Language of document : ECLI:EU:T:2023:828

Kawża T233/22

Ekaterina Islentyeva

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal20 ta’ Diċembru 2023

“Rikors għal annullament – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja, li jkun il-proprjetà, mikri, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu milli jinżel, jitlaq, jew itir fit-territorju tal-Unjoni – Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 3d tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 – Assenza ta’ locus standi – Inammissibbiltà”

1.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni li tinvolvi l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni għal ċerti kategoriji ta’ inġenji tal-ajru – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità – Portata – Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK – Miżuri ta’ portata ġenerali – Esklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, Artikolu 4e)

(ara l-punti 20 sa 24, 26 sa 28, 30)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Atti regolamentari li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni u li jikkonċernawhom direttament – Inċidenza diretta – Kriterji – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja, li jkun il-proprjetà, mikri, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu milli jinżel, jitlaq, jew itir fit-territorju tal-Unjoni – Rikors ippreżentat minn ċittadin Russu b’liċenzja ta’ bdot privat li ma għandux kontroll ekonomiku jew finanzjarju fuq inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja – Inammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014, Artikolu 3d(1))

(ara l-punti 39, 42 sa 48, 50 sa 54)

Sunt

Ir-rikorrenti, li għandha nazzjonalità doppja Lussemburgiża u Russa, għandha liċenzja ta’ bdot privat maħruġa mid-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu (iktar ’il quddiem id-“DAC”). Sabiex twettaq it-titjiriet tagħha fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, hija kienet tuża inġenji tal-ajru li jappartjenu lil assoċjazzjoni Lussemburgiża stabbilita fl-ajruport ta’ Luxembourg-Findel (il-Lussemburgu).

Wara l-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina fil-bidu tas-sena 2022, l-Unjoni stabbilixxiet sensiela ta’ miżuri restrittivi fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, fosthom id-Deċiżjoni 2022/335 (1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u r-Regolament 2022/334 (2) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

Dawn l-atti huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi rrifjutat il-permess għal kwalunkwe inġenju tal-ajru użat minn trasportaturi bl-ajru Russi, għal kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u għal kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li jkun proprjetà ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu, jew mikri, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minnha, milli jinżel, jitlaq, jew itir fit-territorju tal-Unjoni (3).

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) sussegwentement ippreċiżaw li l-projbizzjoni introdotta permezz ta’ dawn l-atti hija intiża għall-persuni li għandhom in-nazzjonalità Russa li jtiru b’mod privat, peress li l-imsemmija persuni, jikkontrollaw l-ajruplan bħala bdoti. Id-DAC ippreċiża wkoll li l-kelma “kontroll” użata f’dawn l-atti kellu jiġi interpretat f’sens wiesa’, li kien jinkludi l-kontroll effettiv u materjali ta’ inġenju tal-ajru u ma kienx limitat biss għal kontroll ekonomiku u finanzjarju.

Peress li qieset li kienet leża minn dawn l-atti, ir-rikorrenti ppreżentat rikors sabiex tikseb, minn naħa, l-annullament tar-regolament ikkontestat, sa fejn dan jintroduċi l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 u l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tintroduċi l-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512, u, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent tad-dritt li tuża l-liċenzja ta’ bdot privat tagħha u li tinżel, titlaq, jew ittir fit-territorju tal-Unjoni.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li l-projbizzjoni inkwistjoni ma tapplikax għall-“kontroll” ta’ ajruplan, bħala pilota tiegħu, minn persuna ta’ nazzjonalità Russa, kif sostniet ir-rikorrenti. Madankollu, tali interpretazzjoni għandha bħala konsegwenza l-assenza ta’ locus standi tagħha kontra r-regolament ikkontestat u, għaldaqstant, iċ-ċaħda bħala inammissibbli tal-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tal-imsemmi regolament. Fir-rigward tal-kapijiet l-oħra tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti, dawn ġew miċħuda minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kap tat-talbiet intiż sabiex tirrikonoxxi lir-rikorrenti d-dritt li tuża l-liċenzja ta’ bdot privat tagħha u li tinżel, titlaq jew ittir fit-territorju tal-Unjoni, sa fejn, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti sentenzi dikjaratorji jew konfermatorji.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddikjarat wkoll li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kap tat-talbiet dwar l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (4), hija n-natura individwali tal-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK li tagħti aċċess għall-qrati tal-Unjoni.

