ottubru 2006 (70).

115. Fil-punt 1155 tas-sentenza appellata, fil-parti ddedikata għall‑effetti tal-ftehimiet Krka, il-Qorti Ġenerali warrbet dan il-fatt minħabba li kien jirrigwarda proċedura li ma kinitx tikkonċerna wieħed mill-pajjiżi li fihom il-Kummissjoni kienet ikkonstatat restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-effett [Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u r‑Renju Unit (ara l-punt 39 hawn fuq)]. Dan l-argument ma huwiex rilevanti sabiex tiġi spjegata r-raġuni li għaliha tali suċċess kontenzjuż minn Krka ma kienx influwenza l-perċezzjoni tagħha tal-validità tal-privattiva 947 u tal-pożizzjoni kontenzjuża tagħha relatata ma’ din il-privattiva, filwaqt li, skont il-Qorti Ġenerali, l-ordni provviżorja miksuba minn Servier fir‑Renju Unit kellha effett tant sinjifikattiv fuq il-perċezzjoni ta’ Krka. Kif spjegat il-Kummissjoni, permezz ta’ eżempji, fil-premessi 1690 u 1697 tad-deċiżjoni kkontestata, kawża mirbuħa f’ġurisdizzjoni tista’ twassal għal serje ta’ kontestazzjonijiet f’ġurisdizzjonijiet oħra. Dan huwa kkonfermat mill-proċeduri mibdija minn Apotex u mis-sussidjarja tagħha Olandiża, deskritti fil-punti 23 sa 25 hawn fuq.

116. Barra minn hekk, l-indikazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil‑punt 968 tas-sentenza appellata, li bid-digriet tat‑3 ta’ Ottubru 2006, il-qorti Brittanika “laqgħet it-talba għal ordni provviżorja ta’ Servier u ċaħdet it-talba mressqa minn Krka fl-1 ta’ Settembru 2006”, hija żbaljata. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ssemmi biss il-fatt li Krka ressqet, fl-1 ta’ Settembru 2006, kontrotalba għal annullament tal-privattiva 947, u dan jissuġġerixxi li kienet din it-talba li ġiet miċħuda fit-3 ta’ Ottubru 2006. Madankollu, dan ma jikkorrispondix mar-realtà. Il-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt, ma tispjegax li Krka ressqet ukoll, fl-1 ta’ Settembru 2006, talba għal proċedura sommarja. Kienet biss din it-talba għal proċedura sommarja li ġiet miċħuda mill-qorti Brittanika fid-digriet tagħha tat‑3 ta’ Ottubru 2006, għaliex qieset li l-eżami tal-privattiva kien jeħtieġ proċedura dwar il-mertu. Għall-kuntrarju, il-qorti bl-ebda mod ma ċaħdet, f’dan l-istadju, il-kontrotalba għal annullament tal-privattiva 947 imressqa minn Krka, li baqgħet pendenti sakemm il-kawża ntemmet wara l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka (punt 23 tas-sentenza appellata u l-premessi 904 u 1689 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif il-Kummissjoni indikat fis-sottomissjonijiet tagħha u waqt is-seduta f’din il-proċedura ta’ appell, il-qorti kienet irrakkomandat li l-eżami tal-privattiva dwar il‑mertu jsir malajr u ordnat li ssir proċedura aċċellerata, u l-proċess kellu jibda fil-21 ta’ Frar 2007.

117. Fil-ħames lok, kif tispjega l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni użata mill-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u l-ordni provviżorja mogħtija lil Servier kontra Krka mill-qorti Brittanika fit-3 ta’ Ottubru 2006 kienu provi sinjifikattivi li jikkonvinċu lil Krka dwar il‑validità tal-privattiva 947 u li tabbanduna l-isforzi tagħha li tidħol fis‑suq b’mod indipendenti tikkontradixxi dikjarazzjonijiet oħra tal-Qorti Ġenerali.

118. B’hekk, fil-punti 366 sa 370 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat li tali ordnijiet, minħabba n-natura provviżorja tagħhom, ma kinux jipprekludu l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni potenzjali, li anki deċiżjonijiet dwar il-mertu kellhom natura provviżorja sakemm ir‑rimedji ġudizzjarji possibbli ma jkunux ġew eżawriti, u li deċiżjoni li tikkonferma l-validità ta’ privattiva, bħad-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 (minbarra l-fatt li hija kienet għadha tista’ tiġi appellata u barra minn hekk sussegwentement ġiet annullata (71)), bl-ebda mod ma tippreġudika n-natura ta’ ksur jew le ta’ prodotti ġeneriċi li l-proprjetarju jallega li jiksru l-imsemmija privattiva.

119. Fis-sitt lok, l-ispjegazzjonijiet alternattivi mressqa mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġġustifika li l-provi li hija kkunsidrat waqt l-analiżi tagħha ma kinux jostakolaw il-konstatazzjoni tal-allegat rikonoxximent tal-validità tal-privattiva 947 minn Krka ma humiex konvinċenti.

120. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1026 u 1162 tas-sentenza appellata, li “l-fatt li Krka kompliet tikkontesta l-privattivi ta’ Servier u tikkummerċjalizza l-prodott tagħha minkejja li l-validità tal-privattiva 947 kienet ġiet ikkonfermata mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tal-UEP ma []ikkostitwixxix element sinjifikattiv sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, filwaqt li tali żamma minn Krka tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq Servier tista’ tiġi spjegata mix-xewqa ta’ Krka, minkejja r-riskji kontenzjużi li hija kienet tantiċipa, li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati li hija seta’ jkollha ma’ Servier sabiex tasal fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja”.

121. Huwa korrett li l-Kummissjoni ssostni li, billi kkonkludiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-element fattwali li jikkonsisti fit-tkomplija tal-kontestazzjoni tal‑privattiva 947 minn Krka wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 minn dik tal-Kummissjoni, mingħajr ma kkunsidrat l-indizji kollha hawn fuq iċċitati miġbura mill-Kummissjoni u mingħajr ma kkonfrontat il-plawżibbiltà tal-ispjegazzjoni alternattiva tagħha.

122. Madankollu, fid-dawl tal-provi miġbura mill-Kummissjoni, imqassra fil-punt 104 hawn fuq, ma hemm l-ebda bażi għall-konvinzjoni tal-Qorti Ġenerali li Krka kienet konvinta mill-validità tal-privattiva 947 u li kompliet il-kontestazzjoni ġudizzjarja tagħha tal-validità ta’ din il‑privattiva sempliċement sabiex ittejjeb il‑pożizzjoni ta’ negozjar tagħha ma’ Servier, u l-Qorti Ġenerali ma tressaq l-ebda indizju li minnu setgħet tiġi inferita din l-interpretazzjoni.

123. Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni korrettament tirrileva, il‑Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha meta spjegat, minn naħa, fil-punti 963 u 965 sa 968 tas-sentenza appellata, li l-kawżi bejn Servier u Krka kienu reali, filwaqt li qieset, min-naħa l-oħra, fil‑punt 1026 tas-sentenza appellata, li t-tkomplija ta’ dawn il-kawżi minn Krka kienet sempliċement strateġija sabiex ittejjeb il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati ma’ Servier fid-dawl tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja.

124. Fis-seba’ lok, kien ukoll wara spjegazzjoni mhux konvinċenti li l‑Qorti Ġenerali warrbet l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil‑premessi 1747 sa 1756 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra mill‑Kummissjoni fil-qafas ta’ dan l-appell, li l-kontenut tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka ma kienx jirrifletti l‑pożizzjonijiet u r-riskji relatati mal-privattivi fil-pajjiżi koperti b’dawn il-ftehimiet. L-ekwivalenti nazzjonali tal-privattiva 947 ma kinitx ingħatat fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovenja (72), iżda Servier obbliga ruħu li jagħti liċenzja għal dawn il-pajjiżi. Skont il-Kummissjoni, dan juri li l-għan ta’ dawn il-ftehimiet ma kienx li jintlaħaq kompromess ibbażat fuq il-merti ta’ din il-privattiva, iżda li s-swieq jinqasmu u jiġu allokati fl-interess ekonomiku tal-partijiet biss. Il-ftehimiet għalhekk ma kinux ibbażati “fuq differenzi ta’ riskju relatat mal-privattiva għal Krka, iżda fuq żoni ta’ interess ekonomiku, peress li l-Litwanja u s-Slovenja kienu parti mis-swieq ewlenin ta’ Krka”.

125. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx din l-oġġezzjoni u llimitat ruħha sabiex tiddiskuti dan l-argument fil-punti 1007 sa 1009 u 1027 tas‑sentenza appellata, fejn qieset li l-ftehim dwar liċenzja Krka kellu effett favur il-kompetizzjoni f’dawn is-seba’ swieq, anki jekk l‑ekwivalenti nazzjonali tal-privattiva 947 kienu għadhom ma ngħatawx f’uħud mill-imsemmija swieq, b’tali mod li Krka ma kellhiex bżonn ta’ liċenzja sabiex tidħol fihom. Skont il-Qorti Ġenerali, il-liċenzja xorta kellha l-effett pożittiv li tevita lil Krka riskju kontenzjuż ulterjuri, fil-każ fejn fil-futur Servier jingħata privattivi f’dawn is-swieq. Dan l-argument huwa insuffiċjenti mhux biss sabiex jistabbilixxi l-allegati effetti favur il‑kompetizzjoni tal-liċenzja (73), iżda wkoll sabiex jinvalida l‑interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehimiet Krka ma kinux ibbażati fuq il-perċezzjoni tar-riskji relatati mal-privattivi mill-partijiet fis-swieq differenti kkonċernati.

126. Finalment, fit-tmien lok, il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab, essenzjalment, fil-punti 943 sa 947, 963, 965 sa 972, 1030 u 1157 tas-sentenza appellata, li l-konklużjoni stess tal-ftehim dwar liċenzja Krka kienet tikkonferma li Krka kienet tirrikonoxxi l-validità tal‑privattiva 947, ma kellhiex tiġi aċċettata.

127. Il-Qorti Ġenerali mmotivat din il-konklużjoni, fil-punti 947, 1030 u 1157 tas-sentenza appellata, billi indikat li l-għoti ta’ ftehim dwar liċenzja, li l‑uniku għan tiegħu huwa li kull detentur jkun jista’ jużaha b’mod effettiv, huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal‑validità tal‑privattiva. Li mill-fatt li ftehim dwar liċenzja huwa bbażat, fil-prinċipju jew bħala regola ġenerali, fuq ir-rikonoxximent tal‑privattiva rilevanti, jiġi dedott, f’każ konkret, li l-partijiet f’tali ftehim bil-fors jirrikonoxxu l-validità tal-privattiva inkwistjoni, iwassal għal raġunament ċirkulari. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tad-dritt tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni tiġi kompromessa b’mod serju jekk il‑partijiet fi ftehimiet antikompetittivi jkunu jistgħu jevitaw l‑applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE sempliċement billi jadottaw ċertu forma għal dawn il-ftehimiet (74).

128. Peress li l-forma li jieħu ftehim ma tistax tkun deċiżiva, għandhom ikunu għalhekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 92 sa 96 hawn fuq, permezz tar-regoli rilevanti relatati mal-amministrazzjoni tal‑provi, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni li jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ provi rilevanti, konverġenti u konvinċenti sabiex juru li, fil‑każ konkret, il-ftehim inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

129. F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1018, 1019 u 1025 tas-sentenza appellata, mill-eżami preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet effettivament ġabret tali sensiela ta’ indizji sabiex turi li, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka, Krka ma kinitx konvinta mill‑validità tal-privattiva 947 u għall-kuntrarju kienet determinata li tkompli l-kontestazzjoni tagħha u tipprova tidħol jew iżżomm il‑pożizzjoni tagħha fis-suq minkejja din il-privattiva. Huwa żbaljat li l‑Qorti Ġenerali sostniet, fl-imsemmija punti, li l-provi miġbura mill‑Kummissjoni kienu frammentarji u ambigwi, mingħajr ma eżaminat l-imsemmija provi kollha u meta pproċediet b’evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-provi eżaminati minnha, magħżula b’mod selettiv.

–       Konklużjoni intermedja

130. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha raġun li ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji li jirregolaw l-amministrazzjoni tal‑provi u tal-istħarriġ tagħhom mill-qorti fid-dritt tal-Unjoni. Kif imfakkar, skont dawn il-prinċipji, l-evalwazzjoni tal-provi għandha tkun globali u koerenti u l-istħarriġ tagħhom għandu jkun fuq l-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-proċeduri skont l‑Artikoli 101 u 102 TFUE (75).

131. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali pproċediet b’evalwazzjoni manifestament selettiva tal-dokumenti tal-proċess, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ provi rilevanti u billi pproponiet interpretazzjonijiet mhux ibbażati fuq il-proċess u mhux konvinċenti tal‑provi meħuda inkunsiderazzjoni minnha. L-interpretazzjoni differenti li l-Qorti Ġenerali ppruvat tagħti lill-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni ma tippermettix għalhekk li tingħata spjegazzjoni oħra plawżibbli ta’ dawn il-fatti differenti minn dik użata mill-Kummissjoni.

132. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi milqugħ.

133. Fid-dawl tal-importanza mogħtija mill-Qorti Ġenerali lill‑konstatazzjoni – li rriżultat infondata – tal-allegat rikonoxximent tal‑validità tal-privattiva 947 minn Krka waqt l-analiżi tal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet Krka, il-fondatezza tal-ewwel aggravju jirriżulta waħdu fl-annullament tas-sentenza appellata inkwantu kkonstata li n-natura ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-imsemmija ftehimiet ma ġietx stabbilita.

134. Madankollu, huwa utli li jiġu eżaminati wkoll l-aggravji tal-appell l-oħra mressqa mill-Kummissjoni relatati mal-analiżi tal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet Krka mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari minħabba d-deċiżjoni tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja wara l‑annullament tas-sentenza appellata.

ii)    Fuq il-liċenzja bħala inċentiv għal Krka sabiex taċċetta rrestrizzjonijiet tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (it-tieni aggravju)

135. Fil-qafas tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi, żnaturament ta’ provi, motivazzjonijiet insuffiċjenti u kontradizzjonijiet ta’ motivi meta pproċediet bl-analiżi tal-kontenut u tal-għanijiet tal-ftehim dwar liċenzja Krka bħala inċentiv għal Krka sabiex taċetta r-restrizzjonijiet inklużi fil‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka.

136. Fil-premessi 1738 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni qieset li l-liċenzja mogħtija lil Krka minn Servier fis-seba’ swieq tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant kienet inċentiv sinjifikattiv sabiex Krka taċċetta, permezz tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, li ma tikkompetix ma’ Servier fit-18/20 suq li jibqa’ tal-Unjoni.

137. Skont il-Kummissjoni, il-liċenzja kienet inċentiv sinjifikattiv sabiex Krka taċċetta dawn ir-restrizzjonijiet għaliex, l-ewwel nett, kienet tirrigwarda s-swieq storiċi ta’ Krka fl-Unjoni, fejn hija kellha l-ikbar profitti tagħha, it-tieni nett, kienet toffri l-assigurazzjoni li Servier ma kienx ser jheddidha iktar bl-implimentazzjoni tal-privattiva 947, u, it‑tielet nett, kienet liċenzja waħda li tistabbilixxi duopolju fir-realtà bejn Servier u Krka fis-seba’ swieq ikkonċernati. Krka b’hekk kisbet iċ‑ċertezza li tiżgura l-bejgħ tagħha bis-saħħa tal-liċenzja u tiġġenera profitti għolja permezz tal-pressjoni kompetittiva limitata fuq l‑imsemmija swieq. Krka qieset li l-valur f’termini monetarji tal-vantaġġi mogħtija kien jeċċedi l-EUR 10 miljuni (premessi 1738 sa 1742 tad‑deċiżjoni kkontestata).

138. Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 948 sa 952 tas‑sentenza appellata, li, kif inhu ġġustifikat, bħala regola, li ftehim dwar liċenzja, li huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent tal-validità tal-privattiva, jiġi assoċjat ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, tali assoċjazzjoni ma tikkostitwixxix “indizju serju” ta’ ħlas invertit. Hija għalhekk il-Kummissjoni li, sabiex turi li ftehim dwar liċenzja assoċjat ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja fir-realtà jaħbi ħlas invertit tal‑proprjetarju tal-privattiva lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, għandha turi li l‑ħlas magħmul mill-imsemmija kumpannija lill-proprjetarju fil-qafas ta’ dan il-ftehim dwar liċenzja huwa abnormalment baxx u li dan il-ftehim ma huwiex għalhekk konkluż skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

139. Fil-punti 975 sa 984 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, l-ammont tal-ħlas dovut minn Krka lil Servier fil-qafas tal-ftehim dwar liċenzja Krka ma kienx abnormalment baxx u li l-Kummissjoni ma urietx li dan il-ftehim ma kienx jikkostitwixxi tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Skont il‑Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni għalhekk ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ħlas invertit li jikkostitwixxi inċentiv fil-qafas tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka.

140. Preliminarjament, għandu jkun spjegat li, kuntrarjament għal dak li jinsinwa Servier, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kkonkludietx b’mod korrett li l-kontenut kuntrattwali kollu magħmul mill-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka ma jinkludix trasferiment ta’ valur min-naħa ta’ Servier lil Krka, li l-unika korrispettiv minn naħa ta’ din tal-aħħar kien l-obbligu li ma tikkompetix, ma tirrigwardax evalwazzjonijiet fattwali li jaqgħu, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, fil‑kompetenza unika tal-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, din il-kwistjoni tirrigwarda l-klassifikazzjoni legali mill-Qorti Ġenerali tal-fatti rilevanti u tal-konsegwenzi tad-dritt li hija siltet minnha, li taqa’ fl-istħarriġ tal‑Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas ta’ dan l-appell (76).

141. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat (77), ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja bħal dawk f’dan il-każ jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan jekk mill-provi kollha jirriżulta li l‑bilanċ pożittiv tat-trasferimenti ta’ valuri, monetarji jew le, tal‑manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali favur il-kumpannija ta’ ġeneriċi huwa spjegabbli biss mill-interess kummerċjali ta’ dawn il‑partijiet li ma jikkompetux fil-merti. Sabiex jiġi eżaminat jekk dan huwiex il-każ, għandu jiġi evalwat jekk il-bilanċ pożittiv ta’ trasferimenti ta’ valur tal-manifattur tal-prodotti mediċinali tal-bidu favur il‑kumpannija ta’ ġeneriċi jistax jiġi ġġustifikat bl-eżistenza ta’ eventwali korrispettivi minbarra in-nuqqas ta’ kompetizzjoni. Fin-negattiv, għandu jiġi stabbilit jekk dan il-bilanċ pożittiv huwiex suffiċjentement sinjifikattiv sabiex jinċentiva b’mod effettiv lill-kumpannija ta’ ġeneriċi kkonċernata sabiex tirrinunzja milli tidħol jew tipprova tidħol fis-suq ikkonċernat.

142. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni uriet li dan kien preċiżament il-każ tal-kontenut kuntrattwali kollu magħmul mill‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka.

143. Kif essenzjalment tirrileva l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali vvizzjat l-analiżi tagħha f’dan ir-rigward bi tliet żbalji. Qabel xejn, il‑Qorti Ġenerali ma siltitx il-konklużjoni li kienet dovuta fid-dawl tal‑fatt li l-liċenzja offruta minn Servier lil Krka fis-seba’ swieq tal‑Ewropa ċentrali u tal-Lvant kienet tikkostitwixxi l-kontroparti tal‑obbligu ta’ Krka li ma tikkompetix ma’ Servier fit-18/20 suq li jibqa’ tal-Unjoni. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ffukat fuq ir-rata ta’ ħlas tal-liċenzja u l-fatt li din kienet konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq, mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-muntaġġ kuntrattwali magħmul mill-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka fit‑totalità tiegħu, l-għanijiet tiegħu u l-kuntest tiegħu. Finalment, b’dan il-mod, il‑Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx li l-liċenzja kienet tinvolvi trasferiment ta’ valur sinjifikattiv minn naħa ta’ Servier favur Krka.

144. Kif tindika l-Kummissjoni, dawn l-iżbalji ġejjin b’mod partikolari mill-fatt li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq ftehim ta’ soluzzjoni bonarja fittizju bbażat fuq il-merti tal-privattiva relatata u fuq liċenzja separata konkluża skont kundizzjonijiet tas-suq. Billi bbażat ruħha, b’mod impliċitu, fuq tali fattur fittizju, il-Qorti Ġenerali kisret il‑prinċipji, minkejja li kkonfermati fis-sentenza appellata, li, sabiex jiġi stabbilit jekk ftehim għandux għan antikompetittiv, għandu jsir riferiment għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, għall-għanijiet li huwa intiż li jilħaq u l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih (78).

–       Fuq il-liċenzja bħala korrispettiv tal-obbligu li ma tikkompetix

145. Fl-ewwel lok, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tinkludi kontradizzjoni fil-punt 1029 tas-sentenza appellata. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt mhux ikkontestat li l-liċenzja kienet tikkostitwixxi kundizzjoni sabiex Krka taċċetta l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja [peress li Krka indikat li hija kienet “issagrifikat” is‑swieq tal-Ewropa tal-Punent favur is-swieq tal-Ewropa ċentrali u tal‑Lvant (premessa 1748 tad-deċiżjoni kkontestata)], “ma jippermett[ix] li jiġi stabbilit li l-ftehim dwar liċenzja ma jikkostitwixxix tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq”.

146. Ftehim li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ privattiva jagħti lil kumpannija ta’ ġeneriċi liċenzja f’ċerti swieq, iżda li l-korrispettiv tiegħu ma huwiex (jew ma huwiex biss) il-ħlas magħmul minn din il‑kumpannija ta’ ġeneriċi għal din il-konċessjoni, iżda l-obbligu ta’ din il-kumpannija li ma tikkompetix mal-proprjetarju tal-privattiva fi swieq oħra, ma jistax jiġi kklassifikat bħala tranżazzjoni konkluża skont il‑kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-fatt li l-korrispettiv ta’ liċenzja f’ċerti swieq hija magħmula minn obbligu li ma tikkompetix fi swieq oħra, iktar u iktar jekk tali arranġament ma huwiex iġġustifikat minn differenzi fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-privattiva relatata, ma jikkorrisponix mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

147. Tali arranġament kuntrattwali, li jinkludi trasferiment ta’ valur minn naħa tal-proprjetarju tal-privattiva favur il-kumpannija ta’ ġeneriċi, magħmul mill-konċessjoni tal-liċenzja f’ċerti swieq, minn naħa, u obbligu min-naħa tal-imsemmija kumpannija li ma tikkompetix mal‑imsemmi proprjetarju fi swieq oħra, min-naħa l-oħra, għandu jiġi analizzat permezz tal-iskeda ta’ analiżi stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, indikata fil-punt 141 hawn fuq, sabiex jiġi stabbilit jekk it-trasferiment ta’ valur mill-proprjetarju tal-privattiva favur il-kumpannija ta’ ġeneriċi għandux korrispettiv ieħor min-naħa ta’ din tal-aħħar minbarra l-obbligu tagħha li ma tikkompetix.

148. Kif korrettament sostnut mill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu, b’mod partikolari, il-punti 943, 956, 963 u 974 tas‑sentenza appellata, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn din l-iskeda ta’ analiżi ma tintużax f’dan il-każ minħabba li l-ftehim konkluż ħa l-forma ta’ liċenzja u t-trasferiment ta’ valur ħa forma mhux monetarja, jiġifieri t-trasferiment minn Servier lil Krka ta’ parti mill-ishma tiegħu ta’ swieq fis-swieq koperti mil-liċenzja. Kif diġà ġie indikat fil-punti 127 u 128 hawn fuq, l-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ikun kompromess b’mod serju jekk il-partijiet fi ftehimiet antikompetittivi setgħu jevadu l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE sempliċement billi jagħtu ċertu forma lil dawn il-ftehimiet. Dak li huwa deċiżiv ma hijiex il‑forma li jieħu ftehim, iżda l-kwistjoni dwar jekk il-kontenut, l-għanijiet u l-kuntest ta’ ftehim jiżvelawx li għandu l-għan li jillimita l‑kompetizzjoni.

149. Għalhekk, il-fatti, imsemmija fil-punti 943 sa 948, 953 u 963 sa 969 tas-sentenza appellata, li kien hemm kawżi reali dwar il-privattiva pendenti bejn Servier u Krka u li l-liċenzja kienet relatata ma’ dawn il‑kawżi, ma kinux jipprekludu lil tali ftehim milli jkollu natura antikompetittiva, kif spjegat korrettament il-Kummissjoni fil‑premessa 1709 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn huwa iktar u iktar veru inkwantu diġà ntwera, fil-punti 124 u 125 hawn fuq, li l-kontenut tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka ma kienx jirrifletti l-pożizzjonijiet u riskji ta’ privattiva fil-pajjiżi koperti minn dawn il-ftehimiet. Għalhekk ma kienx jidher li dawn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja kienu jirriflettu kompromess dwar is‑sitwazzjoni tal-privattiva relatata (79).

–       Fuq in-natura ta’ inċentiv tal-liċenzja

150. Fit-tieni lok, meta l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali tal‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka titqabbel mal‑analiżi u l-prinċipji indikati fil-punti 141 u 144 hawn fuq, jidher li l‑Kummissjoni għandha raġun li ssostni li, fil-punti 963, 973 sa 984 u 1029 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat piż żejjed lill‑kwistjoni dwar jekk il-liċenzja fiha nnifisha, ikkunsidrata b’mod indipendenti mill‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja, kinitx tikkorrispondi mal‑kundizzjonijiet normali tas-suq u jekk ir-rata ta’ ħlas kinitx abnormalment baxxa.

151. Kif issostni korrettament il-Kummissjoni, ma huwiex rilevanti li din il-kwistjoni tiġi analizzata b’mod iżolat. Ir-raġuni għal dan hija li, permezz ta’ analiżi globali tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja, kien jidher li l-konċessjoni tal-liċenzja fiha nnifisha (indipendentament mir-rata ta’ ħlas u mill-kwistjoni jekk kinitx tikkorrispondi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq) ikkostitwixxiet il‑korrispettiv offrut minn Servier lil Krka għall-obbligu ta’ din tal-aħħar li ma tikkompetix fit-18/20 suq tal-Ewropa tal-Punent koperti bil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka ma jsemmix ħlasijiet jew provvisti oħra min-naħa ta’ Krka lil Servier li setgħu jispjegaw ir-raġuni li għaliha Servier ta liċenzja lil Krka (premessi 1706 u 1735 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2354 tad-deċiżjoni kkontestata).

152. Il-kuntest tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka, li kienu marbuta b’mod intrinsiku (premessi 1701 sa 1704, 1710, 1745 u 1746 tad-deċiżjoni kkontestata), l-għanijiet ta’ dawn il-ftehimiet u l-intenzjonijiet tal-partijiet, murija mill-Kummissjoni fil-premessi 1670 sa 1763 tad-deċiżjoni kkontestata, jiżvelaw ir-raġunijiet veri u l‑funzjonament tal-qsim tas-swieq tal-Unjoni magħmul minn Servier u Krka u tad-duopolju stabbilit bejn dawn iż-żewġ operaturi fis-seba’ swieq koperti bil-liċenzja. Dawn il-provi, li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti mill-Qorti Ġenerali, juru li l-liċenzja mogħtija lil Krka kienet il-korrispettiv tal-obbligu li ma tikkompetix li jinsab fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja.

153. Krka kienet l-ikbar kompetitur potenzjali ta’ Servier għall‑provvista tal-perindropi fl-Unjoni, b’mod partikolari fl-ikbar swieq ta’ Servier fuq livell mondjali, bħal Franza u r-Renju Unit. Barra minn hekk, Krka kienet diġà kompetitur reali fuq uħud mis-seba’ swieq koperti bil-liċenzja li kienu jirrappreżentaw is-swieq storiċi u fejn hija kellha preżenza kummerċjali sinjifikattiva (premessi 1673, 1674, 1676, 1681, 1716, 1721, 1738 u 1740 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk ma kienx jidher plawżibbli li Krka rrinunzjat għall-preżenza tagħha f’dawn is‑swieq kif ukoll għad-determinazzjoni tagħha li tipprova tidħol fis‑swieq l-oħra tal-Unjoni inkambju għal ħlas monetarju, bħall‑kumpanniji ta’ ġeneriċi l-oħra li magħhom Servier ikkonkluda ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja.

