Language of document : ECLI:EU:C:2017:492

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-22 ta’ Ġunju 2017 (1)

Kawża C-413/15

Elaine Farrell

vs

Alan Whitty


The Minister for the Environment, Ireland u the Attorney General

Motor Insurers’ Bureau of Ireland (MIBI)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda))

“Definizzjoni ta’ emanazzjoni tal-Istat sabiex tkun stabbilita r-responsabbiltà ta’ Stat Membru meta jonqos li jittrasponi direttiva b’mod korrett — Kundizzjonijiet li fihom korp privat jista’ jitqies bħala emanazzjoni tal-Istat”






1.        Sa minn meta l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat id-duttrina tal-effett dirett tad-direttivi u għamlitha tapplika għal tilwim “vertikali” bejn l-individwu u l-Istat, iżda rrifjutat li testendi din id-duttrina b’mod “orizzontali” sabiex tkopri tilwim bejn partijiet privati, kien essenzjali li jkun magħruf liema huma l-limiti ta’ “l-Istat” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-duttrina ta’ effett dirett vertikali. Permezz ta’ dan ir-rinviju mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), din il-kwistjoni qiegħda tiġi miflija bir-reqqa. Il-Motor Insurers’ Bureau tal-Irlanda (il-korp fl-Irlanda b’responsabbiltà esklużiva għal kumpens lil applikanti li jkorru f’ħabtiet tat-traffiku stradali meta s-sewwieq responsabbli ma jkunx assigurat jew ma jkunx jista’ jiġi identifikat; iktar ’il quddiem il-“MIBI”) huwa “emanazzjoni tal-Istat” skont it-tifsira tat-test stabbilit fis-sentenza Foster et (iktar ’il quddiem “Foster”)? (2) Jekk hu hekk, huwa l-MIBI, u mhux l-entitajiet Statali li huma partijiet fil-kawża prinċipali [jiġifieri l-Minister for the Environment (Ministru għall-Ambjent tal-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), l-Irlanda u l-Attorney General (Avukat Ġenerali)], li huwa responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens lil vittma ta’ aċċident stradali li jkun jinvolvi sewwieq li legalment ma kienx assigurat skont il-liġi nazzjonali minħabba n-nuqqas tal-Irlanda li tittrasponi b’mod korrett u f’waqtu dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġu li l-passiġġieri kollha f’vetturi bil-mutur għandhom ikunu koperti bl-assigurazzjoni li dak is-sewwieq tal-vettura jkun għamel.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2.        Mill-1972 lil hawn, id-diversi direttivi tal-Kunsill li jittrattaw l-obbligu li jkun hemm assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili dwar l-użu ta’ vetturi bil-mutur kellhom l-għan li jkun żgurat li, flimkien mar-rilassament ta’ regoli b’rabta mal-moviment ta’ dawk li jivvjaġġaw, kellu jkun iggarantit kumpens għal vittmi ta’ aċċidenti stradali tat-traffiku. Għal dan l-għan, is-sistema ta’ “karta ħadra” (pjuttost skomda) li kien hemm qabel kienet issostitwita gradwalment b’sistema speċifika tal-Unjoni. In-natura u l-limiti tal-kopertura obbligatorja tal-assigurazzjoni kienu estiżi gradwalment f’direttivi suċċessivi (3).

3.        Filwaqt li l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE (iktar ’il quddiem “l-Ewwel Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur”) (4) kien jitlob li l-Istati Membri kellhom jibqgħu lura milli jwettqu kontrolli sistematiċi dwar assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu 3(1) kien jitlob li kull Stat Membru kellu “[…] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni”. L-Artikolu 3(1) kien jipprovdi wkoll li “[i]l-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri”.

4.        Id-Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE (iktar ’il quddiem “it-Tieni Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur”) (5) irrikonoxxiet li kienu għadhom jeżistu disparitajiet kbar bejn il-liġijiet tad-diversi Stati Membri li kienu jikkonċernaw il-portata tal-obbligu ta’ kopertura tal-assigurazzjoni (6) u, b’mod partikolari, identifikat il-ħtieġa “li ssir dispożizzjoni għall-korp li jiggarantixxi li l-vittma ma tibqax mingħajr kumpens meta l-vettura li kkaġunat l-inċident tkun mingħajr assigurazzjoni jew ma tkunx identifikata” (7).

5.        L-Artikolu 1(1) jitlob li “[l]-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu3(1) [tal-Ewwel Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur] għandha tkopri b’obbligu kemm il-ħsara lill-proprjetà u kemm il-korrimenti personali”.

6.        L-ewwel żewġ subparagrafi tal-Artikolu 1(4) jgħidu dan li ġej:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp li jkollu d-dover li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti ta’ l-obbligu ta’ l-assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew korrimenti personali ikkaġunati minn vettura mhux identifikata jew minn vettura li l-obbligu ta’ asigurazzjoni tagħha previst fil-paragrafu 1 ma jkunx ġie sodisfatt. Din id-disposizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ kumpens minn dak il-korp bħala sussidjarju jew non-sussidjarju u għad-dritt ta’ provvediment għas-sodisfazzjon ta’ pretensjonijiet bejn dak il-korp u l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident u assiguraturi oħrajn jew korpi ta’ sigurtà soċjali meħtieġa biex jikkumpensaw il-vittma fir-rigward ta’ l-istess inċident. B’dankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korp li jagħmel pagament ta’ kumpens bil-kondizzjoni [ma jistgħux jippermettu li l-korp jissuġġetta l-pagament ta’ kumpens għall-kundizzjoni] li l-vittma tistabbilixxi bi kwalunkwe mod li l-persuna responsabbli ma tkunx tista’ jew tirrifjuta li tħallas.

Il-vittma tista’ f’kull każ tapplika direttament lill-korp li, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta fuq it-talba tiegħu mill-vittma, għandu jkun obbligat li jagħtiha tweġiba raġunata dwar il-ħlas ta’ xi kumpens.

[…]”

7.        It-Tielet Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur irreġistrat li kienu għadhom jeżistu disparitajiet sinjifikattivi fir-rigward tal-kopertura ta’ assigurazzjoni (8) u li vittmi ta’ aċċident b’vettura bil-mutur kellhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament minn fejn (fl-Unjoni) iseħħu l-aċċidenti (9). Innotat li “hemm, partikolarment, ċerti lakuni fil-koperta obbligatorja ta’ l-assigurazzjoni tal-pasiġġieri fil-vetturi bil-mutur f’ċerti Stati Membri” u li “bħala protezzjoni għal din il-kategorija partikolarment vulnerabbli tal-vittmi potenzjali, dawn il-lakuni għandhom ikunu magħluqa” (10); kien identifikat ukoll bosta titjib fil-mod li bih kellu jopera l-korp imwaqqaf sabiex jikkumpensa lill-vittmi ta’ aċċidenti kkawżati minn vetturi mhux assigurati jew identifikati (11).

8.        L-Artikolu 1 jgħid:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) [tat-Tieni Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur] [(12)],l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.

[…]”

9.        Skont l-Artikolu 6(2) tat-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, għall-Irlanda t-terminu għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva f’liġi nazzjonali kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1998 għal passiġġieri rekbin wara fuq mutur, u fil-31 ta’ Diċembru 1995 għal vetturi oħra.

 Id-dritt Irlandiż

10.      L-Artikolu 56 tar-Road Traffic Act 1961 (Att tal-1961 dwar Traffiku Stradali, iktar ’il quddiem l-“Att tal-1961”), kif kien japplika fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien jitlob li kull min kien juża vettura bil-mutur kellu jkun kopert b’assigurazzjoni għal korriment jew ħsara lil partijiet terzi f’post pubbliku. Madankollu, skont l-Artikolu 65(1), ma kinitx meħtieġa kopertura ta’ assigurazzjoni għal “persuni eżenti”. Għalhekk, b’mod partikolari, sewwieqa ta’ vetturi kummerċjali li ma kienx ikollhom fejn wieħed joqgħod bilqiegħda fuq wara ma kienx jeħtiġilhom ikunu assigurati kontra s-sewqan negliġenti tagħhom stess (13).

11.      Skont l-Artikolu 78, assiguraturi li jagħmlu xogħol ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi fl-Irlanda għandhom ikunu membri tal-MIBI. F’din il-kapaċità, huma wkoll, fil-prattika, ikunu marbuta bi ftehimiet milħuqa bejn il-MIBI u l-Irlanda (14).

 Il-MIBI (15)

12.      Il-funzjoni tal-MIBI hija li jiġu ttrattati, b’mod partikolari, talbiet għal kumpens meta sewwieq ta’ vettura jkun responsabbli iżda jkun kemm mhux assigurat, kif ukoll ma jkunx jista’ huwa stess jagħti kumpens lil persuna li tkun korriet f’aċċident tat-traffiku. Il-MIBI twaqqaf f’Novembru 1954 (16), wara ftehim bejn id-Department of Local Government (Dipartiment tal-Gvern Lokali) u l-assiguraturi li jissottoskrivu assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fl-Irlanda. Il-MIBI huwa korp irreġistrat skont il-liġi Irlandiża: kumpannija b’responsabbiltà limitata b’garanzija li ma jkollha ebda kapital azzjonarju.

13.      Il-ftehim kien ġie rreplikat bosta drabi bejn l-Irlanda u l-assiguraturi sabiex jiddeskrivi l-portata tar-responsabbiltajiet u tas-setgħat tal-MIBI. Huwa l-ftehim milħuq bejn il-MIBI u l-Minister for the Environment (Ministru għall-Ambjent) fl-1988 li huwa rilevanti għall-każ fil-kawża prinċipali (17). Skont il-Klawżola 2 ta’ dan il-ftehim, il-MIBI jista’ jiġi mfittex minn kull persuna li tkun qiegħda titlob kumpens mingħand sewwieq mhux assigurat jew mhux identifikat. Għalhekk, il-MIBI jista’ jiġi mfittex minn persuna li tkun korriet sabiex tinforza l-ftehim bejn l-Irlanda u l-assiguraturi, anki jekk din il-persuna ma tkunx parti għal dan il-ftehim. Il-Klawżola 4 tirreġistra li l-MIBI kien ftiehem li jħallas lill-vittmi ta’ sewwieqa mhux assigurati jew mhux identifikati. Barra minn dan, meta sentenza kontra sewwieq konvenut magħruf tibqa’ ma tkunx ġiet eżegwita għalkollox fi żmien tmienja u għoxrin jum, il-MIBI jisfa’ responsabbli, sakemm dik is-sentenza tkun tkopri “kull responsabbiltà għal korriment ta’ persuna jew għal ħsara lil proprjetà li jkun jeħtiġilha tkun koperta b’polza approvata ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 56 [tal-Att tal-1961]”. Skont id-digriet tar-rinviju, ebda leġiżlazzjoni jew għamla oħra ta’ liġi pubblika ma tipprovdi li l-MIBI jaġixxi f’isem is-sewwieq mhux assigurat jew mhux identifikat. Kull dritt jew obbligu li l-MIBI għandu sabiex jagħmel hekk joħroġ mill-ftehim tal-MIBI mal-Ministru.

14.      Meta jseħħ aċċident li jkun jinvolvi sewwieq mhux assigurat, il-MIBI jgħaddi sabiex jagħmel kuntratt ma’ dak is-sewwieq, li bih is-sewwieq jagħti lill-MIBI l-istess mandat sabiex jaġixxi bl-istess mod li l-kumpannija ta’ assigurazzjoni tiegħu kienet tingħata kieku huwa kien assigurat. Jekk isir hekk, il-MIBI mbagħad jaġixxi b’mod simili bħal kumpannija ta’ assigurazzjoni normali li tipproċessa talba f’isem sewwieq assigurat: jiġifieri l-MIBI jew jagħmel tajjeb għat-talba jew ikollu drittijiet ta’ surroga sabiex jopponi t-talba fil-qorti. Meta s-sewwieq jirrifjuta li jidħol għal tali kuntratt, jidher li l-MIBI sempliċement jipproċedi xorta waħda f’isem is-sewwieq mhux assigurat filwaqt li jislet l-awtorità u l-obbligu tiegħu li jagħmel hekk mill-ftehim tiegħu mal-Ministru, li huwa rregolat mid-dritt privat. Fl-assenza ta’ kuntratt mas-sewwieq mhux assigurat, il-MIBI jkun jista’ jfittex biss li jirkupra xi parti mid-danni li jkun ħallas jew l-ispejjeż li jġarrab minħabba proċeduri legali kontra dak is-sewwieq għal arrikkiment indebitu. Meta s-sewwieq ma jkunx identifikat, il-MIBI jaġixxi bis-saħħa tal-obbligi skont il-ftehim tiegħu mal-Ministru, iżda ma jkunx hemm parti li kontriha huwa jista’ jfittex li jirkupra xi parti mill-kumpens li jkun ħallas jew l-ispejjeż li jkun ġarrab.

15.      Minbarra l-ftehim tal-1988, il-Ministru (li jaġixxi f’isem l-Irlanda) u l-assiguraturi ffirmaw żewġ ftehimiet oħra fil-31 ta’ Marzu 2004 u fid-29 ta’ Jannar 2009. Dawn iż-żewġ ftehimiet jimmodifikaw xi ftit il-ftehim tal-1988. Skont il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ dawn il-ftehimiet il-liġi Irlandiża ġiet konformi mat-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur. B’mod partikolari, dawn il-ftehimiet jikkoreġu l-lakuni fil-liġi nazzjonali relatati mar-responsabbiltà li jkunu assigurati passiġġieri fuq wara ta’ vannijiet li ma jkollhomx siġġijiet installati (u mar-responsabbiltà fir-rigward ta’ passiġġieri li raġonevolment misshom kienu jafu (kuntrarju għal dawk li attwalment kienu jafu) li vettura kienet misruqa) (18).

16.      Il-MIBI ma jirċevix sostenn finanzjarju mill-Irlanda. Huwa ffinanzjat kompletament mill-membri tiegħu – jiġifieri, l-assiguraturi li jissottoskrivu assigurazzjoni għal responsabbiltà għal vetturi fl-Irlanda. Dawn l-assiguraturi jagħmlu kontribuzzjonijiet għal fond ġenerali, li jkunu ffissati fil-livell meħtieġ sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li l-MIBI attwalment jagħmel permezz tal-iskema (19). F’kull każ individwali (l-iktar meta s-sewwieq mhux assigurat kien qabel assigurat ma’ assiguratur identifikabbli imma kien ħalla l-assigurazzjoni tiegħu tiskadi), assiguratur partikolari jkun jista’ jsir “l-assiguratur konness”. F’dan il-każ, dan l-assiguratur jieħu fuqu l-obbligi tal-MIBI u, jekk ikun meħtieġ, iħallas id-danni u l-ispejjeż. Skont il-qorti tar-rinviju, il-primjums li assiguraturi jitolbu lill-pubbliku għal assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur jinkludu l-kwotazzjoni tal-assigurazzjoni individwali sabiex is-sewwieq jiġi assigurat flimkien ma’ element li jirrifletti l-ispiża tar-responsabbiltà pproġettata tagħhom sabiex jikkontribwixxu għall-MIBI. Għalhekk, il-membri tal-MIBI (jiġifieri, l-assiguraturi) flimkien jiffinanzjaw il-ħlas tad-danni lil persuni li jkunu korrew u l-ħlas ta’ spejjeż legali li l-MIBI jġarrab jew li jsir responsabbli għalihom, inklużi l-ispejjeż amministrattivi tal-MIBI. Il-finanzjament attwali jiġi pprovdut permezz tal-mekkaniżmu tal-miżati ta’ sħubija li jinġabru minn assiguraturi proporzjonatament skont id-dħul gross minn primjums li huma jiġġeneraw min-negozju tas-sottoskrizzjoni ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi fl-Irlanda (jiġifieri, skont is-sehem tagħhom mis-suq kif espress f’termini ta’ valur) (20).

17.      Bidliet fil-memorandum u fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-MIBI jitolbu l-kunsens tal-ministru rilevanti. Skont il-qorti tar-rinviju, dan ma huwiex rekwiżit speċjali li joħroġ mill-funzjonijiet partikolari tal-MIBI; għall-kuntrarju, l-istess regola tapplika għall-kumpanniji kollha limitati b’garanzija skont l-Artikolu 28 tal-Companies Act 1963 (Att tal-1963 dwar il-Kumpanniji).

18.      Bis-saħħa tal-Artikolu 3 moqri flimkien mal-Artikolu 8 u 9 tal-Insurance Act 1963 (Att tal-1963 dwar l-Assigurazzjoni), assiguraturi jeħtieġ ikollhom liċenzja sabiex jissottoskrivu assigurazzjoni fl-Irlanda (21). Skont l-Artikolu 78 tal-Att tal-1961, sħubija fil-MIBI hija waħda mill-kundizzjonijiet sabiex wieħed jikseb tali liċenzja.

19.      Minn żmien għal ieħor ikunu meħtieġa bidliet fil-ftehim bejn il-MIBI u l-Ministru (pereżempju, sabiex jiġu estiżi l-kategoriji ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li għalihom il-MIBI jkun meħtieġ jieħu r-responsabbiltà fil-każ li s-sewwieq ma jkunx identifikat jew assigurat). Il-qorti tar-rinviju tgħid li jekk assiguratur ikun membru tal-MIBI iżda ma jkunx jixtieq jaqbel dwar bidla fit-termini tal-ftehim bejn il-MIBI u l-Ministru, dak l-assiguratur ikun jista’ jirtira mis-sħubija fil-MIBI. Madankollu, f’dak il-każ, dak l-assiguratur ma jkunx jibqa’ jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikollu liċenzja u, għalhekk, ma jkunx jista’ jibqa’ jissottoskrivi assigurazzjoni ta’ vetturi fl-Irlanda.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

20.      Fis-26 ta’ Jannar 1996, E. Farrell kienet qiegħda tivvjaġġa f’vann, li kien proprjetà ta’ u misjuq minn A. Whitty. Il-vann ma kienx maħsub jew attrezzat sabiex iġorr passiġġieri fuq wara. E. Farrell kienet bilqiegħda fl-art fil-vann meta A. Whitty tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu. Hija korriet. A. Whitty ma kienx assigurat. Skont il-liġi Irlandiża kif kienet dak iż-żmien, A. Whitty ma kienx meħtieġ li jkun assigurat kontra l-korriment negliġenti ta’ E. Farrell. Hija kienet fi klassi ta’ persuni li, filwaqt li kienu koperti bit-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur u li kellhom drittijiet għal protezzjoni skont dik id-direttiva, ma kellhomx tali drittijiet skont il-liġi Irlandiża. Għalkemm it-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur kienet għamlet tali assigurazzjoni obbligatorja, fiż-żmien rilevanti dak l-element ta’ dik id-direttiva ma kienx għadu ġie traspost fil-liġi Irlandiża.

