Language of document : ECLI:EU:T:2021:933

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

21 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest ta’ diversi programmi tal-Unjoni – Ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali mill-kumpannija benefiċjarja – Spejjeż eliġibbli – Investigazzjoni tal-OLAF – Stralċ tal-kumpannija – Irkupru mingħand is-soċji tal-imsemmija kumpannija – Eżekuzzjoni forzata – Allegazzjonijiet ifformulati mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni quddiem il-qrati nazzjonali – Identifikazzjoni tal-konvenut – Nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti formali – Inammissibbiltà parzjali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawżi magħquda T‑721/18 u T‑81/19,

Zoï Apostolopoulou, residenti f’Ateni (il-Greċja),

Anastasia Apostolopoulou-Chrysanthaki, residenti f’Ateni,

irrappreżentati minn D. Gkouskos, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Estrada de Solà u T. Adamopoulos, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiżi, essenzjalment, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sostnew minħabba allegazzjonijiet magħmula mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata, fil-konfront tagħhom, tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679), u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), quddiem il-Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja) u l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, M. Kancheva (Relatriċi) u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Ilfatti li wasslu għallkawża

1        L-ewwel rikorrenti fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19, Zoï Apostolopoulou, hija avukata iskritta fil-kamra tal-avukati ta’ Ateni (il-Greċja). It-tieni rikorrenti f’dawn l-istess kawżi, Anastasia Apostolopoulou-Chrysanthaki, li barra minn hekk hija omm l-ewwel rikorrenti, hija ex uffiċjal li issa tinsab irtirata.

 Fatti li seħħew qabel ilpreżentata tarrikors filKawża T721/18

2        Ir-rikorrenti huma l-uniċi żewġ soċji ta’ Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis (iktar ’il quddiem “Isotis”), li hija kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru fis-sens tal-Artikolu 741 tal-Kodiċi Ċivili Grieg, li ġiet ikkostitwita fis‑7 ta’ Jannar 2004.

3        Il-kumpannija ċivili msemmija fl-Artikoli 741 sa 743 tal-Kodiċi Ċivili Grieg hija prinċipalment ikkonċepita bħala forma ta’ assoċjazzjoni ta’ persuni li ma għandhiex personalità ġuridika. Madankollu, tali kumpannija ċivili tista’ tikseb personalità ġuridika, skont l-Artikolu 784 tal-Kodiċi Ċivili Grieg, meta hija twettaq attività ekonomika, li tista’ ma tkunx bi skop ta’ lukru, u meta l-kundizzjonijiet ta’ pubbliċità previsti għas-soċjetajiet f’isem kollettiv ikunu ssodisfatti, jiġifieri l-istabbiliment ta’ statuti u l-pubblikazzjoni tagħhom. Il-kumpannija tkun ta’ natura ekonomika meta t-twettiq tal-għan tagħha jkollu bħala l-konsegwenza neċessarja jew possibbli l-implimentazzjoni ta’ responsabbiltà ex contractu jew ex delictu jew jista’ jwassal għal servizzi li, fl-użanzi fil-qasam tat-tranżazzjonijiet, huma, bħala regola ġenerali, irremunerati. Jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 784 tal-Kodiċi Ċivili Grieg ma jiġux issodisfatti, u għalhekk fin-nuqqas ta’ personalità ġuridika, kull soċju tal-kumpannija ċivili huwa responsabbli għall-obbligi li jinħolqu fir-rigward ta’ terzi mill-ġestjoni jew mir-rappreżentanza tal-kumpannija sal-ammont tas-sehem tiegħu fil-kumpannija, skont l-Artikolu 759 tal-Kodiċi Ċivili Grieg.

4        Min-naħa l-oħra, fid-data tal-kostituzzjoni ta’ Isotis, meta l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 784 tal-Kodiċi Ċivili Grieg kienu ssodisfatti u meta l-kumpannija ċivili kienet tibbenefika għalhekk minn personalità ġuridika, il-kredituri ta’ din il-kumpannija setgħu jirrikorru kontra s-soċji sabiex jiksbu l-ħlas tal-kreditu tagħhom biss wara x-xoljiment u l-istralċ tal-kumpannija u bil-kundizzjoni li l-attiv ta’ din ma jkunx biżżejjed sabiex jitħallsu.

5        Fil‑11 ta’ April 2012 daħlet fis-seħħ in-Nómos 4072/2012 – Veltíosi epicheirimatikoú perivállontos (il-Liġi 4072/2012 dwar it-Titjib tal-Ambjent tan-Negozju) (FEK A’ 86/11.4.2012), li l-Artikolu 249(1) u l-Artikolu 270(1) tagħha jistabbilixxu r-responsabbiltà parallela, illimitata u in solidum tas-soċji tal-kumpannija ċivili li għandha personalità ġuridika fir-rigward tad-djun tal-kumpannija.

6        Skont l-Artikolu 2 tal-istatuti kostituttivi tagħha ppubblikati fir-reġistru tal-kumpanniji tal-Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja), Isotis għandha l-għan li tippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament u l-inklużjoni tal-persuni bi bżonnijiet speċifiċi fis-soċjetà tal-informazzjoni permezz tal-informazzjoni u t-tixrid tar-regoli u tal-linji gwida internazzjonali rrikonoxxuti u rilevanti fil-qasam tal-aċċessibbiltà kif ukoll l-assistenza permezz ta’ pariri waqt ir-redazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

7        Skont l-Artikolu 5 tal-istatuti ta’ Isotis, l-ewwel rikorrenti tiġġestixxi waħedha l-kawżi kollha tal-kumpannija, tirrappreżentaha quddiem kull awtorità u timpenjaha permezz tal-firma tagħha magħmula taħt l-isem u t-timbru tal-kumpannija.

8        Skont l-Artikolu 8 ta’ dawn l-istess statuti, Isotis, bħala persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru, hija responsabbli biss, fuq il-patrimonju tagħha, għall-obbligi li hija assumiet u għad-djun tagħha. Is-soċji ma humiex responsabbli għad-djun jew għal obbligi oħra tal-kumpannija fir-rigward ta’ terzi, lil hinn mill-kontribuzzjoni li huma wettqu u li tikkostitwixxi element tal-patrimonju tal-kumpannija.

9        Ir-rikorrenti kienet ikkonkludiet bosta kuntratti mal-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li kellhom bħala għan it-twettiq ta’ ċerti proġetti. Dawn il-kuntratti kienu ġew konklużi bejn, minn naħa, il-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, koordinatur u l-membri ta’ konsorzju, fosthom Isotis.

10      Fost dawn il-kuntratti, disa’ kienu s-suġġett ta’ awditu finanzjarju mill-Kummissjoni mit‑8 sat‑12 ta’ Frar 2010. Fir-rapport ta’ awditu definittiv, adottat mill-Kummissjoni u mibgħut lil Isotis fit‑22 ta’ Diċembru 2010, ġie kkonstatat dan li ġej:

–        għal bosta snin suċċessivi, Isotis ma kinitx wettqet il-kontabbiltà, b’mod partikolari, tad-dħul eżatt tagħha fil-kotba tal-kontijiet u fl-arkivji tagħha, bi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Griega; minn dan kien jirriżulta li l-kitbiet ta’ kontabbiltà tagħha ma kinux affidabbli u li l-ebda paragun dirett ma seta’ jitwettaq bejn l-infiq u d-dħul relatati mal-eżekuzzjoni tal-programmi u s-sitwazzjoni ġenerali tal-kontijiet tagħha;

–        perċentwal sinjifikattiv tal-listi ta’ preżenza tal-persunal kellhom sistematikament korrezzjonijiet bl-id li twettqu a posteriori mid-direttur tal-programmi, mingħajr il-kunsens tal-persunal; dan kellu konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-ħin ta’ xogħol iddikjarat u nissel dubji dwar ir-reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol;

–        il-listi ta’ preżenza tad-direttur tal-programmi kienu jindikaw numru eċċessiv ta’ sigħat ta’ xogħol, li kienu jikkoinċidu ma’ dawk stipulati għal attivitajiet professjonali oħra;

–        Isotis kienet iddikjarat b’mod falz li d-direttur tal-programmi ma kienx ipparteċipa fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament ieħor konkluż mal-Kummissjoni (ETSI STF 333);

–        il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ma kinitx tipprovdi stampa affidabbli u oġġettiva tal-kundizzjonijiet u tal-attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ dawn il-vjaġġi, sa fejn il-parti l-kbira ta’ dawn il-vjaġġi ma kinux direttament marbuta mal-programmi inkwistjoni.

11      Ir-rapport ta’ awditu kien jikkonkludi li, konsegwentement, kien hemm bżonn li l-ispejjeż kollha sostnuti minn Isotis fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti kkonċernati mill-awditu ta’ Frar 2010 kienu mhux eliġibbli u li l-ammonti rilevanti kollha mħallsa lil Isotis kellhom jiġu rkuprati.

12      Ir-rapport ta’ awditu kien jirrakkomanda wkoll, fid-dawl tal-gravità tal-ksur ikkonstatat, li l-kuntratti kollha fis-seħħ konklużi minn Isotis mal-Kummissjoni jiġu tterminati.

13      Fl-ittra tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni indikat is-somma li għandha titħallas lura għal kull wieħed mill-kuntratti kkonċernati mill-awditu ta’ Frar 2010 filwaqt li ppreċiżat li l-aġġustamenti li saru neċessarji permezz tal-ħlas ta’ somom mhux eliġibbli favur Isotis setgħu jaffettwaw il-ħlasijiet futuri għall-imsemmija kuntratti jew jieħdu l-forma ta’ ordni ta’ rkupru. Barra minn hekk, hija kienet tinforma lil Isotis li, minbarra l-implimentazzjoni ta’ dawn l-aġġustamenti, is-servizzi tagħha setgħu jikkalkolaw l-ammont tal-kumpens b’rata fissa dovut lill-Unjoni skont l-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti kkonċernati mill-awditu ta’ Frar 2010 u toħroġ, jekk ikun il-każ, ordni ta’ rkupru fir-rigward ta’ dan il-kumpens.

14      Abbażi ta’ ftehim, konkluż fit‑28 ta’ Diċembru 2010 u ppubblikat fl-Avviżi tal-Kumpanniji tal-Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni) fis‑17 ta’ Jannar 2011, Isotis tqiegħdet fi stralċ. A, li barra minn hekk huwa l-konjuġi tal-ewwel rikorrenti u li sa dik id-data kien responsabbli għall-programmi Ewropej fi ħdan Isotis, f’dik l-okkażjoni nħatar bħala l-mandatarju sabiex itemm l-istralċ ta’ din tal-aħħar.

15      Fil‑31 ta’ Jannar 2011, Isotis ippreżentat rikors abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru tal-Kawża T‑59/11, sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li hija ma kinitx obbligata tirrimborsa l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-kuntratti kkonċernati mill-awditu ta’ Frar 2010, peress li dawn kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż eliġibbli, u li l-Kummissjoni kienet obbligata tħallasha l-aħħar parti tas-sussidju previst minn uħud mill-imsemmija kuntratti, flimkien mal-interessi moratorji.

16      Fid‑29 ta’ April 2011, il-Kummissjoni ħarġet disa’ noti ta’ debitu li jindikaw l-ammont li għandu jiġi rrimborsat għal kull wieħed mill-kuntratti kkonċernati mill-awditu ta’ Frar 2010 u li jagħtu lil Isotis terminu ta’ 45 jum sabiex tħallas lura is-somom dovuti, li kien jiskadi fl‑14 ta’ Ġunju 2011 u li fi tmiemu dawn is-somom kienu ser jiżdiedu bl-interessi moratorji previsti fl-imsemmija kuntratti bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda bi 3.5 punti.