154. Kif diġà kelli l-okkażjoni li nuri, trasferiment ta’ valur li jieħu l‑forma ta’ preżenza awtorizzata f’suq mill-proprjetarju tal-privattiva jagħti valur ikbar lil kumpannija ta’ ġeneriċi meta mqabbel ma’ sempliċement trasferiment monetarju. Dan il-valur ikbar jikkonsisti fil‑possibbiltà li tqassam il-prodott tagħha stess u li ssaħħaħ jew iżżomm il-klijentela tagħha, in-netwerks ta’ distribuzzjoni tagħha u t-trade mark tagħha (80). Dan huwa iktar importanti f’suq ta’ “ġeneriċi ta’ trade marks”, fejn il-preskrizzjonijiet tat-tobba ma jirreferux għall-isem komuni internazzjonali ta’ prodott mediċinali, jiġifieri għall-molekula tiegħu jew għall-ingredjent attiv tiegħu, iżda għat-trade mark tal-prodotti mediċinali, b’tali mod li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi jkollhom bżonn jippromwovu t‑trade marks tagħhom stess. Dan kien il-każ fis-swieq ikkonċernati mill‑ftehim dwar liċenzja Krka (premessa 1726 tad-deċiżjoni kkontestata).

155. Fin-nuqqas tal-possibbiltà li jelimina totalment lil Krka mis-suq, bħall-kumpanniji kumpanniji ta’ ġeneriċi l-oħra li magħhom huwa kkonkluda ftehimiet, Servier għalhekk ipproponilha parti mid-dħul tal‑monopolju ġġenerat preċiżament mill-eliminazzjoni ta’ kompetituri ġeneriċi potenzjali oħra u mir-riskju ta’ ftuħ tas-suq għall-ġeneriċi, li kien ikollu bħala konsegwenza tnaqqis sinjifikattiv fil-prezzijiet. Bl‑eliminazzjoni ta’ dan ir-riskju u bid-dħul ikkontrollat ta’ Krka fuq parti biss tas-suq, Servier u Krka setgħu jżommu prezzijiet ogħla u profitti ħafna iktar sinjifikattivi milli f’każ ta’ ftuħ tas-suq għall-ġeneriċi (premessi 1721, 1724, 1728 sa 1730 u 1819 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif issostni l-Kummissjoni, mingħajr il-korrispettiv tal-obbligu li ma tikkompetix fis-swieq mhux koperti mil-liċenzja, Servier ma kellu l-ebda raġuni sabiex jagħti liċenzja lil Krka li hija kienet irrifjutat fil-passat.

156. Għal Krka, dħul fuq parti biss tas-suq, miftiehem ma’ Servier, flimkien maċ-ċertezza li Krka u Servier kienu ser jibqgħu l-uniċi operaturi fis-suq u li ma kienx se jkun hemm operaturi oħra ġeneriċi li jidħlu fis-suq (81), finalment kien aħjar mit-tkomplija tal-kontestazzjoni tal‑pożizzjoni ta’ Servier fl-Unjoni kollha. Ir-raġuni kienet, b’mod partikolari, li rebħa fil-kawżi dwar il-privattivi u dħul indipendenti fis‑suq kien jiftaħ is-suq għall-kumpanniji ta’ ġeneriċi kollha, li kien iwassal għal tnaqqis drastiku tal-prezzijiet u għal kompetizzjoni bejn dawn il-kumpanniji differenti. Kien għalhekk li, f’korrispondenza interna ta’ Krka datata Awwissu/Settembru 2005 u April 2006, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni f’dan l-appell u li ma ġietx ikkunsidrata mill‑Qorti Ġenerali, ġie indikat li annullament tal-privattiva 947 “sfortunatament [kien jiftaħ] is-suq għal kulħadd”, u li “oppożizzjoni li tħalli l-frott tiftaħ effettivament is-suq għal kulħadd” (premessi 844, 874, 914, 1759 u 1763 tad-deċiżjoni kkontestata).

157. Finalment, l-għażla offruta minn Servier li tkun l-ewwel u l-unika kumpannija ta’ ġeneriċi li tibqa’ jew tidħol f’parti tas-suq kienet għalhekk ippreferuta minn Krka, iktar u iktar peress li, permezz tal-ftehimiet ma’ Servier, dan id-dħul kien ċert, filwaqt li tkomplija tal-kawżi u l-pjan ta’ dħul indipendenti fis-swieq li fihom kienet għadha ma hijiex preżenti kellu riskji u kien jeħtieġ investimenti u riżorsi (82). Il-fatt li l-benefiċċji li Krka setgħet tieħu mil-liċenzja kienu jikkorrispondu mal-benefiċċji li hija setgħet tittama li tikseb fit-tliet l-ikbar swieq tal-Ewropa tal-Punent, li għalihom hija rrinunzjat, jikkonferma din l-interpretazzjoni (premessi 1733, 1739 sa 1744, 1748, 1753 sa 1756 u 1760 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 2348 u 2368 tad-deċiżjoni kkontestata).

158. Analiżi globali tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka u tal-kuntest tagħhom, ikkostitwit b’mod partikolari mill‑ftehimiet konklużi minn Servier mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi l-oħra u l-istrateġija globali anti-ġenerika ta’ Servier (ara b’mod partikolari l‑premessi 4 sa 9, 1819, 2774, 2919, 2929 u 2932 tad-deċiżjoni kkontestata), tikkonferma għalhekk li l-ftehimiet Krka kienu jikkostitwixxu “attività konġunta [minn Servier u Krka] sabiex jiġi kkontrollat is-suq”, skont posta elettronika ta’ Krka datata 29 ta’ Settembru 2005. Barra minn hekk, Krka ppjanat il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ Servier, dwar il-privattiva 947, f’komunikazzjonijiet interni datati April 2006, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni f’dan l-appell (premessi 849, 853, 873, 874, 1759, 1760 u 1763 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-provi lanqas ġew ikkunsidrati mill-Qorti Ġenerali.

159. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi korrettament, fil-premessa 1745 tad-deċiżjoni kkontestata, li, jekk liċenzja setgħet tkun motiv leġittimu sabiex il-proprjetarju ta’ privattiva jagħti lil aġenti oħra fis-suq id-dritt li jużaw il-konoxxenza protetta bil‑privattiva, il-ftehim dwar liċenzja Krka kien problematiku għaliex kien serva bħala inċentiv sabiex jinkisbu restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fit-18/20 suq mhux koperti bil-liċenzja bħala parti mill‑arranġament ta’ qsim tas-suq. L-eżami tal-provi mressqa mill‑Kummissjoni, li sar fil-punti 145 sa 158 hawn fuq, wera li l‑Kummissjoni kkonstatat li kien hemm trasferiment ta’ valur minn Servier għal Krka fil-qafas tal-ftehim dwar liċenzja Krka, ikkostitwit mill-ishma tas-suq ittrasferiti minn Servier lil Krka, u li dan it‑trasferiment ta’ valur kellu bħala korrispettiv l-obbligu ta’ Krka li ma tikkompetix ma’ Servier fis-swieq li jibqa’ tal-Unjoni, mhux koperti b’dan il-ftehim dwar liċenzja.

–       Fuq il-kwantifikazzjoni tal-valur ittrasferit lil Krka permezz talliċenzja

160. F’dan ir-rigward, fit-tielet lok, il-Kummissjoni għandha wkoll raġun li ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi ffukat, fil-punti 963, 973 sa 984 u 1029 tas-sentenza appellata, fuq in-natura abnormalment baxxa jew le tal-ħlas dovut fil-qafas tal-ftehim dwar liċenzja Krka, naqset milli tanalizza jekk il-bilanċ nett tat-trasferiment tal-valur magħmul minn Servier lil Krka fil-qafas tal-imsemmi ftehim kienx suffiċjentement sinjifikattiv sabiex ikun effettivament inċentiva lil Krka sabiex tirrinunzja milli tidħol jew tipprova tidħol fis-swieq mhux koperti mil-liċenzja.

161. Għandu jitfakkar li Krka stmat il-valur kummerċjali tal-liċenzja, jiġifieri l-valur tal-preżenza tagħha fis-swieq duopolistiċi koperti mil‑liċenzja, bħala iktar minn EUR 10 miljuni fi tliet snin (premessi 1738 u 3162 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4112 tad-deċiżjoni kkontestata). Il‑Kummissjoni qieset li l-marġni operattiv li Servier issagrifika favur Krka fil-qafas tal-liċenzja kien ħafna ogħla (premessa 1739 tad‑deċiżjoni kkontestata).

162. L-ammont ta’ ħlas dovut minn Krka lil Servier għall-ġestjoni tal‑liċenzja kien stabbilit bħala 3 % tal-ammont nett tal-bejgħ ta’ Krka fis-swieq koperti mil-liċenzja (premessa 910 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-ħlasijiet telgħu għal madwar EUR 1.1 miljuni fuq perijodu ta’ erba’ snin għal dħul mill-bejgħ ta’ madwar EUR 30 miljun (premessa 1739 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2350 tad-deċiżjoni kkontestata).

163. Minn dawn iċ-ċifri jirriżulta li l-bilanċ nett tal-valur ittrasferit minn Servier lil Krka fil-qafas tal-ftehim dwar liċenzja Krka tela’ approssivatament u bħala minimu għal kważi EUR 9 miljuni f’termini ta’ valur tal-liċenzja għal Krka, jekk ikun preżunt li l-EUR 10 miljuni ta’ profitt stmati minn Krka ma kinux ikopru l-ispiża tal-ħlasijiet. F’termini ta’ profitti ssagrifikati minn Servier, ogħla mill-profitti ta’ Krka minħabba prezzijiet ogħla ta’ Servier (premessa 1739 tad-deċiżjoni kkontestata), l-ammont tal-bilanċ nett tal-valur ittrasferit minn Servier lil Krka fil-qafas tal-liċenzja huwa ogħla.

164. Fil-punti 977 sa 981 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ma huwiex neċessarjament abnormali li r-rata ta’ eċċess tal‑operat tkun ħafna ogħla mir-rata ta’ ħlas ta’ liċenzja, li l-ħlas jirrappreżenta biss parti żgħira tal-profitti ta’ min jieħu l-liċenzja u li din ir-rata hija kkalkolata abbażi tal-prezz ta’ bejgħ tal-prodott ta’ dan tal‑aħħar. Barra minn hekk, il-liċenzja ma kinitx esklużiva, u dan jillimita n-natura vantaġġjuża tagħha għal Krka.

165. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali ma jippermettux li titwarrab il-konstatazzjoni li, konkretament, f’dan il-każ, il-kważi EUR 9 miljuni [f’termini ta’ valur tal-liċenzja għal Krka (ara l-punt 163 hawn fuq)] ittrasferiti minn Servier lil Krka ma huma koperti bl-ebda korrispettiv ieħor minn naħa ta’ Krka ħlief l-obbligu tagħha li ma tikkompetix ma’ Servier fit-18/20 suq tal-Unjoni mhux koperti mill‑ftehim dwar liċenzja Krka. Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li semmiet, f’partijiet differenti tas‑sentenza appellata, ir-rata ta’ ħlas ta’ 3 % (punti 975, 977, 983 u 1029 tas-sentenza appellata), minn naħa, u l-istima minn Krka ta’ profitti bis-saħħa tal-liċenzja ta’ EUR 10 miljuni (punt 1000 tas-sentenza appellata), min-naħa l-oħra, ma urietx li kkomparat dawn il-figuri sabiex tistabbilixxi l-bilanċ nett tal-valur ittrasferit minn Servier lil Krka u sabiex tanalizza jekk dan il-bilanċ setax jiġi spjegat b’mod ieħor u mhux bl-obbligu ta’ Krka li ma tikkompetix fil-qafas tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka.

166. Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 983 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjoni li t-trasferiment ta’ valur li sar minn Servier lil Krka skont l-ftehim dwar liċenzja ma setax jiġi spjegat permezz ta’ kunsiderazzjonijiet limitati għall-valur ekonomiku tal‑privattiva suġġett tal-liċenzja, għalhekk ma ġietx ikkontestata. Il‑Qorti Ġenerali ma invalidatx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fil‑premessa 1739 tad-deċiżjoni kkontestata, li tistipula li, jekk il-ftehim dwar liċenzja Krka kien ġie nnegozjat mingħajr kunsiderazzjonijiet addizzjonali marbuta mas-swieq mhux koperti mil-liċenzja, għoti razzjonali ta’ liċenzja minn proprjetarju ta’ privattiva stabbilit fis-suq kellu talinqas ikun akkumpanjat minn ħlas qrib il-marġni ta’ profitt mitlufa fuq il-bejgħ magħmul mill-benefiċċjarju tal-liċenzja.

167. Kif tirrileva korrettament il-Kummissjoni, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jikkunsidrawx li t-telf tal-profitt subit minn Servier kien jikkostitwixxi trasferiment ta’ valur nett ta’ Servier lil Krka, li l-fatt li l-ħlas kien jirrappreżenta proporzjon żgħir tal-profitti ta’ Krka fil-pajjiżi koperti mil-liċenzja juri li l-liċenzja kellha valur suffiċjentament sinjifikattiv sabiex tikkonvinċi lil Krka tabbanduna t-18/20 swieq oħra tal‑Unjoni, u li l-fatt li l-liċenzja ma kinitx legalment esklużiva ma pprekludietx li offriet lil Krka duopolju konkret ma’ Servier, filwaqt li żgurat vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv u qsim ta’ profitti (83) (premessi 913 u 1738 sa 1742 tad-deċiżjoni kkontestata).

168. Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod adattat l-għanijiet tal‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka kollha kemm huma, żvelati permezz tal-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet, spjegat fil‑punti 145 sa 158 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali mhux biss irrifjutat li tirrikonoxxi li l-valur ittrasferit minn Servier lil Krka bis-saħħa tal‑liċenzja kien ikkostitwit mill-profitti ssagrifikati minn Servier favur Krka fis-swieq koperti minnha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tirrikonoxxi li dan il-valur kien ġej ukoll mill-fatt li Servier iggarantixxa lil Krka li din tal-aħħar setgħet iżomm prezzijiet għoljin bis‑saħħa tad-duopolju stabbilit bejn dawn iż-żewġ operaturi u l-egħluq tas-suq għall-kompetituri ġeneriċi oħra. Il-valur ittrasferit minn Servier lil Krka kien jikkostitwixxi għalhekk ukoll iż-żamma ta’ din is‑sitwazzjoni. Skont l-arranġament kuntrattwali bejn Servier u Krka, Krka ppermettiet lil Servier iżomm il-monopolju tiegħu fis-swieq mhux koperti mil‑liċenzja u inkambju, Servier qasam id-dħul mill-monopolju ma’ Krka fis-swieq koperti minn din il-liċenzja.

169. Minn dan isegwi li l-ilmenti li l-Kummissjoni ssostni kontra xi kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, spjegati fil-punti 992 sa 997 tas‑sentenza appellata, għandhom jintlaqgħu wkoll.

170. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali spjegat li l-analiżi tal‑Kummissjoni li l-liċenzja mogħtija lil Krka fis-seba’ swieq tal‑Ewropa ċentrali u tal-Lvant kienet inċentiv għall-obbligu tagħha li ma tikkompetix ma’ Servier fuq it-18/20 suq li jibqa’ tal-Unjoni ma għandhiex tintlaqa’. Skont il-Qorti Ġenerali, jekk jintlaqa’ dan l‑argument ifisser li iktar ma l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim dwar liċenzja jkun kbir, iktar l-inċentiv ikun sinjifikattiv u għalhekk iktar ikun faċli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan. Dan jikkontradixxi l-fatt li liċenzja hija minn natura tagħha favur il‑kompetizzjoni. Barra minn hekk, jekk tiġi aċċettata l-analiżi tal‑Kummissjoni jfisser li, waqt l-assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma’ ftehim dwar liċenzja, il-proprjetarju ta’ privattiva kien ikollu l-obbligu li jagħti liċenzja fit-territorju kollu kopert mill‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Dan ma jirrispettax id-drittijiet tiegħu relatati mal-privattiva.

171. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali ma humiex ta’ natura li jiżvelaw żball kommess mill-Kummissjoni waqt l-analiżi tal-ftehimiet Krka. Din l-analiżi tikkonċentra fuq l-għanijiet u l-kundizzjonijiet speċifiċi u konkreti tal-imsemmija ftehimiet, li jiżvelaw li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-ftehim dwar liċenzja Krka kkostitwixxa l-korrispettiv tal‑obbligu li ma tikkompetix permezz tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka. L-unika implikazzjoni ta’ din il-konstatazzjoni għal ftehimiet futuri hija li dawn ikunu antikompetittivi jekk l-analiżi tagħha tiżvela li hemm trasferiment ta’ valur sinjifikattiv mill‑proprjetarju ta’ privattiva lil kompetitur potenzjali ġeneriku, li huwa spjegat biss bl-obbligu ta’ dan tal-aħħar li ma jikkompetix lill-proprjetarju.

172. Sabiex nagħlaq, f’dan ir-rigward, l-aħħar ilment tal-Kummissjoni taħt dan l-aggravju, magħmul kontra xi konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 998 tas-sentenza appellata, għandu jintlaqa’ wkoll. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali qieset li ftehim dwar liċenzja “asimetriku” bħal dak f’dan il-każ, li ma jkoprix it-territorju kollu kopert mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, ma jikkostitwixxix inċentiv suffiċjenti sabiex il-kumpannija ta’ ġeneriċi tissuġġetta ruħha għal dan il‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Skont il-Qorti Ġenerali, sabiex tali ftehim ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħti inċentiv, “għandu joffri lil din il-kumpannija kumpens għat‑telf ċert tal-profitti mistennija, li jirriżulta mill-aċċettazzjoni tas-soluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli li jipprojbixxuh milli jidħol f’ċerti partijiet ġeografiċi tas-suq”.

173. Billi għamlet din id-dikjarazzjoni, il-Qorti Ġenerali mhux biss wettqet l-istess żball bħal dak imsemmi fil-punt 168 hawn fuq, iżda interpretat ħażin ukoll il-kuntest relatat mal-privattivi tal-ftehimiet ikkonċernati f’dan il-każ, li fih is-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il‑proprjetarju tal-privattiva preżenti fis-suq u l‑kompetituri ġeneriċi potenzjali tiegħu li kienu qegħdin jippreparaw sabiex jidħlu fih, hija kkaratterizata preċiżament minn inċertezza dwar il-validità tal-privattiva u dwar in-natura ta’ ksur ta’ privattiva tal-prodotti mediċinali ġeneriċi (84).

174. F’tali kuntest, ma huwiex rikjest li l-awtorità tal-kompetizzjoni turi li, fin-nuqqas ta’ ftehimiet, il-kompetituri potenzjali ġeneriċi kienu ċertament ser jidħlu fis-suq u li, billi kkonkludew il-ftehimiet, huma rrinunzjaw għal profitti li kienu ċerti. Huwa suffiċjenti li hija turi li, fin‑nuqqas tal-ftehimiet, dawn il-kompetituri kellhom possibilitajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq u jagħmlu profitti fih (85). Sabiex tali possibilitajiet reali u konkreti jseħħu, huwa meħtieġ li jkun hemm investimenti, impenji u teħid ta’ riskji minn naħa tal-kumpanniji ġeneriċi. Għalhekk jista’ jirriżulta li huwa iktar vantaġġjuż kummerċjalment għalihom li jabbandunaw l-isforzi tagħhom f’dan ir-rigward inkambju għall‑konċessjoni ta’ parti mid-dħul ta’ monopolju mill-proprjetarju tal‑privattiva (86).

175. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, sabiex trasferiment ta’ valur jitqies bħala li jagħti inċentiv li seħħ inkambju ta’ obbligu li ma tikkompetix f’każ bħal dan inkwistjoni, ma huwiex meħtieġ li t-trasferimenti ta’ valuri jkunu neċessarjament ikbar mill-benefiċċji li l-kumpannija ta’ ġeneriċi kien ikollha li kieku hija rebħet il-kawża dwar il-privattiva. Huwa importanti biss il-fatt li dawn it‑trasferimenti ta’ valuri jkunu suffiċjentement vantaġġjużi sabiex jinċentivaw lil din il-kumpannija tirrinunzja milli tidħol fis-suq ikkonċernat u ma tikkompetix bil-prodotti tagħha kontra l-manifattur tal‑prodotti mediċinali tal-bidu kkonċernat (87). Mill‑eżami ta’ dan l‑aggravju jirriżulta li l-Kummissjoni uriet speċifikament li dan kien il‑każ fil-każ inkwistjoni.

–       Konklużjoni intermedja

176. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta rrifjutat li tirrikonoxxi li l-ftehim dwar liċenzja Krka kien inkluda trasferiment ta’ valur minn Servier lil Krka, li kkostitwixxa l-korrispettiv tal-obbligu tagħha li ma tikkompetix ma’ Servier fis-swieq ikkonċernati mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka.

177. It-tieni aggravju għandu għalhekk jintlaqa’ wkoll.

178. Kif ġie ikkonstatat, fil-punti 133 u 134 hawn fuq, fir-rigward tal‑ewwel aggravju, anki dwar it-tieni aggravju għandu jiġi spjegat li, jekk il-fondatezza tiegħu tiġġustifika fiha nnifisha l-annullament tas‑sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, huwa utli li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, b’mod partikolari minħabba d-deċiżjoni ulterjuri tal-kawża mill-Qorti tal‑Ġustizzja.

iii) Fuq l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (it-tielet aggravju)

179. It-tielet aggravju tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi kommessi mill-Qorti Ġenerali waqt l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

180. Bħal fil-każ tal-ewwel żewġ aggravji, anki hawn, għandu jiġi spjegat b’mod preliminari li, kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, l‑ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-aggravju ma jirrigwardawx l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, iżda l‑klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u l-applikazzjoni tar-regoli relatati mal‑amministrazzjoni tal-provi. L-istħarriġ tal-fondatezza ta’ din il‑klassifikazzjoni ġuridika u tar-rispett ta’ dawn ir-regoli jaqa’ fil‑kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tal-appell (88).

–       Fuq in-nuqqas ta’ tqassim “nett” tas-swieq

181. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 1003 sa 1006 tas‑sentenza appellata, li l-ftehimiet Krka ma setgħux jiġu kklassifikati bħala ftehimiet ta’ tqassim ta’ suq għaliex ma kinux stabbilixxew qsim “nett” tas-swieq bejn Servier u Krka. Il-Qorti Ġenerali waslet għal din il‑konklużjoni għaliex Servier ma kienx eskluż mis-seba’ swieq koperti mill-ftehim dwar liċenzja Krka, fejn hu u Krka kienu kompetituri.

182. Kif korrettament issostni l-Kummissjoni, dan il-fatt bl-ebda mod ma jostakola l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala ftehimiet ta’ tqassim tas-suq. Kif ġie analizzat fil-punti 141 sa 176 hawn fuq, fil-qafas tal‑eżami tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni uriet li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka kellhom l-għan li jinċentivaw lil Krka, permezz ta’ trasferiment ta’ valur sinjifikattiv ikkostitwit mill‑ftehim dwar liċenzja Krka, li kien jippermettilha preżenza mingħajr riskju u qsim tad-dħul mill-monopolju ma’ Servier f’seba’ swieq tal‑Unjoni, sabiex tastjeni milli tikkompeti ma’ Servier fuq it-18/20 suq li jibqa’ tal-Unjoni.

183. Tali arranġament għandu jiġi kklassifikat bħala ftehim ta’ tqassim ta’ suq, anki jekk Servier ma kienx eskluż mis-seba’ swieq mogħtija permezz tal-ftehim dwar liċenzja lil Krka, li fihom il-ftehimiet Krka stabbilixxew duopolju konkret bejn dawn iż-żewġ operaturi. Dan huwa iktar u iktar veru sa fejn l-analiżi uriet li t-tqassim tas-swieq tal-Unjoni bejn Servier u Krka ma kienx jirrifletti differenzi fir-rigward tas‑sitwazzjoni tal-privattiva, iżda kien jikkorrispondi ma’ qsim ta’ żoni differenti ta’ interess ekonomiku (89).

184. Il-ġurisprudenza relatata mal-ftehimiet ta’ qsim ta’ swieq ma tirrikjedix tqassim “nett” tas-swieq sabiex ftehim ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala tali. Din il-kawża turi preċiżament li l-ftehimiet ta’ qsim tas-suq jistgħu jieħdu diversi forom. Għalhekk, kif korrettament tirrileva l-Kummissjoni, jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil‑punti 1003 sa 1006 tas-sentenza appellata kellha tiġi aċċettata, ftehimiet ta’ qsim tas-suq bħal dawk ikkonċernati f’dan il-każ ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, u dan inaqqas indebitament il-portata tal‑Artikolu 101 TFUE u jippreġudika b’mod serju l-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (90).

–       Fuq l-intenzjonijiet tal-partijiet u l-konvinzjonijiet tagħhom dwar il-validità tal-privattiva 947

185. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-punt 1012 tas-sentenza appellata, peress li qieset li “[t]ali abta kuntrattwali, ibbażata fuq ir‑rikonoxximent tal-validità tal-privattiva, ma tistax […] tiġi kklassifikata bħala ftehim ta’ esklużjoni mis-suq”. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens tal-provi relatati mal‑konvinzjonijiet tal-partijiet dwar il-validità tal-privattiva. Dan l‑argument diġà ġie eżaminat u rrikonoxxut bħala fondat, f’dak li jirrigwarda lil Krka, fil-punti 100 sa 130 hawn fuq, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju.

186. F’dak li jikkonċerna lil Servier, il-Kummissjoni ma tiċċitax provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali, b’tali mod li ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tfittex tali żnaturament ex officio (91). Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni korrettament tirrileva li, anki jekk il-ftehimiet Krka kienu bbażati fuq ir-rikonixximent mill‑partijiet tal-privattiva 947, tali ftehimiet lanqas kienu esklużi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jekk ikollhom l-għan li jaqsmu s-suq. Dan huwa iktar u iktar veru peress li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha esposti fil-punt 1012 tas-sentenza appellata fuq in-nuqqas ta’ prova ta’ inċentiv. Fil-punti 141 sa 176 hawn fuq, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni aggravju, intwera li huwa żbaljat li l‑Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm inċentiv offrut minn Servier lil Krka inkambju tal-obbligu min-naħa ta’ Krka li ma tikkompetix.

187. Qabel xejn, jista’ jiġi rrilevat, għall-finijiet kollha utli, li, fil‑punti 1020 sa 1022 u 1024 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali pproċediet bi żnaturament ta’ żewġ provi li jirrigwardaw l-intenzjonijiet ta’ Servier, li kien jidher mis-sempliċi qari ta’ dawn il-punti, anki jekk il‑Kummissjoni ma tirrilevax speċifikament żnaturament f’dan ir‑rigward. Kif ġie indikat fil-punt 96 hawn fuq, żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hija manifestament żbaljata (92), peress li l-Qorti Ġenerali tkun manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi (93).

188. Minn naħa, fil-punti 1020 sa 1022 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat il-kliem “erba’ snin mirbuħa = suċċess kbir”, li kienu jinsabu fil-minuti ta’ laqgħa tal-ogħla gradi ta’ tmexxija ta’ Servier, b’riferiment għas-sentenza Brittanika tas‑6 ta’ Lulju 2007, li invalidat il‑privattiva 947 (94). Skont il-Qorti Ġenerali, anki jekk minn dan id‑dokument, imsemmi fil-premessi 4, 112, 184, 244, 804, 1762 u 2984 tad‑deċiżjoni kkontestata, seta’ jiġi dedott li t-tmexxija ta’ Servier kienet qieset, wara din is-sentenza, li l-privattiva 947 seta’ kellha interess li tippemettilu jirbaħ erba’ snin addizzjonali ta’ protezzjoni, dan ma jippermettix li jiġi konkluż li, fis-27 ta’ Ottubru 2006, fil-mument tal‑iffirmar tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja, Servier kellu l-intenzjoni li jidħol fi ftehimiet dwar qsim tas-suq jew dwar esklużjoni mis-suq.

189. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-elementi l‑oħra msemmija mill-Kummissjoni fil-premessi 4, 112, 184, 244, 804, 1762 u 2984 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fl-2007, il-privattiva 947 (ippreżentata fl-2001 (95)) setgħet tagħti lil Servier sa 14-il sena addizzjonali ta’ protezzjoni tal-privattiva (sal-2021). Għalhekk seta’ kien mistenni diżappunt min-naħa ta’ Servier minħabba s-sentenza ta’ invalidità ta’ din il-privattiva fir-Renju Unit fl-2007. Skont il‑Kummissjoni, il-fatt li Servier, għall-kuntrarju, awgura lilu nnifsu minħabba l-“erba’ snin mirbuħa” mill-iskadenza taċ-ċertifikat addizzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-privattiva dwar il-molekula tal‑perindropil fir-Renju Unit fl-2003 (96), jindika li Servier effettivament awgura lilu nnifsu minħabba s-suċċess tal-istrateġija tiegħu li jittardja d‑dħul tal-ġeneriċi wara l-iskadenza tal-protezzjoni offruta mill‑privattiva ta’ molekula, strateġija li tinkludi b’mod partikolari l‑applikazzjoni tal-privattiva ta’ proċess 947 u l-konklużjoni ta’ ftehimiet mal-kompetituri ġeneriċi tiegħu, fosthom Krka.

190. Fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt 158 hawn fuq, li jikkonfermaw din l-interpretazzjoni, jidher għalhekk li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kliem “erba’ snin mirbuħa = suċċess kbir” minn naħa ta’ Servier, meta qieset li din il-prova ma setgħetx tikkonferma l-volontà ta’ Servier li jittardja d-dħul tal-ġeneriċi tal-perindropil fis-suq permezz, b’mod partikolari, tal-konklużjoni tal‑ftehimiet ma’ Krka.

191. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punt 1024 tas‑sentenza appellata, dokument ta’ Servier, intitolat “Coversyl: difiża kontra l-ġeneriċi”, datat 19 ta’ Ġunju 2006, imsemmi fil-premessi 7, 111, 141, 605, 803, 886, 1007, 1183, 1250, 1368, 1474, 1621, 1761, 1991, 2768, 2779, 2962 u 2981, u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 2386 u 2430 tad‑deċiżjoni kkontestata. Skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li dan id‑dokument huwa datat qabel id-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 jillimita b’mod kunsiderevoli r-rilevanza tiegħu, peress li din id‑deċiżjoni kienet sostanzjalment emendat il-kuntest, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perċezzjoni li Krka u Servier kellhom dwar il‑validità tal-privattiva 947 (punt 1017 tas-sentenza appellata).

192. Madankollu, diġà ġie analizzat fil-punti 102 sa 130 hawn fuq, fil‑kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-imsemmija deċiżjoni emendat sostanzjalment il-perċezzjoni, ta’ Krka, dwar il-validità tal-privattiva 947, ma kinitx fondata. Il-Qorti Ġenerali lanqas spjegat ir-raġunijiet għaliex, minn naħa, id‑deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 kienet emendat sostanzjalment il-perċezzjoni, ta’ Servier, dwar din il-validità u, min-naħa l-oħra, il‑konklużjoni tal-ftehimiet Krka wara din id-deċiżjoni, fis-27 ta’ Ottubru 2006, ma hijiex prova ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija anti‑ġeneriċi ta’ Servier ippjanata iktar qabel.

193. Barra minn hekk, lanqas kienet ċara r-raġuni li għaliha l-ftehimiet Krka ma kinux jiffurmaw parti mill-imsemmija strateġija globali minħabba li d-dokument imsemmi fil-punt 191 hawn fuq ma jsemmix b’mod espliċitu strateġija li tirrigwarda lil Krka, kif tissuġġerixxi l-Qorti Ġenerali fil-punt 1024 tas-sentenza appellata. Huwa ċar li l-ftehimiet Krka kienu jagħmlu parti, bħall-ftehimiet konklużi mal‑kumpanniji ta’ ġeneriċi oħra, li n-natura antikompetittiva tagħhom ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali (97), tal-istrateġija anti-ġeneriċi ta’ Servier. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma indikatx li d-dokument inkwistjoni kellu wkoll il-kliem “Dan ħadem?”, u kien jindika l-ftehimiet kollha konklużi sad‑data ta’ meta ġie redatt, filwaqt li jsemmi lil Krka bħala waħda mis‑sorsi ta’ kompetizzjoni ġenerika li kien għad hemm f’dak l-istadju.

194. Għalhekk, jidher b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali żnaturat ukoll dan id-dokument billi qieset li ma kienx jikkonferma l-intenzjoni ta’ Servier li jikkonkludi ftehimiet antikompetittivi ma’ Krka.

–       Fuq id-duopolju konkret stabbilit bil-liċenzja

195. Fit-tielet u fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 987 sa 991 tas-sentenza appellata, meta qieset li d-duopolju konkret bejn Servier u Krka, stabbilit fis-seba’ swieq koperti mill-ftehim dwar liċenzja Krka, seta’ barra minn hekk jitqies bħala li jirriżulta mill-għażliet ulterjuri ta’ Servier u Krka, imprevedibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim. Skont il‑Qorti Ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali għażliet ulterjuri tfisser it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-ftehim, li mhux rikjest għall‑analiżi tal-għan tal-ftehim. Barra minn hekk, l-allegat effett potenzjali tal-ftehim dwar liċenzja Krka li dan wassal għal duopolju bejn Servier u Krka fis-swieq ikkonċernati kien ibbażat fuq ċirkustanzi ipotetiċi u mhux oġġettivament prevedibbli fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehim.

196. Din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija manifestament żbaljata. Mill-analiżi tal-kliem tal-ftehimiet Krka, kif ukoll mill-kuntest tal‑konklużjonijiet tagħhom, magħmula fil-punti 145 sa 147, 150 sa 159 u 168 hawn fuq, mingħajr dubju jidher li kien evidenti għal Servier u Krka li dawn il-ftehimiet kienu intiżi sabiex jorganizzaw l-istruttura tas‑swieq tal-Unjoni b’mod li jżommu t-18/20 suq mhux koperti mill‑ftehim dwar liċenzja Krka għal Servier u s-seba’ swieq koperti mil‑liċenzja għal Servier u Krka. Il-provi rilevanti kollha kemm huma jippermettu b’mod ċar li tasal għal din il-konklużjoni, filwaqt li l‑ispjegazzjoni alternattiva tal-Qorti Ġenerali, li l-istabbiliment tad‑duopolju kien irriżulta minn għażliet ulterjuri, mhux prevedibbli fil‑mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, ma hijiex plawżibbli u kredibbli.

197. Huwa ċertament veru li, skont il-ftehim dwar liċenzja Krka, Servier kien teoretikament awtorizzat jittrasferixxi liċenzja oħra lil terz għal kull pajjiż (punt 46 tas-sentenza appellata u l-premessi 910 u 1744 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni uriet b’mod konvinċenti, fid-dawl tas-sensiela ta’ provi kuntestwali prodotti, li, fil‑prattika, kien evidenti għal Krka li Servier ma kienx ser juża din il‑possibbiltà, b’tali mod li s-swieq koperti bil-liċenzja kienu ser jibqgħu rriżervati għal Servier u Krka.

198. B’hekk, minn naħa, fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehimiet Krka, ma kienx hemm xi operatur ġeneriku ieħor sabiex jidħol f’dawn is-swieq (premessi 1739, 1742 u 1744 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, kif ġie analizzat fil-punti 155 sa 158 u 168 hawn fuq, l‑arranġament kuntrattwali bejn Servier u Krka kien ġustament vantaġġjuż għal dawn iż-żewġ operaturi għaliex kien jippermettilhom li jżommu l-prezzijiet għoljin filwaqt li jevitaw it-tnaqqis tal-prezzijiet li jirriżulta mill-ftuħ tas-suq għall-ġeneriċi, u li jiksbu profitti minn dawn il-prezzijiet kif ukoll ishma tas-suq għoljin (premessi 1744 u 1755 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-arranġament għalhekk ma setax jiffunzjona ħlief bin-nuqqas ta’ dħul ta’ operaturi ġeneriċi oħra fis-suq.

199. Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, l‑istabbiliment ta’ duopolju konkret bejn Servier u Krka fis-swieq koperti mil-liċenzja ma kienx għalhekk effett potenzjali ipotetiku tal-ftehimiet Krka, imprevedibbli fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, iżda proprju x-xenarju prevedibbli u implimentat minn dawn il-ftehimiet stess. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-istabbiliment ta’ dan id-duopolju għall-finijiet tal-analiżi tal-għan tal-imsemmija ftehimiet għalhekk ma kien bl-ebda mod jirrikjedi analiżi tal-effetti tagħhom.

200. L-ewwel nett, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi fattwali li seħħew wara aġir antikompetittiv sa fejn dawn huma intiżi sabiex jikkonfermaw il-kontenut ta’ element oġġettiv ta’ prova (98). Il-fatt li l-Kummissjoni, sabiex tikkorrobora l-konstatazzjoni li l-ftehim dwar liċenzja Krka kellu l-għan li jistabbilixxi duopolju bejn Servier u Krka fis-swieq koperti mil-liċenzja, ħadet inkunsiderazzjoni l‑fatt li Servier fil-verità ma tax liċenzja lil terz wara l-konklużjoni tal‑ftehimiet Krka, ma jfissirx għalhekk li l-Kummissjoni pproċediet, fuq dan il-punt, b’analiżi tal-effetti ta’ dawn il-ftehimiet.

201. L-attitudni ostili u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn Servier u Krka fis-swieq koperti mil-liċenzja, irrilevati mill-Kummissjoni fil‑premessa 1725 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jwasslux, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 991 tas-sentenza appellata, sabiex jiġi konkluż li ma kienx hemm duopolju stabbilit bejn Servier u Krka f’dawn is-swieq. Il-Kummissjoni uriet, fil-premessi 1728 u 1744 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja l-fatt li s-sitwazzjoni implimentata mil-liċenzja ma eskludietx ċertu grad ta’ kompetizzjoni bejn Servier u Krka, l-għoti ta’ din il-liċenzja minn Servier lil Krka ma wassalx għal sitwazzjoni li fiha d-dħul ta’ Servier u ta’ Krka kien affettwat b’mod sinjifikattiv minn kompetizzjoni effettiva, iżda għal duopolju konkret ma’ Krka li Servier stess ipprova jżomm sabiex jipproteġi s-sorsi ta’ dħul tiegħu.

202. Dan jikkorrispondi mal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 155 hawn fuq, li l-liċenzja kienet il-prezz li kellu jitħallas minn Servier sabiex Krka taċċetta li ma tikkompetilux fit-18/20 suq mhux koperti mil-liċenzja u tieqaf theddu b’kawża li setgħet potenzjalment twassal għall-ftuħ komplet tas-suq għall-ġeneriċi.

203. Din il-konstatazzjoni hija wkoll koerenti mal-ispjegazzjonijiet tal‑Kummissjoni, li jinsabu fil-premessa 1725 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim dwar liċenzja Krka ma kienx jistipula sħubija kummerċjali bejn Servier u Krka lil hinn mill-pagament tal-ħlasijiet. Għall-kuntrarju, Servier ippjana u implimenta azzjonijiet sabiex jiffaċċja l-penetrazzjoni tas-swieq mill-ġeneriċi ta’ Krka, pereżempju fil-Polonja, bil-għan li takkumpanja l-evoluzzjoni ta’ Servier lejn il-perindropil arginina, li ma huwiex sostitwibbli bil-perindropil erbumina ta’ Krka. Din l-evoluzzjoni kienet tifforma parti mill-istrateġija anti-ġeneriċi ta’ Servier, li kienet tikkonsisti f’li jinkiseb “evergreening” tal-perindropil (premessa 239 tad‑deċiżjoni kkontestata) (99).

204. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fil-punti 195 sa 203 hawn fuq jirriżulta li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, esposti fil‑punti 987 sa 991 tas-sentenza appellata, li l-għan tal-ftehimiet Krka ma kienx l-istabbiliment ta’ duopolju konkret bejn Servier u Krka fis‑swieq koperti mil-liċenzja, huma vvizzjati bi żball u ma għandhomx jiġu aċċettati.

–       Fuq dikjarazzjoni minn Lupin

205. Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tirrikonoxxi, fil-punt 1023 tas‑sentenza appellata, li dikjarazzjoni magħmula minn Lupin fil-mument tal-ftehimiet Krka, ċċitata fil-premessa 1730 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet tikkorrobora d-dikjarazzjoni ta’ Krka li hija kienet “issagrifikat” is-swieq tal-Ewropa tal-Punent, li fihom hija obbligat ruħha li ma tikkompetix lil Servier, sabiex tikseb is-seba’ swieq tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, li għalihom Servier taha liċenzja.

206. Skont id-dikjarazzjoni ta’ Lupin inkwistjoni, “[j]idher li, mill‑perspettiva ta’ Servier, il‑ġustifikazzjoni ta’ dan il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja hija l-protezzjoni tas-swieq prinċipali li fihom kienet ikkonstatata l‑predominanza ta’ livell għoli ta’ sostituzzjoni u/jew ta’ preskrizzjoni ta’ [denominazzjoni komuni internazzjonali] (RU/Franza) … Billi ppermetta lil Krka tidħol fis-swieq ġenerici tat-trade mark tal‑Ewropa ċentrali u tal-Lvant, Servier joħloq kompetizzjoni ta’ “trade mark” u tnaqqis iktar ikkontrollat, iżda ma jwassalx għal evoluzzjoni radikali lejn il-prodotti mediċinali ġeneriċi”.

207. Il-Qorti Ġenerali, li ċċitat biss, fil-punt 1023 tas-sentenza appellata, l-ewwel parti ta’ din id-dikjarazzjoni, qieset li din ma tippermettix li jiġi konkluż li kien hemm intenzjoni ta’ Servier li jadotta ftehimiet ta’ qsim jew ta’ esklużjoni ta’ suq ma’ Krka. Madankollu, il‑Kummissjoni ma rreferitx għad-dikjarazzjoni ta’ Lupin sabiex turi intenzjoni ta’ Servier, iżda biex tikkonferma li l-perċezzjoni ta’ dan l‑osservatur estern kienet tikkorrobora l-konstatazzjoni li l-ftehimiet Krka kellhom bħala għan li jistabbilixxu qsim tas-suq bejn dawn iż-żewġ operaturi. Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, din il‑konklużjoni hija pprovata, kif kkonstatat il-Kummissjoni fil‑premessa 1755 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2379 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn hija nnotat li “l-għan tat-tranżazzjoni kien tant evidenti li seta’ jiġi osservat minn kompetitur mingħajr konoxxenza tad-dettalji tal-ftehim”.

208. Għalhekk, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-dikjarazzjoni ta’ Lupin inkwistjoni tidher ukoll vvizzjata bi żnaturament peress li l-Qorti Ġenerali manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal‑imsemmija prova (100).

–       Fuq il-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija u r-Regolament Nru 772/2004 fuq l‑applikazzjoni talArtikolu [101(3) TFUE] għall-kategoriji ta’ ftehim dwar ittrasferiment ta’ teknoloġija

209. Fis-sitt lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 248 u 958 tas-sentenza appellata, billi tat interpretazzjoni żbaljata tal-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija (101) u tar-Regolament (KE) Nru 772/2004 tas‑27 ta’ April 2004 fuq l‑applikazzjoni tal-Artikolu [101(3) TFUE] għall-kategoriji ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (102), bħala li jiġġustifikaw l-assoċjazzjoni bejn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka. Fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat, essenzjalment, li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja jistgħu, bħala regola, ikunu leġittimi u mhux neċessarjament jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Jekk dan ma huwiex ikkontestat, huwa veru li, kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 126 sa 128, 148 u 149 hawn fuq, kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq il-forma li ħadu l-ftehimiet inkwistjoni f’dan il-każ ma humiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk dawn il‑ftehimiet ikkostitwixxewx, b’mod konkret u fiċ-ċirkustanza preżenti, restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

–       Konklużjoni intermedja

210. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bħall-ewwel u t‑tieni aggravju, it-tielet aggravju huwa wkoll fondat. L-iżbalji ta’ liġi kommessi mill-Qorti Ġenerali, ikkonstatati fil-qafas tal-eżami ta’ dan l‑aggravju, flimkien mal-iżbalji kkonstatati waqt l-eżami tal-ewwel u tat‑tieni aggravji, huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-annullament tal‑parti tas-sentenza appellata ddedikata għall-għan tal-ftehimiet Krka. Madankollu, bħal kif ġie nnotat wara l-eżami tal-ewwel u tat-tieni aggravji fil-punti 133, 134 u 178 hawn fuq, għal raġunijiet ta’ kompletezza u fil-perspettiva ta’ deċiżjoni tal-kawża mill-Qorti tal‑Ġustizzja, għandhom jiġu eżaminati wkoll l-aggravji l-oħra mressqa mill-Kummissjoni kontra l-imsemmija parti tas-sentenza appellata, li tirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan.

iv)    Fuq l-intenzjoni tal-partijiet (ir-raba’ aggravju)

211. Fil-qafas tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill‑Qorti Ġenerali minħabba żbalji ta’ liġi, ommissjonijiet u żnaturamenti, kommessi waqt l-applikazzjoni tal-prinċipji relatati mal‑amministrazzjoni tal-provi u mal-evalwazzjoni tal-provi miġbura mill-Kummissjoni relatati mal-intenzjonijiet tal-partijiet. L-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ dan l-aggravju huma simili ħafna għall-kritika li diġà ġiet eżaminata u rrikonoxxuta bħala fondata waqt l‑eżami mill-ewwel sat-tielet aggravji.

212. Preliminarjament, huwa utli li jiġi nnotat li huwa ċertament veru li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 222 tas-sentenza appellata, l‑intenzjoni tal-partijiet hija biss element sussidjarju li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat jekk tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi huwiex restrittiv (103). Madankollu, kuntrarjament għal dak li jikkunsidra Servier, dan ma għandux iwassal għall-klassifikazzjoni ta’ dan l-aggravju bħala ineffettiv. Kif diġà ġie spjegat waqt l-eżami tan-natura effettiva tal‑ewwel aggravju, fil-punti 80 sa 90 hawn fuq, f’dan il-każ, punti relatati mal-intenzjonijiet u perċezzjonijiet tal-partijiet – b’mod partikolari dwar l-allegat rikonoxximent minn Krka tal-validità tal‑privattiva 947 – ikkostitwixxew wieħed mill-bażi tal-analiżi, mill‑Qorti Ġenerali, tan-natura restrittiva tal-kompetizzjoni tal-ftehimiet Krka.

–       Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni tal-partijiet

213. Fil-qafas ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, għaliex ikkritikatha, fil-punt 1015 tas-sentenza appellata, li ma analizzatx l-intenzjoni tal-partijiet minkejja li, peress li din kienet restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, dan ma kienx mitlub.

214. Jekk tingħata titwila iktar mill-qrib, jidher madankollu li, iktar milli kkritikat lill-Kummissjoni talli ma analizzatx l-intenzjoni tal‑partijiet, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1015 sa 1026 tas‑sentenza appellata, li l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li l-Kummissjoni uriet l-intenzjoni ta’ Servier u ta’ Krka li jikkonkludu ftehim ta’ qsim jew ta’ esklużjoni tas-suq.

215. L-analiżi ta’ dan l-aggravju, magħmul fil-punti li ġejjin, juri li din il-kunsiderazzjoni hija bbażata fuq analiżi inkompleta tal-provi u ksur tal‑prinċipji relatati mal-amministrazzjoni u l-evalwazzjoni tal-provi fid‑dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji relatati mal-amministrazzjoni talprovi

216. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkritika, fit-tieni lok, lill-Qorti Ġenerali talli interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji tad-dritt li kellhom jiggwidaw l-analiżi tagħha tal-provi, u li jistipulaw li tali analiżi għandha tkun globali. Dawn il-prinċipji tfakkru fil-punti 92 sa 96 hawn fuq.

217. Minn naħa, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma eżaminatx il-provi fattwali kollha li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata u li, fil-punti 1017 sa 1024 tas-sentenza appellata, għamlet biss riferiment qasir għal ċerti dokumenti ċċitati mill-parti tal-imsemmija deċiżjoni li tirrigwarda l-intenzjoni tal-partijiet. Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari la ċċitat jew ikkunsidrat il-provi ppreżentati fil‑premessi 873, 847, 1687 sa 1690 u 1758 sa 1760 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas l‑istrateġija anti-ġenerika ta’ Servier. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-posta elettronika ta’ Krka tad‑29 ta’ Settembru 2005, iċċitata fil-premessi 849 sa 854 u 1760 tad-deċiżjoni kkontestata, u tad-dikjarazzjoni ta’ Lupin, iċċitata fil-premessi 1730 u 1748 tagħha, li jikkorroboraw u jsostnu lil xulxin reċiprokatament.

218. Dawn l-ilmenti u l-provi diġà ġew eżaminati u l-kritika f’dan ir‑rigward irrikonoxxuta bħala fondata fil-punti 102 sa 130, 156, 158, 187 sa 194 u 205 sa 207 hawn fuq, fil-qafas tal-eżami mill-ewwel sat-tielet aggravji. Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 129 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punti 1018, 1019 u 1025 tas-sentenza appellata, li l-provi miġbura mill-Kummissjoni huma frammentarji u ambigwi, mingħajr ma eżaminat il-provi kollha rilevanti u billi pproċediet b’evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-provi eżaminati minnha, magħżula b’mod selettiv.

219. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punt 1016 tas-sentenza appellata, applikazzjoni żbaljata tal‑ġurisprudenza relatata mal-inferenzi fil-qafas tal-evalwazzjoni tal‑provi, meta qieset li din kienet tapplika b’inqas provi, f’dan il‑każ, fejn il-Kummissjoni kellha l-kontenut tal-ftehimiet inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li dawn il-ftehimiet ma kinux pubbliċi fil-mument tal-konklużjoni tagħhom.

220. Madankollu, il-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li t‑test tal-ftehimiet kien jidher fost il-provi użati mill-Kummissjoni u din ma tikkontestax li seta’ kellha aċċess għall-imsemmija ftehimiet. Madankollu, kif diġà ġie indikat fil-punti 97 u 98 hawn fuq, indipendentament mill-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setax faċilment ikollha aċċess għall-kontenut sħiħ tal-ftehimiet, il‑ġurisprudenza dwar l-inferenzi u deduzzjonijiet hija fi kwalunkwe każ rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-risposta għad-domanda dwar jekk dan il‑kontenut kellux bħala għan qsim illeġittimu tas-suq għandha tiġi dedotta mhux biss mill-imsemmi kontenut, iżda wkoll mill-kuntest tal‑ftehimiet u mill-intenzjoni tal-partijiet, li għall-analiżi tagħhom il‑Kummissjoni eżaminat numru kbir ta’ provi dokumentarji.

221. Fl-istess ordni ta’ ideat, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li qieset, fil-punt 1016 tas-sentenza appellata, li “deduzzjonijiet misluta minn estratti parzjali ta’ posta elettronika jew ta’ dokumenti oħra intiżi sabiex jistabbilixxu l‑intenzjonijiet tal-partijiet” ma għandhomx jikkontestaw konklużjoni bbażata fuq il-kontenut stess tal‑ftehimiet.

222. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li diġà ġie kkonstatat, fil‑punti 126 sa 129, 148 u 149 hawn fuq, li l-Qorti Ġenerali siltet konklużjonijiet żbaljati mill-forma tal-ftehimiet Krka, b’mod partikolari mill-fatt li wieħed minn dawn il-ftehimiet kien ftehim dwar liċenzja. Bl‑istess mod, ġie kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżball li tanalizza l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka b’mod indipendenti wieħed mill-ieħor u separat mill-kuntest tagħhom (punt 144 hawn fuq).

223. Finalment, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 1016 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tidher tikkritika lill-Kummissjoni li siltet deduzzjonijiet “minn estratti parzjali ta’ posta elettronika jew ta’ dokumenti oħra intiżi sabiex jistabbilixxu l‑intenzjonijiet tal-partijiet”, minkejja li ġie kkonstatat, b’mod partikolari, fil-punti 116, 188 sa 190, 193 u 205 sa 207 hawn fuq, li kienet il-Qorti Ġenerali stess li bbażat l‑analiżi tagħha fuq ċitazzjonijiet parzjali ta’ dokumenti u ta’ ċirkustanzi li ġew iċċitati in extenso fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, ġie kkonstatat b’mod ripetut fil-qafas tal-eżami tal-ewwel tliet aggravji li l‑analiżi tal-ftehimiet Krka mill-Qorti Ġenerali tistrieħ fuq teħid inkunsiderazzjoni inkomplet u parzjali ta’ provi u ta’ ċirkustanzi relatati mal-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet (ara, b’mod partikolari, il-punti 102 sa 105, 114, 115, 152, 156, 158, 165 u 168 hawn fuq). Għall-kuntrarju, l‑analiżi ta’ dan l-appell wera li, kuntrarjament għal dak indikat mill‑Qorti Ġenerali fil-punt 1025 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ġabret serje ta’ indizji rilevanti u konverġenti favur il-konstatazzjoni tagħha li tistipula li l-ftehimiet Krka jikkostitwixxu ftehimiet ta’ qsim tas‑suq.

224. Il-Kummissjoni għandha għalhekk raġun issostni li, kieku l-Qorti Ġenerali kienet applikat korrettament il-prinċipji relatati mal‑amministrazzjoni tal-provi, imfakkra fil-punti 92 sa 96 u 110 hawn fuq, ma kinitx tikkonkludi bl-istess mod. L-ilment ibbażat fuq żbalji ta’ liġi kommessi mill-Qorti Ġenerali waqt l-applikazzjoni ta’ dawn il‑prinċipji huwa għalhekk fondat ukoll.

–       Fuq il-kredibbiltà tal-provi skont id-data ta’ meta ġew redatti

225. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-punti 1017 u 1024 tas‑sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi talli qieset li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 (104) u l-ordni provviżorja tat‑3 ta’ Ottubru 2006 mogħtija fir-Renju Unit kontra Krka (105) kienu emendaw sostanzjalment il-qafas li fih ġew konklużi l-ftehimiet Krka, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perċezzjoni minn Krka u Servier tal‑validità tal-privattiva 947. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari fil-punti 1017, 1018 u 1024 tas-sentenza appellata, li dokumenti li ġew wara dawn l-avvenimenti huma iktar rilevanti sabiex jiġu evalwati l-intenzjonijiet ta’ dawn il-partijiet minn dokumenti redatti qabel l-imsemmija avvenimenti.

226. Fil-punti 101 sa 108 u 114 sa 123 hawn fuq, diġà ġie kkonstatat fil-qafas tal-eżami tal-ewwel aggravju, li dawn il-konklużjonijiet tal‑Qorti Ġenerali saru fi tmiem analiżi parzjali, jekk mhux selettiva tal‑provi prodotti mill-Kummissjoni u evalwazzjoni manifestament żbaljata jekk mhux żnaturament tal-provi kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali.

–       Fuq il-valur probatorju ta’ dikjarazzjonijiet sussegwenti

227. Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il‑prinċipji relatati mal-amministrazzjoni tal-provi billi attribwixxiet, fil‑punti 999, 1000 u 1010 tas-sentenza appellata, iktar piż lid‑dikjarazzjonijiet ippreżentati minn Krka wara l-konklużjoni tal‑ftehimiet Krka milli lill-provi kontemporanji ċċitati fil-punti 1015 sa 1024 tas-sentenza appellata. In-natura fondata ta’ din il-kritika diġà ġiet irrikonoxxuta fil-punti 109 sa 113 hawn fuq.

–       Konklużjoni intermedja

228. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju huwa fondat ukoll. Bid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet diġà esposti fil‑punti 133, 134, 178 u 210 hawn fuq, fi tmiem l-eżami tal-ewwel, it‑tieni u t-tielet aggravji, madankollu għandu jsir eżami tal-aggravji l‑oħra relatati mal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet Krka.

v)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti favur il-kompetizzjoni tal-liċenzja (il-ħames aggravju)

229. Fil-qafas tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 1007 sa 1009 u 1031 tas-sentenza appellata, meta ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti pożittivi tal‑liċenzja fis-seba’ Stati Membri tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant li fihom kienet tapplika.

230. Kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, il-Kummissjoni tidentifika b’mod ċar l-iżbalji li hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali dwarhom f’dan ir-rigward, b’mod li dan l-aggravju huwa ammissibbli.

231. Fil-punti tas-sentenza appellata kkritikati fil-qafas ta’ dan l‑aggravju, il-Qorti Ġenerali indikat li l-ftehim dwar liċenzja Krka kien ikkontribwixxa għad-dħul u għaż-żamma ta’ Krka fis-seba’ swieq koperti mil-liċenzja. Dan il-ftehim allegatament kellu effett favorevoli għall‑kompetizzjoni meta mqabbel mas-sitwazzjoni preċedenti li kienet dik li Krka ma setgħetx tibqa’ jew tidħol fis-suq ħlief bir-riskju, u dan peress li l-validità tal-privattiva 947 kienet għadha kemm ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet kompetenti u li kien hemm riskju kkunsidrat bħala sinjifikattiv minn Krka li l-prodott tagħha kien jikser privattiva.