21.      E. Farrell talbet kumpens mingħand il-MIBI.

22.      Il-MIBI rrifjuta t-talba ta’ E. Farrell għal kumpens minħabba li r-responsabbiltà għall-korrimenti personali li hija kienet batiet ma kinitx responsabbiltà li għaliha kienet meħtieġa assigurazzjoni skont il-liġi nazzjonali.

23.      E. Farrell ħadet it-talba tagħha quddiem il-qrati Irlandiżi; u l-High Court (qorti għolja) debitament bagħtet rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn talbet gwida dwar l-interpretazzjoni tat-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur.

24.      Fis-sentenza Farrell (22) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha assigurazzjoni obbligatorja għal responsabbiltà għal vetturi bil-mutur ma tkoprix responsabbiltà għal korrimenti personali lil persuni li jkunu qegħdin jivvjaġġaw f’parti tal-vettura bil-mutur li ma tkunx maħsuba u attrezzata b’mod li passiġġieri jkollhom fejn joqogħdu bilqiegħda. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett. Madankollu, hija ħallietha għall-qorti nazzjonali sabiex tiddetermina jekk individwu setax jinvoka l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur kontra korp bħall-MIBI (23).

25.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li E. Farrell issa kienet tħallset somma xierqa ta’ flus bħala kumpens (24). Madankollu, tibqa’ l-kwistjoni ta’ min huwa responsabbli sabiex jagħmel tajjeb għad-danni mħallsa: il-MIBI jew il-Ministru u l-Attorney General (Avukat Ġenerali) (kollettivament, l-Istat Membru). Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li din il-kwistjoni tiddependi minn jekk il-MIBI huwiex jew le emanazzjoni tal-Irlanda.

26.      F’dan il-kuntest il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal gwida dwar id-domandi li ġejjin:

“(1)      Il-kriterju stabbilit fil-punt 20 [tas-sentenza Foster] dwar il-kwistjoni ta’ x’inhi emanazzjoni ta’ Stat Membru, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-elementi ta’ dan il-kriterju għandhom jiġu applikati

(a)      b’mod kumulattiv, jew

(b)      separatament?

(2)      Sa fejn elementi differenti msemmija [fis-sentenza Foster] jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala fatturi li għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, jeżisti prinċipju fundamentali li jservi ta’ bażi għad-diversi fatturi identifikati f’dik is-sentenza li qorti għandha tapplika hi u teżamina l-kwistjoni ta’ jekk organu partikolari huwiex emanazzjoni tal-Istat?

(3)      Huwa biżżejjed li, bl-għan manifest li jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, Stat Membru jkun ittrasferixxa parti kbira tar-responsabbiltà lil organu sabiex dan l-organu jkun emanazzjoni tal-Istat Membru, jew huwa barra minn hekk neċessarju li tali organu (a) ikollu wkoll setgħat speċjali jew (b) jopera wkoll taħt il-kontroll dirett jew is-superviżjoni diretta tal-Istat Membru?”

27.      Il-MIBI, il-Ministru, l-Irlanda u l-Attorney General (Avukat Ġenerali), il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-5 ta’ Lulju 2016.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari:il-kuntest tat-test stabbilit fis-sentenza Foster

28.      Il-kunċett li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex biss dwar relazzjonijiet bejn Stati, iżda jagħti drittijiet lil individwi, imur lura għas-sentenza van Gend & Loos (25). Ir-raġunament dwar l-effett dirett vertikali tad-direttivi jsegwi l-istess loġika. Dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata f’direttiva tiġbor fiha dritt li l-Istati Membri, meta jippromulgaw dik id-direttiva, ikunu qablu li għandu jingħata lil individwi. Għalkemm “l-għażla ta’ forom u metodi” jitħallew f’idejn l-Istat Membru meta jittrasponi direttiva f’liġi nazzjonali, direttiva “għandha torbot l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb” (dawn iż-żewġ stipulazzjonijiet jinsabu fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE). Bħala prinċipju, Stat Membru għandu naturalment ikun konformi mal-obbligi tiegħu u jittrasponi kull direttiva b’mod sħiħ u korrett sad-data stabbilita għat-traspożizzjoni. Id-direttiva mbagħad issir, f’ċertu aspett, invisibbli, minħabba li d-drittijiet li hija tagħti issa jkunu jinsabu espressi kompletament fil-liġi nazzjonali.

29.      Xi drabi, madankollu, dan ma jseħħx; u individwi jkun jeħtiġilhom imorru lura għad-direttiva nfisha. Meta fformulat il-prinċipju ta’ effett dirett vertikali tad-direttivi l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li Stat Membru ma għandux jitħalla jieħu vantaġġ min-nuqqas tiegħu stess li jittrasponi direttiva; u li individwu jista’, għalhekk, jinvoka dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata f’direttiva kontra l-Istat Membru stess (26).

30.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara li ma huwiex rilevanti f’liema kapaċità preċiża l-Istat Membru jkun qiegħed jaġixxi (27). Lanqas ma hija kundizzjoni meħtieġa minn qabel għal effett dirett vertikali li l-parti partikolari “tal-Istat” li tkun il-konvenuta f’kawża partikolari jkollha fil-fatt iġġorr ir-responsabbiltà għan-nuqqas tal-Istat Membru li jimplementa d-direttiva inkwistjoni (28).

31.      Anzi, il-pożizzjoni hija li, kieku l-Istat Membru implementa d-direttiva b’mod korrett, kulħadd kien ikun meħtieġ jirrispetta d-drittijiet mogħtija minn dik id-direttiva lil individwi. Għalhekk, minn tal-inqas, kull korp li jkun jagħmel parti mill-Istat għandu jkun meħtieġ jirrispetta dawn id-drittijiet individwali.

32.      Meta wieħed ma jkunx jista’ joqgħod fuq dritt direttament effettiv f’direttiva (minħabba li l-konvenut ma jkunx l-Istat jew emanazzjoni tal-Istat), il-mudell ġenerali jista’ jiġi deskritt kif ġej. Direttiva tistabbilixxi, sikwit f’termini pjuttost astratti, id-drittijiet li għandhom jiġu ttrasportati u mlaħħma f’liġi nazzjonali. Minħabba li drittijiet skont id-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu effettivi, ma jista’ jeżisti ebda dritt mingħajr rimedju korrispondenti (“ubi jus, ibi remedium”). L-ewwel stadju huwa, għalhekk, li wieħed idur fuq il-liġi nazzjonali sabiex jara x’ikun hemm diġà (jekk ikun hemm) li jista’ jservi ta’ implementazzjoni (parzjali) tad-direttiva (29) u, fl-istess ħin, jeżamina jekk id-direttiva nfisha tkunx speċifikat rimedju li l-liġi nazzjonali għandha tagħti meta jinkiser id-dritt mogħti. L-istadju li jkun imiss huwa li r-rimedji li jkun hemm jinflew skont il-liġi nazzjonali sabiex jintużaw dawk li jinstabu li jagħtu rimedju xieraq, filwaqt li tkun osservata l-awtonomija tal-liġi proċedurali nazzjonali, billi jiġu applikati l-prinċipji (illum klassiċi) ta’ ekwivalenza u effettività skont l-obbligu ġenerali li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi interpretata b’konformità mad-dritt tal-Unjoni (“interprétation conforme”) (30). Ikun biss jekk dan ma jirriżultax fi protezzjoni effettiva għad-drittt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni li wieħed idur fuq id-duttrina tar-responsabbiltà tal-Istat. Ir-responsabbiltà tal-Istat għal danni hija, għalhekk, rimedju, mhux fl-ewwel lok, iżda meta ma jkun fadal xejn iktar xi jsir.

33.      Il-proċess ta’ analiżi li għadni kif iddeskrivejt ta’ sikwit huwa eżerċizzju kkumplikat u elaborat. “Interprétation conforme” tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti ma tkunx tista’ ssir jekk tali interpretazzjoni tkun contra legem (31). It-talba għal danni kontra l-Istat Membru (32) teżiġi li r-rikorrent jinkludi lill-Istat Membru bħala konvenut addizzjonali (u fl-istess ħin jiġi espost għall-ispejjeż dovuti lill-Istat Membru jekk huwa jirbaħ kontra l-konvenut prinċipali) jew li jiftaħ proċeduri oħra kontra l-Istat Membru wara li jkun ipprova u ma rnexxilux jirkupra kontra l-konvenut prinċipali. Sakemm il-litigazzjoni ma tkunx fil-kuntest ta’ nuqqas totali ta’ implementazzjoni ta’ direttiva, danni kontra l-Istat Membru ma jkunux ħaġa ċerta (33).

34.      Madankollu, meta liġi nazzjonali ma jkun fiha xejn li jkun jista’ jitqies bħala implementazzjoni tad-dritt li kien imissu ngħata skont id-direttiva (bħal f’dan il-każ), l-għażla hija binarja. Jekk il-konvenut ovvju (hawnhekk il-MIBI) jiġi, kif għandu jkun, ikkaratterizzat bħala jew “l-Istat” jew “emanazzjoni tal-Istat”, ir-rikorrent jista’ joqgħod direttament fuq id-drittijiet direttament effettivi tiegħu skont id-direttiva stess (effett dirett vertikali) u jikseb kumpens minn dak il-konvenut. Jekk le, ir-rimedju jkun kontra l-Istat Membru f’danni skont il-prinċipju stabbilit b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dillenkofer (34).

 Fuq l-ewwel domanda

35.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-test stabbilit fis-sentenza Foster għandux jiġi applikat b’mod konġunt jew le. Din hija domanda ġusta. Il-punt 18 tas-sentenza Foster huwa fformulat b’mod mhux konġunt: “[…] il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’sensiela ta’ kawżi li dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jkunu inkundizzjonati u biżżejjed preċiżi jistgħu jiġu invokati kontra organizzazzjonijiet jew korpi li jkunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li jkollhom setgħat speċjali li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli għal relazzjoijiet bejn individwi” (35). Madankollu, il-formulazzjoni fil-punt 20 tidher li hija konġuntiva: “[m]inn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li korp, indipendentement mill-forma ġuridika tiegħu, li jkun tqabbad, skont miżura adottata mill-Istat, sabiex jipprovdi servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-Istat u għal dan l-iskop ikollu setgħat speċjali li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli għal relazzjonijiet bejn individwi, f’kull każ ikun inkluż fost il-korpi li kontrihom jistgħu jkunu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett” (36).

36.      Huwa loġiku li l-premessa għall-ewwel domanda hija li l-elementi identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Foster jirrappreżentaw lista eżawrjenti ta’ dak li għandu jitqies sabiex tingħata risposta għad-domanda: “dan il-konvenut huwa emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali?” Jekk it-test ma huwiex konġunt, il-preżenza ta’ A jew ta’ B jew ta’ Ċ jew ta’ D fil-kuntest tal-fatti tkun biżżejjed. Jekk ikun konġuntiv, A, B, C u D kollha jeħtieġu li jkunu preżenti. Iżda, mod jew ieħor, il-preżenza (jew l-assenza) ta’ fattur ieħor (ngħidu aħna, E jew F) hija irrilevanti. Fi kliem ieħor, il-premessa hija li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Foster kellha l-intenzjoni li tidentifika, u fil-fatt identifikat, il-komponenti kollha li kellhom ikunu rilevanti sabiex ikun evalwat jekk konvenut partikolari huwiex jew le emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet ta’ effett dirett vertikali.

37.      Nissuġġerixxi li eżami iktar bir-reqqa tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Foster għandu jagħmilha ċara, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx hemmhekk qiegħda tagħmel eżerċizzju (riskjuż) li tipprova tipprevedi l-konstellazzjonijiet kollha futuri possibbli ta’ fatti li jistgħu jagħtu lok għad-domanda: “dan il-konvenut huwa emanazzjoni tal-Istat?” Għall-kuntrarju, hija kienet qiegħda tislet minn kawżi li hija kienet diġà ddeċidiet sa fejn dan kien meħtieġ sabiex tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża speċifika. Jekk dan huwa korrett, allura jsegwi loġikament li r-risposta għal-ewwel domanda għandha tkun li t-test kif ifformulat fis-sentenza Foster la huwa diżġuntiv u lanqas konġuntiv.

38.      Jeħtieġ, għalhekk, nagħmlu ftit xogħol arkeoloġiku bir-reqqa fuq il-kliem tas-sentenza Foster (37).

39.      Il-fatti essenzjali jistgħu jiġu deskritti b’mod sempliċi. Ħames nisa impjegati mal-British Gas Corporation (iktar ’il quddiem il-“BGC”) kellhom jirtiraw malli għalqu sittin sena, skont il-politika tal-BGC li l-impjegati tagħha kellhom jirtiraw malli jilħqu l-età tal-pensjoni tal-Istat (dak iż-żmien sittin sena għan-nisa u ħamsa u sittin għall-irġiel). Huma kienu jixtiequ jkomplu jaħdmu u sostnew quddiem tribunal industrijali li l-politika tal-BGC, għalkemm mhux ipprojbita mir-regoli nazzjonali, kienet tmur kontra l-Artikolu 5(1) tad-.Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE (38). Huma ssottomettew li setgħu jinvokaw dik id-dispożizzjoni kontra l-BGC.

40.      Il-karatteristiċi magħrufa tal-BGC, kif jirriżulaw mis-sentenza, kienu kif ġej (39). Bis-saħħa tal-United Kingdom Gas Act 1972 (Att tar-Renju Unit tal-1972 dwar il-Gass), li kien jirregola l-BGC fiż-żmien rilevanti, il-BGC kienet korporazzjoni statutorja responsabbli għall-iżvilupp u għaż-żamma ta’ sistema ta’ provvista’ ta’ gass fil-Gran Brittanja, u kellha monopolju għall-provvista ta’ gass. Il-membri tal-BGC kienu jinħatru mis-Segretarju tal-Istat kompetenti. Huwa kellu wkoll is-setgħa jagħti lill-BGC direzzjonijiet ta’ natura ġenerali b’rabta’ ma’ affarijiet li kienu jolqtu l-interess nazzjonali u istruzzjonijiet dwar it-tmexxija tagħha. Il-BGC kienet marbuta tissottometti lis-Segretarju tal-Istat rapporti kull tant żmien dwar l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, it-tmexxija tagħha u l-programmi tagħha. Dawk ir-rapporti kienu mbagħad jitqiegħdu quddiem iż-żewġ Kmamar tal-Parlament. Skont l-Att tal-1972 dwar il-Gass, il-BGC kellha wkoll id-dritt, bil-kunsens tas-Segretarju tal-Istat, tissottometti leġiżlazzjoni proposta minnha lill-Parlament. Il-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif irreġistrat fir-rapport għas-seduta, kien jinkludi wkoll il-fatt li, bħala materja tad-dritt Ingliż, il-BGC kienet “korp pubbliku” u “awtorità pubblika” għall-finijiet ta’ diversi statuti domestiċi.

41.      L-Industrial Tribunal (tribunal industrijali), l-Employment Appeal Tribunal (tribunal ta’ appell dwar impjiegi) u l-Court of Appeal (qorti tal-appell) kollha ċaħdu t-talba tal-impjegati. Dawn appellaw quddiem il-House of Lords, li għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari f’dik li saret il-Kawża C-188/89.

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ddeċidiet sottomissjoni preliminari dwar ammissibbiltà, għaddiet fil-punt 16 tas-sentenza tagħha għall-mertu tad-domanda li dwarha kellha tiddeċiedi.

43.      Hija bdiet billi stabbilixxiet il-parametri. L-ewwel nett, hija fakkret (punt 16) li l-effettività tad-direttivi (li jqiegħdu lill-Istati Membri taħt obbligu li jadottaw ċertu mod ta’ azzjoni) titnaqqas jekk individwi ma jkunux jistgħu jinvokawhom u qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu jqisuhom. Dan kienet diġà qalitu sa mill-1982 fis-sentenza Becker (40). “Konsegwentement”, Stat Membru li ma jimplementax direttiva fit-terminu stipulat għat-traspożizzjoni tagħha ma jistax jinvoka “l-inadempjenza tiegħu stess tal-obbligi li joħorġu mid-direttiva” sabiex jiddefendi lilu nnifsu kontra talba ta’ individwu. “Għalhekk” (kelma oħra għal “konsegwentement”), dispożizzjonijiet ta’ direttiva direttament effettivi jistgħu jiġu invokati (i) “kontra kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li ma tkunx konformi mad-direttiva” jew (ii) “jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jkunu tali li jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat”.

44.      Imbagħad (punt 17), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija kienet diġà ddeċidiet fis-sentenza Marshall (41) li, għall-finijiet tal-effett dirett vertikali, il-kapaċità preċiża li fiha l-Istat bħala konvenut jaġixxi kienet irrilevanti (fis-sentenza Marshall, dan kien “indipendentement minn […] jekk [l-Istat kienx qiegħed jaġixxi] bħala persuna li timpjega jew awtorità pubblika”). U l-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk tat ir-raġuni ewlenija għaliex hija qieset li direttivi għandu jkollhom effett dirett vertikali kontra l-Istat Membri: “Fiż-żewġ każijiet jeħtieġ li l-Istat ma jitħalliex jieħu vantaġġ min-nuqqas tiegħu stess li jkun konformi mad-dritt [tal-Unjoni]” (42).