17      Fl‑20 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ħarġet sitt noti ta’ debitu għall-kuntratti kkonċernati mill-awditu ta’ Frar 2010 li jiffissaw is-somom dovuti minn Isotis għall-kumpens b’rata fissa skont l-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-imsemmija kuntratti għal ammont totali ta’ EUR 70 471.47.

18      Barra minn hekk, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wettaq investigazzjoni dwar diversi frodi potenzjali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni min-naħa ta’ Isotis, tal-ewwel rikorrenti u ta’ A. Din l-investigazzjoni wasslet, f’rapport tal‑15 ta’ Novembru 2011, għall-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet tal-OLAF għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri xierqa u tal-informazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Griegi minħabba suspetti dwar l-eżistenza ta’ reat ta’ frodi li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport ta’ investigazzjoni definittiv tal-OLAF lill-Eisangelia Plimmeleiodikon Athinon (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Qorti Kriminali ta’ Ateni).

19      Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet ta’ Isotis u laqgħet il-kontrotalba tal-Kummissjoni, filwaqt li kkundannat lil Isotis tħallas lura lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 999 213.45, flimkien mal-interessi mill‑15 ta’ Ġunju 2011, bir-rata tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti, li jikkorrispondu għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li hija bbenefikat minnhom abbażi tal-kuntratti kkonċernati mill-awditu ta’ Frar 2010, kif ukoll is-somma ta’ EUR 70 471.47 li jibdew jiddekorru mill‑5 ta’ Awwissu 2011, flimkien mal-interessi bir-rata tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti, li jikkorrispondu għall-kumpens ta’ somma f’daqqa dovut għal sitta minn dawn il-kuntratti.

20      Fil‑25 ta’ Settembru 2014, Isotis ippreżentat appell kontra s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679), irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru tal-Kawża C‑450/14 P. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell b’digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477).

21      B’mod parallel mal-kuntratti kkonċernati mill-awditu ta’ Frar 2010, il-Komunità kienet ikkonkludiet ma’ Intelligence for Environment and Security – IES Solutions Srl kif ukoll 21 kontraenti oħra stabbiliti fi Stati Membri differenti tal-Unjoni, fosthom Isotis, il-kuntratt Nru 238940 “REsponding to All Citizens needing Help (REACH112)”. L-imsemmi kuntratt kellu bħala għan it-twettiq tal-proġett REACH112, li kien jifforma parti mill-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ strateġiku fil-qasam ta’ TIC li jaqa’ taħt il-Programm Qafas CIP. L-għan ta’ dan il-proġett kien li jipproponi applikazzjonijiet alternattivi għat-telefonija vokali tradizzjonali li jkunu aċċessibbli għal kulħadd.

22      Fit‑13 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni ħarġet in-nota ta’ debitu Nru 3241310346, dwar l-irkupru tal-ammont ta’ EUR 47 197.93 minħabba t-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ Isotis fil-proġett REACH112 mill‑1 ta’ Lulju 2010. Fin-nota ta’ debitu kien hemm ippreċiżat li dan l-ammont kien jikkorrispondi għall-prefinanzjament irċevut minn Isotis min-naħa tal-koordinatur tal-imsemmi proġett u li l-ispejjeż aċċettati mill-Kummissjoni wara l-awditu ta’ Frar 2010 kienu jammontaw għal EUR 0.

23      Fl‑24 ta’ Ottubru 2013, Isotis ippreżentat rikors ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 272 TFUE li permezz tiegħu hija talbet lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li hija ma kinitx obbligata tirrimborsa lill-Kummissjoni l-ammont ta’ EUR 47 197.93 imsemmi iktar ’il fuq u li, fi kwalunkwe każ, it-talba għal rimbors tal-Kummissjoni kienet infondata fir-rigward tal-ispejjeż iddikjarati għall-ewwel perijodu ta’ referenza tal-proġett REACH112, għal ammont ta’ EUR 13 821.12. Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali, bħala kontrotalba, tikkundanna lir-rikorrenti tħallasha s-somma ta’ EUR 47 197.93, flimkien mal-interessi moratorji.

24      Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ Isotis fir-rigward tal-ispejjeż li hija kienet iddikjarat għall-ewwel perijodu ta’ referenza tal-proġett REACH112 u ċaħditu fir-rigward tal-kumplament. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kontrotalba tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż iddikjarati minn Isotis għall-ewwel perijodu ta’ referenza tal-proġett REACH112 u kkundannat lil Isotis tħallas lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 33 376.81 miżjuda b’interessi moratorji bir-rata ta’ 4 % fis-sena sa mid‑29 ta’ Ottubru 2013 u sal-ħlas sħiħ ta’ dan l-ammont.

25      Fit‑23 ta’ Mejju 2016, il-Prosekutur fi ħdan il-Qorti Kriminali ta’ Ateni, billi qies li ma kienx jeżisti ħjiel li l-ewwel rikorrenti jew A kienu ħatja ta’ reat ta’ frodi li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għalaq l-investigazzjoni miftuħa fil-konfront tagħhom mingħajr segwitu. F’dan ir-rapport ġie ppreċiżat li ebda element tal-proċess ma kien jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm involviment sostanzjali tal-ewwel rikorrenti fi kwalunkwe attività mwettqa minn żewġha marbuta mal-finanzjament tal-kuntratti inkwistjoni, kif kien jikkonferma espressament ir-rapport tal-OLAF.

26      Fis‑7 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti bit-titoli eżekuttivi Nru 692/2016 u Nru 693/2016, stabbiliti mill-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja) abbażi, rispettivament, tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T-59/11, EU:T:2014:679), kif ukoll ordni tal‑20 ta’ Lulju 2017 għall-ħlas tas-somma totali ta’ EUR 1 090 055.42 sat‑22 ta’ Frar 2017, flimkien mal-interessi dovuti għal kull jum ta’ dewmien sar-rimbors sħiħ tal-imsemmija somma.

27      Fl-istess jum, il-Kummissjoni nnotifikat ukoll lir-rikorrenti bit-titolu eżekuttiv Nru 553/2016, stabbilit mill-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) abbażi tas-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), kif ukoll ordni tal‑20 ta’ Lulju 2017 għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 33 376.81, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 4 % fis-sena mid‑29 ta’ Ottubru 2013 sal-ħlas sħiħ ta’ din is-somma.

28      Fil‑11 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata u talbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni).

29      Fl‑1 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ressqu quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), talba intiża, mill-ġdid, għall-kisba tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata, kif ukoll il-protezzjoni tal-personalità tagħhom, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fuq l-oppożizzjoni.

30      Fit‑12 ta’ Diċembru 2017, il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) semgħet, f’seduta pubblika, lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni kif ukoll lir-rikorrenti fir-rigward tat-talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata u għall-protezzjoni tal-personalità tagħhom imressqa minn dawn tal-aħħar. Waqt din is-seduta, aġent tal-OLAF xehed insostenn tal-Kummissjoni.

31      Fl‑14 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) żewġ “noti għal deliberazzjoni” li jikkonċernaw, rispettivament, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata u t-talba għal miżuri provviżorji.

32      It-talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata kif ukoll għall-protezzjoni tal-personalità tar-rikorrenti ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), fil‑11 ta’ Jannar 2018 u fit‑18 ta’ Jannar 2018 rispettivament.

33      Fis‑17 ta’ April 2018, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni ppreżentaw it-talbiet bil-miktub tagħhom dwar l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata mressqa mir-rikorrenti fil‑11 ta’ Settembru 2017 quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni).

34      Fl‑20 ta’ April 2018, ir-rappreżentanti tal-Kummisjoni ppreżentaw nota komplementari quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni).

35      Fl‑4 ta’ Lulju 2018, il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti kontra t-talba għal eżekuzzjoni forzata mnedija mill-Kummissjoni u annullat l-ordni għall-ħlas tal‑20 ta’ Lulju 2017, li tinsab fil-parti ta’ isfel tal-kopji tat-titoli eżekuttivi Nru 692/2016 u Nru 693/2016 stabbiliti wara d-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679). Il-kumplament tal-oppożizzjoni ġie miċħud.

36      Fit‑12 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti appellaw mid-deċiżjoni tal-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja).

37      Fl‑20 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni talbet, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Grieg applikabbli, li jinħarġu żewġ mandati ta’ sekwestru f’idejn terzi tal-fondi miżmuma mir-rikorrenti fil-ħames stabbilimenti bankarji Griegi għal ammont ta’ EUR 1 222 233.91 u ta’ EUR 217 407.61 rispettivament. L-istabbilimenti bankarji mitluba ddikjaraw li r-rikorrenti ma kellhomx kont bankarju jew li l-kontijiet eżistenti ma kinux jinkludu depożiti jew biss, għal wieħed minnhom, depożitu li ma jistax ikun is-suġġett ta’ sekwestru. Wara investigazzjoni, il-Kummissjoni barra minn hekk ikkonstatat li r-rikorrenti ma kinux proprjetarji ta’ proprjetajiet immobbli f’isimhom stess.

 Fatti li seħħew wara lpreżentata tarrikors filKawża T721/18

38      Fit‑12 ta’ Diċembru 2018, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni ppreżentaw quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) it-talbiet tagħhom dwar l-appell imressaq mir-rikorrenti kontra s-sentenza tal-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) tal‑4 ta’ Lulju 2018.

39      Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni ppreżentaw nota komplementari quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni).

40      Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Lulju 2019, l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) annullat is-sentenza tal-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) tal‑4 ta’ Lulju 2018 u laqgħet l-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti kontra t-talba għal eżekuzzjoni forzata mnedija mill-Kummissjoni. Essenzjalment, id-deċiżjoni tal-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) kienet motivata mill-fatt li d-dritt Grieg applikabbli ma kienx jippermetti li titkompla l-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), kontra r-rikorrenti, peress li tali eżekuzzjoni setgħet biss tintalab fil-konfront tal-persuna ġuridika Isotis, minkejja li r-rikorrenti kienu l-uniċi żewġ soċji ta’ Isotis u, fil-mument tat-tressiq tat-talba għal eżekuzzjoni forzata din il-kumpannija kienet tinsab f’fażi ta’ stralċ. Permezz ta’ din l-istess sentenza, l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) annullat l-ordni għall-ħlas tal‑20 ta’ Lulju 2017 li tinsab fit-titolu eżekuttiv stabbilit wara d-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679), kif ukoll l-ordni għall-ħlas li tmur lura għall-istess jum li jidher fuq it-titolu eżekuttiv stabbilit wara s-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63).

41      Fis‑6 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-istabbilimenti bankarji kkonċernati bit-tneħħija tal-mandati ta’ sekwestru tal‑20 ta’ Settembru 2018.

 Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

42      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż, b’mod partikolari, għall-kisba tal-kumpens għad-dannu li huma allegatament sostnew minħabba l-fatt li saret ħsara għar-reputazzjoni u għad-dinjità tagħhom mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u minn aġent tal-OLAF fil-kuntest tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni). Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑721/18.

43      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Frar 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż, b’mod partikolari, sabiex jinkiseb il-kumpens għad-dannu li huma allegatament ġarrbu minħabba l-ħsara għar-reputazzjoni u għad-dinjità tagħhom mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) kontra s-sentenza tal-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) tal‑4 ta’ Lulju 2018, li kienet laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni tagħhom għall-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il-Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il-Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63). Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑81/19. Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti talbu li din il-kawża tingħaqad mal-Kawża T‑721/18 abbażi tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

44      Fl‑1 ta’ Awwissu 2019, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens li tista’ tirriżulta mill-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑81/19 b’teħid kont tar-rikors diġà ppreżentat fil-Kawża T‑721/18. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti wieġbu għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit‑30 ta’ Awwissu 2019 u fit‑3 ta’ Settembru 2019 rispettivament.

45      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatriċi ġiet assenjata lid-Disa’ Awla, u konsegwentement dawn il-kawżi ġew assenjati lil din l-awla.

