Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Polonja) fis-27 ta’ April 2021 – BC, DC vs X

(Kawża C-269/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Krakowie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BC, DC

Konvenut: X

Domandi preliminari

L-Artikoli 2 u 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TUE”) kif ukoll l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a)    qorti li fil-formazzjoni ġudikanti tagħha tpoġġi persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti permezz ta’ proċedura li teskludi l-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura li l-kompożizzjoni tagħhom fil-parti l-kbira hija indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv ma hijiex qorti stabbilita bil-liġi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea f’sitwazzjoni fejn fid-dawl tal-acquis kostituzzjonali tal-Istat Membru l-parteċipazzjoni tal-korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura li jissodisfa r-rekwiżiti kkonċernati fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin hija neċessarja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest istituzzjonali u strutturali, ladarba:

−    ir-rekwiżit ta’ għoti ta’ opinjoni dwar il-kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ mħallef kien jaqa’ fuq il-kulleġġ ta’ dik il-qorti, li kien kompost b’tali mod li l-maġġoranza tal-membri tiegħu ġew maħtura minn rappreżentant tal-eżekuttiv, jiġifieri l-Minister Sprawiedliwości (il-Ministru għall-Ġustizzja), li huwa wkoll il-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali);

−    il-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) preżenti, maħtur konformement mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali Pollakki, ma huwiex organu indipendenti u fih ma jpoġġux rappreżentanti tal-ġudikatura maħtura fi ħdanu b’mod indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv u għaldaqstant l-applikazzjoni għall-ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef fid-dritt nazzjonali ma ġietx sottomessa b’mod effettiv;

−    il-parteċipanti fil-kompetizzjoni għall-ħatra ma kellhomx dritt għal rimedju ġudizzjarju skont it-tifsira tal-Artikoli 2 u 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

b)    qorti li fil-formazzjoni ġudikanti tagħha tpoġġi persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti permezz ta’ proċedura dipendenti fuq indħil arbitrarju tal-eżekuttiv u li teskludi l-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura li l-kompożizzjoni tagħhom fil-parti l-kbira hija indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv jew minn organu ieħor li jiżgura evalwazzjoni oġġettiva tal-persuna kandidata ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti stabbilita fuq il-bażi tal-liġi, fid-dawl tal-fatt li l-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura jew ta’ korp ieħor indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv u li jiżgura evalwazzjoni oġġettiva tal-persuna kandidata fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef hija, f’kuntest ta’ tradizzjoni legali Ewropea msejsa fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-TUE u tal-Karta kif ukoll f’kuntest ta’ pedament kostituttiv ta’ unjoni legali bħalma hija l-Unjoni Ewropea, neċessarja biex jiġi rrikonoxxut li l-qorti nazzjonali tiggarantixxi l-livell meħtieġ ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u konsegwentement li jiġi żgurat il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u ta’ bilanċ tal-poteri kif ukoll il-prinċipju ta’ saltna tad-dritt;

L-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’sitwazzjoni fejn fil-formazzjoni ġudikanti ta’ qorti tpoġġi persuna maħtura fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda:

a)    dawn jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jqiegħdu l-evalwazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-ħatra ta’ tali persuna fil-kariga ta’ mħallef taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ Awla tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), komposta esklużivament minn persuni maħtura fil-kariga ta’ mħallef taħt iċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda u li fl-istess waqt jirrikjedu li ma jiġux eżaminati l-oġġezzjonijiet għall-ħatra fil-kariga ta’ mħallef, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest istituzzjonali u sistemiku;

b)    dawn jirrikjedu, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, tali interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti teskludi ex officio lil tali persuna milli tieħu konjizzjoni ta’ kawża fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet – applikabbli b’analoġija – dwar l-esklużjoni ta’ mħallef minħabba inkapaċità li jiddeċiedi [iudex inhabilis].

____________