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad għaddiet (punt 18) sabiex toffri definizzjoni tat-tipi ta’ konvenut li kontrih individwu jista’ jinvoka “dispożizzjonijiet ta’ direttiva inkundizzjonati u biżżejjed preċiżi” (fil-qosor, x’inhi emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali). Il-frażi introduttorja “Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat f’sensiela ta’ kawżi li […]” isservi sabiex tindika lill-qarrej li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ser tagħtih formula astratta li l-komponenti tagħha setgħu jinstiltu kollha minn ġurisprudenza eżistenti.

46.      Ma huwiex, għalhekk, ta’ sorpriża li l-Qorti tal-Ġustizzja immedjatament (punt 19) ikkonfermat dak li kienet sostniet li dak kollu li hija kienet għadha kif qalet seta’ jirriżulta minn ġurisprudenza eżistenti. Il-lista ta’ kawżi li hemm f’dak il-punt hija introdotta bil-formula, “il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li […]”. Is-sentenzi individwali ċċitati – Becker (“awtoritajiet tat-taxxa”) (43), Busseni (“awtoritajiet tat-taxxa”) (44), Costanzo (“awtoritajiet lokali jew reġjonali”) (45), Johnston (“awtoritajiet kostituzzjonalment indipendenti responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika”) (46) u Marshall (“awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi ta’ saħħa pubblika”) (47) – jistgħu jitqabblu ma’ komponent individwali wieħed jew iktar li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fil-formulazzjoni astratta tagħha fil-punt 18.

47.      Hawnhekk irrid niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-punti 18 u 19 tas-sentenza setgħu faċilment inkitbu fis-sekwenza opposta. Kemm jekk wieħed jgħid, “(i) dan huwa kif ser nifformula t-test f’termini astratti; u (ii) tista’ tara l-karatteristiċi li jiena identifikajt fil-kawżi li ġejjin li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet” (l-ordni attwali ta’ dawn il-punti) jew “(i) ara, hawnhekk hawn diversi kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li juru ċerti karatteristiċi; u għalhekk (ii) dan huwa kif ser nifformula t-test f’termini astratti” (l-ordni bil-maqlub), ir-raġunament jibqa’ essenzjalment l-istess.

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet waqfet hemmhekk, wara li pprovdiet il-formulazzjoni astratta. Strettament, ir-risposta għad-domanda speċifika jekk il-BGC kinitx emanazzjoni tal-Istat skont dak it-test kienet kwistjoni għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fuq il-fatti (48). Madankollu, dik il-qorti kienet staqsiet f’termini, “il-BGC kienet […] korp ta’ tali tip li l-appellanti jkunu intitolati fi qrati u tribunali Ingliżi jinvokaw direttament [id-Direttiva 76/207] sabiex ikunu jistgħu jitolbu danni abbażi li l-politika tal-irtirar tal-BGC kienet kuntrarja għad-direttiva?” u l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċar ħasset li kellha materjal biżżejjed quddiemha sabiex tagħti gwida ċara dwar x’kellha tkun ir-risposta (49). Id-diversi elementi fattwali rreġistrati dwar il-BGC kienu biżżejjed sabiex jintwera li l-BGC fil-fatt kienet tissodisfa kull wieħed mill-kriterji elenkati (50). Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, għaddiet sabiex tgħid (punt 20) li “minn dak li ntqal iktar qabel isegwi” li korp li jgħaqqad flimkien id-diversi karatteristiċi identifikati fil-punt 18 (flimkien ma’ diversi tifsiriet addizzjonali) “f’kull każ ikun inkluż fost il-korpi li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollha effett dirett” (51).

49.      Nieqaf għal ftit sabiex nissuġġerixxi li t-tifsiriet addizzjonali introdotti mill-punt 20 joqogħdu aħjar mal-propożizzjoni li f’dak il-punt hemm l-applikazzjoni tal-formulazzjoni astratta għall-BGC milli mal-propożizzjoni li fih hemm it-test innifsu. L-ewwel nett, hemm ir-referenza għal “korp, indipendentement mill-forma ġuridika tiegħu” li testendi (forsi xi ftit b’mod każwali) it-test ta’ qabel, li kien ġej mill-ġurisprudenza li kienet tinvolvi essenzjalment awtoritajiet pubbliċi, għal korpi oħra li “l-forma ġuridika” tagħhom setgħet tkun parzjalment pubblika u parzjalment privata, jew tabilħaqq esklużivament privata, iktar milli esklużivament pubblika (52). It-tieni nett, hemm id-dikjarazzjoni li l-korp inkwistjoni huwa wieħed li “kien sar responsabbli, skont miżura adottata mill-Istat, sabiex jipprovdi serizz pubbliku” (imkien ma tissemma espressament “jipprovdi servizz pubbliku” fil-punt 18). It-tielet nett, “is-setgħat speċjali li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli għal relazzjoijiet bejn individwi” (diġà identifikati fil-punt 18) jitgawdew “għal dak il-fini” – jiġifieri, sabiex il-korp ikun jista’ jipprovdi servizz pubbliku. Ir-raba’ nett, filwaqt li tlieta mill-korpi msemmija fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 kellhom “setgħat speċjali”, ir-raba’ wieħed (l-awtorità tas-saħħa fil-kawża Marshall) ma kellux. Dan joħloq mistoqsija dwar jekk dan l-element għandux jiġi interpretat bħala parti meħtieġa tad-definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi emanazzjoni tal-Istatgħall-finijiet tal-effett dirett vertikali. Madankollu, il-BGC fil-fatt kellha tali setgħat speċjali (53). Dawn it-tifsiriet addizzjonali jispjegaw lill-qorti nazzjonali (fi kliem bilkemm ikkodifikat) li l-fatti li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċertat permezz tad-digriet tar-rinviju dwar il-BGC huma biżżejjed sabiex il-BGC tkun ikklassifikata bħala emanazzjoni tal-Istat.

50.      L-iktar sinjifikattiv, madankollu, huwa l-kliem “f’kull każ ikun inkluż”. Dan jikkonferma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qiegħda tipprova, fil-punt 20, tifformula xi tip ta’ test ġenerali jew li tkopri l-eventwalitajiet kollha għall-ġejjieni. Hija qiegħda tittratta speċifikament il-kawża li kellha quddiemha u qiegħda tgħid lill-qorti nazzjonali: “irrispettivament minn jekk korpi oħra jkunux (jew le) emanazzjonijiet tal-Istat, korp li juri dawn il-karatteristiċi kollha jkun emanazzjoni tal-Istat – li huwa dak li dwaru inti ridt tkun taf”.

51.      Din l-interpretazzjoni hija msaħħa minn dak li jingħad bejn il-punt 20 u d-dispożittiv tas-sentenza. Fil-punt 21 il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija kienet diġà ddeċidiet fis-sentenza Marshall (54) li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207 jissodisfa t-test ta’ effett dirett. Il-punti 20 u 21 imbagħad jingħaqqdu (fil-punt 22, imtenni bħala d-dispożittiv) sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta preċiża għad-domanda preliminari. Il-kliem “f’kull każ ikun inkluż” li dehru fil-punt 20 issa tħallew barra minħabba li ma humiex meħtieġa – u, tabilħaqq, ma humiex xierqa – f’dispożittiv.

52.      Nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Foster, ma kellhiex il-ħsieb tipprova telenka b’mod eżawrjenti u għal dejjem il-komponenti tat-test għal dik li hija emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali. Hija ħolqot formulazzjoni astratta minn ġurisprudenza eżistenti (punt 18), li hija mbagħad applikat b’livelli ta’ tifsiriet sabiex tidentifika korp li l-karatteristiċi tiegħu kienu jfissru li huwa kellu f’kull każ ikun inkluż fil-kategorija ta’ emanazzjonijiet tal-Istat (punt 20). U hemmhekk id-deċiżjoni tieqaf. La d-derivazzjoni tat-test attwali minn ġurisprudenza eżistenti minn qabel fil-punt 18, u lanqas l-applikazzjoni ta’ dan it-test fil-punt 20 ma huma intiżi li jkunu eżawrjenti; u kemm il-loġika, kif ukoll is-sens komun jaħdmu kontra li huma jiġu kkategorizzati bħala tali retrospettivament.

53.      Minn dan isegwi li r-risposta għall-ewwel domanda hija li t-test żviluppat fis-sentenza Foster dwar x’jikkostitwixxi emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi jinsab fil-punt 18, u mhux fil-punt 20, tas-sentenza Foster. It-test ifformulat f’dik is-sentenza la għandu jinqara konġuntivament u lanqas diżġuntivament. Dik is-sentenza għandha, pjuttost, lista mhux eżawrjenti tal-elementi li jistgħu jkunu rilevanti għal tali evalwazzjoni.

54.      Qabel ma ngħaddi għat-tieni domanda nixtieq nittratta fil-qosor u f’parenteżi karatteristika kurjuża tal-komponenti użati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex toħloq it-test: jiġifieri r-referenza għal “setgħat speċjali”. Fit-test oriġinali Franċiż li fih tħejja u kien iddeliberat l-abbozz tas-sentenza, il-frażi użata kienet ”pouvoirs exorbitants” – frażi li għandha tifsira preċiża fid-dritt amministrattiv Franċiż, li tagħha “special powers” (setgħat speċjali) ma hijiex traduzzjoni Ingliża partikolarment adegwata (55). Il-locus classicus tal-kunċett ta’ servizz pubbliku fid-dritt amministrattiv Franċiż huwa, kif nifhimha jiena, id-deċiżjoni tat-Tribunal des conflits tat-8 ta’ Frar 1873 fil-kawża Blanco (56), li rrikonoxxiet kemm il-possibbiltà tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni bħala riżultat ta’ atti “tas-servizz pubbliku”, kif ukoll il-kompetenza esklużiva tal-qrati amministrattiv (bħala distinti mill-qrati ċivili ordinarji) sabiex jisimgħu kawżi bħal dawn (57). Is-sentenza tal-Conseil d’État fil-kawża Bureau Veritas (58) tagħti gwida addizzjonali utli dwar il-kunċett tad-dritt Franċiż ta’ “l’exercise des prérogatives de puissance publique […] conférées pour l’exécution de la mission de service pubbliku dont [la société en question] est investie” (l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Istat […] mogħtija sabiex [il-kumpannija inkwistjoni] tkun tista’ timplementa l-mandat tas-servizz pubbliku vestit fiha). Fid-dawl ta’ dan, il-kliem tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Foster ma jfittixx li jiddefinixxi “s-setgħat speċjali” għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni ħlief sabiex jgħid li tali setgħat “imorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli għal relazzjoijiet bejn individwi”. Nerġa’ lura għal dan il-kunċett meta nindirizza, b’mod partikolari, it-tielet domanda preliminari (59).

 Fuq it-tieni domanda

55.      Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf – meta wieħed jassumi li l-elementi elenkati fis-sentenza Foster jikkostitwixxu sett ta’ fatturi li għandhom jitqiesu (kif issuġġerejt fir-risposta li pproponejt għall-ewwel domanda) u mhux test restrittiv u konġuntiv – jekk hemmx prinċipju fundamentali li jservi ta’ bażi għall-fatturi separati identifikat li qorti nazzjonali għandha tapplika għall-fatti quddiemha sabiex tiddetermina jekk konvenut partikolari jkunx jew le emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi.

56.      Jeħtieġ nibdew billi nsaqsu jekk il-ġurisprudenza li ġiet wara s-sentenza Foster tindikax b’mod deċiżiv jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dik is-sentenza lil hawn, effettivament għażlitx test diżġuntiv jew konġuntiv (sabiex it-tieni domanda ma tibqax rilevanti), jew jekk tatx importanza partikolari lil xi wieħed jew ieħor mill-komponenti li hija kienet identifikat fis-sentenza Foster.

57.      Sa fejn nista’ nifhem, ir-risposta qasira fir-rigward tat-tnejn hija “le”; iżda, għas-saħħa tal-bon ordni, issa ser ngħaddi sabiex neżamina l-ġurisprudenza fi ftit iktar dettall. Ser nittratta din il-ġurisprudenza fl-ordni kronoloġiku li fih kienu ngħataw id-diversi sentenzi.

58.      L-ewwel deċiżjoni rilevanti wara Foster kienet is-sentenza fil-kawża Kampelmann et (60). H. Kampelmann u tliet kollegi tiegħu, ir-rikorrenti fil-Kawżi C-253/96 sa C-256/96, kienu impjegati tal-Landschaftsverband (kunsill reġjonali), li kien responsabbli, inter alia, għall-bini u għaż-żamma ta’ awtostrada f’Westfalen-Lippe u għat-tmexxija ta’ għadd ta’ servizzi tal-awtostradi tal-Land (61). A. Schade (Kawża C-257/96) u K. Haseley (Kawża C-258/96) kienu impjegati ma’ Stadtwerke Witten (Dipartiment tax-Xogħlijiet Muniċipali, Witten) u ma’ Stadtwerke Altena (Dipartiment tax-Xogħlijiet Muniċipali, Altena), rispettivament, liema dipartimenti kienu impriżi pubbliċi li kienu jipprovdu s-servizzi ta’ provvista’ ta’ enerġija fl-ibliet ta’ Witten u ta’Altena rispettivament (62). Huma xtaqu jinvokaw direttament, kontra l-persuna li kienet timpjegahom rispettivament, l-Artikolu 2(2)(c)(ii) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533 (63) fil-kuntest ta’ tilwima dwar il-grad tagħhom. Wara li kkonkludiet li din id-dispożizzjoni kienet effettiva direttament (64), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet verżjoni amplifikata tal-lista disġuntiva tal-punt 18 tas-sentenza Foster (65) u tat ir-risposta tagħha għat-tieni domanda tal-qorti nazzjonali billi tenniet il-formula tal-punt 18 tas-sentenza Foster (66).

59.      Il-konvenuta fil-kawża Collino u Chiappero (67) kienet Telecom Italia, il-kumpannija li ħadet post sensiela ta’ impriżi li kellhom il-konċessjoni esklużiva għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet għall-użu mill-pubbliku mogħtija mill-Istat Taljan (68). Ir-rikorrenti kienu qegħdin jikkontestaw il-kundizzjonijiet tat-trasferiment tagħhom mill-konċessjonarju oriġinali għall-konċessjonarju suċċessiv (69). Il-qorti tar-rinviju qieset li, oġġettivament, kien sar trasferiment ta’ impriża iżda nnutat li l-liġi Taljana kienet introduċiet skema speċjali li kienet tidderoga mil-liġi ġenerali dwar trasferimenti ta’ impriżi li kellha l-effett li ttellef it-talba tar-rikorrenti. Il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-regoli ta’ deroga introdotti mil-liġi Taljana Nru 58/92 kinux kompatibbli mad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE (70).

60.      Telecom Italia pprovat tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rinviju u ssottomettiet li l-qorti tar-rinviju “fi kwalunkwe każ ma setgħetx tapplika dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 77/187] għall-kawża prinċipali, li fiha l-partijiet huma individwi privati” (71). Il-Qorti tal-Ġustizzja qablet li, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma setax ikollha effett dirett orizzontali; imma mbagħad fakkret kemm il-prinċipju ta’ “interprétation conforme”, kif ukoll li meta persuni jkunu jistgħu jinvokaw direttiva kontra l-Istat, huma jkunu jistgħu jagħmlu hekk indipendentement mill-kapaċità li fiha dan tal-aħħar ikun qiegħed jaġixxi, minħabba li kien meħtieġ li l-Istat ma jitħalliex jieħu vantaġġ min-nuqqas tiegħu stess li ma kienx konformi (dak iż-żmien) mad-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad iċċitat il-punt 20 tas-sentenza Foster, ħalliet għall-qorti nazzjonali sabiex taċċerta jekk ir-rikorrenti setgħux jinvokaw direttament id-Direttiva 77/187 u għaddiet sabiex tagħti risposta fil-mertu għad-domandi preliminari magħmula (72).

61.      Fil-kawża Rieser Internationale Transporte (73), il-kumpannija tat-trasport rikorrenti talbet il-ħlas lura ta’ pedaġġi li hija qieset li kienet ħallset żejjed għall-użu tal-awtostrada Brenner. Il-konvenuta (iktar ’il quddiem “Asfinag’) kienet il-kumpannija responsabbli għall-bini, għall-ippjanar, għat-tħaddim, għaż-żamma u għall-finanzjament ta’ awtostradi u toroq nazzjonali Awstrijaċi, inkluża l-awtostrada Brenner, b’liċenzja bejnha u l-azzjonist waħdieni tagħha, l-Istat Awstrijak. Il-kumpannija tat-trasport (u l-Kummissjoni) qiesu li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi inkwistjoni setgħu jiġu invokati kontra kumpannija bħal Asfinag minħabba r-rabtiet mill-qrib li kellha dik il-kumpannija mal-Istat fl-immaniġġar tal-awtostradi Awstrijaċi. Asfinag opponiet dik l-interpretazzjoni billi ssottomettiet li hija kienet inkorporata fil-forma ta’ kumpannija b’ishma konġunti rregolata mid-dritt privat, li l-bord tagħha ma kienx marbut b’istruzzjonijiet mogħtija minn korpi tal-Istat Awstrijak, li ma kinitx twettaq dmirijiet tal-Istat u li kienet tiġbor pedaġġi għall-benefiċċju tagħha biss (74).

