Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) fis-27 ta’ April 2021 – A

(Kawża C-270/21)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Konvenut: Opetushallitus

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha titqies bħala professjoni rregolata, professjoni li fir-rigward tagħha, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika huma ddefiniti f’regolament adottat mill-Ministru għall-Edukazzjoni ta’ Stat Membru, il-kontenut ta’ kompetenzi pedagoġiċi meħtieġa fir-rigward ta’ għalliem ta’ kindergarten huwa ddefinit f’liġi professjonali u dan l-Istat Membru inkluda l-professjoni ta’ għalliem ta’ kindergarten f’bażi ta’ data ta’ professjonijiet irregolati miżmuma mill-Kummissjoni, iżda li fir-rigward tagħha, min-naħa l-oħra, il-kliem tar-regolament dwar il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika meħtieġa għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ din il-professjoni tagħti lill-persuna li timpjega setgħa diskrezzjonali li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika, b’mod partikolari l-kundizzjoni dwar il-kompetenza pedagoġika, humiex issodisfatti, u l-modalitajiet li jippermettu li jiġi attestat il-pussess ta’ din il-kompetenza pedagoġika ma humiex irregolamentati f’dan ir-regolament u lanqas f’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi oħra?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fl-affermattiv, attestazzjoni dwar il-kompetenza professjonali mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini, li l-kisba tagħha hija suġġetta għal esperjenza professjonali fil-professjoni inkwistjoni, għandha titqies bħala attestazzjoni ta’ kompetenza jew bħala ċertifikat ta’ taħriġ fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36 meta l-esperjenza professjonali li fuq il-bażi tagħha huwa fondat l-għoti ta’ din l-attestazzjoni tkun ġiet akkwistata, minn naħa, fl-Istat Membru tal-oriġini f’perijodu li fih kienet Repubblika Soċjalista Sovjetika u, min-naħa l-oħra, fl-Istat Membru ospitanti, iżda mhux fl-Istat Membru tal-oriġini wara li sar indipendenti mill-ġdid?

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li kwalifika professjonali bbażata fuq diploma li nkisbet fi stabbiliment ta’ tagħlim li jinsab fit-territorju ġeografiku ta’ Stat Membru f’perijodu li fih dan l-Istat Membru ma kienx Stat indipendenti, iżda Repubblika Soċjalista Sovjetika, u fuq esperjenza professjonali li nkisbet abbażi ta’ din id-diploma fl-imsemmija Repubblika Soċjalista Sovjetika qabel l-imsemmi Stat Membru sar indipendenti mill-ġdid, għandha titqies bħala kompetenza professjonali miksuba f’pajjiż terz, b’mod li, sabiex tiġi invokata din il-kwalifika professjonali, għandha barra minn hekk tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali ta’ tliet snin miksuba fl-Istat Membru tal-oriġini wara li sar indipendenti mill-ġdid?

____________

1 ĠU 2013, L 354, p. 132