232. Madankollu, dan l-allegat effett favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim dwar liċenzja Krka ma għandux jikkontesta l-konstatazzjoni li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka jikkostitwixxu ftehimiet ta’ qsim tas-suq u għalhekk restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

233. Minn naħa, kif fakkret il-Kummissjoni, l-Artikolu 4 tad‑deċiżjoni kkontestata illimita l-konstatazzjoni tal-ksur fir-rigward ta’ Servier u Krka għat-18/20 suq tal-Unjoni koperti mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka, u ma kkonstatax ksur fis-seba’ swieq koperti mill-ftehim dwar liċenzja Krka (ara l-punt 39 hawn fuq). Kif korrettament sostniet il-Kummissjoni fil-qafas ta’ dan l-appell, u kif indikat fil-premessa 1755 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dħul jew il‑preżenza kontinwa ta’ Krka f’dawn is-seba’ Stati Membri, li għaliha jirreferi l-punt 1007 tas-sentenza appellata, la jibdel u lanqas jiġġustifika l-fatt li Krka ġiet eliminata bħala sors ta’ kompetizzjoni potenzjali fit‑18/20 suq koperti mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka.

234. F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, is‑sentenzi fil-kawżi Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (106) u MasterCard et vs Il-Kummissjoni (107), iċċitati mill-Kummissjoni, huma, mutatis mutandis, rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. F’dawn is‑sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, essenzjalment, li effetti favur il-kompetizzjoni ta’ ftehim fuq ċertu suq ma għandhomx “jikkumpensaw” effetti restrittivi tal-kompetizzjoni ta’ tali ftehim f’suq ieħor.

235. Min-naħa l-oħra, anki jekk għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti tal‑ftehim dwar liċenzja Krka fis-swieq ikkonċernati minnha, għall‑finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka flimkien, dawn l-effetti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li dawn il-ftehimiet jikkostitwixxu restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan.

236. B’hekk, huwa ċertament veru li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis‑sentenza Generics (UK) et (108), li, meta l-partijiet fi ftehim bħal dawk ikkonċernati f’dan il-każ jipprevalixxu ruħhom minn effetti favur il‑kompetizzjoni marbuta miegħu, dawn għandhom, bħala elementi tal‑kuntest ta’ dan il-ftehim, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal‑klassifikazzjoni tiegħu bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, sa fejn jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjoni globali tal-livell suffiċjentament dannuż tal-prattika kollużorja kkonċernata għall-kompetizzjoni u, konsegwentement, għall-klassifikazzjoni tagħha bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

237. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll fl-imsemmija sentenza li tali effetti allegatament favur il-kompetizzjoni ma għandhomx jikkontestaw il-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan ħlief jekk ikunu seħħew, huma rilevanti, relatati mal-ftehim ikkonċernat u suffiċjentament sinjifikattivi sabiex jippermettu li jkun hemm dubju raġonevoli dwar in-natura suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal‑kompetizzjoni tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja kkonċernat u, għalhekk, tal-għan antikompetittiv tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet li dan ma kienx il-każ ta’ ftehim li jippermetti dħul ikkontrollat ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq, maqbul mal-proprjetarju tal-privattiva għall-finijiet ta’ riorganizzazzjoni tas-suq ikkonċernat, li ma kienx jagħti lok għal pressjoni ta’ kompetizzjoni fuq l-imsemmi proprjetarju u li kien jagħti biss lill-konsumaturi vantaġġi minimi jekk mhux inċerti (109).

238. F’dan il-każ, id-dħul ta’ Krka fis-seba’ swieq koperti mil-liċenzja lanqas ma kien jagħti lok għal pressjoni ta’ kompetizzjoni sinjifikattiva fuq Servier (punt 201 hawn fuq). Barra minn hekk, dan id-dħul sar fil‑qafas ta’ duopolju konkret bejn Servier u Krka, li l-għan tiegħu kien li jiġi evitat it-tnaqqis tal-prezzijiet li kien jirriżulta bi ftuħ tas-suq bid-dħul indipendenti tal-ġeneriċi. Għalhekk, din ir-riorganizzazzjoni kkontrollata tas-suq ippermettiet lil Servier u lil Krka jżommu l-prezzijiet u l-ishma tas-suq ħafna iktar ogħla milli f’każ ta’ ftuħ indipendenti tas-suq għall‑ġeneriċi (punti 155 sa 158 hawn fuq). Il-vantaġġi għall‑konsumaturi bid-dħul jew bil-preżenza kontinwa ta’ Krka fis-swieq ikkonċernati bil-liċenzja kienu għalhekk limitati meta mqabbla mal‑vantaġġi li kienu jirriżultaw minn ftuħ indipendenti ta’ dawn is‑swieq għall-ġeneriċi.

239. Barra minn hekk, l-ekwivalenti nazzjonali tal-privattiva 947 kienu għadhom ma ngħatawx fuq uħud minn dawn is-swieq, b’tali mod li Krka ma kellhiex bżonn ta’ liċenzja sabiex tidħol jew tibqa’ fihom. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li l-liċenzja allegatament kellha l-effett pożittiv li Krka tevita riskju kontenzjuż ulterjuri, f’każ fejn xi privattivi jingħataw lil Servier f’dawn is-swieq fil-futur (punti 1008 u 1027 tas-sentenza appellata). Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-allegati effetti favur il-kompetizzjoni tal-ftehim dwar liċenzja Krka kienu mhux biss limitati, iżda wkoll ipotetiċi u inċerti.

240. Sabiex nikkonkludi, f’dan il-każ, bħal fil-kawża Generics (UK) et, id-dħul ikkontrollat, maqbul mal-proprjetarju ta’ privattiva, ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq sar inkambju tal-waqfien minn din il‑kumpannija tal-isforzi tagħha sabiex tidħol b’mod indipendenti fl‑imsemmi suq. Kif enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża, il-fatt li jingħataw xi vantaġġi minimi lill-konsumaturi permezz ta’ tnaqqis żgħir tal-prezzijiet ma jistax iqajjem dubju dwar l-għan antikompetittiv ta’ ftehim li barra minn hekk għandu l-għan li jeqred il‑kompetizzjoni fir-rigward ta’ ċertu prodott jew f’ċertu suq (110).

241. F’dan il-kuntest, ix-xenarju “kompetittiv” li miegħu għandha titqabbel is-sitwazzjoni miftiehma implimentata mill-ftehimiet ma huwiex dak ta’ dħul indipendenti ċert mill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq, iżda dak ta’ tkomplija tal-isforzi tagħhom għal dan il-għan skont l-evalwazzjoni awtonoma tagħhom tar-riskji u l‑possibbiltajiet f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-fatt li dħul miftiehem bejn il-proprjetarju tal-privattiva u l-kumpannija ta’ ġeneriċi huwa ċert filwaqt li l-possibbiltà ta’ dħul indipendenti tiddependi minn riskji tal-kawżi dwar il-privattivi, ma għandux ifisser li d-dħul ikkontrollat huwa neċessarjament l-“aħjar xenarju” f’termini ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, dak li jgħodd ma huwiex id-dħul bi kwalunkwe mod tal-prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq, iżda l-fatt li dan id-dħul isir jew ma jsirx minħabba l‑andament liberu tal-kompetizzjoni u mhux minħabba ftehim tal-partijiet li ssostitwixxa lil dan l-andament (111).

242. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi kommess mill-Qorti Ġenerali waqt l‑evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-effetti favur il-kompetizzjoni tal‑ftehim dwar liċenzja Krka għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal‑ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għandu jintlaqa’ wkoll.

vi)    Fuq il-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka (is-sitt aggravju)

243. Bis-sitt aggravju tagħha, li jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet Krka, il‑Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żball ta’ liġi għaliex irrifjutat li tirrikonoxxi n-natura antikompetittiva tal-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka, konkluż fil-5 ta’ Jannar 2007, jiġifieri madwar xahrejn wara l-konklużjoni tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka fis-27 ta’ Ottubru 2006.

244. Kif ġie indikat fil-punt 59 hawn fuq, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka ppermetta li tissaħħaħ il‑pożizzjoni kompetittiva ta’ Servier u ta’ Krka li kienet tirriżulta minn qsim tas-swieq stabbilit mill-ftehimiet Krka kollha, billi pprekluda lil Krka milli tittrasferixxi t-teknoloġija kompetittiva tagħha għall‑produzzjoni ta’ perindropil lil kumpanniji ta’ ġeneriċi oħra. Sa fejn il-ħlas tas-somma ta’ EUR 30 miljun fil-qafas ta’ dan il-ftehim ma kellux rabta mad-dħul mistenni jew magħmul minn Servier mill-ġestjoni kummerċjali tat-teknoloġija ttrasferita minn Krka, dan il-ħlas ġie analizzat mill-Kummissjoni bħala qsim tad-dħul iġġenerat mit-tqassim tas-swieq bejn Servier u Krka (112).

245. Minn naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari fil-punti 1053, 1054 u 1059 tas-sentenza appellata, li, sa fejn il‑konstatazzjoni tal-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka bħala restrizzjoni minħabba l-għan kienet ibbażata mill-Kummissjoni fuq il‑konstatazzjoni tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka bħala restrizzjoni minħabba l-għan, u li din l-aħħar konstatazzjoni kienet invalidata mill-Qorti Ġenerali, il-konstatazzjoni relatata mal-għan restrittiv tal-imsemmi ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja kellha wkoll tiġi annullata.

246. Fil-qafas tal-eżami tal-ewwel ħames aggravji, magħmul hawn fuq, ġie rrikonoxxut li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-għan antikompetittiv tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja Krka huma żbaljati, u li l-Kummissjoni setgħet korrettament tikkonkludi li dawn il-ftehimiet jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

247. Għalhekk, kif korrettament issostni l-Kummissjoni, il‑konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali bbażati fuq dawn il‑konstatazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka huma bbażati fuq ipoteżi żbaljata.

248. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija wkoll korretta meta ssostni li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati mal-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka, esposti fil-punti 1041 sa 1060 tas‑sentenza appellata, ma humiex immotivati suffiċjentament inkwantu ma jispjegawx ir-raġunijiet li għalihom il-premessi 1764 sa 1810 tad‑deċiżjoni kkontestata, stabbiliti f’dan il-ftehim, li lanqas ma ġew analizzati mill-Qorti Ġenerali, huma żbaljati.

249. Minn dan isegwi li s-sitt aggravju, ibbażat fuq żbalji kommessi waqt l-analiżi tal-għan tal-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka mill-Qorti Ġenerali, għandu jintlaqa’ wkoll.

3)      Konklużjoni dwar l-għan tal-ftehimiet Krka

250. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, magħmula fil-qafas tal-eżami tal-ewwel sas-sitt aggravju tal-Kummissjoni (punti 69 sa 249 hawn fuq), jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-ftehimiet Krka ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan (punti 1032, 1060 u 1233 tas‑sentenza appellata), hija bbażata fuq analiżi vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u għandha tiġi annullata.

251. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

252. Mill-eżami tal-ewwel sas-sitt aggravju jirriżulta li dan huwa l-każ f’din il-kawża f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet Krka. Dan l-eżami wera li d-disa’ motiv imressaq fl-ewwel istanza minn Servier, li fuqu hija bbażata l-analiżi tal‑Qorti Ġenerali (ara l-punti 910 sa 942 u 1033 sa 1040 tas-sentenza appellata), ma jippermettix li tiġi invalidata l-konstatazzjoni tal‑Kummissjoni, li tinsab, essenzjalment, b’mod partikolari, fil‑premessi 1756, 1810 u 1812 tad-deċiżjoni kkontestata, li tistipula li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu attività unika u kontinwa li kellha bħala għan il-qsim u l-allokazzjoni tas-swieq tal-perindropil fl-Unjoni bejn Servier u Krka, billi jawtorizzaw lil Krka tkompli tikkummerċjalizza jew tniedi l-perindropil ġeneriku fil-qafas ta’ duopolju konkret ma’ Servier f’seba’ Stati Membri bħala kumpens għall-obbligu ta’ Krka li ma tikkompetix lil Servier fit-18/20 suq li jibqa’ tal-Unjoni.

253. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tiddeċiedi l-kawża u tiċħad id-disa’ motiv imressaq fl-ewwel istanza minn Servier f’dak li jirrigwarda l-għan tal-ftehimiet Krka, li jwassal għall-konferma tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

b)      Fuq ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett (is-seba’ aggravju)

254. Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet sensiela ta’ żbalji ta’ liġi fl-eżami tal-effetti antikompetittivi tal-ftehimiet Krka.

255. Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, iżda alternattivi sabiex tapplika l-projbizzjoni stipulata fl‑Artikolu 101(1) TFUE. Ftehim huwa għalhekk ipprojbit, indipendentament mill-effetti tiegħu, meta l-għan tiegħu huwa kuntrarju għall-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ effetti ta’ ftehim huwa superfluwu meta huwa stabbilit li l-għan tiegħu huwa l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (113).

256. Għalhekk, jekk, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirrikonoxxi, skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti u l-konklużjoni li tinsab fil-punti 252 u 253 hawn fuq, li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati man-nuqqas ta’ għan antikompetittiv tal-ftehimiet Krka huma żbaljati u li għalhekk huwa korrett li l-Kummissjoni kkunsidrat l‑eżistenza ta’ għan antikompetittiv ta’ dawn il-ftehimiet, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat dan l-aggravju, relatat mal-effetti antikompetittivi tal-imsemmija ftehimiet.

257. Madankollu ser neżamina dan l-aggravju għall-finijiet ta’ kompletezza.

258. Qabel ma nipproċedi għal dan l-eżami (2), huwa utli li nispjega fil‑qosor kif dawn l-effetti ġew analizzati kemm mill-Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata (1).

1)      L-analiżi tal-effetti tal-ftehimiet Krka fid-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata

i)      Id-deċiżjoni kkontestata

259. Fil-premessi 1214 sa 1218 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni spjegat li, sabiex tevalwa l-effetti restrittivi ta’ ftehim, għandhom jiġu kkunsidrati kundizzjonijiet konkreti li fihom huwa jipproduċi l-effetti tiegħu, u li l-eżami tal-kundizzjonijiet tal‑kompetizzjoni f’suq partikolari għandhom ikunu bbażati mhux biss fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi diġà eżistenti fis-suq rilevanti, iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali. Skont il-Kummissjoni, f’dan il‑każ, hija kellha teżamina l-effetti tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, inkluż il-ftehimiet Krka, fuq il-kompetizzjoni potenzjali, peress li kienu affettwaw l-inċentivi tal-kompetituri ġeneriċi ta’ Servier sabiex jippreparaw ruħhom għal dħul f’suq wieħed jew iktar tal-Unjoni.

260. Fil-premessi 1219 u 1220 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni spjegat, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-effetti restrittivi konkreti tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fuq il‑kompetizzjoni potenzjali, li kienu jikkonsistu fit-tneħħija ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi bħala kompetituri potenzjali, u fl-istruttura tal‑kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati, kellha ssir abbażi ta’ fatti fil‑mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-mod li bih dawn il-ftehimiet ġew effettivament implimentati. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ ksur ma tistax, bħala regola, tiddependi minn żviluppi fattwali sussegwenti. Skont il-Kummissjoni, meta l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali hija involuta, “li jiġi kkunsidrat dak li verament seħħ ftit jista’ jkollu x’jaqsam ma’ dak li kieku probabbilment kien iseħħ fin-nuqqas tal‑ftehim”. Dan huwa iktar u iktar veru meta l-ftehim jemenda b’mod kunsiderevoli l-inċentivi ta’ parti, jew tat-tnejn, biex ikomplu jikkompetu.

261. Fil-premessi 1221 u 1226 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni indikat li l-effetti restrittivi ta’ ftehim għandhom jiġu evalwati billi jitqabblu mal-kuntest ekonomiku u ġuridiku reali li fih kienet iseħħ il-kompetizzjoni fin-nuqqas tal-ftehim, u dan jirrikjedi li jiġi eżaminat il-livell ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet u l-kompetizzjoni ta’ terzi, b’mod partikolari l-kompetizzjoni reali u potenzjali, li kienet teżisti fin‑nuqqas tal-ftehimiet, u l-aġir kompetittiv li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi setgħu jadottaw f’tali sitwazzjoni.

262. F’dak li jirrigwarda l-possibbiltajiet reali u konkreti li l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi jidħlu fis-swieq rilevanti u jikkompetu ma’ Servier, il-Kummissjoni rreferiet għall-eżami tagħha tal-kompetizzjoni potenzjali bejn Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi, magħmul fil-qafas tal‑eżami tal-għan tal-ftehimiet (premessa 1222 tad-deċiżjoni kkontestata).

263. Finalment, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet ser teżamina wkoll l-effetti restrittivi ta’ dawn il-ftehimiet fuq l-istruttura tal‑kompetizzjoni, billi tanalizza, b’mod partikolari, is-setgħa tas-suq tal‑partijiet u l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ sorsi oħra ta’ kompetizzjoni għal Servier, rilevanti meta s-suq ma għandux operatur ġdid (premessi 1223 sa 1227 tad-deċiżjoni kkontestata).

264. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 1228 sa 1240 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, li l-limitazzjonijiet ta’ kompetizzjoni imposti minn prodotti mediċinali oħra fuq il‑perindropil ma kinux effettivi ħafna, u dan kien jikkontrasta mal‑qawwa tal-limitazzjoni mistennija (u finalment introdotta) mill‑ġeneriċi tal-perindropil. Skont il-Kummissjoni, din il-limitazzjoni ta’ kompetizzjoni eżerċitata mill-ġeneriċi tal-perindropil kienet kruċjali għaliex il-prattiki kkontestati kellhom bħala għan li jinnewtralizzaw din l-istess limitazzjoni. Meta mqabbla mal-limitazzjoni tal-kompetizzjoni tal-ġeneriċi, il-limitazzjonijiet l-oħra fuq il-perindropil kienu jkunu insuffiċjenti sabiex jeżerċitaw pressjoni ta’ kompetizzjoni effettiva.

265. L-eliminazzjoni tal-pressjoni ta’ kompetizzjoni tal-ġeneriċi kellha għalhekk effetti sinjifikattivi f’termini ta’ spejjeż globali tal-konsumaturi għall-perindropil. Fin-nuqqas tad-dħul tal-ġeneriċi fis-suq, Servier ma kienx iffaċċjat b’kompetizzjoni effettiva peress li, minbarra l-ġeneriċi tal‑perindropil, ma kienx hemm xi limitazzjoni oħra sinjifikattiva għal Servier. Sa fejn il-kapaċità ta’ Servier li jżomm prezzijiet supra‑kompetittivi kienet relatata mal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja li huwa kien ikkonkluda mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi, jistgħu jintwerew ukoll effetti anti-kompetittivi diretti ta’ dawn il-ftehimiet (premessi 1240 sa 1243 tad-deċiżjoni kkontestata).

266. Fil-premessi 1244 sa 1269 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni spjegat li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet bejn Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi, l-istruttura tas-suq kienet ikkaratterizzata minn numru limitat ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi li kienu qegħdin jippreparaw sabiex jidħlu fis-suq. Minbarra l-partijiet li kkonkludew dawn il-ftehimiet ma’ Servier, kien baqa’ biss żewġ theddidiet ġeneriċi diretti sinjifikattivi għal Servier. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’tali ċirkustanzi, l-eliminazzjoni ta’ kompetitur wieħed kien inaqqas b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà ta’ dħul effettiv u fi żmien mixtieq tal-ġeneriċi fis-suq.

267. Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat, fil-premessi 1813 sa 1850 (wara t-taqsima 5.5) tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk il-ftehimiet Krka kinux jikkonsistu f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, eżami li ġie limitat għas-swieq ta’ Franza, tal-Pajjiżi l‑Baxxi u tar-Renju Unit (premessa 1816 tad-deċiżjoni kkontestata).

268. Skont il-Kummissjoni, Krka kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier f’dawn it-tliet swieq u kellha possibilitajiet reali u konkreti sabiex tidħol fihom minn kmieni. Krka allegatament kienet fornitur effettiv tal‑perindropil f’ħames swieq ġeografiċi u ppreparat ruħha sabiex tidħol f’diversi swieq oħra, li kien juri l-intenzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, Krka kienet f’pożizzjoni li tidħol fis-swieq fejn hija ma kinitx fornitur effettiv fi żmien qasir peress li hija kienet itterminat l‑iżvilupp tal-prodott tagħha. Krka kienet ukoll fil-proċess li tipprepara b’mod attiv għall-prodott tagħha permezz tal-kawżi fir-Renju Unit u kienet konvinta mill-invalidità tal-privattiva 947 (premessa 1820 tad‑deċiżjoni kkontestata).

269. Billi inċentivaw lil Krka sabiex tobbliga ruħha li ma tidħolx fl‑imsemmija swieq, il-ftehimiet Krka kellhom l-effett li jeliminaw dawn il-possibilitajiet ta’ dħul fis-suq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit. Fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka, Krka kienet tkompli tippreżenta theddida kompetittiva bħala operatur ġdid ġeneriku potenzjali bil‑perindropil f’dawn is-swieq (premessi 1824 sa 1834 tad-deċiżjoni kkontestata).

270. Il-Kummissjoni qieset ukoll li, fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehimiet Krka, Krka kienet tikkostitwixxi waħda mit-theddid l-iktar immedjati ta’ Servier (premessi 1843 u 1849 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, fid-dawl tal-istruttura tas-suq, l-eliminazzjoni ta’ kompetitur wieħed kienet tillimita b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà ta’ dħul effettiv u fi żmien utili ta’ ġeneriċi fis-suq (premessa 1844 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan iktar u iktar għaliex Krka kienet ukoll fornitur potenzjali ta’ prodotti abbażi tal-perindropil għall-kumpanniji ta’ ġeneriċi l-oħra (premessa 1848 tad-deċiżjoni kkontestata).

271. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-ftehimiet Krka kellhom l-effett li jillimitaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni potenzjali bejn Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi (premessa 1850 tad-deċiżjoni kkontestata).

ii)    Is-sentenza appellata

272. Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-għaxar motiv imressaq minn Servier fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, fil‑punti 1075 sa 1232 tas-sentenza appellata.

273. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kklassifikat l-approċċ adottat mill‑Kummissjoni dwar ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l‑effett, imqassra fil-punti 259 sa 263 hawn fuq, bħala “ipotetiku”, minħabba li kien ibbażat fuq ipoteżi jew “possibilitajiet” u mhux fuq kif seħħew realment l-avvenimenti (punti 1078 sa 1104 tas-sentenza appellata).

274. Minn naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li l-ġurisprudenza li tistipula li l-analiżi tal-effetti ta’ ftehim kienet tinkludi wkoll l-effetti potenzjali tagħha ma kinitx applikabbli meta jkun involut ftehim li ġie implimentat u ssanzjonat mill-Kummissjoni (punti 1107 sa 1133 tas‑sentenza appellata).

275. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 1140 sa 1217 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-ftehimiet Krka kienu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

276. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1142 sa 1187 tas‑sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka. Il‑Kummissjoni lanqas, b’mod partikolari, ma uriet li, fin-nuqqas tal‑imsemmi ftehim, Krka probabbilment kienet tidħol fis-swieq ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Krka kienet tirrikonoxxi l-validità tal‑privattiva 947. Dwar dan ir-rikonoxximent, il‑Qorti Ġenerali rrepetiet, essenzjalment, fil-punti 1148 sa 1169 tas‑sentenza appellata, l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk li fuqhom hija bbażat ruħha waqt l-eżami tal-għan tal-ftehimiet Krka, li diġà ġew analizzati fil-qafas tal-eżami tal-ewwel aggravju (114).

277. Skont il-Qorti Ġenerali, billi semmiet biss it-“theddida ta’ kompetizzjoni” li Krka kompliet tirrappreżenta, il-Kummissjoni stabbilixxiet biss li l-kompetizzjoni li kien ikun hemm fin-nuqqas tal‑ftehim kienet probabbilment tkun iktar miftuħa. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni kellha tispjega x’kienu l-effetti probabbli, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet, fuq il-produzzjoni, fuq il-kwalità jew fuq id‑diversità tal-prodotti jew anki fuq l-innovazzjoni, tat-“theddida tal‑kompetizzjoni” li Krka kompliet teżerċita fuq Servier fin-nuqqas tal‑ftehimiet Krka (punti 1174 sa 1179 tas-sentenza appellata).

278. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1192 sa 1213 tas‑sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-effetti restrittivi dwar il-kompetizzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Il-Kummissjoni lanqas, b’mod partikolari, ma uriet li, fin-nuqqas ta’ tali ftehim, it-tkomplija ta’ kawżi bejn Krka u Servier kienet, probabbilment, jiġifieri b’mod plawżibbli, tippermetti invalidazzjoni iktar mgħaġġla jew iktar kompleta tal-privattiva 947. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li l-irtirar tal-proċeduri li fihom kienet involuta, jiġifieri l‑proċedura quddiem il-qorti Ingliża (115) u dik quddiem l-UEP (116), ma kellux effett fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-privattiva 947. Avvenimenti li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehim, jiġifieri l‑invalidazzjoni tal-privattiva 947 fir-Renju Unit fil-proċedura bejn Servier u Apotex (117) u r-revoka tal-privattiva 947 mill-Bord tal-Appell tekniku tal-UEP (118), juru li din il-privattiva kienet fi kwalunkwe każ ġiet annullata, indipendentament mill-kawżi mibdija minn Krka. Il‑Kummissjoni ma urietx li t-tkomplija ta’ dawn il-kawżi kien ikollha l‑effett li l-imsemmija privattiva kienet tiġi invalidata iktar kmieni jew b’mod iktar komplet (punti 1194 sa 1207 tas-sentenza appellata).

279. Finalment, fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 1214 u 1215 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni lanqas kienet stabbilixxiet l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni tal-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja Krka.

280. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 1219 sa 1232 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tikkunsidra kif seħħew realment l-avvenimenti kif seta’ jiġi osservat fil-mument li fih hija adottat id-deċiżjoni tagħha u billi bbażat id-deskrizzjoni tagħha tal-kompetizzjoni, fin-nuqqas tal-ftehimiet, fuq ipoteżi jew possibilitajiet.

281. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-ftehimiet Krka kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-effett, u laqgħet l-għaxar motiv ippreżentat minn Servier fl-ewwel istanza (punti 1217 u 1232 tas-sentenza appellata).

2)      L-aggravju relatat mal-effetti tal-ftehimiet Krka

282. Fil-qafas tas-seba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, imqassra fil-punti 272 sa 281 hawn fuq, huma vvizzjati b’sensiela ta’ żbalji ta’ liġi.

283. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil‑punti 1128, 1178, 1179 u 1227 sa 1231 tas-sentenza appellata, meta qieset li l-effett reali ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali bejn Servier u Krka ma kienx biżżejjed sabiex juri li l-ftehimiet Krka kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-effett. Il‑Kummissjoni uriet li, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, Krka kellha possibilitajiet reali u konkreti li tidħol fis-suq, li l-imsemmija ftehimiet kienu eliminaw, u dan kien konformi mal-analiżi kontrofattwali mitluba mill-ġurisprudenza. Ma hemmx lok li jinbidel dan l-oneru tal‑prova minħabba li kienu involuti xi privattivi u li r-riżultat tal-kawżi dwar il-privattivi kien imprevedibbli.

284. Huwa għalhekk żbaljat li il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1123, 1160, 1161, 1165, 1168, 1169, 1173, 1174, 1178, 1179, 1183, 1204, 1206, 1207, 1209, 1221, 1226 u 1231 tas-sentenza appellata, li l‑Kummissjoni kellha turi li, fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka, Krka kienet probabbilment tkun daħlet fit-tliet swieq ikkonċernati “b’riskju”, u li hija kellha tispjega l-effetti probabbli tat-“theddida tal-kompetizzjoni” li Krka kienet tkompli twettaq fuq il-prezzijiet u fuq parametri oħra tal‑kompetizzjoni. Bl-istess mod, huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali talbet, fil-punti 1198 sa 1207 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha turi li t-tkomplija tal-kawżi pendenti minn Krka, li hija abbandunat minħabba l-ftehimiet Krka, kienet tippermetti invalidazzjoni iktar mgħaġġla jew iktar kompleta tal-privattiva 947.

285. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 1107 sa 1128 u 1225 tas-sentenza appellata, meta għamlet distinzjoni bejn il-ftehimiet implimentati u l-ftehimiet mhux implimentati għall-finijiet tal-analiżi tal-effetti antikompetittivi, billi qieset li l‑ġurisprudenza dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti potenzjali ma kinitx rilevanti meta l-ftehimiet jkunu diġà ġew implimentati.

286. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 1130, 1151, 1170, 1181, 1210 u 1219 tas-sentenza appellata, billi filwaqt li talbet li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ftehim, l-iżviluppi fattwali kollha li seħħew qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni tagħha. In-natura antikompetittiva ta’ ftehim għandha tkun evalwata fil-mument tal‑konklużjoni tiegħu.