62.      Wara li ċċitat il-prinċipji li huma l-bażi tal-effett dirett vertikali stabbiliti fis-sentenzi Becker (75), Marshall (76) u Foster (77), il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet verbatim it-test fil-punt 20 tas-sentenza Foster kif imtenni fis-sentenza Collino u Chiappero (78). Hija mbagħad bdiet analiżi bir-reqqa tal-materjal ippreżentat lilha fid-digriet tar-rinviju (79). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien ċar minn dawk il-fatti li Asfinag kienet entità li lilha, skont att adottat mill-awtoritajiet pubbliċi, kien fdat it-twettiq ta’ servizz ta’ interess pubbliku, taħt is-superviżjoni tal-istess awtoritajiet pubbliċi, u li għal dak l-għan hija kellha setgħat speċjali li kienu jmorru lil hinn minn dawk li kienu jirriżultaw min-normi applikabbli għal relazzjonijiet bejn individwi (80). Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ikkonkludiet li “korp bħal dak, irrispettivament mill-forma ġuridika tiegħu, huwa inkluż fost dawk li kontrihom id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett jistgħu jiġu invokati” (81).

63.      Jiena u naqra s-sentenza Rieser Internationale Transporte, rajt li l-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza għamlet eżatt dak li kienet għamlet qabel fis-sentenza Foster. Mill-materjal li kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ħasset li setgħet tikkonkludi li Asfinag kienet issodisfatt il-komponenti kollha elenkati fis-sentenza Foster. Asfinag kienet, għalhekk, “f’kull każ inkluża” fost il-korpi li kontrihom rikorrent seta’ jinvoka l-effett dirett vertikali tad-direttivi. Inżid li d-deċiżjoni fil-kawża Rieser Internationale Transporte tagħmilha ċara lil hinn minn kull dubju li kumpannija b’ishma konġunti rregolata mid-dritt privat li l-bord tagħha ma jkunx marbut b’istruzzjonijiet mill-Istat tista’, madankollu, tkun emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet ta’ effett dirett vertikali.

64.      Il-kawża Sozialhilfeverband Rohrbach (82) kienet dwar il-kwistjoni jekk il-kuntratti tal-impjieg tal-impjegati ta’ Sozialhilfeverband, organizzazzjoni ta’ assistenza soċjali rregolata mid-dritt pubbliku, kinux ittrasferiti lil żewġ kumpanniji ġodda b’responsabbiltà limitata rregolati mid-dritt privat li l-azzjonista waħdanija tagħhom kienet Sozialhilfeverband. Ir-rinviju kien deċiż b’digriet immotivat skont dak li llum huwa l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Poċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-iktar il-fatt li l-kumpanniji l-ġodda b’responsabbiltà limitata kienu taħt il-kontroll tal-azzjonista waħdanija li hija stess kienet emanazzjoni tal-Istat. Sa fejn nista’ ngħid jiena, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ma eżaminatx jekk Sozialhilfeverband kellhiex setgħat speċjali (83).

65.      Fil-kawża Vassallo (84) l-konvenut kien sptar u l-kwistjoni ta’ jekk kienx emanazzjoni tal-Istat qamet fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. L-isptar osserva li huwa la kien jitmexxa mill-Istat Taljan u lanqas minn ministeru. Huwa kien stabbiliment awtonomu bid-diretturi tiegħu stess li kienu meħtieġa, fil-qafas tat-tmexxija tagħhom, japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma ma setgħux jikkontestaw u li ma setgħux jidderogaw minnhom (85). Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet biss li kien evidenti mid-digriet tar-rinviju li l-qorti nazzjonali qisitu bħala fatt stabbilit li l-isptar kien jikkostitwixxi istituzzjoni fis-settur pubbliku konnessa mal-awtoritajiet pubbliċi.Dan kien biżżejjed għall-Qorti tal-Ġustizzja (billi użat l-istess formulazzjoni estiża tat-test għal emanazzjoni tal-Istat li hija kienet użat fis-sentenza Kampelmann et) sabiex tikkonkludi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-isptar kellha tiġi miċħuda (86). Mill-ġdid, ma nista’ nsib ebda eżami ta’ “setgħat speċjali” fl-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja. U lanqas ma huwa intrinsikament probabbli (ara s-sentenza Marshall) li sptar fis-settur pubbliku jkollu tali setgħat.

66.      Fis-sentenza Farrell I il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat it-test imsemmi fil-punt 20 tas-sentenza Foster (flimkien mas-sentenzi Collino u Chiappero fil-punt 23 u Rieser Internationale Transporte fil-punt 24), pjuttost milli l-punt 18 tas-sentenza Foster. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja minnufih espressament iddikjarat li ma kellhiex materjal biżżejjed quddiemha sabiex tistabbilixxi jekk il-MIBI kienx emanazzjoni tal-Istat u, għalhekk, ħalliet dik il-kwistjoni għall-qorti nazzjonali (87), li wassal maż-żmien għal dan ir-rinviju.

67.      Fil-kawża Dominguez (88), l-Awla Manja kienet qiegħda titttratta talba skont id-Direttiva dwar il-Hin tax-Xogħol (Direttiva 2003/88/KE (89)) imfassla mill-ġdid reċentement, imressqa minn impjegat kontra s-Centre informatique du Centre Ouest Atlantique (Ċentru għall-ipproċessar ta’ data għar-reġjun tal-parti ċentrali fil-Punent tal-Atlantiku) li, kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja kien “korp li jaġixxi fil-qasam tas-sigurtà soċjali” (90). Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iċċitat il-punt 20 tas-sentenza Foster u ħalliet għall-qorti nazzjonali sabiex tiddetermina jekk dispożizzjoni direttament effettiva tad-dritt tal-Unjoni [l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88] setgħetx tiġi invokata kontra dak il-konvenut (91). Mill-ġdid, ma saret ebda konstatazzjoni espressa dwar jekk il-konvenut kellux setgħat speċjali.

68.      Fil-kawża Carratù (92), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tittratta klawżoli ta’ żmien determinat f’kuntratti ta’ impjieg. Il-konvenuta kienet Poste Italiane (servizz postali Taljan). Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-argument ta’ emanazzjoni tal-Istat kien wieħed qasir (93). Hija fakkret il-fatt li Poste Italiane kienet korp li kien il-proprjetà, kollu kemm hu, tal-Istat Taljan permezz tal-azzjonist waħdieni tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi, u li kienet taħt is-superviżjoni tal-Istat u tal-Corte dei Conti (qorti tal-awdituri), li membru tagħha kien jagħmel parti mill-Bord tad-Diretturi ta’ Poste Italiane. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li Poste Italiane kienet issodisfat il-verżjoni kumulattiva tal-elementi identifikati fis-sentenza Foster bħala li kienet “fost l-entitajiet” li kontrihom seta’ jiġi invokat effett dirett vertikali bħala għajnuna (94).

69.      Nistqarr li ma tantx jiena ċert li nifhem kompletament id-deċiżjoni fil-kawża Portgás(il-Ħames Awla) (95), mogħtija fl-istess jum bħal fil-kawża Carratù(it-Tielet Awla).

70.      Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, Portgás kienet kumpannija limitata b’ishma skont il-liġi Portugiża li kellha konċessjoni esklużiva ta’ gass għal servizz pubbliku skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE (96). Hija kienet tirċievi kofinanzjament mill-Unjoni permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li hija kienet tuża, b’mod partikolari, sabiex tiffinanzja l-akkwist ta’ meters tal-gass. Wara verifika, uffiċjal mill-Istat Portugiż [il-manager tal-Programa Operacional Norte (Programm Operazzjonali tat-Tramuntana)] ordna l-irkupru ta’ dik l-assistenza finanzjarja abbażi tal-fatt li Portgás kienet naqset milli tosserva r-regoli rilevanti tal-Unjoni li hemm fid-Direttiva 93/38 li tirregola tali kuntratt pubbliku. Dawn ir-regoli ma kinux għadhom ġew trasposti fil-liġi Portugiża. Portgás kienet emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi u, jekk hu hekk, seta’ l-Istat Portugiż innifsu jinvoka d-direttiva mhux implementata kontra Portgás?

71.      Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Avukat Ġenerali Wahl għamel analiżi f’żewġ partijiet: (i) kontra min, u (ii) minn min jistgħu d-dispożizzjonijiet direttament effettivi ta’ direttiva jiġu invokati “vertikalment”? Huwa ħa l-punt 20 tas-sentenza Foster bħala l-punt tat-tluq tiegħu, billi qies li l-formula “stabbilita” f’dak il-punt kienet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża (97). Huwa kkonkluda li l-fatt li Portgás kellha konċessjoni għal servizz pubbliku u li kienet awtorità kontraenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/38 ma kienx neċessarjament ifisser li kellha titqies bħala emanazzjoni tal-Istat; u li, peress li l-qorti tar-rinviju “ma pprovdietx informazzjoni biżżejjed rigward Portgás sabiex ikun iddeterminat jekk l-imsemmija impriża kellhiex, fil-mument tal-fatti kkontestati, setgħat eżorbitanti u jekk kinitx suġġetta għall-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, skont ir-regola stabbilita fis-sentenza [Foster] u l-approċċ tradizzjonalment adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi simili”, kien għall-qorti tar-rinviju li teżamina jekk dawk il-kundizzjonijiet kollha kinux ġew sodisfatti (98). Madankollu, jekk Portgás kienet emanazzjoni tal-Istat, huwa ma ra ebda ostaklu li l-Istat jinvoka dispożizzjonijiet direttament effettivi tad-direttiva kontra Portgás (99).

72.      Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel kkonstatat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 93/38 kienu tabilħaqq inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed sabiex ikollhom effett dirett (100). Hija mbagħad iċċitat il-punt 20 tas-sentenza Foster kif rifless fis-sentenzi Collinou Chiappero (punt 23), Rieser Internationale Transporte (punt 24), Farrell I (punt 40), u Dominguez (punt 39) (101). Minn dik il-ġurisprudenza hija siltet il-propożizzjoni li “anki jekk individwu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ direttiva, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma jistgħux jiġu invokati bħala tali fil-konfront tiegħu quddiem qrati nazzjonali”. (Naqbel ma’ din il-konklużjoni; iżda nissuġġerixxi li hija tirriżulta mis-sentenza Faccini Dori (102) u mhux mill-ġurisprudenza ċċitata.)

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet mill-ewwel biex tgħid li “għalhekk […] is-sempliċi ċirkustanza li impriża privata konċessjonarja esklużiva ta’ servizz pubbliku tkun tifforma parti mill-entitajiet previsti espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 93/38 ma tirriżultax fil-konsegwenza li jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fil-konfront ta’ dik l-impriża” (103). Hawnhekk, jiena naqbel mal-konklużjoni iżda għal raġuni ftit differenti. Jidhirli li kulma jagħmel l-Artikolu 2 huwa li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 93/38. Ċertament għandu żewġ dimensjonijiet: l-Artikolu 2(1)(a) (awtoritajiet pubbliċi jew impriżi pubbliċi) u l-Artikolu 2(1)(b) (entitajiet kontraenti li ma jkunux awtoritajiet pubbliċi jew impriżi pubbliċi iżda li l-attivitajiet tagħhom ikunu waħda minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2) “u li joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru”). Ma naħsibx li dik id-definizzjoni ta’ kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae (bħala risposta għad-domanda, “min għandu jkun konformi ma’ din id-direttiva ladarba tkun implementata?”) tagħti risposta awtomatika għad-domanda differenti, “jekk din id-direttiva ma tkunx implementata, jistgħu d-dispożizzjonijiet direttament effettivi tagħha jiġu invokati kontra l-korpi kollha li jkunu ddefiniti bħala li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha?”.

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad qalet li “jeħtieġ li l-imsemmi servizz ta’ interess pubbliku jitwettaq taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika u li l-imsemmija impriża jkollha setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi”, u hija kellha l-awtorità għal din il-propożizzjoni mill-punti 25 sa 27 tas-sentenza Rieser Internationale Transporte. Diġà kkummentajt dwar din il-kawża (104). Dawk it-tliet punti tas-sentenza Rieser Internationale Transporte kienu l-applikazzjoni tal-punt 20 tas-sentenza Foster għall-fatti ddettaljati fil-kawża Rieser Internationale Transporte u wasslu għall-konklużjoni (fil-punt 28, li ma jissemmiex fis-sentenza Portgás) li “korp bħal dak, irrispettivament mill-forma ġuridika tiegħu, huwa inkluż fost dawk li kontrihom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett” (105). L-imsemmija punti ma jsostnux, bħala tali, il-propożizzjoni li l-elementi kollha elenkati fil-punt 20 tas-sentenza Foster għandhom ikunu hemm qabel ma korp ikollu jiġi kklassifikat kif imiss bħala emanazzjoni tal-Istat.

75.      Fil-punti 27 sa 30, il-Qorti għaddiet sabiex teżamina l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha dwar Portgás. Hija kkonkludiet li, minħabba li ma kellhiex il-materjal kollu meħtieġ sabiex tiddeċiedi konklużivament jekk Portgás kinitx emanazzjoni tal-Istat, il-qorti nazzjonali kellha tagħmel l-analiżi meħtieġa (punt 31, li għandu riformulazzjoni tal-punt 20 tas-sentenza Foster) (106). It-tieni parti tas-sentenza mbagħad indirizzat il-kwistjoni ta’ jekk l-Istat innifsu setax jinvoka direttiva mhux implementata kontra emanazzjoni tal-Istat – kwistjoni li għaliha, bħall-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta fl-affermattiv (107).

76.      Naħseb, bir-rispett, li l-Ħames Awla fis-sentenza Portgás tidher li pproċediet mingħajr ma fehmet kompletament it-test xieraq li kellu jkun applikat. Lanqas l-insistenza tagħha dwar il-ħtieġa li jkun hemm l-elementi kollha elenkati fil-punt 20 tas-sentenza Foster ma jidhirli li hija riflessa band’oħra fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wara s-sentenza Foster.

77.      Nikkonkludi minn din ir-reviżjoni tal-ġurisprudenza ta’ wara s-sentenza Foster li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċiditx neċessarjament li tagħżel test restrittiv u konġuntiv dwar dak li jikkostitwixxi emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi. Huwa minnu li t-tendenza tagħha kienet li tiċċita iktar sikwit il-punt 20 tas-sentenza Foster milli l-punt 18 ta’ dik is-sentenza. Iżda jidhirli li, f’termini ta’ riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma insistitx b’mod rigoruż li kellu jkun hemm il-komponenti kollha msemmija f’dik is-sentenza. Għall-kuntrarju, bħal fis-sentenza Foster, hija tat gwida konklużiva speċifika lill-qorti nazzjonali f’dawk l-okkażjonijiet fejn ħasset li kellha l-materjal quddiemha sabiex tagħmel hekk (b’mod partikolari fis-sentenza Rieser Internationale Transporte). Bnadi oħra ħalliet għall-qorti nazzjonali tiddetermina jekk it-test kienx ġie ssodisfatt (108).

78.      Anki jekk jiena żbaljata f’din l-evalwazzjoni, minħabba li l-kwistjoni dwar kif għandha tkun id-definizzjoni ta’ emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi issa tinsab quddiem l-Awla Manja, il-Qorti għandha l-opportunità f’dan ir-rinviju tipprovdi l-kjarifika meħtieġa.

 Ispirazzjoni minn oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni

79.      Nieqaf ftit hawnhekk sabiex nistħarreġ jekk tistax tinkiseb assistenza minn tliet oqsma tad-dritt tal-Unjoni – l-oqsma tal-għajnuna mill-Istat, tar-regoli dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem “SIEĠ”) u tal-kuntratti pubbliċi – oqsma li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha titħabat ma’ kwistjonijiet li kunċettwalment ma humiex imbiegħda wisq minn din il-problema dwar kif għandu jiġi rraffinat it-test stabbilit fis-sentenza Foster dwar x’inhi emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi. Dawk l-oqsma kollha għandhom il-kunċetti ta’ awtorità pubblika u ta’ provvista ta’ servizz bi ħlas; kollha jinvolvu lill-Istat li jidħol f’relazzjonijiet ma’ tipi differenti ta’ korpi jew impriżi. Mhux qiegħda nissuġġeri li xi wieħed mis-settijiet ta’ regoli li japplikaw f’dawk l-oqsma tad-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi traspost awtomatikament jew kollu kemm hu għal dan il-kuntest. Madankollu, dawn is-settijiet ta’ regoli jistgħu jixħtu dawl utli fuq il-kriterji li għandhom ikunu adottati sabiex tinqata’ l-linja bejn “l-Istat u l-emanazzjonijiet tiegħu” u “partijiet privati”.

–       Għajnuna mill-Istat (Artikolu 107 TFUE)

80.      Sikwit ikun meħtieġ jiġi eżaminat jekk miżura partikolari tkunx għajnuna mill-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 107 TFUE. F’dan il-kuntest, it-test jekk miżura partikolari li tiffavorixxi impriża tkunx ta’ “oriġini mill-Istat” jintuża sabiex jiġi ddeterminat jekk dik il-miżura għandhiex titqies li kienet “għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”. L-oriġini mill-Istat ta’ miżura tinvolvi, minn naħa, il-kunċett ta’ imputabbiltà tal-miżura lill-Istat, u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ użu ta’ riżorsi tal-Istat.

81.      Meta awtorità pubblika tagħti vantaġġ lil benefiċjarju, il-miżura tkun, mid-definizzjoni tagħha stess, imputabbli lill-Istat, anki jekk l-awtorità inkwistjoni jkollha awtonomija legali minn awtoritajiet pubbliċi oħra (109). Hija ġurisprudenza stabbilita li ma għandhiex issir distinzjoni bejn każijiet fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u dawk fejn tingħata minn korpi pubbliċi jew privati li l-Istat jistabbilixxi jew jaħtar sabiex jamministraw l-għajnuna (110). L-istess allura japplika jekk awtorità pubblika taħtar korp privat jew pubbliku sabiex jamministra miżura li tagħti vantaġġ. Id-dritt tal-Unjoni ma jistax jippermetti li jkun hemm evażjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat billi jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi bir-responsabbiltà li jallokaw għajnuna (111).

