Language of document : ECLI:EU:T:2023:830

Kawża T313/22

Roman Arkadyevich Abramovich

vs

IlKunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (LEwwel Awla Estiża) tal20 ta’ Diċembru 2023

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati fir-rigward ta’ azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrent fil-listi – Kunċett ta’ ‘negozjanti ewlenin’ – Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Dritt għall-proprjetà – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għal ħajja privata – Applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni għal ċittadin ta’ Stat Membru – Moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni”

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Negozjanti influwenti li jeżerċitaw attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u persuni assoċjati magħhom – Obbligu li jiġu identifikati fil-motivazzjoni l-elementi speċifiċi u konkreti li jiġġustifikaw l-imsemmija miżura – Deċiżjoni li taqa’ taħt kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/429, (PESK) 2022/1530, (PESK) 2023/572 u (PESK) 2023/811; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/427, 2022/1529, 2023/571 u 2023/806)

(ara l-punti 39 sa 42, 45 sa 47, 50)

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni sussegwenti li żammet l-isem tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni koperti minn dawn il-miżuri – Assenza ta’ motivi ġodda – Obbligu tal-Kunsill li jikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi ġodda meħuda inkunsiderazzjoni waqt l-eżami mill-ġdid perjodiku tal-miżuri restrittivi – Komunikazzjoni tal-elementi ġodda lill-persuna kkonċernata għall-finijiet tal-ġbir tal-osservazzjonijiet tagħha

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/1530 u (PESK) 2023/572; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/1529 u 2023/571)

(ara l-punt 59)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Dritt għal seduta formali minn qabel – Assenza – Ksur tad-dritt għal smigħ – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/1530 u (PESK) 2023/572; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/1529 u 2023/571)

(ara l-punt 60)

4.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi ta’ negozjanti influwenti li jeżerċitaw attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u persuni assoċjati magħhom – Drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni sussegwenti li żammet l-isem tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni koperti minn dawn il-miżuri – Assenza ta’ motivi ġodda – Assenza ta’ provi inkriminanti ġodda – Komunikazzjoni ta’ provi inkriminanti – Assenza – Ksur tad-dritt għal smigħ – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/1530 u (PESK) 2023/572; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/1529 u 2023/571)

(ara l-punti 62, 65 sa 67)

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jaqblu mal-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati – Assenza – Obbligu li tingħata risposta għal kull wieħed mill-argumenti tal-partijiet – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))

(ara l-punti 69, 70)

6.      Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati – Żball ta’ evalwazzjoni – Assenza

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/429, (PESK) 2022/1530, (PESK) 2023/572 u (PESK) 2023/811; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/427, 2022/1529, 2023/571 u 2023/806)

(ara l-punti 75 sa 79, 102 sa 106, 112, 113, 116, 117, 120, 121)

7.      Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati – Portata tal-marġini ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija awtorità kompetenti – Rilevanza tal-provi prodotti fuq il-bażi ta’ inklużjoni preċedenti fl-assenza ta’ tibdil tal-motivi, ta’ tibdil fis-sitwazzjoni tar-rikorrent jew ta’ evoluzzjoni tal-kuntest fl-Ukraina

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/429, (PESK) 2022/1530, (PESK) 2023/572 u (PESK) 2023/811; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/427, 2022/1529, 2023/571 u 2023/806)

(ara l-punti 80, 81)

8.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Negozjanti influwenti li jeżerċitaw attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u persuni assoċjati magħhom – Kunċett – Neċessità li jiġu stabbiliti rabtiet mill-qrib jew relazzjoni ta’ interdipendenza bejn il-persuna koperta mill-miżuri u l-Gvern Russu jew l-azzjonijiet tiegħu li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/429, (PESK) 2022/1530, (PESK) 2023/572 u (PESK) 2023/811, Artikolu 2(1)(g); Regolament tal-Kunsill Nru 269/2014, Artikolu 3(1)(g) u Regolamenti tal-Kunsill 2022/427, 2022/1529, 2023/571 u 2023/806)

(ara l-punti 92 sa 97)

9.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Negozjanti influwenti li jeżerċitaw attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u persuni assoċjati magħhom – Kunċett ta’ settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/429, (PESK) 2022/1530, (PESK) 2023/572 u (PESK) 2023/811, Artikolu 2(1)(g); Regolament tal-Kunsill Nru 269/2014, Artikolu 3(1)(g) u Regolamenti tal-Kunsill 2022/427, 2022/1529, 2023/571 u 2023/806)

(ara l-punti 108, 109)

10.    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi ta’ negozjanti influwenti li jeżerċitaw attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u persuni assoċjati magħhom – Nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ negozjanti li ma għandhomx in-nazzjonalità Russa – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/429, (PESK) 2022/1530, (PESK) 2023/572 u (PESK) 2023/811; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/427, 2022/1529, 2023/571 u 2023/806)

(ara l-punti 127, 130)

