Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Halduskohus (l-Estonja) fil-5 ta’ Jannar 2022 – Est Wind Power OÜ vs AS Elering

(Kawża C-11/22)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Tallinna Halduskohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Est Wind Power OÜ

Konvenut: AS Elering

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-ewwel alternattiva prevista taħt id-definizzjoni tal-kunċett “bidu tax-xogħlijiet” mogħtija fil-punt 19(44) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020” 1 , jiġifieri “il-bidu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq l-investiment”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għall-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta ma’ kwalunkwe proġett ta’ investiment jew bħala li jirreferu biss għall-bidu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment li ser jipproduċi enerġija rinnovabbli?

Id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-ewwel alternattiva prevista taħt id-definizzjoni tal-kunċett “bidu tax-xogħlijiet” mogħtija fil-punt 19(44) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020”, jiġifieri “il-bidu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq l-investiment”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tkun ikkonstatat il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta ma’ proġett ta’ investiment, din l-awtorità għandha, konformement mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tevalwa wkoll l-istadju li fih ikun wasal il-proġett ta’ investiment u l-probabbiltà li dan il-proġett jitlesta?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: ċirkustanzi oġġettivi oħra, bħalma huma proċeduri pendenti li jipprekludu t-tkomplija tal-proġett ta’ investiment, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-istadju li fih ikun wasal il-proġett ta’ investiment?

Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa rilevanti li, fil-punti 61 u 68 tas-sentenza tagħha tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar 1 , il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonstatat li l-kwistjoni ta’ jekk jeżistix jew le effett ta’ inċentiv ma tistax titqies li hija kriterju ċar u faċilment applikabbli mill-awtoritajiet nazzjonali għaliex il-verifika tal-eżistenza ta’ dan l-effett teħtieġ li jitwettqu, każ b’każ, evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, bil-konsegwenza li tali kriterju ma jkunx konformi mar-rekwiżit li l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ eżenzjoni għandhom ikunu ċari u faċilment applikabbli mill-awtoritajiet nazzjonali?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 fil-punt 126 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020”, ikkunsidrata flimkien mal-punt 19(44) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità nazzjonali ma hijiex meħtieġa twettaq evalwazzjoni ekonomika tal-proġett ta’ investiment, każ b’każ, meta teżamina l-kriterju tal-bidu tax-xogħlijiet?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-aħħar alternattiva prevista taħt id-definizzjoni tal-kunċett “bidu tax-xogħlijiet” mogħtija fil-punt 19(44) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020”, jiġifieri “impenn [ieħor] li jagħmel l-investiment irriversibbli”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li kwalunkwe impenn ieħor, ħlief għax-xiri tal-art u xogħlijiet preparatorji (bħalma hija l-kisba ta’ permessi), jagħmel l-investiment irriversibbli, irrispettivament min-nefqa marbuta mal-impenn?

Id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-kunċett ta’ “bidu tax-xogħlijiet” previst fil-punt 19(44) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza ta’ dritt ta’ użu fuq l-art miżmum mill-produttur tal-enerġija u l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment huma kundizzjonijiet essenzjali għall-bidu tax-xogħlijiet?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: il-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment” għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt nazzjonali, u din l-awtorizzazzjoni tista’ tkun biss l-awtorizzazzjoni li abbażi tagħha jitwettaq ix-xogħol ta’ kostruzzjoni marbut mal-proġett ta’ investiment?

____________

1 ĠU 2014, C 200, p. 1.

1     C-349/17, EU:C:2019:172.