82.      Meta l-vantaġġ jingħata permezz ta’ impriża pubblika, ikun inqas evidenti li l-miżura għandha tkun imputabbli lill-Istat (112). F’każijiet bħal dawn ikun meħtieġ jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi jkunux jistgħu jitqiesu li kienu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni tal-miżura. Is-sempliċi fatt li miżura tittieħed minn impriża pubblika minnu nnifsu ma huwiex biżżejjed sabiex titqies li tkun imputabbli lill-Istat (113). Madankollu, ma jkunx meħtieġ jintwera li, f’każ partikolari, l-awtoritajiet pubbliċi jkunu speċifikament ħeġġew lill-impriża pubblika tieħu l-miżura inkwistjoni (114).

83.      Minħabba li r-relazzjonijiet bejn l-Istat u impriżi pubbliċi jkunu neċessarjament qrib xulxin, ikun hemm riskju reali li għajnuna mill-Istat tingħata permezz tal-intermedjazzjoni ta’ dawk l-impriżi b’mod mhux trasparenti u bi ksur tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat stabbiliti mit-Trattat (115). Barra minn dan, preċiżament minħabba r-relazzjonijiet privileġġjati li jeżistu bejn l-Istat u impriżi pubbliċi, bħala regola ġenerali jkun diffiċli ħafna għal parti terza turi f’każ partikolari li miżuri meħuda minn tali impriża kienu fil-fatt adottati fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi (116).

84.      Għal dawn ir-raġunijiet, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn impriża pubblika tista’ tkun dedotta minn sett ta’ indikaturi li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih il-miżura tkun ittieħdet (117).

85.      Sa fejn jikkonċerna l-użu ta’ riżorsi tal-Istat, ġeneralment vantaġġi biss li jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, il-ġurisprudenza turi li riżorsi ta’ korpi privati jistgħu wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, jitqiesu li jkunu riżorsi tal-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. L-oriġini tar-riżorsi ma tkunx rilevanti sakemm qabel ma jkunu ttrasferiti direttament jew indirettament lill-benefiċjarji, huma jinġiebu taħt il-kontroll pubbliku u, għalhekk, ikunu disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali (118). Ma jkunx meħtieġ li r-riżorsi jsiru l-proprjetà tal-awtorità pubblika (119).

86.      Ifisser dan li, meta impriża jew korp jirċievu finanzjament mill-baġit tal-Istat u dak il-finanzjament iseħħ taħt kundizzjonijiet li jikkwalifikawh bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 TFUE, dan ikun biżżejjed sabiex il-benefiċjarju jsir emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi? Ma naħsibx li huwa hekk. Għalhekk, jidhirli li bank privat jew minjiera tal-faħam li kienu l-benefiċjarji ta’ għajnuna bil-għan li jkunu ristrutturati ma jsirux emanazzjoni tal-Istat skont it-tifsira tal-ġurisprudenza Foster. Min-naħa l-oħra tal-munita, ma nistax nikkonċepixxi li s-sempliċi fatt li impriża jew korp jitħallsu minn fondi pubbliċi sabiex jipprovdu prodotti jew servizzi jibdilhom f’emanazzjoni tal-Istat. Għalhekk, impriża responsabbli sabiex tagħti provvisti ta’ affarijiet klerikali lil ministeru governattiv skont kuntratt mogħti wara proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma taqax fid-definizzjoni.

–       SIEĠ

87.      Impriża responsabbli sabiex tipprovdi SIEĠ skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) TFUE “għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża” (120). Sakemm ikunu jistgħu jinġiebu konformi ma’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li tali impriżi jirċievu fondi mill-Istat jew jingħataw drittijiet speċjali jew esklużivi ma jwassalx għall-konklużjoni li l-arranġament ikun għajnuna (ipprojbita) mill-Istat. L-erba’ kundizzjonijiet applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża partikolari tipprovdix SIEĠ kienu ddefiniti fis-sentenza magħrufa sewwa Altmark (121).

88.      L-ewwel kundizzjoni ta’ Altmark (l-unika waħda mill-erbgħa li hija rilevanti għal din id-diskussjoni) titlob li “l-impriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbliġi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar”. Ma’ dan il-Qorti Ġenerali wara żiedet żewġ rekwiżiti oħra: “il-preżenza ta’ att ta’ awtorità pubblika li tagħti funzjoni SIEĠ lill-operaturi in kwistjoni kif ukoll in-natura universali u obbligatorja ta’ din il-funzjoni” u li “l-Istat Membru għandu jindika raġunijiet li għalihom huwa jqis li s-servizz in kwistjoni jixraqlu, minħabba n-natura speċifika tiegħu, li jiġi kkwalifikat bħala SIEĠ u li jiġi distint minn attivitajiet ekonomiċi oħra” (122).

89.      Din il-ġurisprudenza, meħuda flimkien mal-prassi tal-Kummissjoni b’rabta ma’ impriżi li jgħidu li joperaw SIEĠ (123), turi li tali servizzi jinvolvu attivitajiet li jaqgħu fil-funzjoni pubblika tal-Istat li l-Istat ikun għal xi raġuni ddeċieda li jafdahom lil parti terza. Sabiex naraw l-affari minn aspett ftit differenti: l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membri (fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, skont l-allokazzjoni ta’ setgħat skont il-liġi nazzjonali) jikklassifikaw is-servizzi li jkollhom jingħataw bħala li jkunu ta’ interess ġenerali u, għalhekk, jagħmluhom suġġetti għal obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku. It-terminu SIEĠ ikopri kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll il-provvista ta’ servizzi mhux ekonomiċi (124).

90.      Il-karatteristika essenzjali ta’ impriża li tipprovdi SIEĠ hija l-provvista ta’ xi ħaġa li meta tingħata tkun taqdi l-interess pubbliku iżda li ma kinitx tingħata (jew tingħata biss taħt kundizzjonijiet differenti f’termini ta’ kwalità oġġettiva, sikurezza, prezz xieraq, ugwaljanza fit-trattament jew aċċess universali) mis-suq ħieles fl-assenza ta’ intervent pubbliku (l-hekk imsejjaħ “test ta’ falliment tas-suq”) (125). Eżempju ovvju huwa l-operat ta’ spiżerija f’post rurali mbiegħed. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk stabbilxxiet li SIEĠ huma servizzi li juru karatteristiċi speċjali meta jitqabblu ma’ dawk ta’ attivitajiet ekonomiċi oħra (126). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istat Membri għandhom diskrezzjoni kunsiderevoli meta jiġu sabiex jiddefinixxu dak li jqisu bħala SIEĠ u d-definizzjoni ta’ tali servizzi minn Stat Membru tista’ tkun ikkontestata mill-Kummissjoni biss jekk ikun hemm żball manifest (127). Huwa notevoli (imma mhux ta’ sorpriża) li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ SIEĠ ivarjaw kunsiderevolment minn Stat Membru għal ieħor, skont l-istorja u l-kultura ta’ intervent pubbliku f’kull Stat Membru. SIEĠ huma, għalhekk, diversi. Il-ħtiġiet u l-preferenzi ta’ dawk li jużawhom ivarjaw skont il-kuntest ġeografiku, soċjali u kulturali. Għalhekk, (kif jagħmel sens) huma l-awtoritajiet pubbliċi f’kull Stat Membru li għandhom jiddeterminaw in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak li huma jikkategorizzaw bħala servizz ta’ interess pubbliku.

91.      Sabiex jiġu pprovduti SIEĠ ikun meħtieġ li l-fornitur tagħhom jaċċetta ċerti limitazzjonijiet jew xogħlijiet speċifiċi li ma jkunux japplikaw kieku dan il-fornitur kellu jipprovdi servizzi simili fuq bażi kummerċjali. Lista mhux eżawrjenti ta’ dawn il-limitazzjonijiet tista’ tinkludi: il-provvista tas-servizzi fuq bażi universali lil dawk kollha li jitolbuhom (pjuttost milli wieħed ikun ħieles jagħżel il-klijenti tiegħu stess); li dawk is-servizzi jiġu pprovduti dejjem (pjuttost milli wieħed ikun ħieles jagħżel jekk jipprovdihomx, u meta u fejn jipprovdihom); u li dawk is-servizzi jiġu pprovduti indipendentement minn jekk ikunx isarraf kummerċjalment li dawk is-servizz jiġu pprovduti lil klijenti partikolari jew f’ċirkustanzi partikolari. Bi tpattija, l-impriża li tkun qiegħda tipprovdi SIEĠ normalment għandha tibbenefika billi tingħata xi tip ta’ drittijiet esklużivi u għandha tirċievi mill-Istat ħlas li jkun imur lil hinn mill-prezz li jitħallas taħt kundizzjonijiet normali tas-suq għas-servizz ipprovdut.

92.      Il-provvista ta’ SIEĠ tista’ f’xi każijiet tinkludi wkoll l-għoti ta’ setgħat speċjali skont it-tifsira tal-ġurisprudenza Foster (pereżempju, is-setgħa li jiġu applikati miżuri li jobbligaw individwi) imma mhux neċessarjament tagħmel hekk. Nerġa’ lura għal dan il-punt importanti iktar ’il quddiem (128).

–       Kuntratti pubbliċi

93.      Fil-liġi tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, il-kunċett ta’ “l-Istat” u l-emanazzjonijiet tiegħu jikkorrispondi għal kunċett ta’ “awtorità kontraenti”. Dan imbagħad jippreskrivi jekk kuntratt ikollux jingħata skont ir-regoli dwar kuntratti pubbliċi jew ikunx jista’ jingħata skont proċedura oħra (129).

94.      Il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE jiddefinixxi “awtorità kontraenti” bħala “l-awtoritajiet Statali, reġjonali u lokali, korpijiet irregolati mil-liġi pubblika, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika”. Skont il-punt 4 tal-Artikolu 2(1), “korpi regolati mil-liġi pubblika” tfisser “korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin: (a) huma stabbiliti għall-għan speċifiku li jaqdu l-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali; (b) għandhom personalità ġuridika; u (c) huma ffinanzjati, fil-biċċa l-kbira, mill-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika; jew huma soġġetti għas-supervizzjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika” (130).

95.      Dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi (131) ma humiex biss dwar l-istatus legali (personalità ġuridika) tal-korp u r-rabta organiku tiegħu mal-Istat (permezz ta’ finanzjament jew kontroll) iżda wkoll dwar il-funzjoni pubblika tal-awtorità kontraenti (qadi ta’ bżonnijiet fl-interess pubbliku, li ma jkunux ta’ natura industrijali jew kummerċjali).

96.      Mal-ewwel daqqa t’għajn jista’ jidher li din id-definizzjoni hija idjaq mit-test klassiku stabbilit fis-sentenza Foster. Fil-prattika, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretatha b’mod wiesa’, flessibbli u fil-kuntest taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ.

97.      Hekk, fis-sentenza University of Cambridge il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “filwaqt li l-metodu ta’ finanzjament ta’ korp partikolari jista’ juri jekk hemmx dipendenza stretta ta’ dan il-korp fir-rigward ta’ awtorità kontraenti oħra, dan it-test madankollu ma għandux portata assoluta. Mhux il-ħlasijiet kollha li jsiru minn awtorità kontraenti għandhom bħala effett li joħolqu jew li jsaħħu rabta speċifika ta’ subordinazzjoni jew ta’ dipendenza. Huma biss il-prestazzjonijiet li jiffinanzjaw jew isostnu, permezz ta’ għajuna finanzjarja mħallsa mingħajr korrispettiv speċifiku, l-attivitajiet tal-korp ikkonċernat li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala finanzjament pubbliku” (132). Isegwi li l-espressjoni “iffinanzjat […] minn [awtorita kontraenti waħda jew iktar]” li tinsab fit-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(b) tad-Direttivi 92/50, 93/36 u 93/37, interpretata sewwa, tinkludi għotjiet jew flejjes mogħtija minn awtorità kontraenti waħda jew iktar sabiex isostnu xogħol ta’ riċerka u għotjiet lil studenti mħallsa minn awtoritajiet edukattivi lokali lil universitajiet fir-rigward ta’ lezzjonijiet għal studenti partikolari. Ħlasijiet magħmula minn awtorità kontraenti waħda jew iktar fil-kuntest ta’ servizzi li jkunu jinkludu xogħol ta’ riċerka jew bħala korrispettiv għal servizzi oħra bħal konsulenza jew l-organizzazzjoni ta’ konferenzi, għall-kuntrarju, ma jikkostitwixxux finanzjament pubbliku skont it-tifsira ta’ dawk id-direttivi” (133).

98.      Fis-sentenza Mannesmann Anlagenbau il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li entità bħalma hija Österreichische Staatsdruckerei, li l-attivitajiet tagħha kienu jikkonsistu fi stampar permezz ta’ rotary heatset, li kienet stabbilita b’liġi u kienet tagħmel attivitajiet li kienu fl-interess pubbliku imma wkoll ta’ natura kummerċjali, kellha titqies bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku u, għalhekk, bħala awtorità kontraenti: konsegwentement, kuntratti għal xogħlijiet ta’ kwalunkwe ta’ xorta li kienet tidħol għalihom dik l-entità kellhom jitqiesu li kienu kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (134). Essenzjalment il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li malli korp iwettaq parti waħda mix-xogħlijiet tiegħu fl-interess pubbliku, dak il-korp jaqa’ fl-ambitu tad-direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għall-offerti kollha tiegħu.

99.      Fis-sentenza Adolf Truley il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li l-kunċett ta’ “bżonnijiet fl-interess pubbliku” kellu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi mal-Unjoni Ewropea kollha u kellu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest u tal-fini tad-direttiva (135). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tiżviluppa l-pożizzjoni tagħha fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, billi qalet li “sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm jew le bżonn fl-interess pubbliku li ma jkollux natura industrijali jew kummerċjali kellhom jitqiesu ċirkustanzi fattwali u legali rilevanti, bħal dawk li kien hemm meta kien ifformat il-korp ikkonċernat u l-kundizzjonijiet li fihom huwa jwettaq l-attività tiegħu, inklużi, inter alia, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq, il-fatt li l-għan ewlieni tiegħu ma jkunx li ma jagħmel profitti, il-fatt li ma jġorrx ir-riskji marbuta mal-attività, u kull finanzjament pubbliku tal-attività inkwistjoni” (136).

100. B’mod ġenerali, il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, kruċjali sabiex jiġi ddefinit jekk korp ikollux funzjoni pubblika, huma “l-ewwel nett, dawk li jiġu ssodisfatti xorta oħra milli billi jkun hemm prodotti jew servizzi fis-suq u, it-tieni nett, dawk li, għal raġunijiet marbuta mal-interess pubbliku, l-Istat innifsu jagħżel li jipprovdi jew li fuqhom huwa jkun jixtieq iżomm influwenza deċiżiva” (137).

101. Nieqaf għal ftit sabiex nikkunsidra u nsaqsi domandi: korpi jew impriżi li jkollhom funzjoni pubblika li tikkorrispondi għall-ewwel kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark, jew li jkunu fdati sabiex jipprovdu SIEĠ, kollha għandhom jitqiesu li jkunu emanazzjonijiet tal-Istat? Jekk ir-risposta għal waħda miż-żewġ propożizzjonijiet tkun “iva” (u, jista’ anki jitqies, irrispettivament minn jekk dak ikunx rekwiżit suffiċjenti, jew sempliċement neċessarju, sabiex jaqa’ fid-definizzjoni), allura kundizzjoni oħra għandha tkun li dik il-funzjoni pubblika tkun iddefinita b’mod ċar bħala tali mill-qafas leġiżlattiv jew regolatorju rilevanti? Tali rekwiżit addizzjonali jista’ jaqdi rwol utli sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, kemm għall-korp jew għall-impriża inkwistjoni, kif ukoll għall-individwu li jfittex li jinvoka l-prinċipju ta’ effett dirett vertikali tad-direttivi. Barra minn dan, ladarba korp ikun emanazzjoni tal-Istat fir-rigward ta’ wħud mill-attivitajiet li huwa jwettaq, għandu jitqies li jkun emanazzjoni tal-Istat għall-attivitajiet kollha tiegħu jew li dan imur lil hinn mill-funzjoni pubblika tiegħu?

102. F’dan l-istadju nagħti żewġ eżempji li jgħinuni nenfasizza l-kwistjonijiet prattiċi li jinqalgħu fl-applikazzjoni tat-test stabbilit fis-sentenza Foster kif jinsab bħalissa.

103. Fl-ewwel eżempju tiegħi, X hija kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ sigurtà. Hija għandha żewġ kuntratti. Wieħed huwa ma’ grupp kbir privat ta’ avukati li jixtiequ jiżguraw li jkun hemm arranġamenti xierqa ta’ sigurtà għall-uffiċċji tagħhom. Il-kuntratt l-ieħor huwa mal-gvern ċentrali, li “ta lil terzi” ċerti dmirijiet ta’ għassa f’ħabs ta’ sigurtà medja. Mil-lat oġġettiv, is-servizzi attwali mwettqa fiż-żewġ kuntesti huma kważi identiċi. L-ewwel kuntratt huwa kuntratt ordinarju rregolat mid-dritt privat bejn żewġ entitajiet privati. It-tieni kuntratt jitlob li X twettaq funzjoni pubblika mogħtija lilha mill-Istat. X qiegħda teżerċita, b’delega, l-awtorità tal-Istat stess u, tabilħaqq, għandha setgħat speċjali (l-iktar is-setgħa ta’ detenzjoni).

