Language of document : ECLI:EU:T:2017:283

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

24 ta’ April 2017 (*)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Terminu ta’ erba’ xhur għal risposta stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal – Deċiżjoni tal-ASTK li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva – Assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni mill-ASTK, fit-terminu għal risposta stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal, dwar ir-realtà tal-fastidju psikoloġiku allegat – Kunċett ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza – Att ineżistenti – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑570/16,

HF, residenti f’Bousval (il-Belġju), irrappreżentata minn A. Tymen, avukat,

rikorrenti,

vs

Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn E. Taneva u M. Ecker, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Parlament, allegatament meħuda fil-11 ta’ April 2015, li tiċħad it-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrenti fil-11 ta’ Diċembru 2014 u, min-naħa l-oħra, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, HF, ġiet irreklutata mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) permezz ta’ kuntratti suċċessivi, mis-6 ta’ Jannar sal-14 ta’ Frar 2003, mill-15 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu 2003, mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2003 u mill-1 sal-31 ta’ Lulju 2003, u dan bħala membru tal-persunal awżiljarju, kategorija ta’ impjieg li kienet prevista fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), fil-verżjoni tagħhom ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Ir-rikorrenti kienet assenjata lid-diviżjoni “Awdjoviżiv”, li llum saret unità (iktar ’il quddiem l-“unità tal-awdjoviżiv”), tad-Direttorat għall-Midja (iktar ’il quddiem id-“Direttorat għall-Midja”) tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Informazzjoni u relazzjonijiet pubbliċi”, li sar id-DĠ “Komunikazzjoni”. Hemmhekk hija kienet twettaq funzjonijiet ta’ assistent fil-kategorija B, grupp V, klassi 3.

2        Sussegwentement, hija ġiet irreklutata, mill-1 ta’ Awwissu 2003 sal-31 ta’ Marzu 2005, minn kumpannija, stabbilita fi Franza u li kienet tipprovdi servizzi għall-Parlament, bħala amministratriċi ta’ produzzjoni sabiex twettaq attività żejda marbuta mal-amministrazzjoni ta’ produzzjoni tal-unità tal-awdjoviżiv.

3        Ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-ġdid mill-ASTK, din id-darba bħala membru tal-persunal bil-kuntratt assenjata lill-unità tal-awdjoviżiv, mill-1 ta’ April 2005 sal-31 ta’ Jannar 2006, u sussegwentement bħala membru tal-persunal temporanju assenjat lill-istess unità mill-1 ta’ Frar 2006 sal-31 ta’ Jannar 2012.

4        Mill-1 ta’ Frar 2012 sal-31 ta’ Mejju 2015, hija baqgħet irreklutata bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt assenjata lill-unità tal-awdjoviżiv permezz ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

5        Mis-26 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ngħatat leave tal-mard u, minn dak iż-żmien ’il quddiem, ma reġgħet lura għal ebda attività professjonali fi ħdan il-Parlament.

6        Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2014, indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”) u kkopjata lill-President tal-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol (iktar ’il quddiem il-“kumitat konsultattiv”) kif ukoll lill-President tal-Parlament u lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal”, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”), liema artikoli huma applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikoli 92 u 117, rispettivament, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Insostenn ta’ din it-talba, hija sostniet li kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tal-kap tal-unità tal-awdjoviżiv, liema fastidju seħħ permezz ta’ aġir, kliem u kitbiet ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari waqt laqgħat tad-dipartiment. Hija talbet li jiġu adottati miżuri urġenti sabiex tiġi protetta immedjatament mill-persuna li allegatament kienet qiegħda tagħtiha fastidju u li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva mill-ASTK sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti.

7        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2015, il-kap tal-unità “Riżorsi umani” (iktar ’il quddiem l-“unità ‘Riżorsi umani’”) tad-Direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Persunal”, li barra minn hekk kien il-President tal-kumitat konsultattiv, irrikonoxxa li rċieva t-talba tar-rikorrenti għal assistenza u informa lil din tal-aħħar li din it-talba ntbagħtet lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal”, li jiddeċiedi fuq l-imsemmija talba, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, f’terminu ta’ erba’ xhur li fl-iskadenza tiegħu, jekk ikun il-każ, ikun jista’ jitqies li ttieħdet deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ din it-talba għal assistenza u sussegwentement tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

8        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2015, il-konsulent tar-rikorrenti ġab għall-konjizzjoni tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” il-fatt, b’mod partikolari, li l-kap tal-unità tal-awdjoviżiv kien ġie informat bit-tressiq tat-talba għal assistenza u bil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva mill-ASTK. Fil-fatt, din l-informazzjoni ddaħħlet fil-minuti ta’ laqgħa tal-unità tal-awdjoviżiv, u dan ikkontribwixxa għat-tixrid ta’ ċerta informazzjoni mhux biss lill-kollegi tar-rikorrenti, iżda wkoll lil ċerti persuni esterni għall-istituzzjoni. Waqt din il-laqgħa, il-kap ta’ unità ħabbar ukoll li r-rikorrenti ma kinitx ser terġa’ lura fl-unità tal-awdjoviżiv u li, konsegwentement, kellha tiġi prevista ristrutturazzjoni tal-parti mill-unità tal-awdjoviżiv imsejħa “Newsdesk Hotline”.