Issa, f’dan il-każ, il-miżuri ta’ projbizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni 2014/512 jikkonċernaw l-inġenji tal-ajru operati mit-trasportaturi bl-ajru Russi, dawk irreġistrati fir-Russja u dawk li ma humiex irreġistrati fir-Russja u li huma l-proprjetà, mikrija jew ikkontrollati b’xi mod ieħor minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu. Dawn il-miżuri japplikaw għalhekk għall-inġenji tal-ajru kollha li jissodisfaw dawn il-kriterji oġġettivi u għalhekk ma jikkostitwixxux miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, iżda miżuri ta’ portata ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tagħhom.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat, fl-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti għall-annullament ta’ dan l-att.

Fil-fatt, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tkun tista’ tippreżenta rikors kontra miżura, persuna fiżika għandha tkun direttament ikkonċernata minnha, peress li din il-kundizzjoni teħtieġ, b’mod partikolari, li l-miżura kkontestata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna.

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti hijiex direttament ikkonċernata mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontroll b’xi mod ieħor” ta’ inġenju tal-ajru li jiddetermina, parzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3d(1) tar-Regolament Nru 883/2014, fuq il-bażi tal-metodu ta’ interpretazzjoni previst mill-ġurisprudenza (5).

F’dan ir-rigward, għalkemm l-interpretazzjoni letterali ta’ dan il-kunċett tista’ twassal sabiex jiġi deċiż li dan jinkludi kontroll “tekniku jew operazzjonali”, b’tali mod li l-projbizzjoni tista’ tikkonċerna inġenju tal-ajru mtajjar minn persuna fiżika ta’ nazzjonalità Russa, għandu jiġi kkunsidrat, wara interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika ta’ dan il-kunċett, li dan jirrigwarda biss kontroll ta’ natura ekonomika jew finanzjarja.

Fil-fatt, minn naħa, il-kunċett ta’ “kontroll b’xi mod ieħor” ta’ inġenju tal-ajru jidħol fil-kuntest ekonomiku u finanzjarju tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. L-ewwel nett, ir-regolament ikkontestat jemenda r-Regolament Nru 833/2014, li jipprevedi miżuri restrittivi settorjali ta’ natura ekonomika. It-tieni nett, l-espressjoni “kontrollat b’xi mod ieħor” hija estensjoni tal-kliem “proprjetà” u “mikri”, li huma kliem li jindikaw kunċetti rilevanti mill-perspettiva ekonomika jew finanzjarja. It-tielet nett, il-kunċett ta’ “kontroll” jintuża f’sens ekonomiku jew finanzjarju fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 833/2014.

Min-naħa l-oħra, l-għan imfittex mir-regolament ikkontestat huwa, b’mod partikolari, li jeżerċita pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet tagħhom kontra l-Ukraina. Issa, ir-restrizzjonijiet fuq inġenji tal-ajru mhux irreġistrati fir-Russja li huma l-proprjetà, mikrija jew ikkontrollati b’xi mod ieħor fil-livell ekonomiku jew finanzjarju jaffettwaw ekonomikament is-settur tal-avjazzjoni Russu, b’tali mod li jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Barra minn hekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità twassal sabiex jitqies li projbizzjoni ta’ nżul, ta’ tluq jew ta’ titjir fit-territorju tal-Unjoni applikabbli għal kwalunkwe inġenju tal-ajru kkontrollat fuq livell “tekniku jew operazzjonali” minn ċittadin Russu, sa fejn tinkludi ċ-ċittadini Russi li għandhom liċenzja ta’ bdot privat, hija manifestament inadegwata fid-dawl tal-għan li tiġi eżerċitata tali pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi.

Għalhekk, il-kunċett ta’ inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja “kontrollat b’xi mod ieħor” minn persuna fiżika jew ġuridika Russa huwa limitat għal kull inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa kkontrollat mil-lat ekonomiku jew finanzjarju minn tali persuna.

Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex f’din is-sitwazzjoni, hija ma hijiex direttament ikkonċernata mill-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat.


1      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/335 tat‑28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 57, p. 4).


2      Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2022/2014 tat‑28 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 57, p. 1).


3      Dan huwa, b’mod partikolari, il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/335, li jintroduċi l-Artikolu 4e tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), u l-punt 2 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2022/334, li jintroduċi l-Artikolu 3e tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 883/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214).


4      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 103).


5      Skont il-ġurisprudenza. għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha, imma wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, D. u G., C‑358/13 u C‑181/14, EU:C:2014:2060, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).