104. Fit-tieni eżempju tiegħi Y hija kumpannija li tipprovdi servizz ta’ trasport bil-lanċa. Hija topera fuq żewġ rotot. Rotta waħda hija rotta popolari b’potenzjal kbir ta’ klijenti, kemm ta’ merkanzija, kif ukoll ta’ passiġġieri. Żewġ kumpanniji oħra jikkompetu ma’ Y fuq dik ir-rotta iżda għad hemm opportunitajiet lukrattivi u Y tista’ tagħżel, skont id-domanda, kif b’mod intensiv tipprovdi servizzi bil-lanċa. Ir-rotta hija propożizzjoni kummerċjali tajba. Ir-rotta l-oħra hija bejn il-pajjiż u gżira żgħira ’l bogħod. Is-servizz bil-lanċa huwa l-uniku konnessjoni tal-gżira mal-bqija tad-dinja. Is-servizz kien jiġi operat taħt il-kontroll dirett tal-gvern lokali; iżda l-awtorità tal-gvern lokali issa qiegħdet il-kuntratt għal offerti sabiex tinħatar entità (waħda) li tipprovdi s-servizz. Din ir-rotta hija l-oppost ta’ propożizzjoni kummerċjali tajba. L-awtorità kontraenti stipulat li s-servizz bil-lanċa għandu jopera s-sena kollha, f’kull tip ta’ temp u irrispettivament mill-għadd ta’ passiġġieri jew kwantità ta’ merkanzija li tkun abbord bastiment partikolari għal vjaġġ partikolari. Y issottomettiet offerti u ngħatat il-kuntratt. Meta topera fuq l-ewwel rotta, Y tkun operatur kummerċjali ordinarju. Meta topera fuq it-tieni rotta, Y tkun qiegħda twettaq funzjoni pubblika. Is-servizzi bil-lanċa lejn il-gżira ċertament jaqgħu fil-kategorija ta’ SIEĠ. Abbażi tat-termini mixtieqa mill-awtorità lokali, il-kuntratt fil-verità ma huwiex attraenti ħafna minn perspettiva purament kummerċjali. Għalkemm Y setgħet fittxet xi tip ta’ trattament preferenzjali jew esklużività jew setgħat speċjali, tali elementi ma humiex essenzjali għat-twettiq ta’ SIEĠ u jista’ jkun li ma ngħatawx.

105. Jidher minn dawn iż-żewġ eżempji li, skont iċ-ċirkustanzi preċiżi, l-istess korp jista’ jkun emanazzjoni tal-Istat fir-rigward ta’ xi wħud mill-attivitajiet tiegħu u ma jkunx emanazzjoni tal-Istat fir-rigward ta’ attivitajiet oħra. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li din id-distinzjoni ma ssirx abbażi tal-kapaċità li biha l-korp ikun qiegħed jaġixxi. Huwa ċar mis-sentenzi Marshall u Foster li dan huwa irrilevanti; u, tabilħaqq, X u Y it-tnejn qegħdin jaġixxu fl-istess kapaċità fiż-żewġ sitwazzjonijiet deskritti f’kull wieħed miż-żewġ eżempji tiegħi. Id-differenza bażika f’kull eżempju hija, għall-kuntrarju, li f’sitwazzjoni waħda l-kumpannija tkun qiegħda taġixxi purament kummerċjalment, filwaqt li fis-sitwazzjoni l-oħra l-istess kumpannija jkollha funzjoni pubblika. Jidher ukoll minn dawn iż-żewġ eżempji li filwaqt li X għandha “setgħat speċjali” meta twettaq il-funzjoni pubblika tagħha, Y ma għandhiex tali setgħat.

106. F’dan il-kuntest, immur lura issa għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

107. L-ewwel nett, jidhirli li l-prinċipju ewlieni bażiku jirriżulta manifestament minn ġurisprudenza stabbilita. Dan il-prinċipju huwa li individwu jista’ jinvoka dispożizzjonijiet preċiżi u inkundizzjonati ta’ direttiva kontra l-Istat, irrispettivament mill-kapaċità li fiha l-Istat ikun qiegħed jaġixxi, minħabba li “jeħtieġ li l-Istat ma jitħalliex jieħu vantaġġ min-nuqqas tiegħu stess li jkun konformi mad-dritt [tal-Unjoni]” (138).

108. It-tieni nett, ninnota (forsi b’mod ovvju) li l-għoti ta’ drittijiet lil individwi ħafna drabi kellu prezz mehmuż miegħu. Hekk, sabiex insemmi eżempju wieħed, l-għoti ta’ drittijiet ta’ impjieg protett jobbliga lill-persuna li timpjega iżżomm magħha l-ħaddiem ikkonċernat jew tħallas kumpens għall-ksur tal-kuntratt ta’ impjieg.

109. It-tielet nett, il-kunċett ta’ x’jikkostitwixxi emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet ta’ effett dirett vertikali għandu jkun kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-kunċett jirregola direttament min jista’, u min ma jistax, jinvoka drittijiet direttament effettivi mogħtija minn direttiva li ma tkunx ġiet implementata sewwa f’waqtha minn Stat Membru. Ir-rekwiżit fundamentali li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat b’mod uniformi mal-Unjoni Ewropea kollha (139) jipprekludi l-adozzjoni ta’ kwalunkwe definizzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jitħalla jvarja skont id-definizzjonijiet differenti stabbiliti f’sistemi legali nazzjonali differenti dwar x’jikkostitwixxi “servizz pubbliku” jew “setgħat speċjali”, jew dwar x’jiġi kklassifikat bħala “l-Istat” skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali.

110. Ir-raba’ nett, preċiżament minħabba li hemm din id-diversità ta’ terminoloġija u definizzjonijiet nazzjonali, id-definizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ x’jikkostitwixxi emanazzjoni tal-Istat għandha neċessarjament tkun espressa f’termini astratti.

111. Il-ħames nett, inbidlu ħafna affarijiet minn meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża Foster fl-1990. Ħafna Stati Membri żiedu bil-bosta l-għadd ta’ funzjonijiet li ma jwettqux iktar huma stess. In-natura tal-entitajiet li lilhom huma jafdaw dawk il-funzjonijiet saret ukoll iktar diversa. Filwaqt li l-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ assi tal-Istat u, magħhom, dmirijiet li qabel kienu vestiti fl-Istat (bħal fil-kawża Marshall) bl-ebda mod ma ntemm, illum huwa wkoll ugwalment possibbli li dawk id-dmirijiet jiġu ttrasferiti lil “sħubija pubblika-privata”, permezz ta’ kuntratt jew konċessjoni.

112. Ejja nibdew billi niċċaraw dak li ma huwiex ta’ importanza għall-finijiet ta’ dik id-definizzjoni.

113. Nibda billi ngħid li huwa ċar mis-sentenza Foster stess u minn ġurisprudenza sussegwenti (l-iktar is-sentenzi Rieser Internationale Transporte u Sozialhilfeverband Rohrbach) li l-forma ġuridika tal-konvenut hija irrilevanti (140).

114. Wara dan, huwa wkoll ċar li “l-Istat” ma huwiex meħtieġ li jkun f’pożizzjoni fejn jeżerċita kontroll jew direzzjoni minn jum għal ieħor fuq l-operazzjonijiet ta’ dak il-korp (141). Dwar dan, ir-riferiment fit-test ta’ qabel għal korp li jkun “taħt il-kontroll tal-Istat” jidhirli li issa ġie ssostitwit.

115. Huwa wkoll ċar li jekk l-Istat ikun fil-fatt is-sid ta’ jew ikollu kontroll fuq il-korp inkwistjoni, dak il-korp jitqies bħala emanazzjoni tal-Istat (142). Jidhirli li dan huwa għalkollox leġittimu: l-Istat b’hekk ikun jeħtieġlu jagħmel tajjeb talli josserva d-drittijiet mogħtija mid-direttiva li huwa kellu jittrasponi f’liġi nazzjonali.

116. Bl-istess mod, kull parti “mill-makkinarju tal-Istat” – awtoritajiet muniċipali, reġjonali jew lokali u oħrajn bħalhom – tkun kważi minnha nfisha biċ-ċar emanazzjoni tal-Istat. Mill-aspett organiku, huma jistgħu, tabilħaqq, jitqiesu bħala parti mill-Istat – huma, għalhekk, għandhom jiġu ttrattati hekk mingħajr ebda stħarriġ ieħor (143).

117. Inqis li r-riferiment fit-test ta’ qabel għal “taħt l-awtorità tal-Istat” lanqas ma jeħtieġ iktar kjarifika f’dan l-istadju. Jidhirli li huwa ċar mill-ġurisprudenza ta’ wara s-sentenza Foster li din il-frażi għandha titqies bħala li tfisser li l-Istat ħoloq iċ-ċirkustanzi u l-arranġamenti li fihom u bihom dak il-korp għandu jaġixxi.

118. Fl-aħħar nett, il-kwistjoni ta’ finanzjament ma hija ta’ ebda rilevanza. Ma huwiex meħtieġ li korp ikun iffinanzjat mill-Istat sabiex ikun emanazzjoni tiegħu (144).

119. L-elementi bażiċi li jifdal tal-ġabra li flimkien jifformaw t-test dwar jekk korp partikolari huwiex jew le emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi jqisu din il-kwistjoni minn perspettiva funzjonali (“il-korp inkwistjoni jeżerċita funzjonijiet li b’xi mod huma ‘bħal tal-Istat’?”) (145). Dawn l-elementi jidhirli li huma – għall-inqas sa fejn għandhom x’jaqsmu t-testijiet imsemmija fis-sentenza Foster u f’ġurisprudenza li ġiet wara – (i) jekk l-Istat ikunx ta lill-korp inkwistjoni x-xogħol li jwettaq funzjoni pubblika li l-Istat innifsu jkun jista’ altrimenti jiddeċiedi li jwettaq direttament; u (ii) jekk l-Istat ikunx ta lil dak il-korp xi forma ta’ setgħat addizzjonali sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu b’mod effettiv (dan huwa biss mod differenti kif wieħed jgħid “setgħat speċjali li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli għal relazzjonijiet bejn individwi”). Tal-ewwel jinkludi ħafna forom differenti ta’ funzjoni pubblika, mit-tmexxija ta’ sptarijiet u stabbilimenti edukattivi saż-żamma ta’ ħabsijiet u sal-iżgurar ta’ servizzi essenzjali f’partijiet imbiegħda tat-territorju nazzjonali. Tat-tieni sikwit huwa l-konsegwenza naturali meta funzjoni pubblika tingħata lil tali korp.

120. Jiena, għalhekk, nissuġġerixxi li, bħala risposta għat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li, sabiex jiġi ddeterminat jekk konvenut partikolari jkunx emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi, il-qorti nazzjonali għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

(1)      Il-forma ġuridika tal-korp inkwistjoni hija irrilevanti;

(2)      Ma huwiex meħtieġ li l-Istat ikun f’qagħda li jeżerċità kontroll u direzzjoni minn jum għal ieħor fuq l-operazzjonijiet tal-korp;

(3)      Jekk l-Istat ikun is-sid ta’ jew ikollu kontroll fuq il-korp inkwistjoni, dak il-korp għandu jitqies li jkun emanazzjoni tal-Istat, mingħajr ma jkun meħtieġ jitqies jekk humiex issodisfatti kriterji oħra;

(4)      Kull awtorità muniċipali, reġjonali jew lokali jew korp ekwivalenti għandhom awtomatikament jitqiesu bħala emanazzjoni tal-Istat;

(5)      Ma huwiex meħtieġ li l-korp inkwistjoni jkun iffinanzjat mill-Istat;

(6)      Jekk l-Istat ikun ta lill-korp inkwistjoni kemm il-kompitu li jwettaq servizz pubbliku li l-Istat innifsu jkun altrimenti jeħtieġlu jwettaq direttament, kif ukoll ikun ipprovda lil dak il-korp b’xi forma ta’ setgħat addizzjonali sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu b’mod effettiv, il-korp inkwistjoni għandu f’kull każ jitqies bħala emanazzjoni tal-Istat.

Meta tagħmel l-analiżi tagħha l-qorti nazzjonali għandha tqis il-prinċipju fundamentali ewlieni li individwu jista’ jinvoka dispożizzjonijiet preċiżi u inkundizzjonati ta’ direttiva kontra l-Istat, irrispettivament mill-kapaċità li fiha l-Istat ikun qiegħed jaġixxi, għaliex huwa meħtieġ li l-Istat ma jitħalliex jieħu vantaġġ min-nuqqas tiegħu stess li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

121. Fir-risposta tiegħi għat-tielet domanda hawn taħt ser nindirizza l-kwistjoni jekk, meta l-kompitu li jitwettaq servizz pubbliku jkun ingħata lil korp kif deskritt fil-qosor fil-punt 120(6) iktar ’il fuq, ikunx meħtieġ li miegħu jingħataw “setgħat speċjali” mill-Istat.

 Fuq it-tielet domanda

122. Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li Stat Membru jkun ittraferixxa firxa wiesgħa ta’ responsabbiltà lil korp (bħall-MIBI) għall-fini evidenti li jitħarsu l-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni jkunx biżżejjed sabiex dak il-korp jiġi kkategorizzat bħala emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali. Alternattivament, ikun meħtieġ li tali korp (i) kien imissu ngħata setgħat speċjali jew (ii) jopera taħt il-kontroll jew is-superviżjoni diretta tal-Istat Membru qabel ma individwu jkun jista’ jinvoka dispożizzjoni direttament effettiva ta’ direttiva kontra dak il-korp?

123. Preliminarjament nosserva li d-direttivi huma ta’ diversi sura u għamla. Xi wħud, bħad-diversi direttivi dwar l-impjiegi, joħolqu drittijiet u jimponu responsabbiltajiet ġenerali għall-impjegati u għall-persuni li jimpjegaw, suġġetti biss għal eċċezzjonijiet limitati speċifiċi (146). Oħrajn jispeċifikaw il-parametri li fihom ċerti drittijiet li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu eżerċitati (147) jew kif ċerti setturi tal-ekonomija għandhom ikunu rregolati (148). Barra minn hekk, oħrajn jitolbu li l-Istat Membru jqabbad lil korp speċifiku jwettaq ċerti kompiti li jkollhom isiru bħala riżultat ta’ obbligi maħluqa u drittijiet mogħtija mid-direttiva.

124. Dan huwa l-każ hawnhekk. Huwa ċar li l-obbligu li jiġi żgurat li sewwieqa jkunu assigurati fir-rigward tar-riskju li wassal għall-aċċident ta’ E. Farrell jinsab direttament fil-liġi tal-Unjoni, jiġifieri fl-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi kien qabel jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu xi mekkaniżmu għal meta sewwieq li ma kienx ikun assigurat fir-rigward ta’ riskju li għalih huwa kien jeħtieġlu bilfors ikollu assigurazzjoni seta’ jikkawża aċċident. Iż-żewġ obbligi, meħuda flimkien, kienu jitolbu li l-Irlanda tiżgura li r-responsabbiltà ta’ sewwieq għal passiġġier fil-pożizzjoni ta’ E. Farrell jwieġeb għaliha jew l-assiguratur ta’ dak is-sewwieq stess jew (jekk is-sewwieq ma kienx ikun identifikat jew mhux assigurat) mill-korp imqabbad mill-Irlanda sabiex jagħmel tajjeb għal tali talbiet.

125. Bħala Stat Membru, l-Irlanda setgħet tagħżel bejn diversi modi possibbli sabiex dan l-aħħar obbligu jitwettaq. Għalhekk hija setgħet tagħmel organu tal-gvern stess (bħall-Ministeru tat-Trasport) responsabbli sabiex jagħmel tajjeb għal talbiet li kienu jinvolvu vittmi ta’ sewwieqa mhux assigurati. Hija setgħet tistabbilixxi korp tad-dritt pubbliku, separat u ġdid u tagħtih dik ir-responsabbiltà. Jew hija setgħet tagħmel kif fil-fatt eventwalment għamlet: tqabbad korp tad-dritt privat eżistenti b’responsabbiltajiet relatati rilevanti u tagħti r-responsabbiltajiet ġodda addizzjonali li joħorġu mill-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur lil dak il-korp tad-dritt privat.

126. It-tieni nett, dan huwa – kif il-Kummissjoni korrettement tinnota – każ mhux tas-soltu, billi r-raison d’être tal-MIBI tinkludi, preċiżament, it-trattament ta’ talbiet imressqa minn vittmi ta’ sewwieqa mhux assigurati. Huwa f’dan il-kuntest speċifiku li tinqala’ l-kwistjoni dwar jekk il-MIBI jkunx responsabbli wkoll jagħmel tajjeb għal din it-talba partikolari, minkejja li l-Irlanda kienet naqset fiż-żmien rilevanti milli tittrasponi l-obbligi kollha tagħha tad-dritt tal-Unjoni b’mod korrett fid-dritt nazzjonali u ma kinitx (għadha) indikat li l-MIBI kellu jagħmel tajjeb għal dik ir-responsabbiltà partikolari. F’dan ir-rigward, din il-kawża hija differenti minn sitwazzjonijiet bħal dik li tat lok għas-sentenza Marshall (149), fejn il-konvenut kellu, għal raġunijiet oħra, f’kuntest kompletament differenti, jitqies bħala emanazzjoni tal-Istat u kien, għalhekk, responsabbli sabiex jagħti effett lid-drittijiet direttament effettivi tal-liġi dwar l-impjiegi li M. H. Marshall seta’ kellha taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207. F’din il-kawża, id-dritt direttament effettiv li E. Farrell tfittex li tasserixxi (kumpens għall-korriment li batiet bħala passiġġiera li kienet qiegħda tivvjaġġa f’vettura bil-mutur) taħt l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur huwa preċiżament it-tip ta’ dritt li għalih l-Irlanda kienet għaddiet responsabbiltà residwali, fejn is-sewwieq ma kienx ikun identifikat jew mhux assigurat, lill-MIBI.

127. B’dan premess, it-tielet domanda hija waħda li għandha relevanza ġenerali għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-Unjoni Ewropea kollha. Għalhekk inħeġġeġ li l-Awla Manja ma tagħtix risposta għaliha b’mod strett (pereżempju, b’riferiment għall-fatt li l-assiguraturi kollha ta’ vetturi bil-mutur fl-Irlanda huma meħtieġa jkunu membri tal-MIBI, li jista’ jitqies bħala varjant tat-tema ta’ setgħat speċjali (150)), iżda minflok tindirizza l-kwistjoni (l-kbira) ta’ prinċipju mqanqla mill-qorti tar-rinviju.