11.    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi ta’ negozjanti influwenti li jeżerċitaw attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u persuni assoċjati magħhom – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità – Natura adegwata tal-miżuri restrittivi – Miżuri restrittivi li jsegwu għan leġittimu tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni

(Artikoli 5(4) u 21(2)(c) TUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/429, (PESK) 2022/1530, (PESK) 2023/572 u (PESK) 2023/811; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/427, 2022/1529, 2023/571 u 2023/806)

(ara l-punti 137 sa 141, 144 sa 146, 149)

12.    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjojni fl-Ukraina – Restrizzjoni tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, tad-dritt għall-proprjetà, tal-liberta’ ta’ impriża u tad-dritt għal moviment u ta’ residenza – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 16, 17, 45 u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/429, (PESK) 2022/1530, (PESK) 2023/572 u (PESK) 2023/811; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/427, 2022/1529, 2023/571 u 2023/806)

(ara l-punti 155 sa 164, 166)

13.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Preżunzjoni tal-innoċenza – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi adottata fil-konfront ta’ ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Kompatibbiltà mal-imsemmi prinċipju – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/429, (PESK) 2022/1530, (PESK) 2023/572 u (PESK) 2023/811; Regolamenti tal-Kunsill Nru 269/2014, 2022/427, 2022/1529, 2023/571 u 2023/806)

(ara l-punt 167)

14.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Preġudizzju – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punt 172 sa 175)

Sunt

Wara l-aggressjoni militari mwettqa mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fil‑15 ta’ Marzu 2022, id-Deċiżjoni 2022/429 (1) u r-Regolament 2022/427 (2), li permezz tagħhom Roman Arkadyevich Abramovich ġie inkluż fil-listi ta’ persuni, entitajiet u organi adottati mill-Kunsill sa mill‑2014 (3) minħabba l-appoġġ mogħti lil azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

Ir-rikorrent, negozjant li huwa ta’ nazzjonalità Russa, Iżraeljana u Portugiża, ġie ssuġġettat, mill-Kunsill, għall-projbizzjoni ta’ dħul jew ta’ tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri u għall-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi bankarji tiegħu, konformement, respettivament, mal-Artikolu 1(1)(b) u (e), u mal-Artikolu 2(1)(d) u (g) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata, minħabba r-rabtiet mill-qrib tiegħu mal-President Putin u l-kwalità tiegħu bħala azzjonist maġġuri ta’ Evraz, wieħed mill-ikbar kontribwenti tar-Russja. Dawn il-miżuri ġew imġedda fir-rigward tar-rikorrent f’Settembru tal‑2022 (4), f’Marzu tal‑2023 (5) u f’April tal‑2023 (6) għall-istess raġunijiet.

Ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kemm għall-annullament tal-atti tal-Kunsill kif ukoll għal kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba dawn l-atti.

Il-Qorti Ġenerali, li tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu, tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 (iktar ’il quddiem il-“kriterju (g)”) li huwa bbażat fuq il-kwalità ta’ negozjant influwenti li jeżerċita attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tar-Russja.

Evalwazzjoni talQorti Ġenerali

Fir-rigward, qabelxejn, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li att li jikkawża preġudizzju jkun suffiċjentement immotivat meta jseħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha. Hija tispeċifika li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma għandhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill ikkunsidra li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura. Fil-kawża preżenti, il-kuntest u ċ-ċirkustanzi ta’ madwar l-adozzjoni tal-atti kkontestati kienu magħrufa sewwa mir-rikorrent. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati ssemmi espliċitament il-kriterji ta’ inklużjoni u r-raġunijiet fattwali li fuq il-bażi tagħhom il-Kunsill iddeċieda li jinkludi u li jżomm ismu fil-listi inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-atti kkontestati jistabbilixxu sal-grad rikjest mil-liġi l-punti ta’ dritt u ta’ fatt li jikkostitwixxu l-bażi tagħhom.