9        Permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Jannar 2015, membru tal-persunal tal-unità “Reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u tal-assistenti parlamentari akkreditati” (iktar ’il quddiem l-“unità tar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt”) tad-Direttorat “Żvilupp tar-riżorsi umani”) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tar-RU”) tad-DĠ “Persunal” tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament bagħat lir-rikorrenti “nota li tikkonferma l-bidla tad-dipartiment [tagħha] mill-21 [ta’ Jannar] 2015”. Din in-nota, ukoll iddatata 26 ta’ Jannar 2015, kienet tindika li r-rikorrenti kienet ser tiġi assenjata, b’effett retroattiv mill-21 ta’ Jannar 2015, lill-unità tal-programm ta’ żjarat tal-Unjoni Ewropea (EUVP) (iktar ’il quddiem l-“unità tal-programm ta’ żjarat”) tad-Direttorat tar-relazzjonijiet maċ-ċittadini tad-DĠ “Komunikazzjoni” u li, b’eċċezzjoni ta’ din il-bidla ta’ assenjazzjoni, ebda bidla oħra ma saret għall-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid”).

10      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2015, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” wieġeb l-ittra tal-konsulent tar-rikorrenti tat-23 ta’ Jannar 2015 billi spjega li kienet ġiet adottata miżura ta’ tbegħid favur ir-rikorrenti fil-konfront tal-kap tal-unità tal-awdjoviżiv u kienet tikkonsisti fl-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ din tal-aħħar lill-unità tal-programm ta’ żjarat. Fir-rigward tal-informazzjoni żvelata mill-kap tal-unità tal-awdjoviżiv waqt il-laqgħa ta’ din l-unità, ġie spjegat lir-rikorrenti li din l-informazzjoni “[kellha] tinftiehem fil-kuntest tal-miżura ta’ tbegħid meħuda favur [ir-rikorrenti] u mhux bħala intimidazzjonijiet intiżi għall-membri l-oħra tal-unità tagħha [u] inqas u inqas bħala sinjal ġdid [ta’] fastidju lejn [ir-rikorrenti]”. Barra minn hekk, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” informa lir-rikorrenti bil-fatt li, wara eżami fid-dettall tal-fajl tagħha u b’risposta għat-talba tagħha għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, huwa kien iddeċieda li jibgħat dan il-fajl lill-kumitat konsultattiv, li l-President tiegħu kien ser iżommha aġġornata b’kull żvilupp sussegwenti. Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” qies li, b’dan il-mod, huwa kien irrisponda għat-talba għal assistenza u li dan kien iwassal, fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, għall-“għeluq [tal-]fajl” tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015”).

11      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2015, il-konsulent tar-rikorrenti, minn naħa, talab lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” jispjega l-portata tal-miżura li huwa kien ħabbar fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 u, b’mod partikolari, jindika jekk il-miżura ta’ tbegħid tar-rikorrenti kinitx ġiet adottata fuq bażi temporanja. Min-naħa l-oħra, huwa fakkru li, skont ir-regoli interni dwar il-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni dwar il-fastidju”), b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tagħhom, ma huwiex il-kompitu tal-kumitat konsultattiv li jiddeċiedi fuq talba għal assistenza, iżda biss li jibgħat rapport kunfidenzjali lis-Segretarju Ġenerali, li kellu r-responsabbiltà, fi kwalunkwe każ, li jieħu miżuri skont l-Artikolu 16 ta’ dawn ir-regoli interni. Għalhekk ir-rikorrenti qieset li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” baqa’ l-persuna li għandha s-setgħa tiddeċiedi fuq it-talba tagħha għal assistenza fil-kwalità tagħha ta’ ASTK u mhux il-kumitat konsultattiv.

12      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2015, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” tenna l-fehma tiegħu li, permezz tad-deċiżjoni tiegħu li jibgħat it-talba għal assistenza lill-kumitat konsultattiv, huwa kien “għalaq dan il-fajl f’dak li [kien] jirrigwarda l-kamp ta’ kompetenzi tiegħ[u]” u li, minkejja li l-Bureau tal-Parlament kien tah il-poteri tal-ASTK sabiex jiddeċiedi fuq it-talbiet għal assistenza mressqa skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, jibqa’ l-fatt li huwa ma setax jinjora r-regoli interni dwar il-fastidju, li kienu jagħtu lis-Segretarju Ġenerali l-kompitu li jaġixxi fil-każ ta’ eventwali sitwazzjoni ta’ fastidju persistenti. Barra minn hekk, huwa spjega li l-miżura ta’ tbegħid tar-rikorrenti mill-unità tal-awdjoviżiv lejn l-unità tal-programm ta’ żjarat kienet ittieħdet kemm fuq talba tal-persuna kkonċernata, ifformulata fit-talba għal assistenza, kif ukoll “fl-interess tas-servizz sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet dejjem jikbru fi ħdan l-[unità tal-programm ta’ żjarat]”, u li din l-assenjazzjoni mill-ġdid kellha tinżamm sal-iskadenza tal-kuntratt tagħha.