287. Finalment, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-provi billi qieset, fil-punti 1148 sa 1170 tas-sentenza appellata, li, fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka, Krka probabbilment ma kinitx tidħol fis-swieq ikkonċernati minħabba r‑rikonoxximent tagħha tal-validità tal-privattiva 947.

i)      Fuq l-analiżi kontrafattwali

288. Sabiex tiġi eżaminata din il-kritika, għandi nibda billi nfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni ta’ ftehim jistgħu jkunu kemm reali kif ukoll potenzjali (119).

289. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ tali effetti, għandu jiġi eżaminat il-proċess tal-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih jiżvolġi fin-nuqqas tal‑ftehim ikkontestat (120).

290. Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u l-kwantità limitata jew le tal-prodotti li huma s‑suġġett tal-ftehim, il-pożizzjoni u l-importanza tal-partijiet fis-suq tal‑prodotti kkonċernati, in-natura iżolata ta’ dan il-ftehim jew, għall‑kuntrarju, il-post tiegħu f’numru ta’ ftehimiet. F’dan ir-rigward, l‑eżistenza ta’ kuntratti simili, mingħajr ma tkun neċessarjament determinanti, hija ċirkustanza li, flimkien ma’ oħrajn, tista’ tikkostitwixxi kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih għandu jiġi evalwat l-imsemmi ftehim (121).

291. Ix-xenarju previst fl-ipoteżi tan-nuqqas tal-ftehim inkwistjoni għandu jkun realistiku. Minn din il-perspettiva, huwa permissibbli, jekk ikun il-każ, li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi probabbli li jseħħu fis-suq fin‑nuqqas tal-ftehim (122).

292. Waqt l-evalwazzjoni tal-effetti restrittivi ta’ ftehim, huwa b’mod partikolari possibbli li tintuża bħala bażi l-kompetizzjoni potenzjali rrappreżentata minn operatur li potenzjalment jidħol fis-suq eliminat minn dan il-ftehim u fuq l-istruttura tas-suq inkwistjoni (123).

293. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, dan huwa iktar u iktar veru tant li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Generics (UK) et, l-istabbiliment tax-xenarju kontrafattwali ma jippreżupponi ebda konstatazzjoni definittiva dwar il-possibbiltajiet ta’ suċċess tal‑kumpannija ta’ ġeneriċi fil-proċedura ta’ privattiva jew dwar il‑probabbiltà tal-konklużjoni ta’ ftehim inqas restrittiv (124).

294. Fil-fatt, ix-xenarju kontrofattwali għandu biss bħala skop li jiġu stabbiliti l-possibbiltajiet realistiċi ta’ aġir ta’ din il-kumpannija fin‑nuqqas tal-ftehim inkwistjoni u jiġi ddeterminat il-proċess probabbli tas‑suq kif ukoll l-istruttura tiegħu fin-nuqqas ta’ dan il-ftehim (125). Għalkemm l-imsemmi xenarju kontrofattwali ma jistax ikun indifferenti għall-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-kumpannija ta’ ġeneriċi fil-proċedura ta’ privattiva jew inkella fir-rigward tal-probabbiltà tal-konklużjoni ta’ ftehim inqas restrittiv, dawn l-elementi madankollu jikkostitwixxu biss elementi fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-proċess probabbli tas‑suq kif ukoll l-istruttura tiegħu fin‑nuqqas ta’ konklużjoni tal-ftehim ikkonċernat (126).

295. Konsegwentement, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti sinjifikattivi potenzjali jew reali fuq il-kompetizzjoni ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja bħal dawk inkwistjoni fil-każ, ma hijiex l-awtorità tal‑kompetizzjoni li għandha tikkonstata jew li l-kumpannija ta’ ġeneriċi li hija parti għal dan il-ftehim kienet probabbilment tirbaħ il-kawża relatata mal-privattiva, jew li l-partijiet għall-imsemmi ftehim probabbilment kienu jkunu kkonkludew ftehim dwar soluzzjoni bonarja inqas restrittiv (127).

296. Għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-ftehimiet Krka mill‑Kummissjoni, imqassra fil-punti 259 sa 271 hawn fuq, huwa konformi mal-metodoloġija stabbilita minn din il-ġurisprudenza għall‑analiżi tax-xenarju kontrafattwali probabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ dawn il-ftehimiet.

297. Sabiex nibda, il-Kummissjoni identifikat b’mod korrett il-kuntest tal-analiżi tagħha billi indikat li kienet ser teżamina l-effetti tal-ftehimiet kkontestati meta mqabbla mal-kuntest ekonomiku u ġuridiku reali li fih il-kompetizzjoni kienet iseħħ fin-nuqqas tagħhom, u li hija kienet ser teżamina għalhekk il-grad ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet li seta’ kien hemm u l-aġir kompetittiv li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi setgħu jadottaw fin-nuqqas ta’ ftehim (punt 261 hawn fuq).

298. Barra minn hekk, kif targumenta l-Kummissjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-ftehimiet Krka, tal-kuntest fattwali li fih dawn kienu jaqgħu f’termini ta’ privattivi u ta’ kawżi dwar il-privattivi, b’mod partikolari, fil-premessi 1826, 1829 u 1835 sa 1846 u n-nota ta’ qiegħ il‑paġna 2445 tad-deċiżjoni kkontestata.

299. Fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 290 hawn fuq, huwa wkoll korrett li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal‑ftehimiet rispettivi fir-rigward tal-ftehimiet kollha konklużi minn Servier mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi u l-istrateġija adottata minn Servier, kif ukoll il-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq (punti 263 sa 266 hawn fuq).

300. Dwar Krka, il-Kummissjoni korrettament ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Krka kienet kompetitur potenzjali sinjifikattiv, jiġifieri waħda mit-theddid l-iktar immedjati ta’ Servier fit-tliet swieq ikkunsidrati għall‑finijiet tal-analiżi tal-effetti tal-ftehimiet Krka, li kellha possibbiltajiet reali u konkreti li tidħol f’dawn is-swieq, u li l-ftehimiet Krka kienu eliminaw dawn il-possibbiltajiet billi inċentivaw lil Krka tieqaf milli tipprova tidħol fl-imsemmija swieq u milli tikkontesta l‑privattivi ta’ Servier (punti 268 sa 270 hawn fuq).

301. Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 1174 sa 1178, 1183 u 1226 tas-sentenza appellata, billi uriet li, fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka, Krka kienet tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tidħol fis-swieq ikkonċernati u li l-effett ta’ dawn il‑ftehimiet kien jikkonsisti f’li jelimina lil Krka bħala kompetitur potenzjali ta’ Servier u, bl-istess mod, l-eventwalità li l-possibbiltajiet reali u konkreti li Krka tidħol f’dawn is-swieq iseħħu, il-Kummissjoni sostniet b’mod suffiċjenti l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni tal‑imsemmija ftehimiet.

302. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, fil-punti 1183 u 1226 tas-sentenza appellata, il‑kunsiderazzjonijiet esposti fis-sentenza fil-kawża Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni (128), li l-analiżi tal-effetti ta’ ftehim tista’ tkun ibbażata fuq il-kompetizzjoni potenzjali rrappreżentata minn operatur li potenzjalment jidħol fis-suq eliminat minn dan il-ftehim, ma humiex irrilevanti f’dan il-każ għaliex il-kuntest tal-ftehimiet konklużi minn Servier mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi huwa kkaratterizzat mill-eżistenza tal-privattiva 947. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 294 hawn fuq jirriżulta li l-kuntest tal-privattivi tal-ftehimiet, bħal dawk ikkonċernati f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss, fost elementi oħra, fid-dawl tal-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-prinċipji ġurisprudenzjali li jirregolaw l-analiżi kontrafattwali tal-effetti ta’ ftehim jitilfu r-rilevanza tagħhom.

303. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha raġun li ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, b’mod partikolari, fil-punti 1160, 1168, 1169, 1173 u 1182 tas-sentenza appellata (punt 276 hawn fuq), billi talbet li hija turi li, fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka, Krka kienet “probabbilment” tkun daħlet b’riskju fis-swieq ikkonċernati jew li, fin‑nuqqas ta’ dawn il-ftehimiet, il-partijiet kienu jikkonkludu ftehim inqas restrittiv.

304. Barra minn hekk, kif tinvoka l-Kummissjoni, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 1148 sa 1169 tas-sentenza appellata (punt 276 iktar 'il fuq), li, fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka, Krka probabbilment ma kinitx tkun daħlet f’dawn is-swieq għaliex hija kienet konvinta mill‑validità tal-privattiva 947, hija vvizzjata bl-istess żbalji bħal dawk li diġà ġew ikkonstatati fil-qafas tal-eżami tal-ewwel aggravju (129).

305. Bl-istess mod, huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari, fil-punti 1192 sa 1213 tas-sentenza appellata (punt 278 hawn fuq), li, sabiex tistabbilixxi l-effetti tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li tinsab fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, il‑Kummissjoni kellha turi li l-kontinwazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji li Krka abbandunat minħabba dan il-ftehim kienet probabbilment twassal għal invalidità iktar mgħaġġla jew iktar kompleta tal-privattiva 947.

306. Kif indikat fil-punti 293 u 295 hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Generics (UK) et, spjegat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, l-istabbiliment tax-xenarju kontrafattwali ma jippreżupponix li għandu jintwera li l-partijiet għall-imsemmi ftehim kienu probabbilment jikkonkludi ftehim dwar soluzzjoni bonarja inqas restrittiv jew li l-kumpannija ta’ ġeneriċi li hija parti għall-ftehim inkwistjoni kienet probabbilment tirbaħ il-proċedura relatata mal‑privattiva.

307. Dan jinvolvi effettivament, għal awtorità tal-kompetizzjoni, waqt tali analiżi kontrafattwali, li tikkunsidra mhux is-sitwazzjoni li kienet teżisti, fin-nuqqas tal-ftehim, fil-qasam tal-privattiva, iżda s-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-qasam tal-kompetizzjoni. F’termini ta’ kompetizzjoni, ix-xenarju kontrafattwali kien ikun sitwazzjoni li fiha l-kumpannija ta’ ġeneriċi kienet tkompli tiġġestixxi b’mod awtonomu, abbażi tal‑evalwazzjoni proprja tagħha tas-sitwazzjoni tal-privattivi, l-istrateġija kummerċjali u kontenzjuża tagħha sabiex tikseb l-aħjar benefiċċju tal‑possibbiltajiet tagħha reali u konkreti li tidħol fis-suq. Is-sitwazzjoni li kienet teżisti fin-nuqqas tal-ftehim għalhekk kienet sitwazzjoni li fiha dawn il-possibbiltajiet reali u konkreti kien ikollhom opportunità li jseħħu (130).

308. F’dan il-każ, l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni tal-ftehimiet Krka kienu jikkonsistu preċiżament fl-eliminazzjoni ta’ din l-opportunità li l-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ Krka li tidħol fis-swieq inkwistjoni jseħħu.

309. Il-fatt li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza, fil‑qafas tal-analiżi kontrafattwali, jekk dawn il-possibbiltajiet hux se jseħħu verament, ma jnaqqas xejn min-natura reali tal-effett tal‑eliminazzjoni tagħhom. Dak li huwa importanti, f’termini ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni, ma huwiex il-fatt li Krka tidħol akkost ta’ kollox fis-swieq ikkonċernati jew li tinvalida l-privattiva, iżda l-fatt li hija kellha l-kapaċità u l-intenzjoni soda li tidħol fis-suq u li tinvalida l-privattiva sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-kompetizzjoni ħielsa, qabel ma daħlet f’azzjoni miftehma ma’ Servier (131).

310. Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, tali analiżi kontrafattwali ma għandha xejn “ipotetiku”. L-effett li tiġi eliminata l‑kompetizzjoni potenzjali ma hija xejn inqas reali mill-effett li tiġi eliminata l-kompetizzjoni reali jew attwali, peress li ftehim li ma jkunx hemm kompetizzjoni jista’ jiġi konkluż kemm ma’ kompetitur potenzjali kif ukoll ma’ kompetitur reali.

311. L-approċċ tal-Qorti Ġenerali ma jirrikonoxxix li l‑Artikolu 101 TFUE ma jipproteġix biss il-kompetizzjoni reali, iżda wkoll il-kompetizzjoni potenzjali li mingħajrha d-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq ma jista’ qatt jiġi kkonkretizzat (132).

312. Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, billi talbet, fil‑punt 1179 tas-sentenza appellata, li hija tispjega l-effetti probabbli tal‑ftehimiet fuq il-prezzijiet u fuq parametri oħra tal-kompetizzjoni, il‑Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-prinċipju li l‑Artikolu 101 TFUE huwa intiż, bħal regoli oħra tal-kompetizzjoni tat‑Trattat FUE, sabiex jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal‑kompetituri u tal-konsumaturi, iżda wkoll l-istruttura tas-suq u, b’dan il-mod, il-kompetizzjoni bħala tali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma għandhiex tkun suġġetta għal dik ta’ rabta diretta tagħha mal-prezzijiet lill-konsumaturi (133). Ma hemmx għalfejn tmur lil hinn minn hekk meta hija kwistjoni li jiġu kkonstatati l‑effetti antikompetittivi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi.

313. Barra minn hekk, il-Kummissjoni korrettament issostni wkoll li huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 1180 u 1210 tas‑sentenza appellata, il-premessa li l-eliminazzjoni ta’ sors importanti tal-kompetizzjoni potenzjali tista’, fiha nnifisha, twassal għal effetti fuq il-prezzijiet jew fuq parametri oħra tal-kompetizzjoni bi grad raġonevoli ta’ probabbiltà.

ii)    Fuq il-mument li għandu jiġi kkunsidrat għall-analiżi kontrafattwali

314. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta talbet li l-analiżi tal-effetti ta’ ftehim li ġie implimentat tippreżupponi li jiġu analizzati l-iżviluppi fattwali kollha li seħħew minn meta ġie konkluż. Skont il-Kummissjoni, għall-kuntrarju, għall-analiżi tax-xenarju kontrafattwali, għandu jiġi kkunsidrat il-mument tal‑konklużjoni ta’ ftehim.

315. L-eżami tal-għan ta’ ftehim għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE għandu jersaq iktar lejn l-eżami tal-effetti ta’ dan il-ftehim jekk ma jkunx possibbli li jiġi konkluż, fid-dawl tat-tip ta’ ftehim jew tal-mekkaniżmi implimentati bih, analizzati fil-kuntest tagħhom, li dan il-ftehim għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni (134). F’tali każ, għandu jiġi analizzat jekk il-mekkaniżmi implimentati bil‑ftehim, fid-dawl tal-funzjonament tagħhom, tal-kuntest tagħhom u tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq ikkonċernat, kellhomx, ladarba jiġu applikati, effetti li jillimitaw il-kompetizzjoni.

316. Tali analiżi tal-effetti ta’ ftehim hija imposta, pereżempju, meta awtorità hija ffaċċjata bi ftehim wieħed jew iktar li flimkien joħolqu grupp kumpless, li jinkludi komponenti favur u kontra l-kompetizzjoni, li jsir impossibbli li tiġi stabbilita n-natura antikompetittiva tiegħu mingħajr ma jiġu eżaminati l-effetti (135), u għandha l-għan li tistabbilixxi l-effett fuq il-kompetizzjoni li l-ftehim jista’ jipproduċi fis-suq ikkonċernat (136).

317. Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 289 hawn fuq jirriżulta li l‑analiżi kontrafattwali tikkonsisti fl-eżami tal-proċess tal-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih kien iseħħ fin-nuqqas tal-ftehim ikkontestat. Dan neċessarjament ifisser li għandu jiġi analizzat dak li kien iseħħ fl-ipoteżi tan-nuqqas tal-ftehim u mhux dak li realment seħħ fil-preżenza tiegħu. L‑avvenimenti reali kif ikunu seħħew matul u wara l-implimentazzjoni tal-ftehim huma neċessarjament diġà vvizzjati bil-preżenza tal-imsemmi ftehim. B’hekk, analiżi kontrafattwali li hija bbażata fuq tali sitwazzjoni li diġà kkawżat preġudizzju għall-proċess ħieles tal-kompetizzjoni, bħal dik diġà magħmula mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 1192 sa 1213 tas-sentenza appellata (ara l-punt 278 hawn fuq), inkwantu hija tiddeduċi n-nuqqas ta’ effetti restrittivi ta’ avvenimenti reali li seħħew matul l-implimentazzjoni tal-imsemmi ftehim, hija raġunament ċirkolari li jinterpreta b’mod żbaljat il-bażi stess ta’ tali analiżi, kif mitlub mill‑ġurisprudenza msemmija fil-punti 289 sa 295 hawn fuq.

318. La ma huwiex, bħala regola, eskluż li jiġu kkunsidrati avvenimenti sussegwenti, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-implimentazzjoni ta’ ftehim waqt l-analiżi tal-effetti negattivi tiegħu fis-suq, kif indikat il‑Kummissjoni (ara l-premessa 1220 tad-deċiżjoni kkontestata u l‑punt 260 hawn fuq), dawn l-elementi ma għandhomx jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit xenarju kontrafattwali li huwa bbażat b’mod żbaljat fuq l-eżistenza bħala tali tal-imsemmi ftehim, minkejja li l-imsemmi xenarju huwa intenzjonat li jitlaq min-nuqqas tiegħu.

319. Għalhekk, huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq it‑tkomplija u r-riżultati tal-proċeduri quddiem il-qorti Brittanika u l‑UEP, wara l-irtirar ta’ Krka ta’ dawn il-proċeduri, sabiex tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ effetti restrittivi tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li tinsab fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka (punt 278 hawn fuq). Anki kieku t-tkomplija tal-imsemmija proċeduri minn Krka ma kinux ser iwasslu għal riżultat differenti f’termini ta’ privattivi u ta’ kawżi minn dak miksub bit-tkomplija tagħhom minn operaturi oħra (li lanqas ġie stabbilit), dan ma għandux ikun rilevanti għall-finijiet tal‑evalwazzjoni kontrofattwali tal-effetti tal-imsemmija klawżola. Għal dan il-għan, dak li huwa importanti hija l-kwistjoni dwar jekk din il‑klawżola kellhiex l-effett li Krka tabbanduna l-isforzi tagħha li tikkompeti ma’ Servier, b’mod partikolari, billi tkompli l-proċeduri inkwistjoni.

320. Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-analiżi kontrafattwali għandha ssir fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim ma hijiex żbaljata. Għall-kuntrarju, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, in‑natura antikompetittiva ta’ att għandha tkun evalwata fil-mument li fih dan l-att ġie kommess (137). Dan huwa koerenti sa fejn huma l-ftehimiet li għandhom bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id‑distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern li huma pprojbiti bis-saħħa tal-Artikolu 101(1) TFUE. Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk ftehim għandux għan jew effetti antikompetittivi għandha, bħala regola, tiġi eżaminata, fil-mument tal-konklużjoni tiegħu.

321. Żviluppi sussegwenti, indipendenti mill-volontà tal-partijiet u tal‑mekkaniżmi implimentati mill-ftehim, ma jistgħux ineħħu n-natura antikompetittiva ta’ ftehim li kellu effett li jillimita l-kompetizzjoni fil‑mument tal-konklużjoni tiegħu (138). Kif spjegat il-Kummissjoni, b’mod partikolari, fis-seduta f’dan l-appell, avveniment sussegwenti, li jinnewtralizza l-effetti ta’ ftehim, ma għandux jiġi kkunsidrat ħlief ex nunc, b’effett mill-mument meta jseħħ, sabiex jistabbilixxi l-portata tal‑ksur tal-Artikolu 101 TFUE, permezz tal-ftehim. Barra minn hekk, huwa preċiżament b’dan il-mod li l-Kummissjoni kkunsidrat, f’dan il‑każ, avvenimenti ulterjuri, li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehimiet ikkontestati, f’dan il-każ l-annullament tal-privattiva 947 fir-Renju Unit, fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-UEP, sabiex tistabbilixxi t-tmiem rispettiv tal-ksur (ara, f’dak li jikkonċerna lil Krka, premessa 2126 tad‑deċiżjoni kkontestata).

322. Barra minn hekk, is-sentenza appellata, fuq dan il-punt, hija vvizzjata b’kontradizzjoni ta’ motivi. Fil-punt 856 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fir-rigward tal-ftehim konkluż minn Servier ma’ Lupin, li avvenimenti possibbli li jseħħu wara l‑konklużjoni ta’ dan il-ftehim ma għandhomx jinnewtralizzaw in-natura restrittiva tiegħu u li “fil-fatt [kellha] ssir distinzjoni minn naħa, bejn il‑kwistjoni tal-eżistenza nnifisha tal-ksur, li ma tistax tiġi kkontestata fil‑kawża mis-sempliċi possibbiltà li jseħħu avvenimenti futuri u, min‑naħa l-oħra, dik tal-perijodu tal-ksur, li tista’ tiddependi mill-fatt li dawn l-avvenimenti jseħħu”.

323. Din il-kunsiderazzjoni tikkorrispondi eżattament mal-argument tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-ftehimiet Krka. Ma huwiex ċar għaliex il-Qorti Ġenerali evalwat din il-kwistjoni b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-imsemmija ftehimiet, minn naħa, u l-ftehim konkluż minn Servier ma’ Lupin, min-naħa l-oħra.

iii) Fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tad-distinzjoni bejn il-ftehimiet implimentati u l-ftehimiet mhux implimentati

324. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn l-analiżi tal-effetti tal-ftehimiet li ġew implimentati u dawk tal-ftehimiet li ma ġewx implimentati (ara l‑punti 1107 sa 1133 tas-sentenza appellata u l-punt 274 hawn fuq) ma hijiex rilevanti. Sa fejn l-analiżi kontrafattwali ssir fil-mument tal‑konklużjoni tal-ftehim, din id-distinzjoni ma tagħmilx sens sabiex jiġu stabbiliti effetti ta’ ftehim, anki jekk ma huwiex eskluż li għandhom jiġu kkunsidrati elementi ulterjuri, relatati mal-implimentazzjoni ta’ ftehim, minħabba l-kuntest tiegħu.

325. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-distinzjoni bejn effetti reali u potenzjali, kif użata mill-Qorti Ġenerali fil-qafas ta’ din id‑distinzjoni bejn ftehimiet implimentati u ftehimiet mhux implimentati, lanqas hija rilevanti għaliex, waqt l-analiżi kontrafattwali, fi kwalunkwe każ, l-effetti potenzjali għandhom jiġu kkunsidrati bl-istess mod bħall‑effetti reali (139).

326. Qabel xejn, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jirrigwardaw l‑allegata distinzjoni bejn ftehimiet implimentati u ftehimiet mhux implimentati għall-finijiet tal-analiżi tal-effetti tagħhom, lanqas ma jirriżultaw mill-ġurisprudenza analizzata mill-Qorti Ġenerali għal dan il‑għan fil-punti 1107 sa 1133 tas-sentenza appellata (punt 274 hawn fuq). Minbarra n-natura eċċessivament każwali, il-qari ta’ din il‑ġurisprudenza li tipproponi l-Qorti Ġenerali mhux biss huwa kuntrarju għall-istruttura u l-għan tal-Artikolu 101 TFUE (ara l-punt 320 hawn fuq), iżda minn din il-ġurisprudenza hija tislet ukoll konklużjonijiet inkompatibbli mad-dikjarazzjonijiet espliċiti tagħha, li jirreferu kemm għall-effetti reali kif ukoll potenzjali tal-ftehimiet eżaminati.

3)      Konklużjoni dwar l-effetti tal-ftehimiet Krka

327. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, magħmula fil-qafas tal-eżami tas-seba’ aggravju tal-Kummissjoni (punti 282 sa 326 hawn fuq), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat bħala “ipotetiku” u ċaħdet l-approċċ li tibbaża ruħha fuq l-effett reali tal‑eliminazzjoni ta’ Krka bħala sors ta’ kompetizzjoni potenzjali, sabiex tistabbilixxi l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni tal-ftehimiet Krka. Il‑konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li dawn il-ftehimiet ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett (punti 1217 u 1232 tas-sentenza appellata), hija bbażata fuq analiżi vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u għandha tiġi annullata.

328. Kif diġà tfakkar fil-punt 251 hawn fuq, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

329. Mill-eżami tas-seba’ aggravju jirriżulta li dawn huwa l-każ ta’ din il-kawża f’dan li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-ftehimiet Krka. Dan l-eżami wera li l-għaxar motiv imressaq fl-ewwel istanza minn Servier, li fuqu hija bbażata l-analiżi tal-Qorti Ġenerali (ara l-punti 1217 u 1232 tas-sentenza appellata), ma jippermettix li tiġi invalidata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehimiet Krka kellhom l-effett li jillimitaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni potenzjali bejn Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi (premessa 1850 tad-deċiżjoni kkontestata).

330. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tiddeċiedi l-kawża u tiċħad l‑għaxar motiv imressaq fl-ewwel istanza minn Servier f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-ftehimiet Krka, u dan iwassal għall-konferma tad‑deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

c)      Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur skont lArtikolu 101(1) TFUE fir-rigward tal-ftehimiet Krka

331. Mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 250 sa 253 u 327 sa 330 hawn fuq, jirriżulta li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, relatati man‑nuqqas ta’ għan u ta’ effetti antikompetittivi tal-ftehimiet Krka (punti 1217 u 1232 sa 1234 tas-sentenza appellata), għandhom jiġu annullati, u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi l-kawża fuq dan il‑punt u tiċħad il-motivi tal-ewwel istanza, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ għan u ta’ effetti antikompetittivi ta’ dawn il-ftehimiet. Għalhekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tikkonferma l-konstatazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li dawn il-ftehimiet jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu tal‑Artikolu 101 TFUE, kif ukoll il-multa imposta fuq Servier f’dan ir‑rigward (l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(4) tad-deċiżjoni kkontestata).

2.      Fuq l-Artikolu 102 TFUE

332. Permezz tal-aggravji tmienja sa ħdax tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta annullat id‑deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ ksur tal‑Artikolu 102 TFUE minn Servier.

333. Il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motivi kollha mressqa minn Servier fl‑ewwel istanza (il-motivi erbatax sa sbatax), relatati mal-ksur tal‑Artikolu 102 TFUE, abbażi tal-konstatazzjoni tagħha li skont il‑Kummissjoni kienet iddefinixxiet b’mod żbaljat is-suq rilevanti tal‑prodotti lesti bħala li huwa limitat għall-molekula waħda tal‑perindropil fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriċi tiegħu.

334. Qabel ma neżamina l-aggravji tal-Kummissjoni li jikkontestaw din il-konstatazzjoni (b), huwa utli li jingħata sunt tal-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward (a).

a)      Il-konstatazzjonijiet relatati mal-Artikolu 102 TFUE fiddeċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata

1)      Id-deċiżjoni kkontestata

335. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonstatat li s-suq rilevanti tal‑prodotti lesti kien limitat għall-perindropil kemm fil-verżjoni tal-bidu tiegħu kif ukoll fil-verżjoni ġenerika tiegħu. Hija għamlet din il‑konstatazzjoni fuq erba’ Stati Membri analizzati, jiġifieri Franza, il‑Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u r-Renju Unit, għall-perijodu mill-2000 sal‑2009 (taqsima 6, premessi 2128 sa 2549 tad-deċiżjoni kkontestata).

336. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni spjegat, qabel xejn, li l-perindropil, użat fit-trattament tal-pressjoni għolja, kien ċertament jifforma parti mill-klassi ta’ “Inibituri tal-Enżima ta’ Konverżjoni tal-anġjotensin (IEK)”, li kienu jiffurmaw grupp li jinkludi sittax-il molekula differenti matul il-perijodu rilevanti, li kellhom l-istess mod ta’ azzjoni u li kellhom indikazzjonijiet terapewtiċi u effetti sekondarji ħafna drabi simili. Madankollu, l-IEK kollha ma kinux jiffurmaw grupp ta’ prodotti mediċinali perfettament omoġenji, u l‑perindropil kien irrikonoxxut għal ċerti karatteristiċi li kienu jiddistingwuh mill-IEK l-oħra. Fil-bidu tal-perijodu rilevanti għad‑definizzjoni tas-suq, fl-2000, il-klassi tal-IEK kienet diġà klassi mmaturata u l-parti l-kbira tal-IEK kienu diġà disponibbli fil-verżjoni ġenerika. Il-verżjonijiet ġeneriċi tal-IEK kkunsidrati bħala l-eqreb tal‑perindropil kienu saru disponibbli bejn l-1999 u l-2005 (premessi 92, 93, 2144, 2145, 2149, 2165 sa 2171, 2449 u 2537 u t-tabelli 21, 24, 27 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

337. Sussegwentement, billi eżaminat ir-restrizzjonijiet kompetittivi li għalihom kien suġġett il-perindropil, il-Kummissjoni kkonstatat li Servier kien ibbaża ruħu fuq id-differenzi bejn l-IEK u l-karatteristiċi partikolari tal-perindropil sabiex iwettaq politika ta’ differenzjazzjoni fl‑attivitajiet ta’ promozzjoni tiegħu mat-tobba li jippreskrivu (premessi 2445 sa 2457 tad-deċiżjoni kkontestata).