46      Fil-Kawża T‑721/18, l-ebda parti ma ressqet talba għal seduta għas-sottomissjonijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Fil-Kawża T‑81/19, ir-rikorrenti talbu, fl‑20 ta’ Frar 2020, li tinżamm seduta skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura.

47      Fil‑11 ta’ Mejju 2020, permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet xi mistoqsijiet lir-rikorrenti fil-Kawża T‑721/18 u fil-Kawża T‑81/19 kif ukoll lill-Kummissjoni fil-Kawża T‑81/19. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ġunju 2020 u fil‑15 ta’ Ġunju 2020 rispettivament.

48      Permezz ta’ digriet tal-Presidenta tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Ġunju 2020, il-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 ġew magħquda flimkien għall-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, kif ukoll għad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

49      Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi magħquda T‑721/18 u T‑81/19. Fit‑28 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti talbu, abbażi tal-Artikolu 107(2) tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba s-sitwazzjoni sanitarja marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, il-posponiment tas-seduta inizjalment iffissata għad‑9 ta’ Ottubru 2020, li għaliha huma kienu ġew debitament mistiedna. Fit‑18 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti talbu, għall-istess raġunijiet, il-posponiment tas-seduta ffissata għall‑4 ta’ Diċembru 2020. Dejjem għall-istess raġunijiet, fit‑28 ta’ Jannar 2021 ir-rikorrenti talbu mill-ġdid il-posponiment tas-seduta li kienet ġiet iffissata għall‑4 ta’ Frar 2021. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreċiżaw li huma ma xtaqux jagħmlu użu mill-possibbiltà li jipparteċipaw fis-seduta permezz ta’ vidjokonferenza. Fl‑4 ta’ Frar 2021, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nnotifika lill-partijiet li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali kienet se tinżamm fl‑20 ta’ Mejju 2021.

50      Permezz ta’ ittri tad‑29 ta’ April 2021, ir-rikorrenti talbu, minn naħa, li l-Imħallef Relatriċi ma tipparteċipax fit-trattament ta’ dawn il-kawżi abbażi tal-Artikolu 18 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 16 tar-Regoli tal-Proċedura u, min-naħa l-oħra, posponiment mill-ġdid tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali sakemm jinħatar Imħallef Relatur ġdid.

51      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2021, il-President tal-Qorti Ġenerali, wara li sema’ lill-Imħallef Relatriċi, iddeċieda li jiċħad it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex din ma tipparteċipax fit-trattament ta’ dawn il-kawżi.

52      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2021.

53      Fil-Kawża T‑721/18, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Unjoni, flimkien u in solidum, iħallsu lil kull waħda minnhom l-ammont ta’ EUR 500 000, jiġifieri, għal kull wieħed mill-kapijiet ta’ dannu li ġejjin:

–        EUR 100 000 għall-ħsara għall-personalità ta’ kull waħda mir-rikorrenti mwettqa fin-“nota” tal-Kummissjoni ppreżentata fl‑14 ta’ Diċembru 2017 quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), fi tmiem id-dibattiti, fit‑12 ta’ Diċembru 2017, dwar ir-rikors tal‑11 ta’ Settembru 2017 tar-rikorrenti intiż għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata mressqa kontrihom,

–        EUR 100 000 bħala ħsara għall-personalità ta’ kull waħda mir-rikorrenti mwettqa fil-“nota” tal-Kummissjoni ppreżentata fl‑14 ta’ Diċembru 2017 quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), fi tmiem id-dibattiti, fit‑12 ta’ Diċembru 2017, dwar ir-rikors tal‑1 ta’ Novembru 2017 tar-rikorrenti, li jirrigwarda t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata u għall-protezzjoni tal-personalità tagħhom,

–        EUR 100 000 għall-ħsara għall-personalità ta’ kull waħda mir-rikorrenti mwettqa matul is-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2017 permezz tax-xhieda tax-xhud proposta u eżaminata matul id-dibattiti quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji dwar ir-rikors tal‑11 ta’ Settembru 2017 tar-rikorrenti, intiż għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata kontrihom, u għar-rikors tal‑1 ta’ Novembru 2017, li jirrigwrada t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata u għall-protezzjoni tal-personalità tagħhom,

–        EUR 100 000 għall-ħsara għall-personalità ta’ kull waħda mir-rikorrenti mwettqa fit-talbiet tas‑17 ta’ April 2018 ippreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), waqt id-dibattiti dwar l-oppożizzjoni tal‑11 ta’ Settembru 2017 ippreżentata mir-rikorrenti quddiem il-qorti msemmija iktar ’il fuq,

–        EUR 100 000 għall-ħsara għall-personalità ta’ kull waħda mir-rikorrenti mwettqa fin-nota komplementari tal‑20 ta’ April 2018, ippreżentata mill-Kummissjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), fi tmiem id-dibattiti dwar l-oppożizzjoni tal‑11 ta’ Settembru 2017 ippreżentata mir-rikorrenti quddiem l-istess qorti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Unjoni sabiex jastjenu minn kull ħsara għall-personalità tar-rikorrenti fil-futur;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi mill-ġdid l-unur u r-reputazzjoni tagħhom permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), li quddiemha hemm pendenti l-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Unjoni għall-ispejjeż.

54      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

55      Fil-Kawża T‑81/19, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Unjoni, flimkien u in solidum, iħallsu lil kull waħda minnhom EUR 1 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali li sofrew minħabba l-ħsara għall-personalità tagħhom minħabba l-allegazzjonijiet foloz imressqa mill-Kummissjoni fit-talbiet u fin-nota ta’ spjegazzjoni — risposta li hija ppreżentat quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), jiġifieri, b’mod iktar preċiż:

–        EUR 50 000 minħabba l-indikazzjoni li “l-uniku mod kif jiġu rkuprati l-fondi Ewropej huwa li tiġi eżegwita miżura ta’ eżekuzzjoni forzata kontra l-beni tal-konvenuti (li kienu wkoll il-persuni fiżiċi li kienu joperaw warajha [Isotis] ‑ is-soċji tagħha)”, sa fejn din l-indikazzjoni timplika b’mod ċar u dirett li r-rikorrenti kienu jmexxu waħedhom il-programmi Ewropej, li kienu jaġixxu b’mod opak, li huma approprjaw ruħhom mill-fondi Ewropej u li Isotis kienet ‑ skont dawn l-insinwazzjonijiet ‑ persuna ġuridika fittizja,

–        EUR 50 000 minħabba r-riferiment li “l-konvenuti qegħdin ifittxu b’mod totalment illegali u abbużiv li jevitaw kull responsabbiltà u li jiddistanzjaw ruħhom minn kawża li huma kienu jsegwu u jiġġestixxu huma stess direttament għal għaxar snin u permezz ta’ persuna miċ-ċirku familjari immedjat tagħhom”,

–        EUR 50 000 minħabba l-indikazzjoni li tgħid li “ġie pprovat ukoll fid-dritt li din tal-aħħar kienet allegatament ġarrbet dannu sinjifikattiv li kien il-konsegwenza diretta tal-atti u tan-nuqqasijiet imwettqa matul diversi snin mid-diretturi tal-kumpannija ċivili parti opposta”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li dan huwa dejn “li ma ġiex ikkuntrattat minn entità ġuridika barranija għalihom, iżda mill-kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru tagħhom, li warajha kienu joperaw, esklużivament, il-konvenuti, mill-ewwel mument, kif ukoll persuna miċ-ċirku familjari immedjat”, sa fejn din l-indikazzjoni timplika b’mod ċar u dirett li r-rikorrenti kienu jmexxu biss il-programmi Ewropej, li huma kienu jaġixxu b’mod opak, li huma appropjaw ruħhom mill-fondi Ewropej u li – skont dawn l-insinwazzjonijiet – Isotis kienet persuna ġuridika fittizja,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li “l-konvenuti baqgħu l-uniċi soċji tal-kumpannija ċivili u huma kienu, mill-bidu sat-tmiem, konxji tal-ġestjoni, taħt il-kontroll tagħhom, tal-fondi pubbliċi Ewropej li l-kumpannija tagħhom kienet tibbenefika minnhom”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li, “jekk ikun il-każ, issa [huma] irrealizzaw li huma ma jistgħux jaħarbu b’mod indefinit mir-responsabbiltajiet tagħhom u jinħbew wara n-natura “awtonoma”, fil-fehma tagħhom, tal-persuna ġuridika tal-kumpannija ċivili tagħhom”, sa fejn din l-indikazzjoni tfisser b’mod ċar u dirett li r-rikorrenti kienu jmexxu waħedhom il-programmi Ewropej, li huma kienu jaġixxu b’mod opak, li huma approprjaw ruħhom mill-fondi Ewropej u li, skont dawn l-insinwazzjonijiet ‑ Isotis kienet persuna ġuridika fittizja,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li “l-konvenuti jippruvaw, permezz ta’ din l-allegazzjoni, jevitaw għal darb’oħra mir-responsabbiltajiet tagħhom, billi jinħbew wara l-allegata ‘personalità ġuridika’ tal-kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru tagħhom”, sa fejn din l-indikazzjoni timplika b’mod ċar u dirett li r-rikorrenti kienu jmexxu waħedhom il-programmi Ewropej, li kienu jaġixxu b’mod opak, li huma approprjaw ruħhom mill-fondi Ewropej u li ‑ skont dawn l-insinwazzjonijiet ‑ Isotis kienet entità ġuridika fittizja,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li skontha “nenfasizzaw b’mod kategoriku, li jiċħad l-argument dwar il-partijiet avversarji, li l-Kummissjoni Ewropea qatt ma rrikonoxxiet il-‘Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis’ bħala persuna ġuridika awtonoma”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li tgħid li “kienu involuti, fi kliem ieħor, kumpannija ċivili li l-għan tagħha kien karitattiv u ta’ solidarjetà soċjali u umanitarja lejn il-persuni li għandhom bżonnijiet speċifiċi u li fir-rigward tagħhom hija impenjat ruħha li tippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni[;] l-għan tagħha ma kienx ekonomiku[; l]-istatuti stess jipprevedu espressament li, ‘[f]’kull każ, il-kumpannija taġixxi bħala persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru’ (l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2)”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li tgħid li “kumpannija li għandha tali għan legali ma għandhiex personalità ġuridika, peress li s-servizzi pprovduti minn kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru jkollhom natura ‘ideoloġika’, ‘morali’ […] ma jistgħux jitqiesu bħala ta’ natura ekonomika[; f]il-fatt, huma minħabba dan l-għan li hija ġiet issussidjata mill-Kummissjoni[; k]onsegwentement, skont l-Artikolu 759 tal-Kodiċi Ċivili Grieg, l-obbligi tal-kumpannija ċivili lejn il-Kummissjoni Ewropea jaqgħu fuq iż-żewġ konvenuti soċji tagħha”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li, “[p]reċiżament, [l-ewwel rikorrenti] kienet waħda miż-żewġ soċji tal-kumpannija ċivili Isotis, l-uniku amministratriċi, rappreżentanta legali u teżoriera, filwaqt li [t-tieni rikorrenti] kienet is-soċja l-oħra miż-żewġ soċji tal-kumpannija ċivili”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li “[k]ienet kumpannija ċivili, ta’ natura personali, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha kien id-dar tal-konvenuti”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li “l-konvenuti (anki bil-kontribuzzjoni ta’ persuni oħra, bħall-konjuġi tal-ewwel [rikorrenti], [A]), mid-definizzjoni tagħhom stess kienu l-uniċi persuni kompetenti sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet kollha għas-soċjetà tagħhom, jiġġestixxu l-kawżi kollha tal-kumpannija, jinnegozjaw u jikkonkludu kuntratti ma’ terzi[; h]uma biss dawn iż-żewġ soċji li […] setgħu jiddeċiedu b’mod sovran[; l]-eżistenza tal-kumpannija tagħhom kienet purament formali”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li, “[d]an kollu li ntqal hawn fuq iwassal b’mod raġonevoli għall-konklużjoni li l-istralċ li jsir fuq perijodu twil tal-kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru [Isotis] jitwettaq b’mod abbużiv, bl-għan manifest li jiġu evitati l-konsegwenzi tal-liġi dwar ir-responsabbiltà tagħha u tas-soċji tagħha fir-rigward tal-kredituri tal-kumpannija”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li “[Isotis] hija kumpannija ċivili żgħira mingħajr skop ta’ lukru u mingħajr skop ekonomiku, mingħajr persunal”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li Isotis hija kumpannija “li ma għamlitx tranżazzjonijiet ma’ diversi terzi persuni”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li tgħid li Isotis hija kumpannija “li ma kinitx marbuta bl-obbligu li tirrispetta l-istandards tal-kontabbiltà u li żżomm kotba kummerċjali kumplessi”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li “l-funzjonament u l-organizzazzjoni tal-kumpannija ċivili inkwistjoni ma għandhomx kumplessità li timplika, jekk ikun il-każ, dewmien fl-istralċ u li wieħed jiltaqa’ abitwalment magħhom f’kumpanniji kummerċjali kbar li għandhom attività ta’ kuljum u varjata[; h]ekk biss ikun iġġustifikat l-istralċ twil li segwa x-xoljiment tal-kumpannija inkwistjoni”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li, “[b]arra minn hekk, [Isotis] kellha għan statutorju karitattiv speċifiku”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li “x-xogħol tagħha kien tlesta kompletament waqt ix-xoljiment tagħha”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li r-rikorrenti “huma, ovvjament, responsabbli, peress li, bħala soċji uniċi ta’ kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru li ma għandhiex personalità ġuridika, huma, ex lege, involuti b’mod sostanzjali fil-ġestjoni u fil-funzjonament tal-kumpannija ċivili tagħhom”, u li huma “ovvjament huma responsabbli, peress li, bħala soċji uniċi ta’ kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru li ma għandhiex personalità ġuridika, bil-liġi huma involuti b’mod sostanzjali fil-ġestjoni u l-funzjonament tal-kumpannija ċivili tagħhom”,