13      Permezz ta’ posta elettronika tad-9 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti ssejħet mill-kumitat konsultattiv sabiex tinstema’ minn dan tal-aħħar fil-25 ta’ Marzu 2015.

14      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ressqet ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel nett, kontra d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-ASTK assenjatha mill-ġdid b’mod permanenti, u mhux fuq bażi temporanja, lill-unità tal-programm ta’ żjarat; it-tieni nett, kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015, li permezz tagħha d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” iddeċieda fuq it-talba għal assistenza billi qies li l-każ “fil-kamp ta’ kompetenzi tiegħu” ingħalaq u, it-tielet nett, kontra deċiżjoni, li ttieħdet fil-11 ta’ April 2015, li permezz tagħha l-ASTK ċaħdet impliċitament it-talba għal assistenza.

15      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Awwissu 2015, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, iddeċieda li jilqa’ parzjalment l-ilment imressaq mir-rikorrenti fl-24 ta’ April 2015. Fir-rigward tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti lill-unità tal-programm ta’ żjarat, is-Segretarju Ġenerali fakkar li din l-assenjazzjoni mill-ġdid kienet neċessarjament ta’ natura provviżorja u kellha tinżamm matul il-perijodu kollu tal-investigazzjoni amministrattiva, li kienet għadha pendenti u, essenzjalment, ċaħad l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kontra l-fondatezza jew il-modalitajiet tal-miżura ta’ tbegħid (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015”).

16      Min-naħa l-oħra, f’din id-de ċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015, is-Segretarju Ġenerali ddeċieda li jirriforma d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 sa fejn, fiha, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” kien żbalja meta qies li l-ASTK kienet għalqet il-proċedura relatata mat-talba għal assistenza. F’dan ir-rigward, huwa speċifika li din it-talba għal assistenza tagħti lok, sussegwentement, għal deċiżjoni definittiva tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” u li, konsegwentement, kuntrarjament għal dak li kienet qiegħda tallega r-rikorrenti, ma ttieħdet ebda deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, b’mod li l-ilment, fuq dan il-punt, kien inammissibbli.

 Fuq il-fatti li seħħew wara li ġie ppreżentat ir-rikors

17      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jqis li t-talba tagħha għal assistenza ma kinitx fondata, b’mod partikolari, wara s-smigħ mill-kumitat konsultattiv tal-kap tal-unità tal-awdjoviżiv u ta’ erbatax-il uffiċjal ieħor ta’ din l-unità.

18      Essenzjalment, id-Direttur Ġenerali jqis li, anki jekk il-fatti allegati rrepetew ruħhom, ma deherlux li t-ton użat mill-kap tal-unità tal-awdjoviżiv, oralment u fil-korrispondenza bil-miktub ipprovduta mir-rikorrenti, ma kienx xieraq fil-kuntest fattwali u fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol li għalihom kienet suġġetta din l-unità. Huwa speċifika li, “filwaqt li [kellu] jiġi aċċettat li l-kliem kultant [ġie] espress b’mod frank u dirett, madankollu [kellu] jiġi kkonstatat li ma [kienx] eċċeda l-limiti raġonevoli ta’ diskussjoni professjonali bejn il-[k]ap ta’ unità u l-membri tat-tim tiegħu”. Huwa qies, b’mod partikolari, li dan il-kliem kien intqal waqt laqgħat tad-dipartiment li matulhom kienu ġew diskussi xi każijiet ta’ funzjonament organizzattiv ħażin, b’mod li seta’ jitqies li kienu ġew espressi fil-kuntest ta’ ġestjoni ta’ kuljum, bil-ħsieb li jiġu riżolti problemi li kienu jidhru evidenti għall-parti l-kbira tal-membri tal-unità. F’dak li jirrigwarda l-posta elettronika mibgħuta lir-rikorrenti mill-kap tal-unità tal-awdjoviżiv, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” qies li “[kien] evidenti li din kienet intiża jew sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-servizz, jew sabiex jitfakkru l-istruzzjonijiet tiegħu”, tant huwa hekk li, “[i]kkunsidrata f’dan il-kuntest, il-kontenut tagħha ma [kellux] jitqies li ma kienx xieraq”.

19      Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” stieden lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-intenzjoni tiegħu li jiddikjara t-talba tagħha għal assistenza infondata u stedinha tagħżel li tagħmel dan jew waqt intervista jew bil-miktub. Ir-rikorrenti ngħatat terminu li jiskadi fl-20 ta’ Diċembru 2015 sabiex tesprimi l-intenzjoni tagħha f’dan ir-rigward lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal”.

20      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2015, il-konsulent tar-rikorrenti informa lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” li hija kienet ser tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub. Madankollu, filwaqt li invoka f’dan ir-rigward is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678), talab il-komunikazzjoni tar-rapport ta’ investigazzjoni mħejji mill-kumitat konsultattiv, liema talba huwa tenna permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 2016.