128. Kif indikajt fir-risposta tiegħi għat-tieni domanda, l-għoti ta’ setgħat speċjali jew il-preżenza ta’ kontroll jew superviżjoni diretta min-naħa tal-Istat Membru għandhom ikunu biżżejjed sabiex jagħmlu l-korp inkwistjoni emanazzjoni tal-Istat. Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-wieħed jew l-ieħor miż-żewġ elementi huwiex parti neċessarja tal-ekwazzjoni bażika. Alternattivament, huwa biżżejjed li l-obbligu li jitwettqu dmirijiet li altrimenti kien ikollhom jitwettqu mill-Istat Membru nnifsu jingħata lill-korp ikkonċernat?

129. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “setgħat speċjali” isir partikolarment rilevanti. Sabiex tinftiehem il-funzjoni li dan il-kunċett jaqdi, tajjeb immorru lura għas-sentenza Foster.

130. Kif innotajt fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża ma kinitx li tistabbilixxi test eżawrjenti u permanenti. Hija għall-kuntrarju ħolqot formulazzjoni minn ġurisprudenza eżistenti.

131. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 18 tas-sentenza Foster, li hija kienet iddeċidiet f’sensiela ta’ kawżi li seta’ jkun hemm lok għal effett dirett vertikali meta organizzazzjonijiet jew korpi “jkunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew ikollhom setgħat speċjali” (151). Hija elenkat erba’ kawżi fil-punt 19. Tlieta minn dawk il-kawżi kienu jinvolvu korpi (l-awtoritajiet tat-taxxa, l-awtoritajiet lokali jew reġjonali u l-isptar pubbliku) li kienu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat; huma kienu jissodisfaw it-test abbażi ta’ dawk ir-raġunijiet. Filwaqt li l-ewwel tnejn setgħu wkoll jissodisfaw it-test abbażi tas-setgħat li huma nfushom evidentement kellhom, ma jistax jingħad l-istess għall-isptar pubbliku. Ir-raba’ kawża (Johnston) kienet dwar awtorità kostituzzjonalment indipendenti responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika. Fil-fatt hija kienet ingħatat setgħat speċjali għal dan il-fini.

132. Jidhirli li, meta għamlet riferiment għal Johnston, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tagħżel kawża li kienet tissodisfa t-test li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha kif stabbilixxiet, mhux (bħat-tliet eżempji l-oħra) abbażi tal-fatt li l-korp inkwistjoni kien “suġġett għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat”, imma abbażi tal-fatt li kellu “setgħat speċjali”. Meta għamlet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tenfasizza dak li kien element essenzjali ta’ dik il-kawża partikolari.

133. F’dak il-kuntest, interessanti wieħed jinnota li s-sentenza fil-kawża Johnston attwalment ma tużax l-espressjoni “setgħat speċjali”. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza għamlet riferiment għal “awtorità pubblika, inkarigata mill-Istat għaż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika” (152). Hija żiedet tgħid li tali korp “ma jistax jieħu vantaġġ min-nuqqas tal-Istat, li tiegħu jkun emanazzjoni, li jkun konformi mad-dritt [tal-Unjoni]”.

134. F’dan l-istadju għandhom jiġu nnotati għadd ta’ punti oħra.

135. L-ewwel nett, ma hemmx definizzjoni fis-sentenza Foster (jew tabilħaqq fil-ġurisprudenza li ġiet wara) ta’ xi tfisser attwalment “setgħat speċjali”. Sempliċement nisimgħu li tali setgħat “jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli għal relazzjoijiet bejn individwi”. Minħabba li t-test fis-sentenza Foster għandu jiġi applikat b’mod uniformi mal-Unjoni Ewropea kollha, it-terminu – jekk għandu jinżamm bħala parti mit-test – għandu jkollu tifsira awtonoma fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, għoxrin sena wara s-sentenza Foster, terminu li ttieħed minn sistema legali nazzjonali waħda (153) għadu ma kisibx tifsira ċara u awtonoma fid-dritt tal-Unjoni.

136. It-tieni nett, l-analiżi tiegħi tal-ġurisprudenza ta’ wara s-sentenza Foster (154) ma wrietx proċess konsistenti sabiex jiġu eżaminati u identifikati s-setgħat speċjali li jkun hemm f’kull każ partikolari. Korpi responsabbli għall-bini ta’ awtostradi jew li jipprovdu servizzi ta’ provvista ta’ enerġija (155), il-konċessjonarju esklużiv għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet għall-użu mill-pubbliku (156), il-kumpannija privata li topera s-sistema nazzjonali ta’ awtostradi (157), organizzazzjonijiet ta’ assistenza soċjali (158), sptar tas-settur pubbliku (159), uffiċċju reġjonali għal affarijiet ta’ sigurtà soċjali (160) u s-servizz postali ta’ Stat Membru (161) kollha kellhom funzjonijiet pubbliċi. Huwa wisq inqas ċar mill-materjal fattwali disponibbli kif irreġistrat fis-sentenzi li huma neċessarjament kellhom ukoll setgħat speċjali. Fis-sentenza Portgás (162) il-Qorti tal-Ġustizzja espressament qalet li jekk korp kien jibbenefika minn drittijiet speċjali u esklużivi skont kuntratt ta’ konċessjoni, dan ma kienx jimplika li l-korp ikkonċernat neċessarjament kellu setgħat speċjali, u bagħtet lura dik il-kwistjoni lill-qorti nazzjonali għal iktar stħarriġ (163).

137. It-tielet nett, filwaqt li sikwit tkun meħtieġa xi forma ta’ setgħat addizzjonali sabiex titwettaq funzjoni pubblika, ma huwiex ċar li dawn ikunu dejjem meħtieġa. Il-preżenza ta’ tali setgħat forsi tidher l-iktar ċar fil-kuntest ta’ SIEĠ. F’ħafna setturi tal-ekonomija (bħal, pereżempju, it-telekomunikazzjonijiet, l-ilma, il-gass u l-elettriku) l-Istat jista’ daż-żmien jagħti drittijiet esklużivi speċjali (164).

138. Nikkonkludi li r-rekwiżit li l-korp inkwistjoni jkollu wkoll “setgħat speċjali” sabiex ikun emanazzjoni tal-Istat ma huwiex meħtieġ u, għalhekk, ma huwiex iġġustifikat.

139. Madankollu, huwa importanti li jkun ċar li mhux kull persuna jew korp li jwettqu attivitajiet fl-interess pubbliku huma emanazzjoni tal-Istat. Dwar dan nosserva dan li ġej.

140. L-ewwel nett, għandu jkun hemm “korp”, jiġifieri persuna ġuridika. Persuna fiżika ma tistax tkun emanazzjoni tal-Istat.

141. It-tieni nett, meta korp iwettaq varjetà ta’ funzjonijiet, li xi wħud minnhom ikunu jirrappreżentaw missjoni mogħtija lilu mill-Istat u oħrajn li ma jkunux, ikun biss fir-rigward tal-ewwel kategorija ta’ attivitajiet li huwa jista’ jkun emanazzjoni tal-Istat. Hawnhekk, l-approċċ li qiegħda nipproponi, għalhekk, huwa differenti minn dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi dwar kuntratti pubbliċi (165). Filwaqt li korp li jkun “awtorità kontraenti” għall-fini tar-regoli dwar kuntratti pubbliċi jkollu, bħala konsegwenza, dejjem jagħmel monitoraġġ u jkun konformi ma’ dak il-qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni (166), korp li jkun emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi potenzjalment ikollu qasam wisq ikbar u wisq inqas iddefinit b’mod ċar tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jkun invokat kontrih minn individwu privat. Għalhekk ma jkunx jidher li jkun xieraq li wieħed jadotta l-mod ta’ “darba maqbud, dejjem maqbud”.

142. It-tielet nett, il-missjoni hekk mogħtija għandha tkun l-attività prinċipali tal-korp inkwistjoni jew, jekk tkun rilevanti, il-parti tal-korp inkwistjoni.

143. Ir-raba’ nett, il-korp inkwistjoni għandu jkun qiegħed iwettaq attività li ssir fl-interess pubbliku. Għandha tkun tirrappreżenta missjoni li tkun ingħatatlu mill-Istat Membru inkwistjoni u li, jekk ma kinitx titwettaq minn dak il-korp, kienet titwettaq minflok mill-Istat innifsu.

144. Dwar dan, il-kunċett “missjoni” tkopri attivitajiet li jsiru għal xi ħaġa barra minn għan purament kummerċjali. Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm xi element ta’ servizz pubbliku. Għalhekk, il-provvista ta’ servizz postali nazzjonali, b’obbligu li titqassam posta f’kull indirizz nazzjonali, taqa’ f’dik il-kategorija. Servizz ta’ tqassim lokali li jsir disponibbli bil-għan li purament isir profitt ma jaqax f’dik il-kategorija.

145. Għandi nżid li dak li jista’ jikkostitwixxi missjoni mwettqa fl-interess pubbliku tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor (167). Għalhekk, pereżempju, Stat Membru jista’ jqis li jkun dmiru jiżgura li ċ-ċittadini tiegħu kollha jkollhom konnessjoni ma’ netwerk ta’ broadband bil-fibre-optic, filwaqt li ieħor jista’ jiddeċiedi li din hija kompletament ħaġa li għandha tiġi rregolata mill-forzi tas-suq. Fl-ewwel każ, korp li jingħata din il-missjoni jkun emanazzjoni tal-Istat. Fit-tieni każ, l-impriża fis-settur privat li tagħmel l-istess provvista ma tkunx.

146. Jidhirli li, fl-interess ta’ ċertezza legali, kemm għall-korp ikkonċernat, kif ukoll għal individwi li jkunu jixtiequ jiftħu proċeduri kontrih, il-funzjoni pubblika għandha tkun iddefinita b’mod ċar bħala tali mill-qafas leġiżlattiv jew regolatorju rilevanti.

147. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tielet domanda fis-sens li l-kriterji stabbiliti fir-risposta għat-tieni domanda japplikaw ukoll meta Stat Membru jkun ittrasferixxa firxa wiesgħa ta’ responsabbiltà lil korp għall-fini evidenti li jiġu ssodisfatti obbligi tad-dritt tal-Unjoni. Ma jkunx meħtieġ li dak il-korp ikollu setgħat speċjali li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli f’relazzjonijiet bejn individwi.

 Postsciptum

148. Il-proċess ta’ tħejjija ta’ dawn il-konklużjonijiet u sabiex nissuġġerixxi risposta għat-tliet domandi preliminari kellu jsir fil-kuntest tad-domanda (kontroversa) jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kinitx korretta fis-sentenza Faccini Dori (168) meta ddeċidiet li ma taċċettax effett dirett orizzontali (169), kontra r-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali Lenz f’dik il-kawża (170) u r-raġunijiet li kienu tressqu minn żewġ Avukati Ġenerali oħra f’kawżi preċedenti (171). Assumejt fix-xogħol tiegħi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ser tqis li dan kien il-lok adatt sabiex jerġa’ jsir dak id-dibattitu.

149. Madankollu, inħoss li jeħtieġli nosserva li, sakemm il-forma ġuridika tal-konvenut kienet irrilevanti – u li, minħabba li mis-sentenza Foster stess lil hawn – għall-mistoqsija jekk dak il-konvenut kienx emanazzjoni tal-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li korp irregolat mid-dritt privat jista’ jkun obbligat jagħti effett lil drittijiet direttament effettivi li jkun hemm f’direttiva meta jintalab minn individwu privat ieħor. Meta għamlet hekk il-Qorti tal-Ġustizzja fil-verità kienet diġà hija stess approvat forma limitata ta’ effett dirett orizzontali.

150. Essenzjalment hemm tliet modi li jistgħu jintużaw (u li ntużaw) sabiex timtela l-lakuna maħluqa min-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali ġenerali: (i) mod wiesa’ dwar x’inhi emanazzjoni tal-Istat; (ii) il-prinċipju ta’ “interprétation conforme” jiġi estiż sal-limiti tiegħu (iii) bħala riżerva, ir-responsabbiltà tal-Istat għad-danni. Mill-perspettiva tal-protezzjoni effettiva li tingħata lil drittijiet individwali, din is-sitwazzjoni ma hija sodisfaċenti xejn. Tali sitwazzjoni toħloq kumplessità għar-rikorrenti u inċertezza għall-konvenuti. Nixtieq ningħaqad ma’ Avukati Ġenerali qabli billi nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ teżamina mill-ġdid u tistħarreġ b’mod kritiku l-ġustifikazzjonijiet imressqa fis-sentenza Faccini Dori (172) sabiex ma aċċettatx effett dirett orizzontali (173).

 Konklużjoni

151. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi magħmula mis-Supreme Court of Ireland (qorti suprema tal-Irlanda) kif ġej:

(1)      It-test stabbilit fis-sentenza Foster et (174) dwar x’jikkostitwixxi emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi jinsab fil-punt 18, u mhux fil-punt 20, tas-sentenza f’dik il-kawża. It-test ifformulat hemmhekk la għandu jinqara konġuntivament u lanqas diżġuntivament. Għall-kuntrarju, dan it-test jinkludi lista mhux eżawrjenti tal-elementi li jistgħu jkunu rilevanti għal tali evalwazzjoni.

(2)      Sabiex jiġi ddeterminat jekk konvenut partikolari huwiex emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet tal-effett dirett vertikali tad-direttivi, il-qorti nazzjonali għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

(i)      il-forma ġuridika tal-korp inkwistjoni hija irrilevanti;

(ii)      ma huwiex meħtieġ li l-Istat ikun f’qagħda li jeżerċita kontroll jew direzzjoni minn jum għal ieħor fuq l-operazzjonijiet ta’ dak il-korp;

(iii)      jekk l-Istat ikun is-sid ta’ jew ikollu kontroll fuq il-korp inkwistjoni, dak il-korp għandu jitqies li jkun emanazzjoni tal-Istat, mingħajr ma jkun meħtieġ jitqies jekk humiex issodisfatti kriterji oħra;

(iv)      kull awtorità muniċipali, reġjonali jew lokali jew korp ekwivalenti għandhom awtomatikament jitqiesu bħala emanazzjoni tal-Istat;

(v)      ma huwiex meħtieġ li l-korp inkwistjoni jkun iffinanzjat mill-Istat;

(vi)      jekk l-Istat ikun ta lill-korp inkwistjoni kemm il-kompitu li jwettaq servizz pubbliku li l-Istat innifsu jkun altrimenti jeħtieġlu jwettaq direttament, kif ukoll ikun ipprovda lil dak il-korp b’xi forma ta’ setgħat addizzjonali sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu b’mod effettiv, il-korp inkwistjoni għandu f’kull każ jitqies bħala emanazzjoni tal-Istat.

Meta tagħmel l-analiżi tagħha l-qorti nazzjonali għandha tqis il-prinċipju fundamentali ewlieni li individwu jista’ jinvoka dispożizzjonijiet preċiżi u inkundizzjonati ta’ direttiva kontra l-Istat, irrispettivament mill-kapaċità li fiha l-Istat ikun qiegħed jaġixxi, għaliex huwa meħtieġ li l-Istat ma jitħalliex jieħu vantaġġ min-nuqqas tiegħu stess li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

(3)      Il-kriterji stabbiliti fir-risposta għat-tieni domanda 2 japplikaw ukoll meta Stat Membru jkun ittrasferixxa firxa wiesgħa ta’ responsabbiltà lil korp għall-fini evidenti li jiġu ssodisfatti obbligi tad-dritt tal-Unjoni. Ma jkunx meħtieġ li dak il-korp ikollu setgħat speċjali li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli f’relazzjonijiet bejn individwi.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990 (C‑188/89, EU:C:1990:313).


3      Ara, dwar l-evoluzzjoni tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u r-responsabbiltà ċivili fl-Unjoni, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et (C‑409/11, EU:C:2013:512, punti 26 sa 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).


4      Direttiva tal-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10), kif emendata bit-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur).


5      It-Tieni Direttiva tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), kif sussegwentement emendata bid-Tielet Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur.


6      Ara it-tielet premessa.


7      Ara s-sitt premessa.


8      It-tielet premessa.


9      Ir-raba’ premessa.


10      Il-ħames premessa.


11      Ara, b’mod partikolari, it-tmien, id-disa’, l-għaxar u it-tnax-il premessa.


12      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jgħid li kull dispożizzjoni statutorja jew klawżola kuntrattwali li l-għan tagħha jkun li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn ċerti kategoriji ta’ persuni għandha, għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet ta’ partijiet terzi li kienu vittimi ta’ aċċident. Madankollu, it-tieni subparagrafu jgħid li “[i]d-dispożizzjoni jew klawsola msemmija fl-ewwel inċiż [subparagrafu] tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom [ikunu] daħlu fil-vettura li [tkun] [i]kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur [ikun] jista’ jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa”. Sa fejn naf jiena, ma hemm ebda suġġeriment li din id-dispożizzjoni hija rilevanti għall-fatti fil-kawża prinċipali.


13      Il-kopertura obbligatorja għal responsabbiltà ma kinitx testendi għal partijiet tal-vettura li ma kinux attrezzati għal passiġġieri.


14      Ara l-punt 19 iktar ’il quddiem.


15      Id-deskrizzjoni li ġejja tirriżulta parzjalment mid-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, u parzjalment mit-tweġibiet mogħtija fis-seduta għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.


16      Skont id-digriet tar-rinviju, il-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-MIBI jmorru lura għal Ġunju 1946. X’ġara bejn dik id-data u meta “twaqqaf” f’Novembru 1954 ma huwiex ċar iżda aktarx ma huwiex rilevanti għal dawn il-proċeduri. Ninnota wkoll li l-MIBI jidher li kien irreġistrat fis-26 ta’ Ottubru 1955.