–        EUR 50 000 għall-indikazzjoni li tgħid li “peress li r-rikorrenti għandhom il-kwalità ta’ soċji tal-kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru [Isotis], huwa preżunt li dawn jeżerċitaw ukoll il-ġestjoni tal-kumpannija u mhux parti terza, tkun minn tkun”;

–        tordna lill-Kummissjoni u lill-Unjoni sabiex jastjenu minn kull ħsara għall-personalità tagħhom fil-futur;

–        tordna lill-Kummissjoni tistabbilixxi mill-ġdid l-unur u r-reputazzjoni tagħhom permezz ta’ dikjarazzjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fiddritt

 Fuq lammissibbiltà

57      Il-Kummissjoni tqajjem diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-konfront tar-rikorsi f’dawn il-kawżi. Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rikorsi, kemm fir-rigward tas-suġġett tar-rikorsi u tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti kif ukoll fir-rigward tal-identità tal-konvenuti u tal-portata tat-tieni u t-tielet kap tat-talbiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors fil-Kawża T‑81/19 huwa inammissibbli minħabba sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens li tirriżulta mill-preżentata mill-istess rikorrenti tar-rikors fil-Kawża T‑721/18.

 Fuq innuqqas ta’ preċiżjoni tarrikorsi

58      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-sens tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima, l-argumenti invokati kif ukoll tat-tieni u t-tielet kap tat-talbiet u tal-identità tal-konvenuti.

–       Fuq losservanza tarrekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni firrigward tassuġġett tattilwima u talargumenti mressqa mir-rikorrenti

59      Il-Kummissjoni ssostni li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat is-suġġett tat-tilwima peress li l-motivi u l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti huma marbuta kemm mas-suġġett ta’ tilwimiet li fuqhom il-qorti tal-Unjoni ddeċidiet b’mod definittiv, kif ukoll mas-suġġett ta’ tilwimiet li fuqhom il-qorti Griega biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi skont l-Artikolu 299 TFUE. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-rikorsi ma jippermettulhiex tifhem liema huwa l-aġir allegatament illegali li hija kkritikata bih fiż-żewġ kawżi u, għalhekk, li tifhem jekk u sa fejn teżisti rabta kawżali bejn l-atti tagħha u d-danni allegati mir-rikorrenti. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorsi huma wkoll impreċiżi sa fejn ma jinkludu ebda indikazzjoni dwar il-modalitajiet jew il-parametri li abbażi tagħhom ir-rikorrenti jevalwaw id-danni tagħhom u jiddeterminaw l-ammont tal-kumpensi. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat liema hija l-istituzzjoni tal-Unjoni li kontriha huma fformulati ċerti argumenti li jikkonċernaw il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni). Ir-rikorsi huma nieqsa wkoll minn ċarezza inkwantu ma jippreċiżawx ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji ta’ dritt invokati mir-rikorrenti u l-fatti li wasslu għar-rikors. Dawn l-impreċiżjonijiet kollha jipprekludu lill-Kummissjoni milli tippreżenta d-difiża tagħha b’mod effikaċi f’dawn il-kawżi.

60      Barra minn hekk, fil-Kawża T‑721/18, il-Kummissjoni ssostni li, permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti ppruvaw, minn naħa, jiftħu mill-ġdid id-dibattitu dwar id-dejn li l-ammont tiegħu ġie stabbilit b’mod definittiv u li għalih hija legalment talbet l-irkupru u, min-naħa l-oħra, li jikkumpensaw id-dejn tagħhom permezz tal-kumpens għad-dannu morali li huma qegħdin jitolbu abbażi tat-tieni kap tat-talbiet tagħhom. Skont il-Kummissjoni, ir-rikors tar-rikorrenti jikser il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata.

61      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

62      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex insostenn. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, almenu fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jista’ jinftiehem sewwa, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Tàpias vs Il‑Kunsill, T‑527/16, EU:T:2019:856, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-każ, l-ewwel, fir-rigward tal-Kawża T‑721/18, għandu jiġi rrilevat li l-punti 1 sa 9 tar-rikors jinkludu evalwazzjoni kritika dwar l-attitudni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawżi tagħha kontra Isotis u li taw lok għad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u għas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63). Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikors fih diversi riferimenti għall-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq mnedija mill-Kummissjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni). Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mir-rikors jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li dan ir-rikors ma għandux l-għan li jikkontesta l-awtorità ta’ res judicata mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), u lanqas li jikkontesta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fil-fatt, mir-rikors jirriżulta li din l-azzjoni hija intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni morali allegatament ikkawżati lil kull waħda mir-rikorrenti mill-azzjoni tal-avukati li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni u ta’ aġent tal-OLAF, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni mressqa fir-rigward tal-eżekuzzjoni forzata inkwistjoni.

64      Fir-rigward tal-fatti li bihom hija kkritikata l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata, għandu jiġi rrilevat li dawn huma esposti b’mod suffiċjentement preċiż fil-punti 15 sa 30 tar-rikors, li fihom ir-rikorrenti jikkritikaw lill-avukati tal-Kummissjoni kif ukoll lill-aġent tal-OLAF li nstema’ bħala xhud li fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), kif ukoll waqt is-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2017 konxjament affermaw b’mod żbaljat li, minn naħa, huma stess kienu pparteċipaw fil-ġestjoni tal-programmi Ewropew li jibbenefikaw minn kofinanzjament li fihom kienet tipparteċipa Isotis kif ukoll fit-tilwima dwar dawn il-programmi u, min-naħa l-oħra, huma kienu kkawżaw dannu importanti lill-Unjoni.

65      Bl-istess mod, ir-rikorrenti jesponu b’mod suffiċjentement preċiż, fil-punti 41 sa 84 tar-rikors, ir-raġunijiet li għalihom huma jqisu li l-fatti li bihom hija kkritikata l-Kummissjoni jikkostitwixxu aġir illegali. B’hekk, mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti jqisu li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni huwa illegali inkwantu kiser, b’mod partikolari, id-dritt tagħhom għad-dinjità fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Artikolu 2 TUE u l-preambolu tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1948, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipji ta’ legalità, ta’ bona fide u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali u sa fejn dan, fi kwalunkwe każ, ikkostitwixxa abbuż ta’ dritt.

66      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Kummissjoni dwar l-allegat nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors fir-rigward tal-mod li bih ir-rikorrenti kkalkolaw l-ammont tad-dannu morali li fir-rigward tiegħu huma jitolbu li jiġu kkumpensati. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni tal-fondatezza tat-talba għal kumpens tar-rikorrenti u mill-evalwazzjoni ex æquo et bono mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors jippreċiża b’mod suffiċjenti l-mod kif ir-rikorrenti kkalkolaw l-ammont ta’ EUR 500 000 għad-dannu għal kull waħda minnhom. Fil-fatt, huwa indikat li l-imsemmi ammont jirrappreżenta s-somma tad-danni kkawżati minn ħames allegazzjonijiet magħmula mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) fil-kuntest tal-proċedura ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata u fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem din l-istess qorti, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti jitolbu li jiġu kkumpensati fl-ammont ta’ EUR 100 000.

67      It-tieni, fir-rigward tal-Kawża T‑81/19, għandu jiġi rrilevat li, bħal fil-Kawża T‑721/18, il-punti 1 sa 9 tar-rikors jinkludu evalwazzjoni kritika dwar l-attitudni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawżi tagħha kontra Isotis u li taw lok għad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u għas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63). Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikors fih diversi riferimenti għall-iżvolġiment tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq imnedija mill-Kummissjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) kif ukoll quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni). Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mir-rikors jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li din l-azzjoni ma għandhiex l-għan li tikkontesta l-awtorità ta’ res judicata mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), u lanqas li tikkontesta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata.

68      Mir-rikors jirriżulta wkoll li din l-azzjoni hija intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni morali allegatament ikkawżati lil kull waħda mir-rikorrenti mill-azzjoni tal-avukati li rrappreżentaw lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell mis-sentenza tal-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) tal‑4 ta’ Lulju 2018, dwar il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tikseb, fir-rigward tar-rikorrenti, l-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:T:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni, T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:63).

69      Fir-rigward tal-fatti li tinsab ikkritikata bihom il-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), għandu jiġi rrilevat li dawn huma esposti b’mod suffiċjentement preċiż fil-punti 34 sa 62 tar-rikors, li fihom ir-rikorrenti jikkritikaw lill-avukati tal-Kummissjoni li mhux biss irrepetew, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), l-allegazzjonijiet żbaljati magħmula fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), li huma s-suġġett tar-rikors fil-Kawża T‑721/18, iżda wkoll ifformulaw b’mod volontarju ħafna allegazzjonijiet żbaljati ġodda bil-għan li jwasslu lill-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) sabiex twettaq żball dwar ċertu numru ta’ fatti u b’hekk tippermetti li r-rikorrenti jinżammu responsabbli għad-djun ta’ Isotis fil-konfront tal-Kummissjoni.