21      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2016, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” ta lir-rikorrenti terminu li jiskadi fl-1 ta’ April 2016 sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-intenzjoni tiegħu li jiċħad it-talba għal assistenza. Barra minn hekk, huwa spjegalha, b’risposta għat-talba tagħha sabiex tikseb il-komunikazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni, li l-kumitat konsultattiv kien bagħatlu biss opinjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm fastidju psikoloġiku fil-każ tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, huwa ma kkomunikalha ebda rapport, kif previst fl-Artikolu 14 tar-regoli interni dwar il-fastidju, għaliex tali rapport jitħejja mill-kumitat konsultattiv biss fil-każijiet li fihom l-imsemmi kumitat jikkonstata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal”, li kien qiegħed jaġixxi fil-kwalità ta’ ASTK, ċaħad it-talba għal assistenza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016”). F’din id-deċiżjoni, huwa b’mod partikolari spjega li r-rikorrenti ġiet informata, b’mod sħiħ u dettaljat, bil-motivi li għalihom huwa kellu l-intenzjoni, fit-8 ta’ Diċembru 2015, li jiċħad it-talba għal assistenza. Madankollu, huwa fakkar li t-trattament tat-talba għal assistenza kien fil-kompetenza esklużiva tiegħu u li, f’dan ir-rigward, il-kumitat konsultattiv ma kellu ebda setgħa deċiżjonali. Issa, fil-fehma tiegħu, ir-rikorrenti ma kellha ebda dritt suġġettiv għall-komunikazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni, ta’ opinjoni jew ta’ rendikonti tal-kumitat konsultattiv.

23      F’dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet proċedurali invokati mir-rikorrenti, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” b’mod partikolari qies li, billi kkopjat il-kumitat konsultattiv bit-talba għal assistenza, ir-rikorrenti ma kinitx ressqet formalment ilment quddiem dan il-kumitat konsultattiv fis-sens tar-regoli interni dwar il-fastidju.

24      Filwaqt li spjega li huwa kien ressaq il-każ quddiem il-kumitat konsultattiv fit-2 ta’ Frar 2015, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” qies li d-dewmien li kien hemm fit-trattament tat-talba għal assistenza u tal-investigazzjoni, b’mod partikolari l-perijodu ta’ sitt xhur u ħdax-il jum sabiex isir is-smigħ, kien spjegat mill-indisponibbiltà tal-persuni msejħa mill-kumitat konsultattiv u mit-tqassim tal-persunal tal-Parlament fit-tliet postijiet tax-xogħol kif ukoll mill-kumplessità tal-każ, li kien jirrikjedi li jinstemgħu numru kbir ta’ persuni.

25      F’dak li jirrigwarda l-mertu, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” żamm mal-analiżi li huwa kien espona fl-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015 u, għaldaqstant, iddeċieda li ma jirrikonoxxix li s-sitwazzjoni deskritta mir-rikorrenti kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Il-proċedura

26      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors, li inizjalment ġie rreġistrat bin-numru F‑142/15.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2016 fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Parlament, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dak it-tribunal, qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ppreżentat nota ta’ osservazzjonijiet fit-22 ta’ Frar 2016.

28      Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tat-28 ta’ April 2016, il-partijiet ġew informati bid-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meħuda b’applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 83(3) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà opposta mill-Parlament jingħaqad mal-mertu.

29      Il-Parlament ippreżenta r-risposta tiegħu fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-6 ta’ Ġunju 2016, u magħha annetta l-korrispondenza msemmija fil-punti 17 sa 25 ta’ din is-sentenza, filwaqt li r-rikorrenti ppreżentat ir-replika fit-18 ta’ Lulju 2016.

30      B’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2016, dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li kienet fih fil-31 ta’ Awwissu 2016 u issa għandha tiġi ttrattata skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T‑570/16 u ġiet assenjata lill-Ewwel Awla.

31      Wara t-tieni skambju ta’ noti li kien ġie awtorizzat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, ingħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

32      Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tad-29 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tindikalha jekk, kinitx ressqet, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016 u, f’dan il-każ, tipprovdilha kopja ta’ dan l-ilment.

33      Permezz ta’ ittra mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti kkonfermat li, fis-6 ta’ Settembru 2016, hija kienet ressqet tali lment, u pproduċiet kopja tiegħu.

34      Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tad-19 ta’ Jannar 2017, il-Parlament ġie mistieden mill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jindikalha x’segwitu kien ta għall-ilment tas-6 ta’ Settembru 2016 u, fil-każ li l-ASTK tat deċiżjoni espliċita dwar dan l-ilment, jipprovdilha kopja ta’ din id-deċiżjoni.

35      Fl-1 ta’ Frar 2017, il-Parlament ikkonferma lill-Qorti Ġenerali li huwa kien ta deċiżjoni espliċita dwar l-ilment tas-6 ta’ Settembru 2016. Huwa għalhekk ipprovda kopja tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2017 li permezz tagħha s-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, kien ċaħad dan l-ilment.

36      Peress li l-partijiet ma talbux li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess tal-kawża, iddeċidiet li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura.