Sussegwentement, fir-rigward tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali tirrileva li s-sempliċi fatt li l-Kunsill ma kkonkludiex favur l-assenza ta’ fondatezza tat-tiġdid tal-miżuri restrittivi, u lanqas ma qies utli li jipproċedi għal verifiki fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent ma jistax jimplika li ma ħax inkunsiderazzjoni tali osservazzjonijiet. Fil-fatt, għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuna kkonċernata minn att li jikkawża preġudizzju tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha, dan ma jistax jimponi fuqhom li jaderixxi magħha. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kunsill issodisfa l-obbligi tiegħu marbuta mar-rispett tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi abbażi tal-kriterju (g), il-Qorti Ġenerali tinnota li dan il-kriterju jagħmel riferiment għall-kunċett ta’ “negozjanti influwenti” b’rabta mal-eżerċizzju ta’ “[attività] f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern [Russu]”, mingħajr ebda kundizzjoni oħra li tikkonċerna rabta, diretta jew indiretta, mal-imsemmi gvern. Dwar dan is-suġġett, teżisti rabta loġika bejn il-fatt li tiġi mmirata din il-kategorija ta’ persuni u l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, li huwa li tiżdied il-pressjoni fuq ir-Russja kif ukoll li tiżdied l-ispiża tal-azzjonijiet tagħha kontra l-Ukraina. Minn dan hija tikkonkludi li l-kriterju (g) għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li huwa intiż li japplika għal negozjanti meqjusa bħala influwenti minħabba l-importanza tagħhom fis-settur li fih huma jeżerċitaw l-attività tagħhom u l-importanza ta’ dan is-settur għall-ekonomija Russa u, min-naħa l-oħra, li huma s-setturi ekonomiċi li fihom huma attivi dawn il-persuni li għandhom jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kunsill ġustament ikkunsidra li r-rikorrent kien negozjant influwenti minħabba, b’mod partikolari, l-istatus professjonali tiegħu, l-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, il-portata tal-assi kapitali tiegħu fi ħdan Evraz u, b’mod iktar partikolari, il-kwalità tiegħu bħala azzjonist prinċipali tal-kumpannija omm tal-imsemmi grupp ta’ kumpanniji.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu jipprovaw il-fatt li s-settur ekonomiku li fih huwa attiv ir-rikorrent jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, il-frażi “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” fis-sens tal-kriterju (g), tagħmel riferiment għad-dħul provenjenti minn setturi ekonomiċi importanti fir-Russja u mhux biss għat-taxxi mħallsin min-negozjanti influwenti. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li d-dħul fiskali provenjenti mis-settur tal-azzar u tal-mini huwa prinċipalment assenjat lill-baġits tal-entitajiet federali lokali hija rrilevanti. Fil-fatt, anki jekk dan is-sors ta’ dħul la huwa ddestinat għall-baġit federali, u lanqas ma huwa direttament użat mill-imsemmi Gvern sabiex isostni l-ispejjeż militari tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li tali dħul jippermetti lil dan il-Gvern, fil-globalità tiegħu, mingħajr ebda distinzjoni bejn dħul li joriġina mill-baġit federali u dak mill-baġits reġjonali, li jimmobilizza ulterjorment riżorsi għall-azzjonijiet tiegħu intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

Għaldaqstant, il-Kunsill ma wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jinkludi u sussegwentement li jżomm l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

B’risposta għall-argument tar-rikorrent li l-applikazzjoni tal-kriterju (g) mill-Kunsill hija diskriminatorja sa fejn l-imsemmi kriterju jikkonċerna n-negozjanti u l-impriżi ta’ nazzjonalità Russa u mhux ukoll l-impriżi barranin, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan il-kriterju ma jikkonċernax in-nazzjonalità tal-persuni ddeżinjati, iżda kull persuna fiżika li għandha l-kwalità ta’ negozjant jew negozjanta influwenti fis-sens tal-imsemmi kriterju. Konsegwentement, il-persuni koperti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ kull nazzjonjalità jekk jissodisfaw il-kriterju inkwistjoni.

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tal-importanza essenzjali tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi, il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħhom għar-rikorrent ma humiex manifestament sproporzjonati. Dan kollu huwa kkorroborat mill-pass li ħa l-Kunsill sabiex jestendi b’mod progressiv, minħabba l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, iċ-ċirku tal-persuni u tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti. Barra minn hekk, l-imsemmija miżuri huma adegwati fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u neċessarji, sa fejn miżuri alternattivi u inqas restrittivi ma jippermettux li jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi l-għanijiet segwiti. Għaldaqstant ma ġiex miksur il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet fundamentali invokat mir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali tinnota li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dawn tal-aħħar ma humiex prerogattivi assoluti u jistgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet dment li l-limitazzjonijiet ikkonċernati jkunu previsti mil-liġi, ikunu jirrispettaw il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u li, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti fil-kawża preżenti. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-miżuri restrittivi ma humiex ta’ natura kriminali u għaldaqstant ma għandhomx l-effett li jippreġudikaw id-dritt għal preżunzjoni tal-innoċenza, kif rikonoxxut fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-limitazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu fl-atti kkontestati, ma humiex sproporzjonati u ma jistgħux jivvizzjaw l-imsemmija atti b’illegalità.

Ġaladarba ma ġietx issodisfatta l-kundizzjoni marbuta mal-illegalità tal-aġir allegatament imwettaq mill-Kunsill, il-Qorti Ġenerali finalment tiddeċiedi li ma tistax tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u konsegwentement tiċħad it-talba għal kumpens għad-danni mressqa mir-rikorrent.


1      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 44, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 67).


2      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 66).


3      Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).


4      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (ĠU 2022, L 239, p. 149) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 239, p. 1).


5      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (ĠU 2023, L 75I, p. 134) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 (ĠU 2023, L 75I, p. 1).


6      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/811 tat‑13 ta’ April 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (ĠU 2023, L 101, p. 67) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/806 tat‑13 ta’ April 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 (ĠU 2023, L 101, p. 1).