338. Barra minn hekk u fuq kollox, il-Kummissjoni kkonstatat li t‑tnaqqis tal-prezzijiet qawwi ħafna tal-IEK l-oħra wara d-dħul tal‑verżjonijiet ġeneriċi tagħhom ma wassalx għal tnaqqis tal-prezzijiet tal‑perindropil u tal-ispejjeż ta’ promozzjoni ta’ Servier, li baqgħu stabbli matul il-perijodu kkunsidrat, u lanqas għal tnaqqis tal-volumi mibjugħa tal-perindropil, li baqgħu jiżdiedu b’mod kostanti. It-tnaqqis qawwi ferm tal-prezzijiet tal-IEK l-oħra għalhekk ma wassalx sabiex dawn l-IEK l‑oħra jissostitwixxu l-perindropil. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-perindropil ma kien suġġett għall-ebda restrizzjoni tal‑kompetizzjoni sinjifikattiva min-naħa tal-IEK l-oħra matul il-perijodu investigat u li Servier kien għalhekk f’pożizzjoni li jaġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendentament mill-manifatturi l-oħra ta’ IEK (premessi 2460 sa 2495, 2521 u 2544 tad-deċiżjoni kkontestata).

339. Finalment, il-Kummissjoni kkonstatat li l-effikaċja limitata ta’ ċerti restrizzjonijiet eżerċitata mill-IEK l-oħra fuq il-perindropil kienet tikkontrasta nettament mal-qawwa tar-restrizzjoni mistennija u eventwalment introdotta bid-dħul tal-ġeneriċi tal-perindropil, li setgħu jikkompetu mal-bejgħ kollu eżistenzi tal-perindropil tal-bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill‑ġeneriċi tal-perindropil kellha tiġi kkunsidrata bħala kruċjali fl‑evalwazzjoni tas-suq ta’ prodotti inkwistjoni meta l-prattiki kkontestati kellhom l-għan li jinnewtralizzaw din l-istess restrizzjoni (premessi 2528 sa 2546 tad-deċiżjoni kkontestata).

340. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni analizzat il-pożizzjoni ta’ Servier fis‑suq rilevanti tal-prodotti lesti u kkonkludiet li Servier sab ruħu f’pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE fis-suq tal‑perindropil tal-bidu u ġeneriku fir-Renju Unit, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Franza u fil-Polonja matul il-perijodu kkunsidrat (taqsima 6, premessi 2550 sa 2600 tad-deċiżjoni kkontestata).

341. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkonstatat li s-suq rilevanti upstream tas-suq tal-prodotti lesti, is-suq tat-teknoloġija, kien limitat għat-teknoloġija tal-perindropil biss u li Servier kellu wkoll pożizzjoni dominanti f’dan is-suq tat-teknoloġija (taqsima 7, premessi 2601 sa 2758 tad-deċiżjoni kkontestata).

342. Finalment, fir-raba’ lok, il-Kummissjoni analizzat l-aġir ta’ Servier u kkonkludiet li l-istrateġija unika u kontinwa ta’ Servier li tiġbor, b’mod partikolari, akkwist ta’ teknoloġija ta’ IFA u ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattiva bi ħlas invertit kienet ikkostitwixxiet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE (taqsima 8, premessi 2759 sa 2998 tad-deċiżjoni kkontestata).

2)      Is-sentenza appellata

343. Il-Qorti Ġenerali, minn naħa tagħha, laqgħet, fl-ewwel lok, l‑erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza, relatat mad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti lesti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 102 TFUE. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod żbaljat is-suq rilevanti bħala li huwa limitat biss għall-molekula tal-perindropil (punti 1367 sa 1592 tas-sentenza appellata).

344. Dan l-erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza kien fih tliet ilmenti (punti 1367 sa 1370 tas-sentenza appellata).

345. Wara li għamlet xi osservazzjonijiet preliminari (punti 1371 sa 1405 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, eżaminat u ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha tal-kuntest ekonomiku (punti 1406 sa 1417 tas-sentenza appellata). Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat u laqgħet it-tieni ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat is-sostitwibbiltà terapewtika tal-IEK (punti 1418 sa 1566 tas-sentenza appellata). Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat u laqgħet it-tieni parti tal-ewwel ilment, ibbażata fuq l-importanza eċċessiva mogħtija lill-kriterju tal-prezz fl-analiżi tas-suq (punti 1567 sa 1585 tas-sentenza appellata). Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx hemm lok li tingħata risposta għat-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-analiżi ekonometrika tal-prezzijiet imwettqa mill‑Kummissjoni hija vvizzjata b’difett metodoloġiku (punt 1586 tas‑sentenza appellata).

346. Fi tmiem dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li fakkret, fil‑punt 1374 tas-sentenza appellata, il-prinċipju li l-istħarriġ eżerċitat mill-qrati tal-Unjoni fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa neċessarjament limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti u tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (140), kkonkludiet li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet wettqet serje ta’ “żbalji” fl-analiżi tad-definizzjoni tas-suq rilevanti u għalhekk kienet illimitat b’mod żbaljat is-suq rilevanti ta’ prodotti lesti biss għall-molekula tal-perindropil, b’tali mod li kellu jiġi milqugħ l‑erbatax-il motiv fl-ewwel istanza (punti 1589 sa 1592 tas-sentenza appellata).

347. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet, fit-tieni lok, il‑ħmistax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza u annullat il‑konstatazzjoni magħmula mid-deċiżjoni kkontestata li Servier kellu, f’dan is-suq ta’ prodotti lesti, pożizzjoni dominanti (punti 1595 sa 1608 tas-sentenza appellata).

348. Il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll, fit-tielet lok, is-sittax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza u annullat il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq qabel il-prodotti lesti, jiġifieri dak tat-teknoloġija (punti 1611 sa 1622 tas-sentenza appellata).

349. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni korretta ta’ suq, il-Qorti Ġenerali finalment, fir-raba’ lok, laqgħet is-sbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza u annullat il-konstatazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-aġir abbużiv ta’ Servier (punti 1625 sa 1632 tas-sentenza appellata).

350. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 6 (konstatazzjoni ta’ ksur ta’ Servier tal-Artikolu 102 TFUE) u l-Artikolu 7(6) (multa għal dan il-ksur) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata (punti 1633 u 1963 u l-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas‑sentenza appellata).

b)      L-aggravji relatati mal-Artikolu 102 TFUE

351. Il-Kummissjoni tressaq erba’ aggravji kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati mad-definizzjoni tas-suq rilevanti.

352. Fil-qafas tat-tmien aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi billi ppremettiet li l‑Kummissjoni kienet tat importanza eċċessiva għall-prezzijiet meta ġie stabbilit is-suq tal-prodotti lesti (1).

353. Permezz tad-disa’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi kemm fl-approċċ kunċettwali tagħha kif ukoll fil-konstatazzjonijiet speċifiċi tagħha f’dak li jirrigwarda s-sostitwibbiltà terapewtika (2).

354. L-għaxar aggravju tal-Kummissjoni huwa intiż sabiex jikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddikjarat ammissibbli l-annessi A 286 u A 287 tar-rikors u l-anness C 29 tar-replika (3).

355. Finalment fil-qafas tal-ħdax u l-aħħar aggravju tagħha, il‑Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta annullat, abbażi tal-konstatazzjonijiet tagħha dwar is-suq tal-prodotti lesti, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mas-suq rilevanti tat‑teknoloġija tal-IFA tal-perindropil (4).

1)      Fuq il-pożizzjoni tal-prezz waqt li jiġi stabbilit is-suq rilevanti talprodotti lesti (it-tmien aggravju)

356. Fil-qafas tat-tmien aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari minħabba l-applikazzjoni żbaljata tagħha tal-kunċett ta’ suq rilevanti u minħabba l‑motivazzjoni insuffiċjenti u/jew kontradittorja, meta hija laqgħet, fil‑punti 1567 sa 1586 tas-sentenza appellata, it-tieni parti tal-ewwel ilment tal-erbatax-il motiv imressaq minn Servier fl-ewwel istanza, li kkritika l-fatt li l-Kummissjoni tat importanza eċċessiva għall-iżvilupp tal-prezzijiet relatati mal-prodotti mediċinali waqt li kien qiegħed jiġi stabbilit is-suq rilevanti tal-prodotti (punt 344 u 345 hawn fuq).

357. Kif imfakkar mill-Kummissjoni u kif indikat fil-punt 345 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel ilment tal-erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza (punti 1406 sa 1417 tas-sentenza appellata). Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kkonfermat illi l‑Kummissjoni kienet ikkunsidrat il-kuntest ekonomiku kollu fl-analiżi tagħha tas-suq rilevanti, inkluż l-użu terapewtiku tal-prodotti mediċinali u l-bidliet relattivi tal-prezzijiet (punti 1411 sa 1415 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ukoll, bħala elementi fattwali, is-sensibbilità dgħajfa tal-perindropil għall-varjazzjonijiet fil‑prezz tal‑IEK l-oħra, mhux ikkontestata minn Servier, kif ukoll il-fatti li l‑volumi tal-perindropil mibjugħa minn Servier komplew jikbru b’mod kostanti u li l-profittabbiltà ta’ Servier kienet baqgħet għolja ħafna matul il-perijodu kkunsidrat (punti 1499, 1500, 1559, 1573, 1579 u 1583 tas‑sentenza appellata).

358. Kif tirrileva l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset li l‑Kummissjoni kienet ikkunsidrat l-elementi kollha rilevanti, iżda li kienet tat importanza eċċessiva għall-bidliet relattivi tal-prezzijiet f’kuntest li fih dawn il-bidliet, li kienu jikkonsistu fi tnaqqis drastiku tal‑prezzijiet ta’ IEK oħra allegatament f’kompetizzjoni mal-perindropil, sa 90 % (141), ma kienx affettwa la l-prezzijiet u l-volumi tal-perindropil mibjugħa minn Servier, u lanqas il-profittabbiltà ta’ dan tal-aħħar fuq perijodu ta’ disa’ snin.

359. Il-Kummissjoni ssostni li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet serje ta’ żbalji ta’ liġi, li jirrigwardaw il-fatturi marbuta mal‑prezzijiet sabiex jiġi stabbilit is-suq rilevanti (i), in-nuqqas ta’ sensibbiltà għall-prezzijiet tat-tobba li jippreskrivu (ii), u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kompetizzjoni eżerċitata mill-ġeneriċi tal‑perindropil (iii).

i)      Fuq il-fatturi marbuta mal-prezzijiet meta jiġi stabbilit is-suq rilevanti (l-ewwel u t-tieni parti tat-tmien aggravju)

360. Fil-qafas tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tmien aggravju tagħha, il‑Kummissjoni ssostni, minn naħa, li b’mod partikolari fil‑punti 1380 sa 1405 u 1567 sa 1586 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ppremettiet li l-fatturi marbuta mal-prezz kienu ngħataw importanza żejda sabiex jiġi stabbilit is-suq rilevanti, filwaqt li hija stess ma tat l-ebda importanza reali għall-fattur prezz fl-analiżi tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li s‑sentenza appellata hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti u b’kontradizzjoni ta’ motivi li jikkonċernaw il-fatturi marbuta mal‑prezzijiet.

361. Għandu jiġi kkonstatat li minn sempliċi qari tal‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward jirriżulta li l‑Kummissjoni għandha raġun issostni li huma vvizzjati b’motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja.

362. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati mal-fattur prezz jibdew, fil-punti 1390 sa 1404 tas-sentenza appellata, b’serje ta’ riflessjonijiet ġenerali li jirrigwardaw “id-delimitazzjoni ta’ suq rilevanti ta’ prodotti fis-settur farmaċewtiku” (142). Il-Qorti Ġenerali hawnhekk irrilevat, essenzjalment, li l-pressjoni kompetittiva permezz tal-prezzijiet kienet attenwata b’mod sostanzjali fis-settur farmaċewtiku minħabba l‑importanza mogħtija mit-tobba li jippreskrivu lill-aspetti terapewtiċi tal-prodotti mediċinali u tal-qafas regolatorju li jirregola l-prezzijiet u l‑modalitajiet ta’ rimbors tagħhom (punti 1390 sa 1394 tas-sentenza appellata).

363. Skont il-Qorti Ġenerali, il-libertà tal-għażla tat-tobba u l‑attenzjoni li jagħtu lill-aspetti terapewtiċi jippermettu restrizzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi ta’ natura kwalitattiva u mhux tariffarja li jiġu eżerċitati, minbarra l-mekkaniżmi ta’ pressjoni mill-prezzijiet (punti 1395 sa 1397 tas-sentenza appellata).

364. Fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punti 1392 u 1398 tas-sentenza appellata, li l-varjant tal-prezz seta’ jkollu l-importanza tiegħu sabiex jiġi stabbilit is-suq rilevanti fis-settur farmaċewtiku. In‑nuqqas ta’ impatt tat-tnaqqis sinjifikattiv tal-prezz tal-prodott mediċinali fuq prodott mediċinali rrikonoxxut bħala sostitwibbli seta’ għalhekk jikkostitwixxi indikazzjoni tad-dgħufija tal-pressjoni kompetittiva subita minn dan tal-aħħar.

365. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 1578 tas-sentenza appellata, li s-sostitwibbiltà ekonomika setgħet teżisti meta bidliet li jaffettwaw varjanti ekonomiċi sinjifikattivi minbarra l-prezz jittrasferixxu sehem sinjifikattiv mill-bejgħ ta’ prodott lejn ieħor.

366. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom, fl-opinjoni tagħha, il-fatt irrikonoxxut fil-punti 1573 sa 1575 tas-sentenza appellata, li t-tnaqqis sinjifikattiv tal-prezzijiet tal-IEK l‑oħra ma kellu l-ebda effett fuq il-perindropil u li ġustament ma kienx hemm trasferimenti ta’ bejgħ tal-perindropil lejn l-IEK oħra, ma kienx indikazzjoni tan-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva subita mill-perindropil min-naħa tal-IEK l-oħra.

367. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tispjega l-konklużjoni tagħha li tinsab fil-punt 1579 tas-sentenza appellata, li tibda bit-terminu “konsegwentement”, minkejja li l-punti preċedenti ma jippermettux li l‑kontenut jiġi bbażat fuqhom. Skont din il-konklużjoni li ma hijiex spjegata, il-fatt li l-bejgħ u l-prezzijiet tal-perindropil naqsu biss wara d‑dħul tal-perindropil ġeneriku, filwaqt li baqgħu stabbli waqt it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-IEK l-oħra, ma jippermettix li jiġi konkluż li ma kienx hemm restrizzjonijiet kompetittivi sa meta daħlu ġeneriċi tal-perindropil.

368. Il-Qorti Ġenerali illimitat ruħha, fil-punt 1577 tas-sentenza appellata, sabiex tiddikjara li, fis-settur farmaċewtiku, kellhom jiġu kkunsidrati pressjonijiet kompetittivi ta’ natura mhux tariffarja, u f’dan ir-rigward irreferiet għall-kunsiderazzjonijiet tagħha li jinsabu fil‑punti 1418 sa 1566 tas-sentenza appellata, intiżi sabiex jirrispondu għat‑tieni ilment tal-erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza, li kien jirrigwarda s-sostitwibbiltà terapewtika bejn il-perindropil u l-IEK l-oħra (punt 1369 tas-sentenza appellata).

369. Tali riferiment ġenerali, mingħajr spjegazzjonijiet, għall-premessi esposti f’148 punt tas-sentenza appellata, ma jippermettix lill-partijiet u lill-Qorti tal-Ġustizzja jifhmu l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Iżda, id‑dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali lanqas ma jippermettu li jinftehmu r-raġunijiet li għalihom ir-restrizzjonijiet kompetittivi ta’ natura mhux tariffarja, allegatament eżerċitata mill-IEK l-oħra fuq il-perindropil, minkejja li l-eżistenza tagħhom ġiet immotivata b’mod suffiċjenti f’dawn il-148 punt, bl-ebda mod ma huma riflessi fl-iżvilupp ta’ prezzijiet u ta’ volumi tal-perindropil, osservat mill-Kummissjoni, li jissuġġerixxi għall‑kuntrarju li l-perindropil kien protett bir-restrizzjonijiet min-naħa tal-IEK l-oħra.

370. Kif ġustament tikkritika l-Kummissjoni, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-fattur prezz hija għalhekk mhux biss insuffiċjenti, għaliex ma tippermettix li tiġi mifhuma l-pożizzjoni ta’ dan il-fattur fl‑analiżi kollha tagħha, iżda hija wkoll kontradittorja, peress li l-Qorti Ġenerali taċċetta, bħala regola, fl-ewwel lok, ir-rwol tal-fattur prezz, filwaqt li twarrbu, fit-tieni lok, mingħajr motivi insostenn ta’ dan, minn din l-istess analiżi.

371. Finalment, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tidher li kkontestat l-importanza tal-fattur prezz bħala tali fl-analiżi tagħha relatat mas-suq rilevanti. Il-Qorti Ġenerali tonqos milli tirrelata l‑kunsiderazzjonijiet tagħha dwar ir-restrizzjonijiet mhux tariffarji, minn naħa, u l-prezzijiet, min-naħa l-oħra, u sempliċement indikat li tal‑ewwel kienu jeżistu u li n-nuqqas tal-impatt tagħhom fuq it-tieni ma kienx rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi.

372. Il-Kummissjoni korrettament issostni li, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

373. Skont dawn il-prinċipji, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni hija użata sabiex tiddefinixxi l-perimetru li fih għandha tiġi evalwata l‑kwistjoni dwar jekk impriża kkonċernata hijiex f’pożizzjoni li taġixxi, sa ċertu punt apprezzabbli, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill‑konsumaturi (143).

374. Fi kliem ieħor, għandu jiġi eżaminat jekk hemmx prodotti kompetituri li jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi fuq l‑impriżi inkwistjoni (144). Għall-finijiet ta’ tali analiżi, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti inkwistjoni, f’dan il-każ is-sostitwibbiltà terapewtika bejn il-perindropil u l-IEK l‑oħra, iżda wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tad‑domanda u tal-offerta fis-suq, u għalhekk l-indikazzjonijiet ta’ restrizzjonijiet kompetittivi kollha possibbli (145).

375. Kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha fil-kawża AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (146), dawn il-prinċipji huma wkoll validi fil-każ ta’ swieq farmaċewtiċi, għaliex il-karatteristiċi partikolari ta’ dawn is-swieq ma jsirux rilevanti abbażi tal-indikazzjonijiet ibbażati fuq il-prezzijiet.

376. Waqt li jiġi stabbilit is-suq rilevanti, għalhekk għandhom jiġu identifikati b’mod sistematiku r-restrizzjonijiet li l-kompetizzjoni tpoġġi fuq l-impriżi inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx kompetituri reali, li kapaċi jħallu effett fuq l-aġir ta’ dawn l-impriżi jew jipprekluduwhom milli jaġixxu b’mod indipendenti mill-pressjonijiet li teżerċita kompetizzjoni effettiva (147).

377. Fil-qafas ta’ din l-analiżi, xi avvenimenti naturali fis-suq matul il‑perijodu kkunsidrat (148) kif ukoll il-fatti msemmija bħala aġir abbużiv (149) jistgħu jiġu kkunsidrati.

378. Waqt tali eżerċizzju, ma huwiex possibbli li jiġu injorati fatturi, bħal f’dan il-każ l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-perindropil u tal-IEK l-oħra, li jindikaw li prodotti teoretikament sostitwibbli għall-prodott inkwistjoni ma eżerċitawx restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuqu. Dan huwa iktar u iktar veru li dan l-iżvilupp juri li kien biss id-dħul fis-suq ta’ ġeneriċi tal-perindropil stess li kellu impatt fuq dan tal-aħħar. Huma preċiżament il-ftehimiet konklużi minn Servier sabiex jittardja d-dħul ta’ dawn il-ġeneriċi fis-suq li huma l-bażi, f’dan il-każ, tal-kritika tal‑eżistenza ta’ abbuż.

379. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel u t-tieni parti tat-tmien aggravju tal-Kummissjoni, ibbażati fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja u żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fattur prezz waqt l-analiżi tas-suq pertinenti mill‑Qorti Ġenerali, kienu fondati.

ii)    Fuq in-nuqqas ta’ sensittività għall-prezzijiet tat-tobba li jippreskrivu (it-tielet u r-raba’ parti tat-tmien aggravju)

380. Permezz tat-tielet u tar-raba’ partijiet tat-tmien aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil‑kunsiderazzjonijiet tagħha relatati man-nuqqas ta’ sensittività għall‑prezzijiet mit-tobba li jippreskrivu u billi pproċediet b’motivazzjoni insuffiċjenti u/jew kontradittorja f’dan ir-rigward.

381. Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li, kif tikkritika l-Kummissjoni, din il-motivazzjoni tas-sentenza appellata tidher effettivament kontradittorja u ma tippermettix li jinftehmu l-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali siltet minn nuqqas ta’ sensittività tat-tobba għall-prezzijiet.

382. B’hekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 1390 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-pressjoni kompetittiva mill-prezzijiet ġiet attenwata fis-settur farmaċewtiku minħabba l-importanza mogħtija mit-tobba lill-aspetti terapewtiċi jista’ jiġġustifika d-delimitazzjoni ta’ swieq ristretti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 1575 sa 1578 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq in-nuqqas ta’ sensittività tat‑tobba għall-prezzijiet sabiex tiġġustifika definizzjoni wiesgħa tas-suq abbażi ta’ restrizzjonijiet kompetittivi mhux tariffarji eżerċitati fuq il‑perindropil mill-IEK l-oħra.

383. Barra minn hekk, filwaqt li ġie sottomess, fil-punti 1393 sa 1395 tas-sentenza appellata, li t-talba fis-settur farmaċewtiku kienet essenzjalment stabbilita mit-tobba li jippreskrivu, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, b’mod partikolari fil-punti 1398 u 1464 tas-sentenza appellata, li t-talba f’dan is-settur kienet iddeterminata wkoll mis-sistemi ta’ sigurtà soċjali, li setgħu jinkoraġġixxu l-preskrizzjoni ta’ verżjonijiet ġeneriċi ta’ prodotti mediċinali rrikonoxxuti bħala ekwivalenti.

384. B’din il-motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja, il‑konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali tislet minnha fir-rigward tal-effett tad-domanda fis-settur farmaċewtiku għalhekk ma jistgħux jinftehmu.

385. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha raġun ukoll li ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat b’mod żbaljat il-funzjoni stess tad-definizzjoni tas-suq, li hija li tidentifika r‑restrizzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi li għalihom huma suġġetti l‑impriżi, f’dan il-każ Servier. Kif issostni l-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ sensittività tat-tobba għall-prezzijiet huwa iktar ta’ natura li jdgħajjef ir‑restrizzjonijiet kompetittivi imposti fuq Servier, inkwantu tippermettilu jistabbilixxi l-prezzijiet tiegħu b’mod liberu, u mhux bil‑kontra, dak li l-Qorti Ġenerali wara kollox irrikonoxxiet fil-punt 1390 tas-sentenza appellata (150).

386. Kif il-Kummissjoni kkritikatha, b’mod partikolari, fis-seduta f’dan l-appell, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ suq rilevanti billi kkonċentrat wisq fuq ir-restrizzjonijiet imposti fuq it‑tobba minflok analizzat ir-restrizzjonijiet imposti fuq Servier. Kif il‑Kummissjoni rrilevat ukoll fis-seduta, l-għan tad-definizzjoni tas-suq ma huwiex li tistrieħ fuq l-għażliet tat-tobba bħala tali, iżda li tevalwa l‑implikazzjonijiet tagħhom għall-portata tar-restrizzjonijiet kompetittivi imposti fuq Servier.

387. Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ partijiet tat-tmien aggravju, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi u fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni waqt it‑teħid inkunsiderazzjoni tal-għażliet tat-tobba għall-finijiet li jiġi stabbilit is-suq rilevanti mill-Qorti Ġenerali, huma wkoll fondati.

iii) Fuq il-kompetizzjoni eżerċitata mill-ġeneriċi tal-perindropil (ilħames u s-sitt partijiet tat-tmien aggravju)

388. Finalment, permezz tal-ħames u tas-sitt partijiet tat-tmien aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l‑kompetizzjoni eżerċitata mill-ġeneriċi tal-perindropil u billi pproċediet f’dan ir-rigward b’motivazzjoni insuffiċjenti u/jew kontradittorja.

389. Dawn il-kritiki parzjalment ikopru xi lmenti diġà eżaminati fil‑qafas tal-ewwel u tat-tieni partijiet tat-tmien aggravju.

390. Kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 367 u 369 hawn fuq, il‑motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija insuffiċjenti inkwantu ma tippermettix li jinftehmu l-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali siltet mill‑fatt, diġà rrikonoxxut fil-punti 1392 u 1579 tas-sentenza appellata, li l-prezzijiet tal-perindropil naqsu drastikament meta daħlu ġeneriċi ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li baqgħu stabbli waqt id-dħul ta’ ġeneriċi ta’ IEK oħra.

391. Bl-istess mod, ma huwiex possibbli li jinftehmu l-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali siltet mill-fatt, irrikonoxxut fil-punti 1392 u 1398 tas‑sentenza appellata, li s-sistemi ta’ sigurtà soċjali jistgħu jinkoraġġixxu l-preskrizzjoni ta’ ġeneriċi, kemm jekk huma l-ġeneriċi tal-prodott mediċinali inkwistjoni stess jew il-ġeneriċi ta’ prodotti mediċinali rrikonoxxuti bħala ekwivalenti.

392. Il-Kummissjoni tirrileva li l-punt 1392 tas-sentenza appellata jissuġġerixxi li l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-ġeneriċi ta’ ċertu prodott mediċinali ma tistax tiġi kkunsidrata ħlief wara d-dħul effettiv tagħhom fis-suq, li huwa żbaljat. Għalhekk, il-qari tal-punt 1392 tas‑sentenza appellata ma jippermettix li jinftiehem jekk il-Qorti Ġenerali effettivament illimitatx b’hekk it-teħid inkunsiderazzjoni tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata mill-ġeneriċi ta’ ċertu prodott mediċinali.

393. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, fis-sentenza Generics (UK) et li l-ġeneriċi ta’ ċertu prodott mediċinali jistgħu jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq ikkonċernat anki jekk għadhomx ma ġewx effettivament impoġġija għall-bejgħ fis-suq u jekk is-sitwazzjoni tal-privattivi hija inċerta, meta l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kkonċernati jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw ruħhom fi żmien qasir fis-suq ikkonċernat b’saħħa suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu kontrobilanċ serju għall-manifattur tal-prodott mediċinali ta’ verżjonijiet tal-bidu diġà preżenti fis-suq (151).

394. Fil-qafas tal-eżami ta’ din il-kwistjoni, l-elementi li juru l‑perċezzjoni, mill-proprjetarju tal-privattiva, ta’ ġeneriċi bħala theddida, huma rilevanti wkoll (152). Għalhekk, f’dan il-każ, kif diġà ġie indikat fil‑punt 378 hawn fuq, il-fatt li l-prattika kkontestata fid-deċiżjoni kkontestata kienet tikkonsisti fl-istrateġija implimentata minn Servier sabiex jittardja d-dħul ta’ ġeneriċi fis-suq, hija element importanti fil‑qafas tal-analiżi tas-suq rilevanti.

395. Kif korrettament issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx liema rilevanza kellha tingħata, fl-analiżi tagħha, għar‑restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-ġeneriċi tal-perindropil.

396. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq is-sostitwibbiltà terapewtika bejn il-perindropil u l-IEK l-oħra, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt, irrilevat mill‑Kummissjoni, li din is-sostitwibbiltà li ċertament kienet teżisti fit‑teorija, ma hijiex, fil-prattika, riflessa b’sostituzzjoni effettiva bejn dawn il-prodotti mediċinali.

397. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames u s-sitt partijiet tat-tmien aggravju, ibbażati fuq teħid inkunsiderazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-ġeneriċi tal-perindropil, u minn motivazzjoni insuffiċjenti f’dan ir-rigward, għandhom ukoll jintlaqgħu.

iv)    Konklużjoni intermedja

398. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, magħmula fil-qafas tal-eżami tat-tmien aggravju, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sentenza tagħha meta kkonstatat li l-Kummissjoni kienet tat importanza eċċessiva għall-fattur prezz waqt li kienet qiegħda tistabbilixxi s-suq rilevanti tal-prodotti lesti.

