Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Ġunju 2009 - Sniace vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-238/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Sniace, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentant: F. J. Moncholí Fernández, abogado)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tqis li ġie ppreżentat dan ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE u li tiddikjarah bħala fondat.

tannulla u tiddikjara mingħajr effett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni tal-10 ta' Marzu 2009, li jistabbilixxi li s-segwenti għajnuna mill-istat imwettqa minn Spanja favur Spiace hija inkompatibbli mas-suq komuni: i) il-ftehim tat-8 ta' Marzu 1996 bejn Sniace u t-Tesorería General de la Seguridad Social dwar it-tqassim mill-ġdid tad-djun; (ii) l-eżekuzzjoni tal-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 bejn Sniace u FOGASA, u (iii) il-ftehim tal-31 ta' Ottubru 1995 bejn Sniace u FOGASA.

tannulla u tiddikjara mingħajr effett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u 3 tad-deċiżjoni tal-10 ta' Marzu 2009, fit-tieni paragrafu tagħha, li jimponu fuq Spanja li:

tikseb mingħand il-benefiċjarju l-ħlas lura tal-għajnuna mogħtija, kif ukoll l-interessi korrispondenti b'mod immedjat u effettiv, u

iżżomm lill-Kummissjoni informata, sa mhux iktar tard minn xahrejn, tal-ammont totali, tal-mezzi adottati u previsti għat-twettiq tad-deċiżjoni u tressaq dokumentazzjoni li permezz tagħha turi li hija ordnat ir-rimbors tal-għajnuna mingħand il-benefiċjarja.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha sostnuti mir-rikorrenti f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

L-att ikkontestat f'din il-kawża huwa d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 1479 finali, tal-10 ta' Marzu 2009, dwar il-miżura Nru C5/2000 (ex NN 118/1997) imwettqa minn Spanja favur ir-rikorrenti (SNIACE), u li permezz tagħha d-Deċiżjoni 1999/395/KE tat-28 ta' Ottubru 1998 hija emendata. Din id-deċiżjoni kkunsidrat bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija mill-Fondo de Garantía Salarial (FOGASA) u mit-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) favur SNIACE, li fiha din id-deċiżjoni tgħid li l-ftehim ta' ħlas lura tad-djun li saru bejn din tal-aħħar u l-FOGASA u l-ftehim ta' tqassim mill-ġdid li sar bejn SNIACE u t-TGSS ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tas-suq minħabba r-rata ta' interess applikabbli 1.

Id-deċiżjoni kkontestata ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna msemmija fit-tieni paragrafu tat-talbiet.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tallega, l-ewwel nett, li, meta analizzat il-ftehim ta' għajnuna u kkonkludiet li la l-FOGASA u lanqas it-TGSS ma aġixxew bl-istess mod kif kien jagħmel kreditur privat, il-Kummissjoni interpretat il-leġiżlazzjoni applikabbli b'mod żbaljat. Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li l-pożizzjoni tal-konvenuta hija bbażata fuq il-paragun tal-pożizzjoni tal-kreditur privat BANESTO ma' dik tal-FOGASA, li fiha għamlet ġeneralizzazzjoni li tikkonsisti f'estrapolazzjoni mingħajr raġuni tal-aġir ta' BANESTO ma' dak ta' kull kreditur privat.

F'kull każ, skont ir-rikorrenti, fil-pożizzjoni tagħha bħala kreditur privat, hija aġixxiet b'mod pratikament identiku għal dak ta' BANESTO.

SNIACE tallega wkoll ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni. Hawnhekk għandu jiġi osservat, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma mmotivat "it-theddida tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni" li huwa aspett ċentrali sabiex jitqies li għajnuna tkun ġejja mill-Istat.

____________

1 - Ara s-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni (C-342/96, Ġabra 1999; p. I-2459), Spanja vs Il-Kummissjoni (C-525/04 P, Ġabra 2007; p. I-9947) u Lentzig AG vs Il-Kummissjoni (T-36/99, Ġabra 2004; p. II-3597).