70      Bl-istess mod, ir-rikorrenti jesponu b’mod suffiċjentement preċiż, fil-punti 63 sa 92 tar-rikors, ir-raġunijiet li għalihom huma jqisu li l-fatti li twettqu mill-avukati tal-Kummissjoni jikkostitwixxu aġir illegali. Għaldaqstant mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti jqisu li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni huwa illegali inkwantu ppreġudika, l-ewwel, id-dmir ta’ verità u ta’ lealtà tal-partijiet, il-prinċipju ġenerali fundamentali tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq, it-tieni, id-dritt għad-dinjità tal-bniedem u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, it-tielet, il-prinċipji ta’ legalità, ta’ bona fide u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikors huwa suffiċjentement ċar fir-rigward tal-mod kif ir-rikorrenti kkalkolaw l-ammont tad-dannu morali li għalih huma jitolbu li jiġu kkumpensati. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni tal-fondatezza tat-talba għal kumpens tar-rikorrenti u mill-evalwazzjoni ex æquo et bono mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors jippreċiża b’mod suffiċjenti l-mod kif ir-rikorrenti kkalkolaw l-ammont ta’ EUR 1 100 000 għad-dannu għal kull waħda minnhom.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-kontenut tar-rikorsi promoturi ma rrendiex impossibbli, u lanqas eċċessivament diffiċli, l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tad-drittijiet tad-difiża tagħha u, konsegwentement, jissodisfa l-kundizzjoni ta’ ċarezza imposta mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq.

73      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq in-natura impreċiża tar-rikorsi dwar is-suġġett tal-kawża u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dawn il-kawżi għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

–       Fuq lidentità talkonvenuti

74      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorsi huma inammissibbli peress li mir-rikorsi ma jirriżultax b’mod ċar min huma l-konvenuti kkonċernati mill-imsemmija rikorsi.

75      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni. Fit-tweġiba tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑11 ta’ Mejju 2020, huma jindikaw li r-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 huma diretti kontra l-Kummissjoni bħala istituzzjoni li għandha personalità ġuridika proprja u kontra l-Kummissjoni sa fejn din tirrappreżenta legalment lill-Unjoni. Fl-istess tweġiba r-rikorrenti jippreċiżaw li l-frażi użata fir-rikorsi, li tgħid li r-rikorsi huma diretti kontra “[l]-Unjoni Ewropea, legalment irrappreżentata”, għandha titqies li tfisser li r-rikorsi huma indirizzati mhux biss kontra l-Kummissjoni bħala istituzzjoni, iżda wkoll kontra l-Unjoni legalment irrappreżentata mill-Kummissjoni.

76      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(c) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi d-dettalji tal-parti prinċipali li kontriha jkun ġie ppreżentat ir-rikors.

77      F’dan il-każ, mir-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 kif ukoll mit-tweġibiet tar-rikorrenti għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑11 ta’ Mejju 2020 jirriżulta li dawn ir-rikorsi huma, it-tnejn li huma, ibbażati fuq l-Artikolu 268 TFUE u fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u diretti, minn naħa, kontra l-Unjoni “legalment irrappreżentata” mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, kontra l-Kummissjoni “bħala persuna ġuridika distinta”.

78      Kif ġie kkonstatat fil-punti 63 u 68 iktar ’il fuq, mir-rikorsi f’dawn il-kawżi jirriżulta wkoll li, permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti għandhom l-għan li jiksbu kumpens għad-danni li huma ġarrbu minħabba l-allegat aġir tar-rappreżentanti legali tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ aġent tal-OLAF.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”.

80      Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 47 TUE jagħti l-personalità ġuridika lill-Unjoni, u mhux lill-Kummissjoni.

81      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, rikorrent għal rikors għad-danni bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE huwa ġġustifikat li jressaq l-azzjoni tiegħu kontra l-Unjoni, li għandha personalità ġuridika (ara d-digriet tat‑2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L‑Unjoni Ewropea, T‑577/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:80, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti Ġenerali jirriżulta wkoll li, meta r-responsabbiltà tal-Unjoni tirriżulta mill-att ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, din tkun irrappreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali mill-istituzzjoni jew mill-istituzzjonijiet li lilhom ikun allegat il-fatt li jagħti lok għar-responsabbiltà (ara d-digriet tat‑2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea, T‑577/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:80, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Minn dan isegwi li dawn ir-rikorsi huma inammissibbli sa fejn huma diretti kontra l-Kummissjoni “bħala personalità ġuridika distinta”.

–       Fuq ilportata tattieni u ttielet kap tattalbiet

84      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni kap tat-talbiet ta’ kull wieħed mir-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 huwa inammissibbli minħabba li jmur manifestament lil hinn mis-suġġett tal-kawża ta’ dawn iż-żewġ kawżi. It-tielet kap tat-talbiet ta’ kull wieħed mir-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 huwa wkoll inammissibbli minħabba n-natura mhux preċiża tiegħu, peress li r-rikorrenti ma indikawx liema tip ta’ dikjarazzjoni l-Kummissjoni tista’ tagħmel u skont liema proċedura.

85      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

86      L-ewwel, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet ta’ kull wieħed mir-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19, li permezz tiegħu r-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni tastjeni minn kull ħsara għall-personalità tagħhom fil-futur, għandu jiġi rrilevat li dan għandu jitqies bħala talba għal ordni ta’ astinenza.

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 268 TFUE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jirriżulta li kumpens in natura jista’, jekk ikun il-każ, jingħata mill-qorti tal-Unjoni, b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, u li dan il-kumpens jista’ jieħu l-forma ta’ ordni ta’ astinenza jew ta’ eżekuzzjoni, li jista’ jwassal lill-Kummissjoni tadotta aġir partikolari (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat‑3 ta’ Settembru 2013, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, C‑34/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:552, punt 29, u tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Dragomir vs Il‑Kummissjoni, T‑297/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:902, punt 66).

88      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tieni kap tat-talbiet ta’ kull wieħed mir-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 huwa direttament marbut mas-suġġett tat-tilwima ta’ dawn iż-żewġ kawżi, sa fejn b’dawn ir-rikorsi ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni jiksbu kumpens għad-danni morali, ikkostitwiti minn ħsara għar-reputazzjoni tagħhom, li huma jqisu li hija l-Kummissjoni li hija responsabbli għaliha.

89      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni kap tat-talbiet ta’ kull wieħed mir-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 huwa ammissibbli. Madankollu, għandu jitfakkar li tali ordni ta’ astinenza ma tistax, jekk ikun il-każ, tiġi kkonkretizzata, minbarra fil-każ tal-għoti ta’ miżuri provviżorji abbażi tal-Artikoli 278 u 279 TFUE, ħlief jekk ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tkun diġà ġiet stabbilita (digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Dragomir vs Il‑Kummissjoni, T‑297/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:902, punt 66).

90      It-tieni, fir-rigward tat-tielet kap tat-talbiet ta’ kull wieħed mir-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19, li permezz tiegħu r-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, tikkundanna lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni pubblika sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid ir-reputazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li dan għandu jitqies bħala talba għal ordni ta’ eżekuzzjoni.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 87 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż li kumpens in natura jista’ jieħu l-forma ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni maħruġa mill-qorti tal-Unjoni lill-Kummissjoni, jeħtieġ ukoll li din it-talba għal ordni tkun tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni imposti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

92      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li fir-rikorsi tagħhom ir-rikorrenti la ppreċiżaw il-forma u lanqas il-modalitajiet li d-dikjarazzjoni intiża sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid ir-reputazzjoni tagħhom kellu jkollha. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fir-risposti tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑11 ta’ Mejju 2020 dwar il-portata eżatta tat-tielet kap tat-talbiet tagħhom ma humiex suffiċjenti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, huwa minnu li r-rikorrenti ppreċiżaw il-forma li kellha tieħu din id-dikjarazzjoni billi indikaw li din kellha tkun dikjarazzjoni extraġudizzjarja indirizzata lil kull waħda minnhom, li permezz tagħha l-Kummissjoni kellha tiddikjara b’mod ċar u inkundizzjonat li ebda waħda mir-rikorrenti ma kienet involuta f’finanzjament mogħti mill-Unjoni u ma kienet ipparteċipat fil-ġestjoni effettiva tal-proġetti ffinanzjati, kif kien ġie rrikonoxxut mill-OLAF. Madankollu, ir-rikorrenti indikaw ukoll li din id-dikjarazzjoni mhux biss kellha tiġi kkomunikata lilhom, iżda wkoll tiġi kkomunikata lil kull awtorità, bank u persuna fiżika li, direttament jew indirettament, kienet taf bl-allegazzjonijiet ineżatti u ta’ kalunja ppreżentati mill-Kummissjoni u r-rappreżentanti tagħha kif deskritti f’dawn ir-rikorsi. Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali talba hija, fiha nnifisha, impreċiża wisq sabiex titqies li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza imposti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

93      Għalhekk, it-tielet kap tat-talbiet ta’ kull wieħed mir-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq illis alibi pendens

94      Il-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti fil-Kawża T‑81/19 huma identiċi għal dawk ifformulati fil-Kawża T‑721/18 u li, sa fejn dawn l-allegazzjonijiet jirrigwardaw il-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata u l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri qabel il-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑721/18, il-preżentata tat-tieni rikors ma kinitx iġġustifikata.

95      Mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu pożizzjoni dwar eventwali sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens mal-Kawża T‑721/18, fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑1 ta’ Awwissu 2019 il-Kummissjoni tippreċiża li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kkonstatata sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens huma ssodisfatti. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tirrileva li, fiż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti jitolbu l-kumpens għall-istess dannu, jiġifieri ħsara allegata għall-personalità tagħhom, wara fatt dannuż identiku ikkostitwit mill-allegazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fin-noti tagħha fl-ewwel istanza u fit-tieni istanza quddiem il-qrati Griegi fil-kuntest tal-istess kawża. Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrenti rrepetew, fil-punti 15 sa 33 tar-rikors fil-Kawża T‑81/19, argumenti dwar l-allegazzjonijiet li hija fformulat fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji u fl-ewwel istanza, li huma kienu diġà kkontestaw fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T‑721/18. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li kulma għamlet kien li fl-appell irrepetiet l-allegazzjonijiet diġà fformulati fil-proċeduri għal miżuri provviżorji u fl-ewwel istanza, peress li l-preżentata ta’ allegazzjonijiet ġodda ma hijiex permessa fl-appell. Ir-repetizzjoni ta’ dawn l-allegazzjonijiet ma tikkostitwixxix prattika distinta li tista’ tikkawża lir-rikorrenti dannu differenti minn dak allegatament ikkawżat mill-formulazzjoni tal-istess allegazzjonijiet fl-ewwel istanza. L-istess japplika għall-allegata illegalità tal-aġir tagħha, peress li r-rikorrenti jinvokaw fil-Kawża T‑81/19 ksur tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ bona fide, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ dinjità tal-bniedem u ta’ amministrazzjoni tajba, li huma kienu diġà invokaw fir-rikors fil-Kawża Τ‑721/18. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tirrileva li t-talbiet ukoll huma identiċi, peress li r-rikorrenti fiż-żewġ kawżi qegħdin jitolbu li jingħatalhom kumpens għal dannu morali u li hija tiġi kkundannata tastjeni minn kwalunkwe ħsara għall-personalità tagħhom fil-futur u li tistabbilixxi mill-ġdid l-unur u r-reputazzjoni tagħhom permezz ta’ dikjarazzjoni. Barra minn hekk, is-somma tal-ammonti f’daqqa individwali mitluba mir-rikorrenti fiż-żewġ kawżi tammonta kważi għall-istess ammont bħall-kreditu tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li r-rikors fil-Kawża T‑81/19 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba lis alibi pendens mar-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑721/18.

96      Ir-rikorrenti jsostnu li ż-żewġ rikorsi ma jirrigwardawx l-istess fatti. B’hekk, huma jsostnu li, għalkemm ir-rikors fil-Kawża T‑721/18 huwa intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni morali li ġew ikkawżati lilhom mill-allegazzjonijiet “giddieba u defamatorji” fformulati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji u tal-ewwel istanza, ir-rikors fil-Kawża T‑81/19 huwa intiż, min-naħa l-oħra, sabiex jinkiseb il-kumpens għad-danni morali li ġew ikkawżati lilhom mir-repetizzjoni ta’ dawn l-allegazzjonijiet u biż-żieda ta’ allegazzjonijiet ġodda “giddieba u defamatorji” fin-noti ddepożitati mill-avukati tal-Kummissjoni fit‑13 u t‑18 ta’ Diċembru 2018 quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), li quddiemha huma kienu appellaw mis-sentenza tal-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) tal‑4 ta’ Lulju 2018.