399. Dawn l-iżbalji, fihom infushom, huma suffiċjenti sabiex jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil‑punti 1589 sa 1591 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni allegatament iddefinixxiet b’mod żbaljat is-suq rilevanti tal-prodotti lesti u li ma huwiex stabbilit li dan is-suq kien limitat biss għall-perindropil tal-bidu u ġeneriku (punt 346 hawn fuq).

400. B’hekk, fil-punt 1589 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali verament elenkat ħames żbalji separati allegatament kommessi mill‑Kummissjoni waqt li kienet qiegħda tistabbilixxi s-suq rilevanti tal‑prodotti lesti. Minn dawn l-iżbalji, l-ewwel erba’ jirrigwardaw is‑sostitwibbiltà terapewtika bejn il-perindropil u l-IEK l-oħra u r‑restrizzjonijiet kompetittivi mhux tariffarji, filwaqt li kien il-ħames wieħed biss li kien jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fattur prezz.

401. Madankollu, fid-dawl tal-importanza tal-analiżi tal-imsemmi fattur prezz fl-analiżi globali tal-Kummissjoni (ara l-punt 338 hawn fuq) u l-interdipendenza tiegħu mal-fatturi l-oħra (ara l-punti 369, 371 u 378 hawn fuq, il-konstatazzjoni tan-natura żbaljata u insuffiċjentament immotivata tal-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward tivvizzja bi żball l-analiżi sħiħa magħmula minn din tal-aħħar fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat id‑disa’ aggravju tal-Kummissjoni, ibbażat fuq żbalji tal-Qorti Ġenerali waqt it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sostitwibbiltà terapewtika meta ġie stabbilit is-suq rilevanti tal-prodotti lesti.

402. Għalhekk, l-iżbalji tal-Qorti Ġenerali, ikkonstatati fil-qafas tal‑eżami tat-tmien aggravju, waħidhom jiġġustifikaw l-annullament tas‑sentenza appellata inkwantu laqgħet, abbażi tal-konstatazzjoni tan‑natura allegatament żbaljata tad-definizzjoni tas-suq rilevanti tal‑prodotti mill-Kummissjoni, l-erbatax sas-sbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza u annullat l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 343 sa 350 hawn fuq).

403. Huwa għalhekk sabiex inkun eżawrjenti li ser neżamina l-aggravji l-oħra tal-Kummissjoni relatati mal-Artikolu 102 TFUE.

2)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sostitwibbiltà terapewtika meta jiġi stabbilit is-suq rilevanti tal-prodotti lesti (id-disa’ aggravju)

404. Bid-disa’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi kemm fl-approċċ kunċettwali tagħha kif ukoll fil-konstatazzjonijiet speċifiċi tagħha f’dak li jirrigwarda s‑sostitwibbiltà terapewtika.

405. Fil-qafas tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, ibbażat fuq żbalji kommessi mill-Qorti Ġenerali waqt l-analiżi tar-rwol tas-sostitwibbiltà terapewtika meta jiġi stabbilit is-suq rilevanti tal-prodotti lesti, il‑Kummissjoni essenzjalment tikkontesta kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-parti tas-sentenza appellata intiża għall-eżami tat-tieni parti tal-ewwel ilment tal-erbatax-il motiv fl-ewwel istanza, ibbażata fuq l-importanza eċċessiva mogħtija lill-fattur prezz fl-analiżi tas-suq (punti 1567 sa 1585 tas-sentenza appellata) (ara l-punt 345 hawn fuq) (i).

406. Fil-qafas tat-tieni sas-sitt partijiet ta’ dan l-aggravju, ibbażati fuq żbalji kommessi mill-Qorti Ġenerali waqt it-teħid inkunsiderazzjoni jew l-analiżi ta’ ċerti elementi, il-Kummissjoni tikkritika kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-parti tas-sentenza appellata intiża għall-eżami tat-tieni ilment sal-erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza, li kien jirrigwarda s-sostitwibbiltà terapewtika bejn il-perindropil u l-IEK l-oħra (punti 1418 sa 1566 tas-sentenza appellata) (ara l-punt 345 hawn fuq) (ii).

i)      Fuq ir-rwol tas-sostitwibbiltà terapewtika sabiex jiġi stabbilit issuq rilevanti tal-prodotti lesti (l-ewwel parti tad-disa’ aggravju)

407. Permezz tal-ewwel parti tad-disa’ aggravju tagħha, il‑Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl‑analiżi tagħha tar-rwol tas-sostitwibbiltà terapewtika sabiex jiġi stabbilit is-suq rilevanti tal-prodotti lesti.

408. Kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, din il-parti ma hijiex inammissibbli għaliex ma tirrigwardax l-evalwazzjoni tal-fatti mill‑Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, din il-parti tirrigwarda l-klassifikazzjoni legali tal-fatti u l-konsegwenzi tad-dritt li l-Qorti Ġenerali siltet minnhom, li jaqgħu taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tal-appell (153).

409. Il-kritiki mressqa mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ din il-parti ta’ dan l-aggravju, relatata mal-sopravalutazzjoni tal-fatturi ta’ kompetizzjoni mhux tariffarji waqt l-analiżi tas-suq rilevanti tal-prodotti lesti mill-Qorti Ġenerali, jirriflettu l-kritiki mressqa mill-Kummissjoni fil-qafas tat-tmien aggravju tagħha, relatati mas-sottovalutazzjoni tal‑fattur prezz mill-Qorti Ġenerali waqt din l-analiżi.

410. Għalhekk, l-argumenti tal-Kummissjoni fil-qafas ta’ din il-parti tad-disa’ aggravju jikkoinċidu ma’ parti mill-argumenti diġà eżaminati u rrikonoxxuti bħala fondati fil-qafas tal-eżami tat-tmien aggravju.

411. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset is-sostitwibbiltà terapewtika bejn il-perindropil u l‑IEK oħra. Skont il-Kummissjoni, minn din is-sostitwibbiltà terapewtika biss, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet il-preżenza ta’ restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettivi ta’ natura mhux tariffarja eżerċitati mill-IEK l-oħra fuq il-perindropil.

412. Il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 1385, 1395, 1397, 1574 sa 1577, 1579 u 1584 tas-sentenza appellata, li essenzjalment, diġà ġew eżaminati fil-punti 362 sa 369 hawn fuq. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali qieset, sostanzjalment, li t-tobba kienu ggwidati, fl-għażla tagħhom ta’ preskrizzjoni, essenzjalment minn fatturi mhux tariffarji, u li l-analiżi tal-avvenimenti naturali relatati mal-prezzijiet ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li ma kienx hemm pressjonijiet kompetittivi ta’ natura kwalitattiva u mhux tariffarja.

413. Kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 361 u 370 sa 378 hawn fuq, il‑Kummissjoni għandha raġun li ssostni li, billi pproċediet b’dawn il‑konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali mhux biss ivvizzjat is-sentenza tagħha b’motivazzjoni insuffiċjenti, iżda kisret ukoll il-prinċipji li jirregolaw kif jiġi stabbilit is-suq rilevanti. Skont dawn il-prinċipji, ma huwiex possibbli, meta jkun qiegħed jiġi stabbilit is-suq rilevanti, li tillimita ruħek għall-eżami tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott inkwistjoni biss, f’dan il-każ is-sostitwibbiltà terapewtika (154).

414. Kif tikkritikaha l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, tidher li mis-sostitwibbiltà terapewtika bejn il-perindropil u l-IEK l-oħra, u għalhekk minn karatteristiċi oġġettivi ta’ dawn il-prodotti mediċinali, iddeduċiet li dawn tal-aħħar neċessarjament kellhom restrizzjonijiet kompetittivi mhux tariffarji fuq tal-ewwel.

415. Kif tirrimarka l-Kummissjoni, is-sostitwibbiltà ta’ użu bejn żewġ prodotti, u b’mod partikolari bejn żewġ prodotti mediċinali, hija biss il‑punt ta’ tluq għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk jagħmlux parti mill‑istess suq rilevanti ta’ prodotti (155). Din is-sostitwibbiltà ta’ użu, għall-kuntrarju, ma għandhiex tikkostitwixxi diġà l-punt tal-wasla ta’ dan l-eżami, li għandu għall-kuntrarju wkoll isir wara sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmija sostitwibbiltà ta’ użu tirriflettix realment, fid-dawl tal‑kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u tal-istruttura tad-domanda u tal‑offerta fis-suq ikkonċernat, restrizzjonijiet kompetittivi effettivi.

416. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha raġun issostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi minħabba l-mod ta’ kif ħadet inkunsiderazzjoni s-sostitwibbiltà terapewtika bejn il-perindropil u l-IEK l-oħra waqt l-analiżi tagħhom tas-suq rilevanti tal-prodotti lesti. L-ewwel parti tad-disa’ aggravju għandha għalhekk tintlaqa’.

ii)    Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni jew l-analiżi ta’ ċerti provi (it-tieni sas-sitt parti tad-disa’ aggravju)

417. Permezz tat-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt partijiet tad‑disa’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi waqt it-teħid inkunsiderazzjoni jew l-analiżi ta’ ċerti provi.

418. Kif diġà ġie indikat fil-punt 406 hawn fuq, il-provi msemmija minn dawn il-partijiet jiffurmaw parti mill-provi analizzati mill-Qorti Ġenerali fil-qafas tal-eżami tagħha tat-tieni ilment tal-erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza, dwar is-sostitwibbiltà terapewtika bejn il‑perindropil u l-IEK l-oħra, esposti fil-punti 1418 sa 1566 tas-sentenza appellata (ara l-punt 345 hawn fuq).

419. Fil-qafas tat-tieni parti tad-disa’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tal-istudji fuq il‑perindropil, esposti fil-punti 1435 u 1446 tas-sentenza appellata. Madankollu, dan l-eżami jirrigwarda l-interpretazzjoni tar‑rakkomandazzjonijiet mediċi u ta’ studji fuq il-perindropil, li jaqa’ fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali. Din il-parti hija għalhekk inammissibbli (156).

420. Jekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ ir-rilevanza u l-użu tal-fatti mill-Qorti Ġenerali sabiex jiġi stabbilit is-suq rilevanti, kif ukoll il-piż relattiv mogħti minnha lil xi fatti u l-paragun tagħhom (157), l-evalwazzjoni stess ta’ dawn il-fatti taqa’, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali biss.

421. Huwa veru li l-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wkoll wettqet żbalji kunċettwali, b’mod partikolari billi ħolqot konfużjoni bejn il-kunċett ta’ differenzazzjoni u ta’ superjorità (punt 1446 tas-sentenza appellata). Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet tali żbalji waqt l-evalwazzjoni tal-konklużjonijiet li kellhom jiġu misluta mill-attivitajiet ta’ promozzjoni li kellu Servier (punti 1541 sa 1566 tas‑sentenza appellata), u waqt l-evalwazzjoni tar-rilevanza ta’ studji dwar l-IEK l-oħra għad-differenzazzjoni tal-perindropil minn dawn l-IEK l‑oħra (punti 1448 u 1449 tas-sentenza appellata). Madankollu, il‑Kummissjoni ma tispjegax x’kienu l-konsegwenzi ta’ dawn l-iżbalji kunċettwali għall-analiżi tal-kwistjoni dwar jekk l-IEK l-oħra eżerċitawx pressjonijiet kompetittivi ta’ natura mhux tariffarja fuq il-perindropil. Għalhekk ma jidhirx liema konstatazzjoni l-Kummissjoni tixtieq tikseb min-naħa tal-Qorti tal‑Ġustizzja b’din it-tieni parti tad-disa’ aggravju.

422. Permezz tat-tielet parti tad-disa’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 1466 sa 1473 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, waqt it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dokumenti interni ta’ strateġija ta’ Servier u l-paragun tagħhom mar‑rakkomandazzjonijiet mediċi kif ukoll mal-parir tal-Professur V. (punti 1455 sa 1457 tas-sentenza appellata). Dawn il-kritiki jirrigwardaw essenzjalment l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġie invokat żnaturament, li ma huwiex ammissibbli f’appell.

423. Ċertament, il-Kummissjoni tidher li qiegħda ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball waqt l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta, f’dak li jirrigwarda l-pressjonijiet kompetittivi allegatament eżerċitati fuq il-perindropil mill-IEK l-oħra, mill-attivitajiet ta’ promozzjoni ta’ Servier u mill-fatt li dawn twaqqfu mad-dħul fis-suq ta’ ġeneriċi tal-perindropil. Madankollu, anki hawn, lanqas ma huwa spjegat liema huma l-konsegwenzi ta’ dan l-iżball u liema konstatazzjoni l‑Kummissjoni tixtieq tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja f’każ li tintlaqa’ din il-parti tad-disa’ aggravju.

424. Fil-qafas tar-raba’ parti tad-disa’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi billi ħadet inkunsiderazzjoni fatti mhux rilevanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat li ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs tal-bażi tal-pazjenti tal‑IEK l-oħra (punti 1494, 1495, 1499 u 1500 tas-sentenza appellata), id‑dħul mill-bejgħ tal-IEK l-oħra (punti 1497 u 1498 tas-sentenza appellata) u l-ishma tas-suq miżmuma mill-perindropil fis-suq Ġermaniż (punt 1497 tas-sentenza appellata), li ma kinux jagħmlu parti mill-erba’ swieq nazzjonali analizzati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 102 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali applikat din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat meta kkonstatat li l-iżvilupp relattiv tal‑IEK differenti kien jikkontesta wkoll il-konstatazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ inerzja tat-tobba (punti 1502, 1506 u 1507 tas-sentenza appellata).

425. Għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni esposta f’dawn il-punti tas-sentenza appellata ma tippermettix li jinftiehem kif dawn il‑konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, relatati mal-IEK l-oħra, huma rilevanti meta mqabbla mal-konstatazzjoni taż-żieda kontinwa ta’ bejgħ tal-perindropil u mal-fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba, fl-analiżi li fih jaqgħu l-imsemmija konstatazzjonijiet (punt 1488 tas-sentenza appellata). Ma jidhirx kif il-fatt li tali fenomenu seta’ wkoll jeżisti f’dak li jirrigwarda l-IEK l-oħra u li l-volumi tagħhom kienu wkoll dejjem jikbru, jippermetti li fuqu tkun ibbażata l-konstatazzjoni li dawn l-IEK l‑oħra kienu jeżerċitaw restrizzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-perindropil u kienu jagħmlu parti mill-istess suq tiegħu. Il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil‑punt 1507 tas-sentenza appellata, għall-bidliet fil-perijodu tal-bejgħ relatati mal-IEK bħala li setgħu jikkontestaw il-konstatazzjoni ta’ fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba, iżda mingħajr ma tikkontrasta dan mal‑konstatazzjoni taż-żieda kontinwa tal-bejgħ tal-perindropil, madankollu rrikonoxxuta fil-punti 1499, 1500, 1579 u 1583 tas-sentenza appellata.

426. Kif tindika l-Kummissjoni, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, relatati mal-ishma tas-suq tal-IEK l-oħra, jippreżupponu dak li għandu jintwera, jiġifieri l-eżistenza ta’ suq komuni bejn dawn l-IEK l‑oħra u l-perindropil (158), fatt li, mill-bqija, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fil-punt 1506 tas-sentenza appellata.

427. Minn dan isegwi li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data fuq l-IEK l-oħra sabiex jiġi evalwat il-fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba eżaminat fil-punti 1483 sa 1513 tas-sentenza appellata. Għalhekk, il‑konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 1513 tas-sentenza appellata, ma tistax tintlaqa’. Skont din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet biss fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba u l-eżistenza ta’ grupp dejjem jikber ta’ tobba li jippreskrivu “leali” għall-perindropil kienet illimitat b’mod sinjifikattiv il-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq il-perindropil mill-IEK l-oħra għall-pazjenti ġodda.

428. Ir-raba’ parti tad-disa’ aggravju għandha għalhekk tiġi milqugħa.

429. Bis-saħħa tal-ħames parti tad-disa’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi fil-punt 1519 tas-sentenza appellata, meta kkonstatat li, “[f]in-nuqqas ta’ differenzi ta’ effikaċja u ta’ toleranza bejn IEK, ma huwiex stabbilit li l-bidla ta’ trattament bejn IEK twassal għal biżgħat partikolari min-naħa tat-tobba”.

430. Mis-sempliċi qari tal-premessi 2181, 2187, 2379, 2436, 2497 u 2499 u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 3303 tad-deċiżjoni kkontestata, invokati mill-Kummissjoni, jidher li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, riprodotta fil-punt 429 hawn fuq, tikkostitwixxi żnaturament (159). Fil-fatt, minn dawn il-premessi u minn din in-nota jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx din il-konstatazzjoni ta’ biża’ min-naħa tat-tobba fir-rigward ta’ bidla ta’ trattament ta’ pazjent bi pressjoni għolja fuq differenzi ta’ effikaċja u ta’ toleranza bejn l-IEK. Il-Kummissjoni bbażat din il‑konstatazzjoni pjuttost fuq il-fatt li dan il-proċess sabiex jinstab it‑trattament tajjeb jista’ jkun twil, li l-bilanċ bejn pressjoni tajba u t‑trattament individwali adattat għal kull pazjent partikolari jista’ jkun diffiċli li jinstab, u li l-bidla ta’ trattament, sa fejn neċessarjament jimplika perijodu mingħajr kontroll tal-pressjoni għolja, jinvolvi riskji sinjifikattivi li jistgħu jwasslu għall-mewt tal-pazjenti kkonċernati.

431. Għalhekk, il-ħames parti tad-disa’ aggravju, ibbażata fuq żnaturament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 1519 tas-sentenza appellata, għandha wkoll tiġi milqugħa.

432. Finalment, permezz tas-sitt u l-aħħar parti tad-disa’ aggravju, il‑Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturat il-provi meta ħadet inkunsiderazzjoni l-istudji Thalès, fil‑punti 1520 sa 1522 tas-sentenza appellata.

433. Dawn l-istudji analizzaw l-abitudnijiet ta’ preskrizzjoni ta’ tobba ġeneralisti matul ċertu perijodu fi Franza u fir-Renju Unit, u kkonstataw li iktar minn 90 % ta’ preskrizzjonijiet ta’ perindropil huma relatati ma’ tiġdid. Mir-riżultati ta’ dawn l-istudji, il-Kummissjoni, fil-premessi 2380 sa 2385 tad-deċiżjoni kkontestata, iddeduċiet rata ta’ “lealtà” ogħla minn 90 %, li tikkonferma l-preżenza ta’ effetti ta’ esklużjoni.

434. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 1520 sa 1522 tas-sentenza appellata, ikkwalifikat ir-rilevanza ta’ dawn l-istudji, billi kkonstatat li l‑proporzjon ta’ preskrizzjonijiet ta’ tiġdid fin-numru totali ta’ preskrizzjonijiet jagħti biss informazzjoni parzjali dwar it-tendenza għall‑bidla tal-pazjenti ttrattati bil-perindopril, b’mod partikolari għaliex ir-rata ta’ preskrizzjonijiet ta’ tiġdid tiddependi mill-frekwenza ta’ viżti ta’ pazjenti fil-klinika tat-tobba.

435. Mingħajr ma neżamina l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni li hija ma setgħetx tieħu pożizzjoni fuq dan l-argument, ippreżentat mill-Qorti Ġenerali għall-ewwel darba fis-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li, iktar milli żnaturament, il-kunsiderazzjonijiet inkwistjoni huma vvizzjati b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għaliex ma jinftehmux. B’hekk, ma jidhirx kif rata ta’ 90 % ta’ preskrizzjonijiet ta’ tiġdid fuq in‑numru totali ta’ preskrizzjonijiet tista’ ma tkunx indikatur ta’ lealtà u ta’ retiċenza għall-bidla tat-tobba u tal-pazjenti. Lanqas ma tirriżulta minnha r-raġuni li għaliha l-frekwenza tal-viżti tal-pazjenti fil-klinika tat‑tobba setgħet taffettwa din il-konklużjoni, minkejja li kien jidher pjuttost iktar plawżibbli li, differenti minn preskrizzjonijiet inizjali, preskrizzjonijiet ta’ tiġdid mhux neċessarjament jirrikjedu viżta ġdida fil‑klinika ta’ tabib. Bl-istess mod, huwa diffiċli li jinftiehem l-argument tal-Qorti Ġenerali li “in-numru ta’ preskrizzjonijiet ta’ tiġdid meta mqabbel man-numru totali ta’ preskrizzjonijiet ma jikkalkolax ir-rata ta’ lealtà tal-pazjenti, fir-rigward tas-sehem tal-pazjenti ttrattati bil‑perindopril fil-perijodu N li baqgħu ttrattati bil-perindopril fil‑perijodu N + 1”.

436. Minn dan isegwi li s-sitt u l-aħħar parti tad-disa’ aggravju, ibbażata fuq żbalji tal-Qorti Ġenerali waqt it-teħid inkunsiderazzjoni tal‑istudji Thalès, hija wkoll fondata.

iii) Konklużjoni intermedja

437. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, mis-sitt partijiet tad-disa’ aggravju, erbgħa għandhom jintlaqgħu (punti 416, 428, 431 u 436 hawn fuq).

438. L-iżbalji kkonstatati f’dan il-qafas huma suffiċjenti, fihom infushom, sabiex jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 1589 sa 1591 tas-sentenza appellata, inkwantu huma bbażati fuq allegati żbalji kommessi mill-Kummissjoni waqt l-analiżi u t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sostitwibbiltà terapewtika bejn il‑perindropil u l-IEK l-oħra sabiex jiġi stabbilit is-suq rilevanti tal‑prodotti lesti.

439. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, irrilevat minn Servier, b’mod partikolari fis-seduta f’dan l-appell, li l‑Kummissjoni ma tikkontestax, jew mhux b’suċċess (ara l-punti 419 sa 423 hawn fuq), il-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-qafas tal-eżami tagħha tat-tieni ilment tal-erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza dwar is-sostitwibbiltà terapewtika bejn il‑perindropil u l-IEK l-oħra, fil-punti 1418 sa 1566 tas-sentenza appellata (ara l-punt 345 hawn fuq).

440. Ċertament, kif diġà ġie indikat fil-punt 400 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali elenkat, fil-punt 1589 tas-sentenza appellata, ħames żbalji separati allegatament kommessi mill-Kummissjoni, meta stabbilixxiet is‑suq rilevanti tal-prodotti lesti, li minnhom l-ewwel erbgħa kienu jirrigwardaw is-sostitwibbiltà terapewtika bejn il-perindropil u l-IEK l‑oħra u r-restrizzjonijiet kompetittivi mhux tariffarji. Abbażi tal-eżami tad-disa’ aggravju, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’mod preċiż liema minn fost dawn l-allegati żbalji ġew ikkontestati fl-appell.

441. Madankollu, lanqas ma huwa neċessarju li jsir tali eżerċizzju.

442. Kif il-Qorti Ġenerali stess indikat fl-imsemmi punt 1589 tas‑sentenza appellata, il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dan il-punt huma r-riżultat ta’ analiżi globali ta’ elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha dwar is-suq rilevanti tal-prodotti lesti. Għalhekk, sa fejn l-eżami tad-disa’ aggravju wera li din l-analiżi globali hija vvizzjata bi żbalji fuq punti essenzjali, ir-riżultat tal-imsemmija analiżi jidher neċessarjament ivvizzjat kollu kemm hu.

443. Dan huwa iktar u iktar veru li, kif diġà indikat fil-punt 368 hawn fuq, fil-punt 1577 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali illimitat ruħha sabiex tirreferi għall-punti 1418 sa 1566 tas-sentenza appellata, relatati mas-sostitwibbiltà terapewtika, insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li l‑perindropil seta’ jkun espost għal restrizzjonijiet kompetittivi ta’ natura kwalitattiva u mhux tariffarja min-naħa tal-IEK l-oħra.

444. Minn naħa, dan ir-riferiment ġenerali, mingħajr spjegazzjonijiet oħra, għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-148 punt ta’ motivazzjoni, ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem f’hiex kienu jikkonsistu dawn ir-restrizzjonijiet u jekk kinux jiġu eżerċitati realment.

445. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, kif diġà ġie rrilevat fil‑punti 369 u 371 hawn fuq, id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jippermettux li jinftiehem kif hija tispjega li r-restrizzjonijiet kompetittivi ta’ natura mhux tariffarja, allegatament eżerċitati mill-IEK l-oħra fuq il‑perindropil, bl-ebda mod ma ġew riflessi fl-iżviluppi tal-prezzijiet u tal-volumi tal-perindropil.

446. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, finalment, li l-eżami tat-tmien aggravju żvela li l-Qorti Ġenerali kienet ukoll wettqet żbalji ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta kkonstatat li l‑Kummissjoni kienet tat importanza eċċessiva lill-fattur prezz meta kien qiegħed jiġi stabbilit is-suq rilevanti tal-prodott lesti, u li l-fatturi differenti meħuda inkunsiderazzjoni waqt li kien qiegħed jiġi stabbilit dan is-suq huma interdipendenti (punti 398 u 401 hawn fuq).

447. Kif ġie kkonstatat fi tmiem l-eżami tat-tmien aggravju, il-fatt li d‑disa’ aggravju jintlaqa’ parzjalment għandu jwassal, waħdu u iktar u iktar wara li ntlaqa’ t-tmien aggravju, għall-annullament tal‑konklużjonijiet kollha tal-Qorti Ġenerali relatati mal‑Artikolu 102 TFUE, li jirriżultaw kollha min-natura allegatament żbaljata tad-delimitazzjoni tas-suq rilevanti tal-prodotti lesti (ara l‑punti 343 sa 350 u 402 hawn fuq).

448. Huwa għalhekk biss għal finijiet ta’ kompletezza li ser inkompli bl-eżami tal-aggravji l-oħra tal-Kummissjoni relatati mal‑Artikolu 102 TFUE.

3)      Fuq l-inammissibbiltà ta’ ċerti annessi fl-ewwel istanza (l-għaxar aggravju)

449. Fil-kuntest tal-għaxar aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddikjarat ammissibbli l‑annessi A 286 u A 287 tar-rikors u C 29 tar-replika, li fil-konfront tagħhom il-Kummissjoni kienet diġà sostniet l-inammissibbiltà fl-ewwel istanza.

450. Għandu jitfakkar li, sabiex rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ammissibbli, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat għandhom jirriżultaw, tallinqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Minkejja li l-kontenut tar‑rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki dawk annessi mar‑rikors, ma jistgħux jikkumpensaw l-assenza ta’ elementi essenzjali tal-argumentazzjoni fil-liġi, li għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Fil-fatt, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi li hija tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar‑rikors (160).

451. F’dak li jirrigwarda l-provi prodotti mar-replika, dawn huma ammissibbli biss jekk jikkostitwixxu prova kuntrarja jew elaborazzjoni tal-provi mressqa wara prova kuntrarja mill-parti l-oħra (161).

452. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1459 sa 1463 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-anness C 29 kien ammissibbli għaliex kien jirrispondi għal kritika mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-annessi A 286, A 287 u C 29 kienu ammissibbli, għaliex kienu jsostnu argumenti ta’ fatt u ta’ dritt invokati fir-rikors u fir-risposta.

453. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, esposti fil-punt 1462 tas-sentenza appellata, ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem sa fejn il-preżentazzjoni tal-annessi A 286, A 287 u C 29 fl-ewwel istanza kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 450 hawn fuq. Fil‑fatt, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tiddikjara li dawn l-annessi kienu ammissibbli, mingħajr ma ssostni b’mod suffiċjenti din il‑konstatazzjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika jekk hijiex fondata jew le.

454. B’hekk, fil-punt 1462 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tiddikjara li, anki jekk l-annessi A 286, A 287 u C 29 kienu voluminużi u kellhom ħafna dokumenti, Servier kien indika l-argumenti invokati fid-dikjarazzjonijiet tiegħu. Skont il-Qorti Ġenerali, Servier kien qiegħed isostni, permezz tal-produzzjoni ta’ dawn l-annessi, li kienu jinkludu dokumenti ġejjin minn organi reġjonali tas-saħħa tar‑Renju Unit, l-argument tiegħu intiż li juri li dawn l-organi ddikjaraw ruħhom dwar l-ekwivalenza terapewtika bejn il-perindropil u l-IEK l-oħra, li kienu inkorraġixxew lit-tobba ġeneralisti jissostitwixxu l‑perindropil b’IEK oħra u li dawn l-azzjonijiet, li ma humiex ta’ natura individwali, kellhom impatt reali fuq it-talba fil-livell lokali.

