Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-197/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara, E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma għandhiex miżuri adatti biex tiżgura l-osservanza tal-valuri indikati fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90):

fir-rigward tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-arseniku, fil-Comune di Bagnoregio sa mill-2018 ’il quddiem, fil-Comune di Civitella d’Agliano fl-ewwel semestru tal-2018, fit-tieni semestru tal-2019 u mill-2020 ’il quddiem għajr għat-tieni semestru tal-2021, fil-Comune di Fabrica di Roma fl-2013 u mill-2015 ’il quddiem, fil-Comune di Farnese fl-2013 u sussegwentement mill-2018 ’il quddiem, fil-Comune di Ronciglione fl-2013 u sussegwentement fl-ewwel semestru tal-2018 u fl-ewwel semestru tal-2019 u sussegwentement mill-2020 ’il quddiem, fil-Comune di Tuscania mill-2018 ’il quddiem għajr għall-ewwel semestru tal-2019, u

fir-rigward tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-fluworidu, fil-Comune di Bagnoregio mill-2018 sal-ewwel semestru tal-2019 u fil-Comune di Fabrica di Roma fl-2018, fl-ewwel semestru tal-2019 u fit-tieni semestru tal-2021,

ir-Repubblika Taljana naqqset mill-obbligi li ġejjin mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(1) u tal-Anness I, Parti B tad-Direttiva 98/83/KE,

u li, billi ma addottatx malajr kemm jista’ jkun il-miżuri neċessarji biex tirkupra l-kwalità tal-ilma fil-Comuni ta’ Bagnoregio, Civitella d’Agliano, Fabrica di Roma, Farnese, Ronciglione u Tuscania fir-rigward tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-arseniku u fil-Comuni ta’ Bagnoregio u ta’ Fabrica di Roma fir-rigward tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-fluworidu, ir-Repubblika Taljana naqqset mill-obbligu tagħha skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 98/83/KE;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bl-ewwel motiv tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi ma żguratx l-osservanza tal-valuri indikati fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva għall-arseniku u l-fluworidu, ir-Repubblika Taljana naqqset mill-obbligu li ġej mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(1) u tal-Anness I, Parti B tad-Direttiva 98/83/KE. B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-valur tal-konċentrazzjoni tal-arseniku dan il-ksur jirrigwarda il-Comune di Bagnoregio sa mill-2018 ’il quddiem, fil-Comune di Civitella d’Agliano fl-ewwel semestru tal-2018, fit-tieni semestru tal-2019 u mill-2020 ’il quddiem għajr li fit-tieni semestru tal-2021, fil-Comune di Fabrica di Roma fl-2013 u mill-2015 ’il quddiem, fil-Comune di Farnese fl-2013 u sussegwentement mill-2018 ’il quddiem, fil-Comune di Ronciglione fl-2013 u sussegwentement fl-ewwel semestru tal-2018 u fl-ewwel semestru tal-2019 u sussegwentement mill-2020 ’il quddiem, fil-Comune di Tuscania mill-2018 sal-lum ħlief għall-ewwel semestru tal-2019. Dan il-ksur għadu għaddej. Fir-rigward tal-valur ta’ konċentrazzjoni tal-fluworidu bi ksur tal-obbligu mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(1) u tal-Anness I tad-direttiva jirrigwarda l- Comune di Bagnoregio mill-2018 sal-ewwel semestru tal-2019 u fil-Comune di Fabrica di Roma fl-2018, fl-ewwel semestru tal-2019 u fit-tieni semestru tal-2021.

Bit-tieni motiv tar-rikors, il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi ma addottatx malajr kemm jista’ jkun il-miżuri neċessarji biex tirkupra l-kwalità tal-ilma fil-Comuni ta’ Bagnoregio, Civitella d’Agliano, Fabrica di Roma, Farnese, Ronciglione u Tuscania fir-rigward tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-arseniku u fil-Comuni ta’ Bagnoregio u ta’ Fabrica di Roma fir-rigward tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-fluworidu, ir-Repubblika Taljana naqqset mill-obbligu tagħha skont l-Artikolu 8(2) tad-direttiva.

____________