 It-talbiet tal-partijiet

37      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni, li skontha ttieħdet impliċitament fil-11 ta’ April 2015, li permezz tagħha l-ASTK ċaħdet it-talba għal assistenza;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015 li tiċħad l-ilment tal-24 ta’ April 2015;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ħlas ta’ danni li għandhom jiġu stabbiliti, ex aequo et bono, fl-ammont ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu mġarrab;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

38      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

39      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-Parlament isostni essenzjalment li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 kienet tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju li permezz tiegħu l-ASTK kienet irrispondiet għat-talba għal assistenza. Din id-deċiżjoni, li ttieħdet fit-terminu għal risposta previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ostakolat it-teħid sussegwenti ta’ deċiżjoni impliċita li tiċħad din l-istess talba, f’dan il-każ fl-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur għal risposta stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal li beda jiddekorri fil-11 ta’ Diċembru 2014, li kienet id-data li fiha tressqet din it-talba għal assistenza. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li r-rikorrenti tikkontesta l-legalità tagħha hija ineżistenti.

40      Fir-risposta, il-Parlament, barra minn hekk, indika li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015, kienet tikkostitwixxi, fil-fatt, l-ewwel risposta espliċita tal-ASTK għat-talba għal assistenza, f’dak li kien jirrigwarda l-miżura ta’ tbegħid adottata kif ukoll il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva. Madankollu, huwa enfasizza li din id-deċiżjoni kienet ġiet parzjalment irrevokata mis-Segretarju Ġenerali fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015. Fil-fatt, is-Segretarju Ġenerali qies li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” kien għadu obbligat jagħti deċiżjoni, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza tas-sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku allegata mir-rikorrenti u li, għaldaqstant, huwa kellu neċessarjament jagħti deċiżjoni ġdida fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, ħaġa li huwa finalment għamel fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016.

41      Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-22 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti kkontestat l-analiżi tal-Parlament billi sostniet li, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ittieħdet deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba l-assenza ta’ risposta espliċita tal-Parlament, fil-11 ta’ April 2015, f’dak li kien jirrigwarda r-realtà tal-eżistenza tal-fastidju psikoloġiku allegat fit-talba għal assistenza.

42      Hija enfasizzat, minn naħa, li l-Parlament kien illimita ruħu fuq dan il-punt, fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015, li jindika li huwa kien ressaq il-każ quddiem il-kumitat dwar il-fastidju, ħaġa li tikkonferma li, sa dakinhar, ebda teħid ta’ pożizzjoni mill-ASTK ma kienet ġiet adottata b’risposta għat-talba tar-rikorrenti fir-rigward tal-eżistenza tal-fatti allegati u tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra u fuq kollox, fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015 li taqta’ l-ilment tal-24 ta’ April 2015, is-Segretarju Ġenerali kien annulla d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 sa fejn fiha l-ASTK iddikjarat li kienet għalqet it-talba għal assistenza sempliċement billi ressqet il-każ quddiem il-kumitat konsultattiv.

43      Għaldaqstant, ir-rikorrenti kkonkludiet, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-22 ta’ Frar 2016, li, kieku kellha tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Parlament, dan ikun ifisser li jkun biżżejjed għall-ASTK li tressaq il-każ quddiem il-kumitat konsultattiv sabiex teħles mill-obbligu impost fuqha li tirrispondi fit-terminu ta’ erba’ xhur stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal għal kwalunkwe talba li titressaq quddiemha minn membru tal-persunal, inkluża talba għal assistenza fformulata skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

44      Fir-replika, ir-rikorrenti b’mod partikolari sostniet li, “meta [hija kienet] ippreżentat [dan ir-]rikors, it-talbiet tagħha għal annullament kienu ammissibbli” u li “[kien] biss wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors li dawn it-talbiet għal annullament ma kienx għad [kellhom] skop, minħabba s-sostituzzjoni tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016 għal dik tal-11 ta’ April 2015”.

45      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kundizzjoni indispensabbli għall-ammissibbiltà ta’ kwalunkwe rikors ippreżentat mill-uffiċjali kontra l-istituzzjoni li jaqgħu taħtha (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑20/92, EU:T:1993:63, punt 39, u tas-6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, EU:T:2004:207, punt 125; ara wkoll id-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, FG vs Il‑Kummissjoni, F‑20/15, EU:F:2015:93, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan ir-rigward, meta quddiem l-ASTK jew, skont il-każijiet, l-Awtorità tal-Ħatra ta’ istituzzjoni (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) titressaq, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija għandha, abbażi tal-obbligu ta’ assistenza u jekk din l-awtorità tkun affaċċjata b’inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi l-fatti u li minnhom tislet, b’għarfien tal-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi prova prima facie tar-realtà tal-attakki li huwa jiddikjara li jkun qiegħed iġarrab. Fil-preżenza ta’ tali provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li jkunu wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-persuna li tkun ressqet dan l-ilment (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punti 15 u 16; tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 136, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 87).

47      Fil-preżenza ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju, l-obbligu ta’ assistenza jinkludi, b’mod partikolari, id-dmir għall-amministrazzjoni li teżamina serjament, b’ħeffa u bil-kunfidenzjalità kollha, it-talba għal assistenza li fiha jiġi allegat fastidju u li tinforma lill-persuna li tagħmel din it-talba bis-segwitu mogħti lilha (sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2008, KLUG vs EMEA, F‑35/07, EU:F:2008:150, punt 74, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 88).