97      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li lanqas il-bażi legali taż-żewġ rikorsi ma hija identika. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li, fir-rikors fil-Kawża T‑721/18, huma jsostnu li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni huwa illegali, b’mod partikolari sa fejn jippreġudika d-dritt għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali u jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, filwaqt li dawn il-kapijiet ta’ illegalità ma humiex imqajma fir-rikors fil-Kawża T‑81/19. Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li r-rikors fil-Kawża T‑81/19 fih kap ta’ illegalità, jiġifieri l-ksur tad-dmir ta’ verità u ta’ lealtà tal-partijiet, li ma jinsabx fir-rikors fil-Kawża T‑721/18. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-kapijiet ta’ illegalità komuni għaż-żewġ rikorsi ma jsostnux kapijiet tat-talbiet identiċi. Ir-rikorrenti barra minn hekk isostnu li l-argument tal-Kummissjoni li l-kumpens għad-dannu morali allegat fil-Kawża T‑721/18 ma jistax jerġa’ jiġi mfittex fil-kuntest tal-Kawża T‑81/19 ma jirrigwardax sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, iżda dik li fiha rikorrent jipprova jikkontesta l-awtorità ta’ res judicata, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors li jopponi l-istess partijiet u li għandu l-istess finijiet, abbażi tal-istess motivi bħal rikors ippreżentat preċedentement, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Landtag Schleswig-Holstein vs Il‑Kummissjoni, T‑68/07, mhux ippubblikat, EU:T:2007:180, punt 16; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, EU:C:1985:355, punt 9, u tat‑22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament, 358/85 u 51/86, EU:C:1988:431, punt 12).

99      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorsi fil-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 ġew it-tnejn li huma ppreżentati abbażi tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u huma bejn l-istess partijiet.

100    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm iż-żewġ rikorsi huma intiżi għall-kumpens tad-danni morali allegatament ikkawżati lil kull waħda mir-rikorrenti mill-Kummissjoni, id-danni li għalihom jintalab il-kumpens ma humiex identiċi inkwantu huma joriġinaw minn fatti differenti.

101    Fil-fatt, minn naħa, ma jistax jiġi eskluż, a priori, li r-repetizzjoni ta’ allegazzjonijiet allegatament foloz u defamatorji tista’ toħloq fiha nnifisha dannu distint minn dak ikkawżat inizjalment għas-sempliċi raġuni li din ir-repetizzjoni seħħet fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell.

102    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din tal-aħħar ma llimitatx ruħha li fl-appell tirrepeti l-allegazzjonijiet diġà magħmula fil-proċeduri għal miżuri provviżorji u fl-ewwel istanza. B’hekk, ir-rikorrenti identifikaw 17-il allegazzjoni ġdida fil-punti 40 sa 56 tar-rikors. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tillimita ruħha li ssostni li hija ma fformulatx allegazzjonijiet ġodda fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. Madankollu, huwa notevoli li hija ma tispjegax fejn l-allegazzjonijiet identifikati bħala ġodda mir-rikorrenti kienu diġà ġew ifformulati fil-proċeduri għal miżuri provviżorji jew fil-proċeduri ta’ oppożizzjoni fl-ewwel istanza.

103    Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-allegazzjonijiet ġodda, jekk wieħed jassumi li huma dannużi, jistgħu joħolqu dannu morali distint minn dak li jinvokaw ir-rikorrenti fil-Kawża T‑721/18.

104    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ verità u ta’ lealtà li għandhom il-partijiet, invokat mir-rikorrenti fil-Kawża T‑81/19, ma ġiex invokat, bħala tali, fir-rikors fil-Kawża T‑721/18.

105    Peress li ż-żewġ rikorsi ma għandhomx suġġett strettament identiku, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 98 iktar ’il fuq, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li hemm lis alibi pendens u, konsegwentement, ir-rikors fil-Kawża T‑81/19 għandu jitqies bħala ammissibbli fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-dannu morali allegatament ikkawżat lil kull waħda mir-rikorrenti permezz tal-allegazzjonijiet li jinsabu fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-avukati tal-Kummissjoni quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni).

 Fuq ilmertu

106    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

107    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għall-aġir illegali tal-korpi tagħha huwa suġġett għall-issodisfar ta’ numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità tal-imġiba li hija kkritikata biha l-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16, u tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il‑Parlament et, T‑383/00, EU:T:2005:453, punt 95).

108    Meta xi waħda mit-tliet kundizzjonijiet ta’ skattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tkunx issodisfatta, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81, u tal‑20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑170/00, EU:T:2002:34, punt 37). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni determinata (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 13).

 Fuq laġir li bih hija kkritikata lKummissjoni

109    Fil-Kawża T‑721/18, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ppreżentathom, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), permezz ta’ allegazzjonijiet li kienu jinsabu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u fix-xhieda ta’ aġent tal-OLAF, li l-Kummissjoni kienet taf li kienu żbaljati, bħala persuni li kienu involuti direttament fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni li Isotis kienet ġiet ikkundannata tirrimborsa lill-Kummissjoni permezz tal-imsemmija sentenzi. Il-Kummissjoni b’hekk ippreżentat lir-rikorrenti f’għajnejn terzi bħala persuni insolventi u ftit affidabbli li jwettqu atti frawdolenti, fatt li ppreġudika serjament ir-reputazzjoni tagħhom. Din il-ħsara serja għar-reputazzjoni tagħhom wasslet għal dannu morali fl-ammont ta’ EUR500 000 għal kull waħda minnhom.

110    Fil-Kawża T‑81/19, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li fformulat, permezz tar-rappreżentanti ta’ din tal-aħħar quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), allegazzjonijiet intenzjonalment żbaljati, li wħud minnhom kienu diġà ġew ifformulati fl-ewwel istanza minn dawn l-istess rappreżentanti, li kienu intiżi, essenzjalment, sabiex iwasslu lil din il-qorti għal żball dwar l-involviment tal-ewwel rikorrenti fil-ġestjoni tal-programmi Ewropej minn Isotis u n-natura fittizja tal-personalità ġuridika ta’ Isotis. Skont ir-rikorrenti, l-għan ta’ din l-aġir kien li jikkonvinċi lill-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) li kien jaqbel li titwarrab l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li kienu jipprekludu lir-rikorrenti milli jkunu jistgħu jinżammu personalment repsonsabbli, fil-kwalità tagħhom ta’ soċji, għad-djun ta’ Isotis lejn il-Kummissjoni, fatt li allegatament iġġustifika l-eżekuzzjoni forzata tas-sentenzi fil-konfront tar-rikorrenti.

111    Il-Kummissjoni tikkontesta r-realtà tal-aġir li hija kkritikata bih, sa fejn hija ma ppreżentatx lir-rikorrenti quddiem il-qrati Griegi bħala frawdolenti, iżda sempliċement ressqet argumenti ta’ fatt sabiex turi li l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Griega sabiex tikseb l-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tal‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), fil-konfront tar-rikorrenti kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

112    F’dan ir-rigward, l-ewwel, f’dak li jirrigwarda l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni fil-Kawża T‑721/18, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jirreferu għal siltiet speċifiċi min-noti għal deliberazzjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017, mit-talbiet tas‑17 ta’ April 2018 u min-nota komplementari tal‑20 ta’ April 2018, ippreżentati mill-avukati tal-Kummissjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), kif ukoll għax-xhieda ta’ aġent tal-OLAF quddiem din l-istess qorti, fit‑12 ta’ Diċembru 2017, riprodotta f’waħda min-noti għal deliberazzjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017.

113    Għandu jiġi osservat li n-nota għal deliberazzjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017 ippreżentata b’risposta għat-talba tar-rikorrenti tal‑11 ta’ Settembru 2017 għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata kienet tinkludi l-affermazzjoni li ġejja:

“Fiż-żewġ azzjonijiet ġudizzjarji, il-konvenuti qegħdin ifittxu b’mod totalment illegali u abbużiv li jevitaw kull responsabbiltà u li jiddistanzjaw ruħhom minn kawża li huma kienu jsegwu u jiġġestixxu huma stess direttament għal għaxar snin u permezz ta’ persuna miċ-ċirku familjari immedjat tagħhom.”

114    Din l-istess nota ta’ deliberazzjoni kien fiha wkoll l-affermazzjoni li ġejja:

“[…] l-ewwel konvenuta nħatret bħala amministratriċi, rappreżentanta legali u teżoriera tal-kumpannija u kienet tiġġestixxi waħedha l-attivitajiet kollha tal-kumpannija skont l-Artikoli 748 et seq tal-Kodiċi Ċivili.”

115    Fin-nota inkwistjoni ġie ppreċiżat ukoll fir-rigward tad-dejn ta’ Isotis ikkonstatat fis-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), li “dan [kien] dejn li ma [kienx] ġie kkuntrattat minn entità ġuridika barranija għalihom, iżda bis-saħħa tal-kuntratt ta’ kumpannija li għandha personalità ġuridika kkontestata li warajha kienu joperaw il-konvenuti, kif ukoll persuna miċ-ċirku familjari immedjat tagħhom”.

116    Barra minn hekk, f’din l-istess nota l-avukati tal-Kummissjoni sostnew “[…] li [kien] ġie provat ukoll fid-dritt li [l-Kummissjoni] kienet allegatament ġarrbet dannu sinjifikattiv li kien il-konsegwenza diretta tal-atti u tan-nuqqasijiet imwettqa matul diversi snin mid-diretturi tal-kumpannija ċivili parti opposta”.

117    Barra minn hekk, dejjem fl-istess nota, l-avukati tal-Kummissjoni rrappurtaw id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-aġent tal-OLAF waqt is-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2017 kif ġej:

“[…] l-uniku mod kif jiġu rkuprati l-fondi Ewropej huwa li tiġi eżegwita miżura ta’ eżekuzzjoni forzata kontra l-beni tal-konvenuti (li kienu wkoll il-persuni fiżiċi li kienu joperaw wara e-Isotis). […] B’mod partikolari, l-ewwel konvenuta kellha r-riedni ta’ e-Isotis, kienet torganizzaha u tmexxiha (bl-għajnuna ta’ żewġha).”

118    Għandu jiġi rrilevat li s-siltiet iċċitati fil-punti 113 sa 117 iktar ’il fuq ġew riprodotti fit-tieni nota għal deliberazzjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017 mill-avukati tal-Kummissjoni, dwar it-talba tar-rikorrenti tal‑1 ta’ Novembru 2017 intiża għall-kisba tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata kif ukoll il-protezzjoni tal-personalità tagħhom, u fit-talbiet tal-imsemmija avukati tas‑17 ta’ April 2018.

119    Għandu jiġi rrilevat ukoll li n-nota komplementari ppreżentata mill-avukati tal-Kummissjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) fl‑20 ta’ April 2018 kien fiha l-affermazzjoni li ġejja:

“[…] il-konvenuti baqgħu l-uniċi soċji tal-kumpannija ċivili u huma kienu, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tax-xhieda tagħhom, mill-bidu sat-tmiem, konxji tal-ġestjoni, taħt il-kontroll tagħhom, tal-fondi pubbliċi Ewropej li l-kumpannija tagħhom kienet tibbenefika minnhom.”