455. Fil-qafas ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali la ċċitat punti mill-osservazzjonijiet fl-ewwel istanza u lanqas punti mill-annessi inkwistjoni li għalihom kienu jirreferu dawn l-osservazzjonijiet. Id‑dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li dawn l-annessi kienu ammissibbli għalhekk ma hijiex suffiċjentament sostnuta. Ċertament, fl‑osservazzjonijiet tiegħu f’dan l-appell, Servier indika l-punti tal‑osservazzjonijiet tiegħu fl-ewwel istanza li fihom kien inkluż l‑argument li l-annessi inkwistjoni kienu jsostnu u r-riferiment għall‑estratti rilevanti ta’ dawn l-annessi. Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, li għandha tivverifika jekk, u sa fejn, l‑imsemmija annessi kienu effettivament isostnu argumenti li jinsabu fir‑rikors u tipproċedi hija stess, b’dan il-mod, għal eżami tal‑ammissibbiltà ta’ dawn l-annessi fl-ewwel istanza.

456. Barra minn hekk, huwa impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk, u sa fejn, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-annessi A 286, A 287 u C 29 fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet sussegwenti tagħha. Fil-fatt, minkejja li l-Qorti Ġenerali tirreferi ċertament għad‑dokumenti li jinsabu f’dawn l-annessi, in-numri tal-imsemmija annessi ma humiex iċċitati f’punti oħra tas-sentenza appellata ħlief fil‑punti 1345 (li jagħti fil-qosor l-argument tal-Kummissjoni) u 1459 sa 1463 (li jeżaminaw l-ammissibbiltà tal-annessi inkwistjoni).

457. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza appellata hija vvizzjata, fuq dan il-punt, minn motivazzjoni insuffiċjenti, li l‑Kummissjoni tinvoka wkoll u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ fi kwalunkwe każ tirrileva ex officio (162). Kif issostni l-Kummissjoni, il-mod kif ipproċediet il-Qorti Ġenerali, f’dak li jirrigwarda l-eżami tal‑ammissibbiltà tal-annessi A 286, A 287 u C 29, huwa differenti mill‑mod li bih eżaminat l-ammissibbiltà tal-annessi A 2 u A 3, li ġew analizzati fid-dettall fil-punti 107 sa 116 tas-sentenza appellata.

458. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għaxar aggravju għandu jintlaqa’, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-anness C 29 fir-rigward tal-prinċipji mfakkra fil-punt 451 hawn fuq.

4)      Fis-suq rilevanti tat-teknoloġija (il-ħdax-il aggravju)

459. Fil-qafas tal-ħdax-il aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta annullat il‑konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata relatati mas-suq rilevanti tat-teknoloġija tal-IFA tal-perindropil u mal-pożizzjoni dominanti okkupata minn Servier fuqu (punt 341 hawn fuq).

460. Fil-punti 1611 sa 1622 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat dwar in-natura tal-konstatazzjonijiet tal‑Kummissjoni dwar is-suq rilevanti tat-teknoloġija tal-IFA tal‑perindropil u l-pożizzjoni ta’ Servier fuq dan, abbażi tal‑konstatazzjonijiet tagħha stess relatati man-natura żbaljata tad‑definizzjoni tas-suq rilevanti tal-prodotti lesti mill-Kummissjoni.

461. Sa fejn l-analiżi tat-tmien u tad-disa’ aggravju rrivelat li dawn il‑konstatazzjonijiet huma żbaljati u għandhom jiġu annullati (ara l‑punti 398 sa 403 u 437 sa 448 hawn fuq), il-kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali relatati mas-suq rilevanti tat-teknoloġija tal-IFA tal‑perindropil jidhru, huma wkoll, ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

462. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħdax-il aggravju għandu jintlaqa’, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tal‑Kummissjoni intiżi sabiex juru li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi addizzjonali waqt il-kunsiderazzjonijiet tagħha fis-suq rilevanti tat-teknoloġija tal-IFA tal-perindropil, indipendenti minn żbalji kommessi fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti tal-prodotti lesti.

463. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, relatati mas-suq tal-prodotti lesti, ma jistgħux, minħabba n-natura żbaljata tagħhom, ikunu l-bażi tal-konstatazzjonijiet tagħha relatati mas-suq tat-teknoloġija, il-Kummissjoni għandha raġun issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi indipendenti billi ma analizzatx il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi esposti fid-deċiżjoni kkontestata, relatati mas-suq tat-teknoloġija. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali stess ikkonstatat, fil-punt 1616 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet użat, fil-qafas tal-analiżi tagħha tas-suq tat-teknoloġija, elementi oħra waqt li kienet qiegħda tistabbilixxi s-suq rilevanti tal-prodotti lesti.

c)      Konklużjoni dwar l-aggravji relatati mal-Artikolu 102 TFUE

464. Mill-eżami tat-tmien sal-ħdax-il aggravju, magħmul fil-punti 351 sa 463 hawn fuq, jirriżulta li l-konstatazzjonijiet kollha tal-Qorti Ġenerali, relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE mill‑Kummissjoni (punti 343 sa 350 hawn fuq), għandhom jiġu annullati.

465. Kif diġà tfakkar fil-punti 251 u 328 hawn fuq, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

466. Din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża f’dak li jirrigwarda l‑motivi mressqa minn Servier fl-ewwel istanza, relatati mal‑Artikolu 102 TFUE.

467. Minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza, ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti tal-prodotti lesti, l-analiżi tat-tmien sal-għaxar aggravji wera motivazzjoni insuffiċjenti fis-sentenza appellata. Barra minn hekk, il‑Qorti Ġenerali ma eżaminatx it-tielet ilment tal-erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-fatt li l-analiżi ekonometrika tal‑prezzijiet imwettqa mill-Kummissjoni kienet ivvizzjata b’vizzju ta’ metodoloġija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex fi stat li tiddeċiedi hi stess definittivament l-imsemmi erbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza mingħajr ma tipproċedi hija stess għal eżami mill-ġdid komplet tal-proċess.

468. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-ħmistax sas-sbatax-il motiv ta’ Servier fl-ewwel istanza essenzjalment abbażi tal‑konstatazzjonijiet tagħha relatati mal-erbatax-il motiv (punti 347 sa 349 hawn fuq). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas għandha tipproċedi sabiex tiddeċiedi dawn il-motivi mingħajr ma tipproċedi l‑ewwel b’eżami komplet tal-proċess.

B.      Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

469. Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 251 sa 253, 328 sa 330 u 331 hawn fuq jirriżulta li din il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, kemm f’dak li jirrigwarda l-għan kif ukoll l-effetti antikompetittivi ta’ dawn il-ftehimiet.

470. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tiddeċiedi l-kawża u tiċħad id-disa’ u l-għaxar motiv kif ukoll it-talba għall-annullament tal‑Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(4)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, ippreżentati minn Servier fl-ewwel istanza.

471. Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 466 sa 468 hawn fuq jirriżulta li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża f’dak li jirrigwarda l-erbatax sas-sbatax-il motiv kif ukoll it-talba għall‑annullament tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni kkontestata, ippreżentata minn Servier fl-ewwel istanza, u lanqas f’dak li jirrigwarda t-talba, ippreżentata mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, li tiddikjara inammissibbli l-annessi A 286, A 287 u C 29.

472. Għalhekk, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid dwar dawn il-motivi u t-talbiet.

473. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tibgħat il-kawża lill-Qorti Ġenerali diversament komposta minn kif ingħatat is-sentenza appellata.

474. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-Artikolu 216(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, huwa l-President tal-Qorti Ġenerali li jiddeċiedi li jassenja, jekk ikun il-każ, kawża lil awla oħra wara l-annullament ta’ sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja.

475. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkjarifika li l-fatt li l-istess Imħallef jagħmel parti minn żewġ kulleġġi ġudikanti li jkunu taw deċiżjoni għall-istess kawża ma tistax, minnha nnifisha, barra minn kull element oġġettiv ieħor, tqajjem dubju dwar l‑imparzjalità tal-Qorti Ġenerali (163).

V.      L-ispejjeż

476. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, meta l‑appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

477. Qabel xejn, f’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appell huwa fondat kollu kemm hu u li kemm il‑konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal‑ftehimiet Krka bħala ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll dawk dwar il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE għandhom jiġu annullati.

478. Għalhekk, Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS għandhom jiġu kkundannati jbatu, in solidum, l-ispejjeż kollha tagħhom kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati ma’ dan l-appell.

479. F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li dawn ma humiex ikkonċernati minn dan l-appell ħlief fejn jirrigwardaw id-disa’, l-għaxar u mill-erbatax sas-sbatax-il motiv, ippreżentati minn Servier fl-ewwel istanza, kif ukoll it-talba, imressqa mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, li tiddikjara inammissibbli l-annessi A 286, A 287 u C 29.

480. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża ħlief f’dak li jirrigwarda d-disa’ u l-għaxar motiv imressqa minn Servier fl-ewwel istanza, relatati mal-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala ksur tal-Artikolu 101 TFUE, kif ukoll f’dak li jirrigwarda t‑talba għall-annullament tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(4)(b) tad‑deċiżjoni kkontestata, imressqa minn Servier fl-ewwel istanza. Il‑Qorti tal-Ġustizzja ma tistax għalhekk tiddiskuti l-kawża u tiddeċiedi definittivament dwar il-kwistjoni ħlief f’dak li jirrigwarda dawn il-motivi u talbiet tal-ewwel istanza (ara l-punti 469 u 470 hawn fuq).

481. Għall-kuntrarju, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża f’dak li jirrigwarda mill-erbatax sas-sbatax-il motiv imressqa minn Servier fl‑ewwel istanza, relatati mal-klassifikazzjoni tal-aġir tiegħu bħala ksur tal-Artikolu 102 TFUE, f’dak li jirrigwarda t-talba għall-annullament tal‑Artikolu 6 u tal-Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni kkontestata, imressqa minn Servier fl-ewwel istanza, kif ukoll it-talba, imressqa mill‑Kummissjoni fl-ewwel istanza, li jiġu ddikjarati inammissibbli l‑annessi A 286, A 287 u C 29. Il-kawża għalhekk għandha tintbagħat lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid fuq dawn il-motivi u talbiet (ara l-punti 471 u 472 hawn fuq).

482. Għalhekk, għandu jiġi deċiż li Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS ibatu, in solidum, l-ispejjeż sostnuti minnhom kif ukoll mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza relatati mad-disa’ u l-għaxar motiv tal-ewwel istanza, u l-ispejjeż sostnuti minn Servier u l-Kummissjoni fl-ewwel istanza relatati mal-erbatax sas-sbatax il-motiv ippreżentati minn Servier fl-ewwel istanza, kif ukoll mat-talba, imressqa mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, li tiddikjara inammissibbli l-annessi A 286, A 287 u C 29 jibqgħu rriżervati.

483. Sussegwentement, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal‑Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jkun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġi kkundannat iħallas l‑ispejjeż rispettivi tiegħu. Peress li l-EFPIA pparteċipat fil-fażi bil-miktub ta’ dan l-appell, hemm lok li din tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-appell.

484. Finalment, mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal‑Artikolu 140(1) u tal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, għandu jiġi deċiż li r-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati mal-proċedura tal-appell.

VI.    Konklużjoni

485. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Il-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni (T‑691/14, EU:T:2018:922), huma annullati.

2)      Il-punt 6 tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, EU:T:2018:922), huwa annullat inkwantu jikkonċerna l-ispejjeż sostnuti minn Servier SAS, Servier Laboratories Ltd, Les Laboratoires Servier SAS u l‑Kummissjoni Ewropea, relatati mad-disa’, l-għaxar u mill-erbatax sas-sbatax-il motiv tal-ewwel istanza, kif ukoll l-ispejjeż relatati mat-talba, imressqa mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, li tiddikjara inammissibbli l-annessi A 286, A 287 u C 29.

3)      Id-disa’ u l-għaxar motiv kif ukoll it-talba għall-annullament tal‑Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(4)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 finali tad‑9 ta’ Lulju 2014, dwar proċedura skont l‑Artikoli 101 u 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)], imressqa minn Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS fl-ewwel istanza, huma miċħuda.

4)      Il-kawża hija mibgħuta lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill‑ġdid dwar l-erbatax sas-sbatax-il motiv u dwar it-talba għall‑annullament tal-Artikolu 7(6) tad-Deċiżjoni C(2014) 4955 finali, imressqa minn Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS fl-ewwel istanza, kif ukoll dwar it-talba, imressqa mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, li tiddikjara inammissibbli l-annessi A 286, A 287 u C 29.

5)      Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS għandhom ibatu, in solidum, l-ispejjeż tagħhom u l-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati mal-proċedura ta’ appell.

6)      Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS għandhom ibatu, in solidum, l-ispejjeż tagħhom u l-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza sa fejn dawn jikkonċernaw id-disa’ u l-għaxar motiv kif ukoll it-talba għall-annullament tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(4)(b) tad‑Deċiżjoni C(2014) 4955 finali, imressqa minn Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS fl-ewwel istanza.

7)      L-ispejjeż ta’ Servier SAS, Servier Laboratories Ltd, Les Laboratoires Servier SAS u tal-Kummissjoni relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza huma rriżervati sa fejn dawn jikkonċernaw l‑erbatax sas-sbatax-il motiv u t-talba għall-annullament tal‑Artikolu 6 u tal-Artikolu 7(6) tad-Deċiżjoni C(2014) 4955 finali, imressqa minn Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS fl-ewwel istanza, kif ukoll it-talba, imressqa mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, li tiddikjara inammissibbli l-annessi A 286, A 287 u C 29.

8)      Il-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għandhom kull wieħed ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal‑proċedura ta’ appell.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020 (C‑307/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generics (UK) et”, EU:C:2020:52).


3      Sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021 (C‑591/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni”, EU:C:2021:243); Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑586/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:241); Generics (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑588/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:242); Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni (C‑601/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:244); Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245), u Merck vs Il‑Kummissjoni (C‑614/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:246).


4      Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:922) (ikkontestata permezz ta’ dan l-appell u permezz tal-appell fil‑Kawża C‑201/19 P, Servier et vs Il-Kummissjoni); Biogaran vs Il-Kummissjoni (T‑677/14, EU:T:2018:910) (Appell C‑207/19 P, Biogaran vs Il-Kummissjoni); Teva UK et vs Il-Kummissjoni (T‑679/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:919) (appell C‑198/19 P, Teva UK et vs Il-Kummissjoni); Lupin vs Il-Kummissjoni (T‑680/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:908) (Appell C-144/19 P, Lupin vs Il-Kummissjoni); Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni (T‑682/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:907) (Appell C‑197/19 P, Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni); Krka vs Il-Kummissjoni (T‑684/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:918) (Appell C‑151/19 P, Il-Kummissjoni vs Krka); Niche Generics vs Il-Kummissjoni (T‑701/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:921) (Appell C‑164/19 P, Niche Generics vs Il-Kummissjoni), u Unichem Laboratories vs Il‑Kummissjoni (T‑705/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:915) (Appell C‑166/19 P, Unichem Laboratories vs Il-Kummissjoni).


5      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 finali tad‑9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


6      Punt 1 tas-sentenza appellata, u l-premessi 11 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


7      Premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata.


8      Punt 8 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Krka vs Il-Kummissjoni (T‑684/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:918), u l-premessi 19 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


9      Punti 2 u 3 tas-sentenza appellata, u l-premessi 1 et seq., 86 et seq. u 2143 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


10      Kif kien jippermetti r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92 tat‑18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 200).


11      Punt 4 tas-sentenza appellata, u l-premessi 92 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


12      Premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata.


13      Punti 5 sa 8 tas-sentenza appellata u l-premessi 94, 118 et seq. u 124 et seq. tad‑deċiżjoni kkontestata.


14      Punt 8 tas-sentenza appellata u premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata.


15      Punti 9 u 10 tas-sentenza appellata, u l-premessi 8, 88 u 218 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


16      Premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata.


17      Premessi 821, 1674 u 1755 tad-deċiżjoni kkontestata.


18      Punti 11 sa 27 tas-sentenza appellata, u l-premessi 129, 151 et seq., 157 et seq. u t‑tabelli fil-premessi 156 u 201 tad-deċiżjoni kkontestata.


19      Punti 11 u 12 tas-sentenza appellata, u l-premessi 158 sa 161 u 164 u, fir-rigward b’mod iktar speċifiku Krka, 830 tad-deċiżjoni kkontestata.


20      Punt 12 tas-sentenza appellata, u l-premessi 162 sa 170 u 962 tad-deċiżjoni kkontestata.


21      Punti 16 sa 21 u 24 sa 27 tas-sentenza appellata, u l-premessi 171 sa 202 tad‑deċiżjoni kkontestata.


22      Punti 25 u 26 tas-sentenza appellata, u l-premessi 175 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


23      Punt 27 tas-sentenza appellata, u l-premessi 193 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


24      Premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata.


25      Punt 22 tas-sentenza appellata u l-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata (il-punt 22 tas-sentenza appellata jindika li din it-talba ġiet miċħuda f’Settembru 2006, iżda hawnhekk qiegħda nibbaża ruħi fuq il-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika d-data tat‑13 ta’ Ottubru 2006).


26      Punt 23 tas-sentenza appellata, u l-premessi 156, 898 sa 904, 909 u 1689 tad‑deċiżjoni kkontestata.


27      Punt 45 tas-sentenza appellata u l-premessa 908 tad-deċiżjoni kkontestata.


28      Punt 46 tas-sentenza appellata u l-premessa 910 tad-deċiżjoni kkontestata.


29      Premessi 843, 886, 1248 u 1755 tad-deċiżjoni kkontestata.


30      Punti 47 sa 51 tas-sentenza appellata, u l-premessi 400 u 923 sa 928 tad-deċiżjoni kkontestata.


31      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Ara l-Artikoli 1 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 71 tas-sentenza appellata.


33      Dawn jinkludu l-Istati Membri kollha tal-Unjoni (bejn l-2004 u l-2009, u għalhekk minbarra l-Kroazja, ara l-premessa 3134, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata) minbarra is-seba’ Stati Membri koperti bil-ftehim dwar liċenzja Krka. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal “18/20 Stat Membru” minħabba li l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea seħħet fl-1 ta’ Jannar 2007, xahrejn wara li ġie konkluż il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka, li żied minn 18 għal 20 in-numru ta’ swieq mhux koperti bil-liċenzja (premessa 1677 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2243 tad-deċiżjoni kkontestata).


34      Premessi 1816 u 1858 tad-deċiżjoni kkontestata.


35      Ara l-punt 1004 tas-sentenza appellata, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2451 u l‑Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata.


36      Premessa 1670 tad-deċiżjoni kkontestata.


37      Ara l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, u l-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata.


38      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni; Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑586/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:241); Generics (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑588/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:242); Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni (C‑601/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:244); Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245), u Merck vs Il‑Kummissjoni (C‑614/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:246).


40      Bħala annessi mar-risposta tiegħu, Servier ippreżenta traskrizzjonijiet ta’ diskussjonijiet waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali. Fir-replika tagħha, il‑Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tagħhom minħabba li dawn it‑traskrizzjonijiet ġew redatti minn Servier għall-bżonnijiet tiegħu stess u li l‑Kummissjoni ma tistax għalhekk tistħarreġ l-affidabbiltà tagħhom. Servier jikkontesta l-inammissibbiltà ta’ dawn il-provi. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li tiġi deċiża l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tagħhom. Fil-fatt, l-analiżi tal-aggravji li ser issegwi ser turi li d-dikjarazzjonijiet li insostenn tagħhom Servier jipproduċi dawn l‑annessi huma ineffettivi (ara, dwar id-dikjarazzjoni li l-kawżi bejn Servier u l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu reali, il-punt 149 ta’ dawn il-konklużjonijiet; dwar id-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni kienet aċċettat li l-liċenzja mogħtija minn Servier lil Krka kienet konkluża skont kundizzjonijiet normali tas-suq, il-punt 151 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, u, id-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tieħu pożizzjoni dwar l-argument marbut mal-viżiti lit-tobba, il-punt 435 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


41      Premessi 1811 u 1812 tad-deċiżjoni kkontestata.


42      Premessi 1753, 1756, 1760 u 1763 tad-deċiżjoni kkontestata.


43      Premessi 1738 sa 1749, speċjalment il-premessa 1745 tad-deċiżjoni kkontestata.


44      Premessi 1766 u 1803 sa 1811 tad-deċiżjoni kkontestata.


45      Punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Ara d-digriet tad‑29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il-Kummissjoni (C‑74/10 P u C‑75/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:557, punti 41 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 152 u 153, u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara, f’dan ir-rigward, is-seba’ aggravju (punt 304 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


48      Ara, f’dan ir-rigward, it-tieni aggravju (punti 135 sa 176 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


49      Ara, dwar id-definizzjoni tan-natura effettiva tal-motiv, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il-Kunsill (C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38), iċċitata fil-punt 1257 tas-sentenza appellata.


50      Punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:70, punt 68).


52      Sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 44), u tal‑21 ta’ Jannar  2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72).


53      Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punti 49 u 63); tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 128), u tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il-Kummissjoni (C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 38).


54      Sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 20), u tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punt 127); ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 176).


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 513 sa 523); ara wkoll is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni (T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, EU:T:2006:271, punt 63).


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 55 sa 57), u tas‑27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni (T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, EU:T:2006:271, punti 64 u 65).


57      Sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 16); tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punti 126 u 127), u tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 74).


58      Sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37); tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 37), u tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 17).


59      Sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P, EU:C:2013:445, punt 52), u tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni (C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 64).


60      Il-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li t-test tal-ftehimiet konklużi bejn Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi huwa fost il-provi użati mill-Kummissjoni.


61      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 53 u 54).


62      Punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Punti 20, 21, 29 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67      Punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383, punti 183, 380 u 381, u l-ġurisprudenza ċċitata).


70      Punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      Punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      Ara, f’dan ir-rigward, il-ħames aggravju (punti 229 sa 242, b’mod partikolari l‑punt 239 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


74      Ara, fuq dan il-punt, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38, p. 358), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).


75      Ara l-punti 92 sa 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Ara d-digriet tad‑29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il-Kummissjoni (C‑74/10 P u C‑75/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:557, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


77      Sentenzi Generics (UK) et (punti 87 sa 94 u 111) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 114 u 115).


78      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara, ukoll, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 193 tas-sentenza appellata.


79      Ara, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 134 sa 139).


80      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 171 u 172).


81      Ara, fuq in-natura esklużiva tal-liċenzja u l-istabbiliment ta’ duopolju konkret bejn Servier u Krka permezz tagħha, il-punti 195 sa 204 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


82      Ara, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 118 sa 120).


83      Ara, fuq in-natura esklużiva tal-liċenzja u l-istabbiliment ta’ duopolju konkret bejn Servier u Krka minnha, ara l-punti 195 sa 204 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


84      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 66 sa 70).


85      Sentenza Generics (UK) et (punt 38), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 82 sa 84, 122 sa 127 u 176 sa 178).


86      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 119).


87      Sentenza Generics (UK) et (punt 94), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 120).


88      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il-Kummissjoni (C‑74/10 P u C‑75/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:557, punt 41 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


89      Ara l-punti 124, 125 u 149 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


90      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 36).


91      Sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 50), u tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni (C‑167/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:633, punt 41).


92      Sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37); tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 37), u tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 17).


93      Sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P, EU:C:2013:445, punt 52), u tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni (C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 64).


94      Punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


95      Punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


96      Punt 14 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


97      Ara, b’mod partikolari, il-punti 564 (dwar il-ftehimiet konklużi ma’ Niche u Matrix), 707 (dwar il-ftehim konkluż ma’ Teva) u 869 u 879 (dwar il-ftehim konkluż ma’ Lupin) tas-sentenza appellata.


98      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494, punt 55) (mhux ikkontestata f’dan ir‑rigward f’appell; ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363); ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑83/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:48, punt 193), u tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383, punti 178 u 217).


99      Ara wkoll, għall-istrateġija ta’ Servier li tevolvi lejn il-perindropil arginina minħabba ġeneriċi tal-perindropil erbumina, b’mod partikolari, il-premessi 8, 58, 89, 100, 217, 220, 222, 225, 233 sa 242, 1183, 1924, 2089, 2156, 2530, 2532, 2533, 2912 u 2971 tad-deċiżjoni kkontestata.


100      Ara, fuq din id-definizzjoni tal-iżnaturament, il-punti 96 u 187 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


101      Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni. Linji Gwida fuq l-applikazzjoni tal‑Artikolu [101 TFUE] għall-ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU 2004, C 101, p. 2).


102      ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 74.


103      Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 118).


104      Punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


105      Punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


106      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, Ġabra p. 496).


107      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 242).


108      Punt 103 ta’ din is-sentenza; ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 158 sa 166).


109      Sentenza Generics (UK) et (punti 105 sa 111); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 168 sa 172, 175 u 179).


110      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 175).


111      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 176 sa 178).


112      Premessi 1766 u 1803 sa 1811 tad-deċiżjoni kkontestata.


113      Sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38, Ġabra, p. 359); tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 28), u tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii (C‑172/14, EU:C:2015:484, punti 29 u 30); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punt 42).


114      Ara l-punti 102 sa 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


115      Ara l-punti 29 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


116      Ara l-punti 20 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


117      Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


118      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


119      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni (C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 77), u New Holland Ford vs Il-Kummissjoni (C‑8/95 P, EU:C:1998:257, punt 91); tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 50); Generics (UK) et (punt 117), u tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 73). Enfażi miżjud minni.


120      Sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 161); Generics (UK) et (punt 118), u tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 74).


121      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


122      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 166).


123      Sentenza tal‑14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni (T‑461/07, EU:T:2011:181, punt 127).


124      Punt 119 ta’ din is-sentenza.


125      Sentenzi Generics (UK) et (punt 120), u tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 76).


126      Sentenza Generics (UK) et (punt 120).


127      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Generics (UK) et (punti 121 u 122); ara, ukoll, il‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 189 sa 202).


128      Sentenza tal‑14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni (T‑461/07, EU:T:2011:181, punti 127, 187 u 191).


129      Ara l-punti 102 sa 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, fil-punti 1148 sa 1169 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrepetiet, fil-qafas tal-eżami tal-effetti tal‑ftehimiet Krka, essenzjalment l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk diġà esposti, b’mod partikolari fil-punti 970, 971, 1011, 1017, 1026 u 1027 tas-sentenza appellata, waqt l-analiżi tal-għan ta’ dawn il-ftehimiet.


130      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 117, 118 u 122 sa 129).


131      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 128).


132      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 76 u 198).


133      Sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 38 u 39); tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 63), u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 125); ara, ukoll, il‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punti 58 sa 60). Ara wkoll, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l‑implimentazzjoni tal‑Artikolu 102 TFUE, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 44 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


134      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 52); tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 66 u 115), u tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 55).


135      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 74 et seq.), u tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 22 sa 24), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 164 u 171); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punti 48 sa 50).


136      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punt 50).


137      Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 110).


138      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 360).


139      Sentenzi Generics (UK) et (punti 115 sa 122, b’mod speċifiku 117, 121 u 122), u tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, EU:C:2021:935, punti 73 u 74).


140      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punti 29, 39, 49, 56 u 58), u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289, punti 87, 534, 557 u 618).


141      Premessi 2286, 2305, 2324 u 2345 tad-deċiżjoni kkontestata.


142      Titolu li jinsab qabel il-punt 1380 tas-sentenza appellata.


143      Sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 28), u tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 51).


144      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punti 38 et seq.).


145      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 37); tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 32); tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 51); tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 30), u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 111). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22, punt 32), u tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punt 13).


146      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punti 183 u 203).


147      Ara l-punt 2 tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall‑għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155).


148      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni (T‑30/89, EU:T:1991:70, punt 71).


149      Sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni (27/76, EU:C:1978:22, punt 68); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 239).


150      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punti 174 u 191).


151      Sentenza Generics (UK) et (punt 140); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 229 sa 240).


152      Sentenza Generics (UK) et (punt 135); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 239).


153      Ara l-punti 79 u 140 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


154      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 145 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


155      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


156      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 51).


157      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punti 36 sa 50).


158      Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 208). Ċertament, f’din is-sentenza, iż-żewġ gruppi ta’ prodotti mediċinali kkonċernati kienu s-suġġett ta’ użu ddifferenzjat, minkejja li dan ma kienx il-każ tal-perindropil u ta’ IEK oħra. Madankollu, dan ma jnaqqas xejn mir-rilevanza tal-konstatazzjoni li l-fatt li jiġu misluta konklużjonijiet tal-iżvilupp tal-ishma tas-suq rispettivi ta’ dawn il-prodotti mediċinali jippreżupponi l-konstatazzjoni preċedenti li dawn il-prodotti mediċinali jiffurmaw parti mill-istess suq.


159      Ara, fuq id-definizzjoni ta’ żnaturament, il-punti 96 u 187 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


160      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 40 u 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).


161      Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punti 71 u 72).


162      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et (C‑677/15 P, EU:C:2017:998, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


163      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost et La Poste vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 56).