48      F’dak li jirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li, bħal f’dan il-każ, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Haas et vs Il‑Kummissjoni, T‑3/96, EU:T:1998:202, punt 54; tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 137, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 89).

49      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, wara li tressqet it-talba għal assistenza, l-ASTK, fit-terminu ta’ erba’ xhur għal risposta previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, irrispondiet għar-rikorrenti billi informatha bil-miżura li hija kienet ħadet, skont id-dmir ta’ assistenza tagħha, b’risposta għal din it-talba għal assistenza. Dawn il-miżuri, spjegati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 u li l-adozzjoni tagħhom timplika neċessarjament li l-ASTK dehrilha li kellha prova prima facie tar-realtà ta’ fatti li potenzjalment jaqgħu taħt l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, kienu jikkonsistu essenzjalment fl-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, bħala miżura ta’ tbegħid, kif ukoll fil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, li ġiet fdata lill-kumitat konsultattiv.

50      Għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk, minkejja l-adozzjoni mill-ASTK tad-deċiżjoni espliċita tal-4 ta’ Frar 2015, jistax jitqies li, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni mill-ASTK fuq ir-realtà tal-fatti allegati, li allegatament jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, f’terminu ta’ erba’ xhur li beda jiddekorri mill-11 ta’ Diċembru 2014, id-data li fiha tressqet it-talba għal assistenza, tippermetti li jiġi kkonstatat li ttieħdet deċiżjoni impliċita, f’dan il-każ fil-11 ta’ April 2015, u li din id-deċiżjoni impliċita tammonta għal rifjut tal-ASTK li tikkonstata r-realtà tal-fatti allegati u li tikklassifikahom bħala fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

51      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, b’mod ġenerali, ittra li permezz tagħha l-persuna kkonċernata tiġi informata li t-talba tagħha qiegħda tiġi eżaminata ma timplikax l-aċċettazzjoni tat-talba inkwistjoni, b’mod li, minkejja l-eżistenza ta’ tali ittra informattiva, l-assenza ta’ risposta definittiva għat-talba inizjali tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal fit-terminu previst mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tammonta bħala prinċipju għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba min-naħa, skont il-każijiet, tal-ASTK jew tal-Awtorità tal-Ħatra (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑594/10 P, EU:T:2012:336, punt 21).

52      Madankollu, f’dak li jirrigwarda talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, imressqa skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persuna kkonċernata titlob l-assistenza tal-amministrazzjoni tagħha bil-għan li hija tadotta miżuri sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

53      Il-miżuri li l-ASTK jew l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tqis li jkun neċessarju li tadotta, meta hija tqis li l-persuna kkonċernata tkun ipproduċiet prova prima facie tar-realtà tal-fatti allegati, jinkludu b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti b’kollaborazzjoni mal-persuna li tkun ressqet it-talba għal assistenza.

54      F’dan ir-rigward, meta l-ASTK jew l-Awtorità tal-Ħatra ma tipprovdi ebda risposta għal talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal fit-terminu ta’ erba’ xhur previst fl-Artikolu 90(1) ta’ dawn ir-regolamenti, jista’ jitqies li ttieħdet deċiżjoni impliċita minn din l-awtorità, li tiċħad din it-talba għal assistenza. Fil-fatt, f’dan il-każ, għandu jiġi preżunt li din l-awtorità ma qisitx li l-provi prodotti insostenn tat-talba għal assistenza kienu jikkostitwixxu prova prima facie suffiċjenti tar-realtà tal-fatti allegati sabiex jiskatta l-obbligu ta’ assistenza, li, f’dan il-każ, kienu jirrigwardaw allegat ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza hija għalhekk marbuta mill-qrib mal-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri, mill-amministrazzjoni, bħal dawk li jimponi fuqha d-dmir ta’ assistenza tagħha previst fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li, f’dan il-każ, l-amministrazzjoni tqis impliċitament, iżda neċessarjament, li l-każ ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

55      Dan huwa essenzjalment dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 41 u 42 tas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni (T‑154/05, EU:T:2007:322), li, kif jirriżulta mill-punti 9 sa 23 ta’ dik is-sentenza, kienet inkwistjoni sitwazzjoni li fiha, f’każ allegat ta’ fastidju psikoloġiku, l-Awtorità tal-Ħatra ma kienet adottat ebda miżura ta’ assistenza, fit-terminu ta’ erba’ xhur għal risposta previst fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’risposta għal talba għal assistenza. F’dik il-kawża, kien biss wara tressaq ilment mill-persuna kkonċernata li l-amministrazzjoni ddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva, li l-eżitu tagħha kien sar magħruf mill-amministrazzjoni biss ftit jiem qabel l-adozzjoni tar-risposta għall-ilment, li ngħatat seba’ xhur wara li tressaq dan l-ilment.