120    Jirriżulta mis-siltiet bil-miktub tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni ċċitati iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-awtentiċità tagħhom, li l-imsemmija rappreżentanti sostnew quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) li r-rikorrenti kellhom rwol attiv ħafna fil-ġestjoni ta’ Isotis, inkluż għal dak li jikkonċerna l-finanzjamenti tal-Unjoni li minnhom kienet tibbenefika Isotis skont il-programmi mmexxija minn A, il-konjuġi tal-ewwel rikorrenti u r-raġel tat-tifla tat-tieni rikorrenti.

121    Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rapport tal-OLAF tal‑15 ta’ Novembru 2011 dwar l-investigazzjoni mitluba mill-Kummissjoni dwar frodi potenzjali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni min-naħa ta’ Isotis, tal-ewwel rikorrenti u ta’ A kien jindika dan li ġej:

“[L-ewwel rikorrenti] bl-ebda mod ma kienet involuta fil-finanzjament mogħti mill-Kummissjoni, peress li, fil-prattika, hija qatt ma pparteċipat fil-ġestjoni tal-proġetti [u] kienet ir-rappreżentanta legali tal-kumpannija, filwaqt li [A] kien responsabbli għall-ġestjoni u, b’mod partikolari, għall-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej. [L-ewwel rikorrenti] ipparteċipat bħala konsulent legali/kollaboratriċi f’ċerti proġetti Ewropej li għalihom [A] eżerċita funzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ ġestjoni. L-okkupazzjoni ewlenija [tal-ewwel rikorrenti] kienet tikkonsisti fis-sorveljanza u fil-garanzija tal-legalità tal-proċeduri speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġetti Ewropej bħall-protezzjoni tad-data personali, in-natura tal-utenti finali/piloti li jipparteċipaw fil-proġett, il-kwistjonijiet tal-proprjetà intellettwali u l-użu tar-riżultati kkunsinnati.”

122    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fir-rapport tiegħu tat‑23 ta’ Mejju 2016, il-Prosekutur fi ħdan il-Qorti Kriminali ta’ Ateni, li lilu l-Kummissjoni kienet bagħtet ir-rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF tal‑15 ta’ Settembru 2011, ikkonkluda li ma kienx hemm frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi indika, fir-rigward tal-ewwel rikorrenti, dan li ġej:

“Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-[ewwel rikorrenti], ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li hija kienet involuta sostanzjalment fi kwalunkwe attività mwettqa minn żewġha fir-rigward tal-finanzjament tal-kuntratti inkwistjoni, ħaġa li, barra minn hekk, hija espressament ikkonfermata mill-OLAF fir-rapport inkwistjoni tiegħu, u anki r-remunerazzjoni tagħha għall-provvista ta’ servizzi legali tagħha kienet tikkorrispondi għall-onorarji legali tagħha li għalihom hija kienet intaxxata b’mod regolari u li ma tħallsux lilha fil-forma ta’ ħlas ta’ dividendi, u ma kinitx ipprojbita mill-istatuti ta’ [Isotis].”

123    Mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-OLAF kif ukoll mill-Prosekutur Pubbliku Grieg jirriżulta li l-ewwel rikorrenti ma kellhiex rwol determinanti f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni tal-finanzjamenti tal-Unjoni li kienet ibbenefikat minnhom Isotis.

124    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-deskrizzjoni mill-Kummissjoni tar-rwol attiv allegatament eżerċitat mir-rikorrenti fil-ġestjoni ta’ Isotis quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) hija kontradetta, fir-rigward tal-ewwel rikorrenti, mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-OLAF tal‑15 ta’ Settembru 2011 kif ukoll mir-rapport tal-Prosekutur ta’ Ateni tat‑23 ta’ Mejju 2016.

125    Madankollu, minn din is-sempliċi konstatazzjoni ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni intenzjonalment ippreżentat, b’mod żbaljat, lir-rikorrenti bħala persuni li wettqu frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni).

126    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub ppreżentati quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni lmentaw mhux li r-rikorrenti kienu ħatja ta’ atti frawdolenti, iżda li kellhom rwol attiv fil-ġestjoni ta’ Isotis u, għaldaqstant, fin-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali ta’ din tal-aħħar fil-konfront tal-Kummissjoni, li wasslu lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lil Isotis għar-rimbors tal-prefinanzjamenti kollha rċevuti għad-disa’ kuntratti ta’ sussidju flimkien ma’ interessi moratorji u kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679), u għar-rimbors ta’ parti mill-prefinanzjament irċevut għall-għaxar kuntratt ta’ sussidju flimkien ma’ interessi moratorji permezz tas-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63).

127    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fir-rapport tiegħu tat‑23 ta’ Mejju 2016, il-Prosekutur ta’ Ateni qies li ma kienx hemm indikazzjoni li A, li kien direttament responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi Ewropej li fihom kienet tipparteċipa Isotis, inklużi dawk li kienu s-suġġett tal-kuntratti ta’ sussidju msemmija mill-awditu ta’ Frar 2010, kien ħati ta’ reat ta’ frodi li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi allegazzjoni li r-rikorrenti kellhom rwol attiv fil-ġestjoni ta’ Isotis, inkluż f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-finanzjamenti tal-Unjoni, ma tistax titqies bħala akkuża ta’ frodi mressqa kontrihom.

128    It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni fil-Kawża T‑81/19, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jirreferu għal siltiet speċifiċi tat-talbiet u tan-nota komplementari ppreżentati mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) imsemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, li, għal parti minnhom, jirriproduċu l-allegazzjonijiet diġà magħmula fl-ewwel istanza fir-rigward tar-rwol attiv tar-rikorrenti fil-ġestjoni ta’ Isotis u, għall-parti l-oħra, jikkontestaw ir-realtà tal-attività ta’ Isotis u, għaldaqstant, l-eżistenza tal-personalità ġuridika tagħha.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 126 u 127 iktar ’il fuq dwar l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni fil-Kawża T‑721/18 japplikaw, mutatis mutandis, għal dak li jikkonċerna l-aġir li bih hija kkritikata fil-Kawża T‑81/19.

130    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, indipendentement mill-fondatezza tagħhom, l-allegazzjonijiet li jinsabu fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) u li kienu intiżi li jikkontestaw ir-realtà tal-attività ta’ Isotis u, għaldaqstant, l-eżistenza tal-personalità ġuridika tagħha ma jimplikawx, fihom innifishom, akkuża ta’ frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-konfront tar-rikorrenti.

131    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-fatt li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni sostnew, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti kellhom rwol attiv fil-ġestjoni ta’ Isotis u fformulaw ċertu numru ta’ allegazzjonijiet fattwali intiżi sabiex jikkontestaw ir-realtà tal-attività ta’ Isotis u, għaldaqstant, l-eżistenza tal-personalità ġuridika tagħha, quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) jew quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), jikkostitwixxix aġir illegali li jista’ jiskatta r-rsponsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

 Fuq lillegalità talaġir li bih hija kkritikata lKummissjoni

132    Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-aġir illegali li bih hija kkritikata l-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat imsemmija fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 36). Tali ksur ikun stabbilit meta jkun jinvolvi nuqqas manifest u serju, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti li għalihom hija suġġetta s-setgħa diskrezzjonali tagħha, fejn l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dispożizzjoni miksura tħalli lill-istituzzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    F’dan il-każ, fil-Kawża T‑721/18, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) kien jikkostitwixxi ksur gravi u manifest ta’ dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-individwi. Għalhekk, fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret id-dritt tagħhom għad-dinjità tal-bniedem, stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 2 TUE, il-preambolu tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Huma sostnew ukoll li dan l-aġir kien imur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba għall-persunal tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tiegħu mal-pubbliku (ĠU 2000, L 267, p. 63) kif ukoll l-Artikoli 4, 7 u 11 tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba.

134    Għandu jiġi enfasizzat li, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti sostnew ukoll li, billi ppruvaw jiksbu l-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), fir-rigward tagħhom, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ legalità, li kien jinkludi l-prinċipju ta’ pacta sunt servanda, stabbilit mill-Artikolu 216(2) TFUE, il-prinċipju ta’ bona fide, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll id-dirtt tagħhom għal smigħ, u d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, sanċiti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti sostnew, “sussidjarjament”, li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha d-dritt li twettaq eżekuzzjoni forzata kontrihom, hija kienet għamlet dan b’mod abbużiv u illegali.

135    B’hekk, l-ewwel, fir-rigward tal-preġudizzju li allegatament ġie kkawżat mill-aġir tal-Kummissjoni għall-prinċipju ta’ bona fide u għall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-rikorrenti osservaw, minn naħa, li skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2321/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet fi, u għad-diffużjoni tar-riżultati ta’ riċerka għal, l-implimentazzjoni tas-Sitt Programm Kwadru (2002-2006) tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 46), il-Kummissjoni kienet obbligata tivverifika jekk l-organi li magħhom hija kellha l-intenzjoni tikkonkludi kuntratt ta’ finanzjament fil-kuntest tas-Sitt Programm Qafas kellhomx il-personalità ġuridika u, min-naħa l-oħra, li l-konklużjoni tal-kuntratti ta’ finanzjament bejn il-Kummissjoni u Isotis kienet ġiet preċeduta, għal kull wieħed mill-imsemmija kuntratti, mill-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tal-istatuti ta’ Isotis, li kienu jeskludu b’mod espliċitu r-responsabbiltà tas-soċji tagħha lil hinn mill-kontribuzzjoni tagħhom f’kapital fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq, min-naħa ta’ Isotis, tal-obbligi kuntrattwali tagħha. Ir-rikorrenti enfasizzaw ukoll li l-Kummissjoni kienet taf bl-Artikolu 784 tal-Kodiċi Ċivili Grieg, li kien jeskludi r-responsabbiltà tas-soċji ta’ kumpannija ċivili bħal Isotis għal dak li jikkonċerna n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali ta’ din ta’ l-aħħar, u li sal-bidu tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata l-Kummissjoni qatt ma kienet bdiet proċeduri kontra r-rikorrenti billi eżiġiet mingħandhom il-ħlas tal-ammonti mitluba mingħand Isotis u lanqas ma għamlet allużjoni f’dan ir-rigward għal kwalunkwe stadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, imbagħad quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-tilwimiet tagħha kontra Isotis.

136    Ir-rikorrenti sostnew li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, billi kkonkludiet diversi drabi kuntratti ta’ finanzjament ma’ Isotis fil-kuntest tas-Sitt programm qafas u billi sussegwentement ipparteċipat fl-eżekuzzjoni tagħhom, il-Kummissjoni kienet, b’mod repetut u kostanti, tathom il-konferma preċiża u mingħajr riżervi, kull darba, li hija kienet tirrikonoxxi l-personalità ġuridika ta’ Isotis. Konsegwentement, billi affermat fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-avukati tagħha quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) li l-personalità ġuridika ta’ Isotis kienet ikkontestata, li din ma kellhiex għan ekonomiku u li, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 784 tal-Kodiċi Ċivili Grieg ma kinux sodisfatti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fede tal-ftehimiet.

137    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ legalità, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kienet nediet l-eżekuzzjoni forzata fil-konfront tagħhom mingħajr ma osservat il-proċedura prekontenzjuża prevista mill-Artikolu 80 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1). Ir-rikorrenti sostnew wkoll li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ legalità billi pprovat tikseb l-irkupru ta’ dejn li, fin-nuqqas ta’ nota ta’ debitu li kienet ġiet innotifikata lilhom, kien ilu preskritt mill-2016, skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 u l-Artikolu 252 tal-Kodiċi Ċivili Grieg.

138    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tad-dritt għal smigħ u tad-dritt għal smigħ xieraq, stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-rikorrenti enfasizzaw li, fid-dawl tan-natura esklużiva tal-klawżoli ta’ arbitraġġ li jinsabu fil-kuntratti ta’ sussidju li kienu s-suġġett tal-awditu tal‑10 ta’ Frar 2010, huma ma kellhomx il-possibbiltà li jinvokaw la quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u għas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), u lanqas quddiem qorti nazzjonali, li huma ma setgħux jinżammu personalment responsabbli, fil-kwalità ta’ soċji tad-djun ta’ Isotis.