56      Madankollu, tali sitwazzjoni hija differenti minn dik inkwistjoni f’dan il-każ, li fih, b’risposta għal talba għal assistenza, l-ASTK qieset li kien hemm prova prima facie suffiċjenti, li kienet tirrendi neċessarju l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva sabiex jiġi stabbilit jekk il-fatti allegati kinux effettivament jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku jew sesswali fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

57      Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, jeħtieġ neċessarjament li din l-investigazzjoni titmexxa sa tmiemha sabiex l-amministrazzjoni, fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni, tkun tista’ tieħu pożizzjoni definittiva f’dan ir-rigward, li għalhekk tippermettilha jew li tagħlaq it-talba għal assistenza mingħajr ma tieħu azzjoni ulterjuri, jew, meta jirriżulta li l-fatti allegati jkunu seħħew u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, li tibda proċedura dixxiplinari bil-għan, jekk ikun il-każ, li tieħu sanzjonijiet dixxiplinari kontra l-persuna li allegatament tat fastidju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Guillot vs Il‑Kummissjoni, 53/72, EU:C:1974:80, punti 3, 12 u 21; tad-9 ta’ Novembru 1989, Katsoufros vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 55/88, EU:C:1989:409, punt 16, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 84).

58      Madankollu, jekk jiġi aċċettat, f’każ bħal dak ineżami, li fil-11 ta’ April 2016 ttieħdet deċiżjoni impliċita mill-ASTK fis-sens li din l-awtorità kkonstatat assenza ta’ fastidju psikoloġiku jew irrifjutat li twettaq tali konstatazzjoni, dan ikun jammonta għall-imputazzjoni lill-ASTK, matul il-perijodu kollu tal-investigazzjoni amministrattiva, ta’ pożizzjoni provviżorja fis-sens li ma jeżistix każ li jaqa’ taħt l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

59      Issa, l-għan innifsu tal-investigazzjoni amministrattiva huwa li tiġi kkonfermata jew ikkonfutata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod li l-ASTK ma tistax tiġġudika minn qabel l-eżitu tal-investigazzjoni u hija preċiżament mistennija li ma tiħux pożizzjoni, lanqas impliċitament, dwar ir-realtà tal-fastidju allegat qabel ma tkun kisbet ir-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva. Fi kliem ieħor, huwa inerenti fil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva li l-amministrazzjoni ma tiħux pożizzjoni b’mod prematur, essenzjalment abbażi tad-deskrizzjoni unilaterali tal-fatti pprovduta fit-talba għal assistenza, peress li, għall-kuntrarju, għandha tirriżerva l-pożizzjoni tagħha sakemm tintemm l-imsemmija investigazzjoni, li għandha titmexxa fuq bażi kontradittorja, bil-parteċipazzjoni tal-persuna li allegatament tat fastidju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE, T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punti 35 sa 41), b’ħeffa u b’osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat ukoll li, f’każ bħal dan, l-amministrazzjoni tibqa’ obbligata tmexxi l-investigazzjoni amministrattiva sa tmiemha, irrispettivament mill-kwistjoni jekk fil-frattemp il-fastidju jkunx waqaf u saħansitra meta l-persuna li ressqet l-ilment jew il-persuna li allegatament tat fastidju tkun telqet mill-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 122).

61      L-importanza li l-investigazzjoni amministrattiva titmexxa sa tmiemha hija relatata wkoll mal-fatt, minn naħa, li l-eventwali rikonoxximent mill-ASTK, fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, li possibbilment titmexxa bl-għajnuna ta’ organu distint mill-ASTK, bħall-kumitat konsultattiv, tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, fih innifsu, jkollu effett pożittiv fil-proċess terapewtiku ta’ rkupru tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal li jkun sofra fastidju (sentenza tat-8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑95/09, EU:F:2011:9, punt 26), u, barra minn hekk, jista’ jintuża mill-vittma għall-finijiet ta’ eventwali azzjoni ġudizzjarja nazzjonali li fil-kuntest tagħha japplika l-obbligu ta’ assistenza tal-ASTK, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, u jispiċċax mal-iskadenza tal-perijodu ta’ reklutaġġ tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, it-tmexxija sa tmiemha ta’ investigazzjoni amministrattiva tista’, għall-kuntrarju, tippermetti li jiġu kkonfutati l-allegazzjonijiet tal-allegata vittma, u b’dan il-mod tippermetti li jiġu rrimedjati d-danni li tali akkuża, jekk din tirriżulta li tkun infondata, setgħet ikkawżat lill-persuna kkonċernata minn proċedura ta’ investigazzjoni bħala l-persuna li allegatament tat fastidju (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punti 123 u 124).

62      Madankollu, peress li, kuntrarjament għal dak li japplika fil-qasam dixxiplinari, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedu ebda dispożizzjoni speċifika fir-rigward tat-terminu li fih għandha titmexxa investigazzjoni amministrattiva mill-amministrazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-fastidju psikoloġiku, il-fatt li investigazzjoni amministrattiva, miftuħa b’risposta għal talba għal assistenza f’terminu ta’ erba’ xhur wara t-tressiq ta’ din it-talba, tkun għadha pendenti lil hinn minn dan it-terminu ma jippermettix l-imputazzjoni lill-amministrazzjoni ta’ deċiżjoni impliċita li permezz tagħha l-ASTK tkun ċaħdet ir-realtà tal-fatti allegati fit-talba għal assistenza jew li permezz tagħha hija tkun qieset li dawn tal-aħħar ma kinux jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

63      Konsegwentement, f’dan il-każ għandu jitqies li l-ASTK, b’risposta għat-talba għal assistenza u fit-terminu ta’ erba’ xhur previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, adottat miżuri skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’liema fatt ir-rikorrenti ġiet informata permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015, u li għaldaqstant hija tat segwitu favorevoli għat-talba għal assistenza, minkejja li baqgħet obbligata, sussegwentement u fid-dawl tal-eżitu tal-investigazzjoni amministrattiva li hija kienet iddeċidiet li tiftaħ, tipprovdi risposta lill-persuna kkonċernata dwar jekk il-fatti allegati insostenn tat-talba għal assistenza ġewx stabbiliti u, fl-affermattiv, f’dan il-każ, jekk kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

64      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u kif ikkonstatat l-ASTK fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015, li tiċħad l-ilment tal-24 ta’ April 2015 bħala inammissibbli fuq dan il-punt, fil-11 ta’ April 2015 ma ttieħdet ebda deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza u li tista’ tiġi interpretata bħala teħid ta’ pożizzjoni tal-ASTK li permezz tagħha hija rrifjutat li tikklassifika l-fatti allegati f’din it-talba bħala li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

65      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-adozzjoni, matul il-proċedura kontenzjuża, tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016 li permezz tagħha l-ASTK ħadet pożizzjoni preċiżament fuq din il-kwistjoni billi rrifjutat li tikklassifika l-fatti allegati bħala fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari abbażi tal-konklużjonijiet ifformulati f’dan ir-rigward mill-kumitat konsultattiv, li lilu hija kienet fdat it-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, peress li jirrigwardaw deċiżjoni ineżistenti, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

67      Insostenn tat-talbiet tagħha għal kumpens, ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda impliċita tat-talba għal assistenza, li timplika rifjut tal-ASTK li tirrikonoxxi li l-fatti allegati f’din it-talba kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, ikkawżatilha dannu morali. Dan tal-aħħar huwa marbut mal-assenza ta’ rikonoxximent mill-ASTK tal-fondatezza tal-akkużi li hija ressqet kontra l-kap tal-unità tal-awdjoviżiv u mal-fatt li, f’dan ir-rigward, il-kumitat konsultattiv ma osservax l-Artikolu 11 tar-regoli interni dwar il-fastidju, li jipprevedu li huwa kien obbligat jisma’ lir-rikorrenti f’terminu ta’ għaxart ijiem mid-data tat-tressiq tat-talba għal assistenza u jisma’ persuni, bħala xhieda, f’terminu ta’ xahar minn dan is-smigħ tal-persuna li ressqet l-ilment li tressaq quddiem l-imsemmi kumitat konsultattiv. Issa, l-ASTK, li għandha titqies li hija responsabbli għal dan il-funzjonament ħażin tal-kumitat konsultattiv, għaldaqstant kisret l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, f’dan il-każ, ma aġixxietx f’terminu raġonevoli.

68      Il-Parlament jitlob li t-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondati.

69      F’dan huwa biżżejjed li jitfakkar li t-talbiet għal kumpens għal dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta strettament mat-talbiet għal annullament li, huma stess, ikunu ġew miċħuda bħala inammissibbli jew infondati (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 129; tal-14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punt 51, u tat-30 ta’ April 2014, López Cejudo vs Il‑Kummissjoni, F‑28/13, EU:F:2014:55, punt 105).

70      Issa, f’dan il-każ, it-talbiet għal kumpens huma marbuta strettament mat-talbiet għal annullament, li kienu jirrigwardaw deċiżjoni ineżistenti tal-ASTK.

71      Fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq it-terminu mhux raġonevoli li fih tmexxiet l-investigazzjoni amministrattiva, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li tali lment u d-dannu morali allegatament imġarrab mir-rikorrenti f’dan ir-rigward tqajmu minn din tal-aħħar fl-ilment li tressaq fis-6 ta’ Settembru 2016 kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016 u li ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tal-ASTK tal-4 ta’ Jannar 2017. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

73      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(2) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji.

74      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrenti ġiet parzjalment żvijata fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza kemm mill-kontenut tal-posta elettronika tat-13 ta’ Jannar 2015 tal-kap tal-unità “Riżorsi umani” kif ukoll mir-risposti ineżatti jew saħansitra kontradittorji mogħtija mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” fl-ittri tiegħu tal-4 ta’ Frar 2015 u tal-4 ta’ Marzu 2015. Madankollu, in-natura żbaljata tal-informazzjoni mogħtija mill-ASTK kienet ġiet ikkonstatata mis-Segretarju Ġenerali fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015, li taqta’ l-ilment, peress li dan tal-aħħar kien ċaħad l-ilment tal-24 ta’ April 2015 bħala inammissibbli peress li kien jirrigwarda deċiżjoni impliċita ineżistenti.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li l-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u għandu jiġi kkundannat ibati nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati nofs l-ispejjeż sostnuti minn HF.

3)      HF għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha stess.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ April 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.