139    Fir-raba’ lok, fl-aħħar, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq abbuż ta’ dritt, ir-rikorrenti sostnew li, essenzjalment, il-Kummissjoni kienet ibbenefikat mir-riżultati tal-proġetti li għalihom hija kienet ħallset kofinanzjament u li hija kienet tuża għall-finijiet tagħha, li hija kienet għamlet iffrankar fuq il-kofinanzjament tal-proġetti ASK-IT u EU4ALL, li qatt ma tħallas lil Isotis, li hija kienet ibbenefikat mill-patrimonju personali tar-rikorrenti sal-ammont ta’ EUR 200 600, li dawn tal-aħħar kienu pprovdew għall-eżekuzzjoni tal-proġetti, li hija kienet taf li l-kofinanzjamenti li hija kienet ħallset lil Isotis kienu sussegwentement tħallsu lura għal iktar minn 85 % fil-forma ta’ taxxi lill-Istat Grieg, kontribuzzjonijiet soċjali u pagi lill-impjegati ta’ Isotis, u li hija ma pprovatx tillimita l-kreditu tagħha billi fuq il-fondi tal-konsorzju inkarigat mill-proġetti żammet is-somom li hija kienet tqis li kienu dovuti lilha minn Isotis, kif kellha d-dritt tagħmel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti qiesu li, billi talbithom iħallsuha lura l-ammonti kollha li hija kienet ħallset lil Isotis, flimkien mal-interessi korrispondenti, il-Kummissjoni ppruvat tikseb benefiċċju eċċessiv, abbużiv u, għaldaqstant, illegali.

140    Fil-Kawża T‑81/19, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni kiser id-dritt tagħhom għad-dinjità tal-bniedem u għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll għall-prinċipji ta’ legalità, ta’ bona fide u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, f’termini identiċi għal dawk tal-Kawża T‑721/18.

141    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni fil-Kawża T‑81/19 kiser id-dmir ta’ verità u ta’ lealtà li għandhom il-partijiet u l-prinċipju ġenerali fundamentali tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja.

142    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li, bl-aġir tagħha, il-Kummissjoni kisret b’mod flagranti d-dmir ta’ verità u ta’ lealtà li hija kellha l-obbligu li tosserva matul it-tilwima bejniethom, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 116 u 261 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Grieg, kif ukoll il-prinċipju ġenerali fundamentali li jimponi fuq l-avukati rappreżentanti u mandatarji ad litem tal-Kummissjoni, skont il-Kodiċi ta’ Etika tal-Avukati Grieg, li jikkontribwixxu għall-proċedura ta’ amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja billi jiġi osservat id-dmir ta’ verità, applikabbli għall-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata bis-saħħa tal-Artikolu 299 TFUE. Skont ir-rikorrenti, dawn il-prinċipji huma riprodotti fil-Karta tal-Prinċipji Essenzjali tal-Avukat Ewropew, adottata fis-sessjoni plenarja tal-Conseil des barreaux européens (il-Kunsill tal-Kmamar tal-Avukati Ewropej) (CCBE) fi Brussell (il-Belġju) fl‑24 ta’ Novembru 2006, li tinkludi prinċipji tad-dritt li jirregolaw il-professjoni ta’ avukat komuni fl-Istati Membri.

143    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti, peress li dawn jirrigwardaw kwistjonijiet li diġà ġew evalwati b’mod definittiv mill-qorti Griega, li l-ġurisdizzjoni tagħha f’dan ir-rigward tirriżulta mill-Artikolu 299 TFUE.

144    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-aġir tagħha matul il-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) u quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) ma huwa affettwat minn ebda illegalità li tista’ tiskatta r-responsabbiltà tal-Unjoni.

145    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti esposti fil-punti 135 sa 139 iktar ’il fuq ma humiex relatati mal-allegazzjonijiet li jinsabu fl-atti ppreżentati mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), fil-kuntest tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), u lanqas fix-xhieda ta’ aġent tal-OLAF fil-kuntest ta’ dawn l-istess proċeduri, li permezz tagħhom saret ħsara għar-reputazzjoni tar-rikorrenti, iżda mal-fatt stess li l-Kummissjoni nediet proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata tal-imsemmija deċiżjonijiet fil-konfront tar-rikorrenti.

146    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, fis-seduta r-rikorrenti indikaw li t-talbiet tagħhom għal kumpens kienu intiżi biss sabiex jinkiseb kumpens għad-danni li kienu ġew ikkawżati lilhom mill-allegazzjonijiet li jinsabu fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u fix-xhieda ta’ aġent tal-OLAF quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni), u sussegwentement quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63). Ir-rikorrenti ppreċiżaw li huma lmentaw mhux talli l-Kummissjoni pprovat tikseb l-eżekuzzjoni forzata ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward tagħhom, iżda talli, għal dan il-għan, intenzjonalment ressqet quddiem il-qrati Griegi allegazzjonijiet żbaljati sabiex tikkontesta l-personalità ġuridika ta’ Isotis.

147    Barra minn hekk, fis-seduta r-rikorrenti ppreċiżaw ukoll li t-talbiet tagħhom għal kumpens ma kinux ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ pacta sunt servanda u li huma qiesu li d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq kien ġie rrispettat mill-qrati Griegi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, EU:T:2016:63), u li huma lanqas ma kienu qegħdin jinvokaw ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċedura preżenti.

148    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju ta’ legalità, tad-dritt għal smigħ xieraq, tal-prinċipju ta’ pacta sunt servanda, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt għal smigħ kif ukoll tal-abbuż ta’ dritt, esposti fil-punti 135 sa 139 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi sa fejn, skont l-ammissjoni tar-rikorrenti stess, dawn ma jsostnux it-talbiet għal kumpens ta’ dawn tal-aħħar.

149    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement jiddikjaraw, b’mod ġenerali ħafna, li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni fil-Kawża T‑721/18 u fil-Kawża T‑81/19 kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, mingħajr bl-ebda mod ma jissostanzjaw l-argumenti tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li jitqies li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li s-sempliċi invokazzjoni tal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tiegħu huwa allegat, mingħajr ma jiġu indikati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata din l-allegazzjoni, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Deza vs Il‑Kummissjoni, T‑400/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:712, punt 102).

150    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprevedi li d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli u li din għandha tkun irrispettata u protetta, jikkostitwixxi dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2017, Sotiropoulou et vs Il‑Kunsill, T‑531/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:297, punti 75 u 76). Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-eventwali ksur tiegħu huwiex, f’dan il-każ, ta’ natura li jiskatta r-responsabbiltà tal-Unjoni.

151    Għandu jiġi osservat li waqt is-seduta r-rikorrenti ppreċiżaw li l-Kummissjoni kienet għamlet ħsara għad-dinjità tagħhom billi ppreżentathom quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) u quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) bħala frawdolenti fil-konfront tal-Kummissjoni u tal-Unjoni.

152    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punti 126 u 127 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni ppreżentathom bħala persuni li wettqu frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

153    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-fatt li wieħed ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu permezz ta’ azzjoni legali u l-istħarriġ ġudizzjarju li din tinvolvi huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt li fuqu huma bbażati tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie wkoll stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, EU:C:1986:206, punti 17 u 18, u tas‑17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il‑Kummissjoni, T‑111/96, EU:T:1998:183, punt 60), u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Rodriguez Prieto vs Il‑Kummissjoni, T‑61/18, EU:T:2019:217, punt 75).

154    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kull argument intiż sabiex juri aġir frawdolenti min-naħa tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), neċessarjament iwassal għal ksur tad-dritt tagħhom għad-dinjità li jista’ jwassal għall-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni inkwantu l-argument inkwistjoni jkun ġie miċħud mill-qrati Griegi.

155    Minn dan isegwi li, kieku kellu jintlaqa’, l-argument tar-rikorrenti jwassal sabiex jillimita d-dritt tal-Kummissjoni li taġixxi quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tikseb, abbażi tal-Artikolu 299 TFUE, l-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali li tirrikonoxxilha kreditu, skont l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 317 TFUE li tiżgura l-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-Unjoni u l-Artikolu 325 TFUE li tiġġieled kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

156    Għalhekk l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tad-dritt tagħhom għad-dinjità tal-bniedem għandu jiġi miċħud.

157    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti fil-Kawża T‑81/19 li jgħid li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, kisret il-prinċipju ta’ lealtà proċedurali, għandu jiġi rrilevat li f’dan ir-rigward ir-rikorrenti ma jinvokawx il-ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li tagħti drittijiet lill-individwi, li hija waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tiskatta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 132 iktar ’il fuq, iżda l-ksur tal-Artikolu 116(1) u tal-Artikolu 261 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Grieg kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Avukati Grieg. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-prinċipju ta’ lealtà proċedurali jista’ jitqies bħala prinċipju komuni għad-drittijiet ta’ diversi Stati Membri, tali prinċipju ma kienx is-suġġett ta’ rikonoxximent fid-dritt tal-Unjoni sal-lum.

158    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, “[l]-eżekuzzjoni [forzata] tiġi regolata bir-regoli tal-proċedura ċivili li sseħħ f’dak l-Istat fejn għandha titwettaq” u, min-naħa l-oħra, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, il-verifika tar-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tkun fil-kompetenza tal-qrati nazzjonali.

159    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jistħarrġu r-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni testendi mhux biss għat-tilwim marbut mal-eżekuzzjoni forzata tal-atti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni jew tal-BĊE, li jimponu, fuq persuni li ma humiex Stati, obbligu pekunjarju, li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, iżda wkoll għat-tilwim marbut mal-eżekuzzjoni forzata tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, konformement mal-Artikolu 280 TFUE u mal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

160    Konsegwentement, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li kienet l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) li kellha, f’dan il-każ, tiżgura ruħha li l-aġir tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata tad-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (C‑450/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:477), u tas-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑59/11, EU:T:2014:679) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni (T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63), kien konformi mal-prinċipju ta’ lealtà proċedurali u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 116(1) u mal-Artikolu 261 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Grieg kif ukoll mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Avukati Grieg.

161    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument imressaq mir-rikorrenti waqt is-seduta li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-ksur tal-prinċipju ta’ lealtà proċedurali mill-Kummissjoni quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), sa fejn, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi għal responsabbiltà mhux kuntrattwali fil-konfront tal-Unjoni jew tal-membri tal-persunal tagħha.

162    Fil-fatt, ċertament, skont l-Artikolu 268 TFUE l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwimiet relatati mal-kumpens għad-danni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li skontu, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”.

163    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni ta’ regola nazzjonali tad-dritt proċedurali, fil-kuntest ta’ tilwima relatata mal-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali quddiem qorti nazzjonali, mingħajr ma tippreġudika l-prerogattivi espliċitament irriżervati lil din tal-aħħar mill-Artikolu 299 TFUE u, għaldaqstant, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali stabbilita mit-Trattat FUE.

164    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni f’din il-kawża huwa illegali sa fejn ippreġudika l-prinċipju ta’ lealtà proċedurali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

165    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni fil-Kawża T‑721/18 u fil-Kawża T‑81/19 kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 132 iktar ’il fuq.

166    F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, l-ewwel kap tat-talbiet għal kumpens u t-tieni kap tat-talbiet għal kumpens ippreżentati mir-rikorrenti f’kull waħda mill-Kawżi T‑721/18 u T‑81/19 għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għall-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

167    Minn dan isegwi li r-rikorsi għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

 Dwar lispejjeż

168    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Zoï Apostolopoulou u Anastasia Apostolopoulou-Chrysanthaki huma kkundannati għall-ispejjeż.

Costeira

Kancheva

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Diċembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.