17      F’dan il-ftehim il-Minister for Transport (Ministru għat-Trasport) issostitwixxa lill-Minister for Local Government (Ministru għall-Gvern Lokali) bħala l-parti tal-Istat għall-ftehim. Il-ftehim tal-1988 kien japplika fiż-żmien tal-aċċident ta’ E. Farrell.


18      Sa fejn naf jiena, ma hemm xejn skont il-fatti li jissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni hija ta’ xi rilevanza għall-kawża prinċipali.


19      Skont il-Klawżola 1 tal-ftehim prinċipali tal-10 ta’ Marzu 1955 bejn id-Department of Local Government (Dipartiment tal-Gvern Lokali) u l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li joperaw fl-Irlanda u li jagħtu assigurazzjoni obbligatorja ta’ vetturi fl-Irlanda, dawn l-assiguraturi ntrabtu li jwaqqfu korp bl-isem ta’ Motor Insurers’ Bureau of Ireland, li jsiru membri u li jżommu lil dan il-korp ipprovdut bil-fondi kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jaqdi l-obbligi tiegħu.


20      Ir-Regolament 16A(2) tal-European Communities (Non-Life Insurance) (Amendment) (No 2) Regulations, 1991 [Regolamenti tal-1991 tal-Komunitajiet Ewropej (Assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja) (Emenda) (Nru 2)], kif imdaħħal bir-Regolament 10 tal-European Communities (Non-Life Insurance) (Amendment) Regulations 1992 [Regolament tal-1992 tal-Komunitajiet Ewropej (Assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja) (Emenda)], jitlob li membri tal-MIBI jiffinanzjaw dak il-korp u l-fond ta’ garanzija stabbilit bl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva dwar Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur sal-limitu li jkun proporzjonat għad-dħul gross minn primjums tagħhom. Dawn ir-regolamenti huma llum essenzjalment imtennija mir-Regolament 34(2) u (3) tal-European Communities (Non-Life Insurance) Framework Regulations 1994 [Regolamenti Qafas tal-1994 tal-Komunitajiet Ewropej (Assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja)].


21      L-Artikolu 78 tal-Att tal-1961 iddaħħal bir-Regolament 9 tal-European Communities (Road Traffic) (Compulsory Insurance) Regulations 1992 [Regolamenti tal-1992 tal-Komunitajiet Ewropej (Traffiku Stradali) (Assigurazzjoni Obbligatorja)], b’effett mill-20 ta’ Novembru 1992. Ċerti “persuni eżenti” (l-iktar awtoritajiet statutorji) għandhom ikunu obbligati jittrattaw talbiet ta’ partijiet terzi skont termini simili għal dawk miftiehma bejn il-MIBI u l-Ministru.


22      Sentenza tad-19 ta’ April 2007 (C‑356/05, EU:C:2007:229) (iktar ’il quddiem “Farrell I”).


23      Sentenza tad-19 ta’ April 2007, Farrell I (C‑356/05, EU:C:2007:229, punt 44).


24      Il-qorti tar-rinviju ma ngħatatx id-dettalji ta’ dak il-kumpens u dawn id-dettalji huma irrilevanti għad-domandi preliminari magħmula.


25      Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963 (26/62, van Gend & Loos, EU:C:1963:1), “[…] l-Komunità tikkostitwixxi ordinament ġuridiku ġdid tad-dritt internazzjonali, li għal benefiċċju tiegħu l-Istati limitaw id-drittijiet sovrani tagħhom, anke jekk f’oqsma limitati, u li s-suġġetti ta’ dan l-ordinament jinkludu mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom. Indipendentament mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri, id-dritt Komunitarju mhux biss jimponi obbligi fuq l-individwi, iżda huwa wkoll intiż sabiex jagħtihom drittijiet li jkunu jiffurmaw parti mill-patrimonju ġuridiku tagħhom. Dawn id-drittijiet jinħolqu mhux biss meta jkunu espressament mogħtija mit-Trattat, iżda wkoll meta t-Trattat jimponi ċerti obbligi, b’mod ċar, kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità. (p. 12). Id-duttrina speċifika ta’ effett dirett kif magħġuna mill-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ma ntlaqgħetx b’entużjażmu minn kulħadd. F’artiklu famuż li ħareġ ftit wara (“The doctrine of ‘direct effect’:an infant disease of Community law”, stampat mill-ġdid fi E.L.Rev. 2015, 40(2), pp. 135-153), l-Imħallef Pierre Pescatore argumenta li “regoli legali, min-natura proprja tagħhom, għandhom għan prattiku. Kull regola legali titfassal b’mod li topera b’mod effettiv (aħna mdorrija li, bil-Franċiż, nitkellmu hawn dwar effet utile). Jekk ma tkunx operattiva, ma tkunx regola ta’ liġi. […] Operazzjoni prattika għal dawk kollha kkonċernati, li ma hija xejn ħlief ‘effett dirett’, għandha titqies bħala li tkun kundizzjoni normali ta’ kull regola ta’ liġi […]. Fi kliem ieħor, ‘effett dirett’ għandu jkun preżunt; ma għandux ikun stabbilit a priori” (ara p. 135) [traduzzjoni libera].


26      Ara, inter alia, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Għalhekk, fis-sentenza Marshall (sentenza tas-26 ta’ Frar 1986, 152/84, EU:C:1986:84) ma kien hemm ebda suġġeriment li l-awtoritajiet tal-isptar kienu b’xi mod responsabbli għall-fatt li d-direttiva inkwistjoni f’dak il-każ ma kinitx implementata.


29      Sikwit ikun hemm xi inizjattiva leġiżlattiva li tkun irriżultat f’implementazzjoni parzjali jew mhux perfetta. Anki jekk dan ma jkunx il-każ, jista’ jkun hemm leġiżlazzjoni eżistenti minn qabel fil-qasam kopert mid-direttiva li tkun tista’ tiġi interpretata fid-dawl tar-rekwiżiti tad-direttiva.


30      Biex naqta’ fil-qosor, ser nuża l-espressjoni Franċiża iktar ’il quddiem.


31      Għal dikjarazzjoni tal-prinċipju ta’ “interprétation conforme” li hija kważi kontemporanja għas-sentenza Foster, ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punti 8 sa 14) [is-sentenza Marleasing stess hija bbażata fuq is-sentenza tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26)]. Għal eżami bir-reqqa tal-portata eżatta u tal-limitazzjonijiet ta’ dan l-obbligu, ara s-sentenza sussegwenti tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 107 sa 119). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara lil hinn minn kull dubju fis-sentenza Dominguez (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, C‑282/10, EU:C:2012:33) li “l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta din tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali” (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Il-prinċipju dwar tali danni għandu l-bidu tiegħu fis-sentenza Francovich et (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428). Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/987/KEE kienu inkundizzjonati u biżżejjed preċiżi dwar il-kontenut tal-garanzija ta’ ħlas ta’ talbiet għal paga mhux imħallsa iżda mhux dwar l-identità tal-persuna mitluba tagħti dik il-garanzija; u l-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, għaddiet sabiex teżamina jekk setax ikun hemm responsabbiltà tal-Istat għal danni. Hija ddeċidiet li seta’ jkun hemm responsabbiltà fuq livell ta’ prinċipju u stabbilixxiet tliet kundizzjonijiet (fil-punti 39 sa 41) sabiex tiġi stabbilita tali responsabbiltà. It-test kif iddikjarat f’dik is-sentenza deher li kien jimplika responsabbiltà stretta meta dawk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Fis-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame (sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li, filwaqt li dak kien it-test meta Stat Membru kien obbligat jieħu, f’perijodu partikolari, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jikseb ir-riżultat meħtieġ minn direttiva (punt 46), it-test f’ċirkustanzi li fihom l-Istat Membru jkollu diskrezzjoni wiesgħa kien jekk il-ksur kienx “gravi biżżejjed” (punt 51), iddefinit bħala “jekk Stat Membru […] [kienx ta] kas il-limiti imposti fuq id-diskrezzjoni [tiegħu]” (punt 55).


33      Kif osserva l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punti 30 u 31 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Vaneetveld (C‑316/93, EU:C:1994:32):


“30. Il-possibbiltà għall-individwu, skont is-sentenza Francovich, li jitlob riżarċiment tad-danni kontra l-Istat Membru meta direttiva ma tkunx ġiet korrettement implementata, fil-fehma tiegħi, ma hijiex alternattiva adegwata għall-applikazzjoni dirett tad-direttiva. Sikwit ir-rikorrent ikun jeħtieġlu jġib żewġ tipi ta’ azzjoni ġudizzjarja, fl-istess waqt jew waħda wara l-oħra: waħda kontra l-konvenut privat u l-oħra kontra l-awtoritajiet pubbliċi, ħaġa li ftit li xejn hija kompatibbli mar-rekwiżit ta’ rimedju ġurisdizzjonali effettiv.


      31. Naħseb li ma jistax ikun hemm oġġezzjoni li l-impożizzjoni ta’ obbligi fuq individwi tippreġudika ċ-ċertezza legali. Għall-kuntrarju, forsi l-aspett l-iktar sinjifikattiv tal-ġurisprudenza eżistenti dwar dan il-punt huwa li dan ħoloq inċertezza. Dan wassal, l-ewwel nett, għal interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett ta’ Stat Membru sabiex direttivi jkunu jistgħu jiġu applikati anki kontra intrapriżi kummerċjali fejn ikun hemm element partikolari ta’ parteċipazzjoni jew kontroll tal-Istat, minkejja li dawk l-intrapriżi ma jkollhom ebda responsabbiltà għan-nuqqas tal-Istati Membri, u minkejja li jistgħu jkunu f’kompetizzjoni diretta ma’ impriżi tas-settur privat li kontrihom l-istess direttivi ma jkunux jistgħu jiġu applikati. U wassal għal inċertezza kbira dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, minħabba l-obbligu impost fuq il-qrati nazzjonali li jestendu mingħajr limiti t-termini ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jagtħu effett lil direttivi li ma kinux ġew implementati sewwa. Barra minn dan, fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod estensiv sabiex tagħti effett lil direttiva, ir-riżultat jista’ tabilħaqq isarraf fl-impożizzjoni fuq individwi ta’ obbligi li ma kienx ikollhom fl-assenza tad-direttiva. Għalhekk, direttivi li ma kinux ġew implementati korrettement diġà jkunu jistgħu jagħtu lok għal obbligi għal individwi. F’dan il-kuntest, ma jidhirx li tkun kritika valida li l-applikazzjoni ta’ direttivi b’mod dirett kontra individwi tista’ tqiegħed f’perikolu ċ-ċertezza legali. Għall-kuntrarju, tista’ effettivament twassal għal ċertezza legali ikbar u għal sistema iktar koerenti, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva kellhom jitqiesu f’ċirkustanzi xierqa li jkunu applikabbli direttament kontra individwi.”


34      Sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, EU:C:1996:375, punti 16 u 19 sa 29): konklużjoni loġika minn dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà qalet fis-sentenza Francovich et (punti 39 sa 41) u kkonfermat fis-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame (punt 46). In-natura binarja ta’ din l-għażla tista’ tkun ta’ spjegazzjoni għaliex E. Farrell, kienet, fortunatament, diġà tħallset kumpens għall-korriment li kienet ġarrbet (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).


35      Enfasi miżjuda.


36      Enfasi miżjuda: l-assenza ta’ xi konġunzjoni quddiem il-kelma “u” neċessarjament tfisser li d-diversi komponenti elenkati sa dak il-punt għandhom jinqraw b’mod kumulattiv.


37      Ninsab megħjun f’dan ix-xogħol b’koinċidenza kurjuża fl-istorja: kont ir-référendaire naħdem fil-kawża Foster ma’ Sir Gordon Slynn, l-aġent President tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża u li primarjament kien qiegħed jagħmel abbozz tas-sentenza.


38      Direttiva tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).


39      Dak li jsegwi huwa meħud mill-punti 3 sa 7 tas-sentenza Foster.


40      Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982 (8/81, EU:C:1982:7). Il-konvenut fil-kawża Becker kien l-uffiċċju tal-awtorità muniċipali tat-taxxi. Minn aspett organiku, l-awtorità kienet tagħmel parti mill-Istat, taħt l-awtorità u l-kontroll tal-Istat, u kellha “setgħat speċjali” li timponi u li tiġbor taxxi sabiex ikun iffaċilitat l-infiq pubbliku miftiehem.


41      Sentenza tas-26 ta’ Frar 1986 (152/84, EU:C:1986:84). Il-konvenuta fil-kawża Marshall kienet Southampton and South-West Hampshire Health Authority (l-organizzazzjoni responsabbli, fiż-żmien rilevanti, għall-isptarijiet u s-servizzi mediċi fiż-żona ġeografika maqtugħa partikolarment għaliha). Minn aspett organiku, hija ma kinitx tagħmel parti mill-Istat, iżda kienet taħt l-awtorità u l-kontroll tal-Istat. Is-sentenza ma tgħidx jekk kellhiex “setgħat speċjali” u xejn ma jissuġġerixxi li, fil-fatt, hija kellha tali setgħat (ara dwar dan iktar ’il quddiem, punt 49). Huwa ċar li kellha funzjoni li taqdi l-interess pubbliku billi tipprovdi kura tas-saħħa pubblika xierqa fiż-żona maqtugħa għaliha. Funzjonalment, għalhekk, setgħet titqies li kienet taġixxi f’isem l-Istat.


42      Enfasi miżjuda.


43      Enfasi miżjuda. Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982 (8/81, EU:C:1982:7).


44      Sentenza tat-22 ta’ Frar 1990 (C‑221/88, EU:C:1990:84). Il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża ddeċidiet li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (iktar ’il quddiem “KEFA”) setgħet tinvoka rakkomandazzjoni (ladarba il-perjodu stabbilit għall-implementazzjoni tagħha jkun skada) kontra Stat Membru li jkun naqas milli jimplementaha; madankollu, ir-rikonoxximent tal-privileġġ tad-djun dovuti lill-KEFA seta’ jsir biss fir-rigward ta’ dak l-Istat, bit-talbiet tal-KEFA jitqiegħdu fuq l-istess grad bħal kull talba magħmula mill-Istat. Għalhekk dan ir-rikonoxximent ma kienx jippreġudika d-drittijiet tal-kredituri minbarra l-Istat skont leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-konkors tal-kredituri fl-assenza tar-rakkomandazzjoni. Ara l-punt 30 u l-punt 1 tad-dispożittiv.


45      Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989 (103/88, EU:C:1989:256). Il-konvenut fil-kawża Costanzo kien il-bord eżekuttiv muniċipali ta’ komun Taljan. Minn aspett organiku, huwa kien jagħmel parti mill-Istat, kien jieħu sehem fil-funzjonijiet organiċi tal-Istat ta’ awtorità u ta’ kontroll, kellu s-soliti setgħat tal-Istat (bħas-setgħa li jirregola) u kien jopera sabiex iservi l-interess pubbliku.


46      Sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986 (222/84, EU:C:1986:206). Il-konvenut fil-kawża Johnston kien iċ-Chief Constable tar-Royal Ulster Constabulary: l-uffiċjal titulari responsabbli għas-servizz tal-pulizija fl-Irlanda ta’ Fuq. Is-sentenza tiddeskrivi s-servizz tal-pulizija (fil-persuna taċ-Chief Constable tagħha) bħala awtorità pubblika indipendenti li teżerċita awtorità u kontroll tal-Istat, li għandha “setgħat speċjali” (minħabba li l-Istat għandu monopolju fuq l-użu legali tal-forza) u li għandha r-responsabbiltà għaż-żamma tal-ordni pubblika u s-sigurtà.


47      Sentenza tas-26 ta’ Frar 1986 (152/84, EU:C:1986:84). Diġà ddeskrivejt in-natura tal-konvenut f’dik il-kawża (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il fuq). Dwar in-nuqqas ta’ indikazzjoni li l-konvenut f’dik il-kawża kellu “setgħat speċjali”, ara iktar fil-punt 49 iktar ’il quddiem.


48      Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja iktar qabel kienet (fil-punt 15) innotat li hija kellha “ġurisdizzjoni, fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, tiddetermina l-kategoriji ta’ persuni li kontrihom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva”; filwaqt li kien “għall-qrati nazzjonali, min-naħa l-oħra, li jiddeċiedu jekk parti fil-proċeduri quddiemhom kinitx taqa’ f’waħda mill-kategoriji hekk iddefiniti”.


49      Ma huwiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ħjiel ċar lil qorti tar-rinviju dwar x’aktarx għandu jkun ir-riżultat tal-applikazzjoni tal-gwida astratta li tkun għadha kif tat. Eżempju eċċellenti xi sitt snin wara s-sentenza Foster jinsab fit-“tielet kawża Factortame” (sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79). Fil-punt 51 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat it-test dwar meta Stat Membru jkun responsabbli għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni u, fil-punt 56, identifikat f’termini ġenerali “l-elementi li l-qorti kompetenti tista’ tieħu in kunsiderazzjoni”. Imbagħad, fil-punti 58 sa 64, il-Qorti tal-Ġustizzja tat gwida liż-żewġ qrati tar-rinviju – lill-Bundesgerichtshof u lill-High Court of Justice, Queen’s Bench Division, Divisional Court rispettivament, dwar x’setgħu jkunu r-risposti (“[…] tikkunsidra li jistgħu jiġu indikati ċerti ċirkustanzi li l-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni”). Id-diversi elementi inkriminanti identifikati fil-punti 61 sa 64 fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-Merchant Shipping Act 1988 (Att tal-1988 dwar il-bastimenti merkantili) mill-Gvern tar-Renju Unit kollha kienu jindikaw li kellu jkun hemm responsabbiltà f’dik il-kawża. Wara ġlieda mqanqla minn dak il-gvern meta l-kawża reġgħet lura quddiem il-qrati domestiċi, dak kien, tabilħaqq, ir-riżultat.


50      Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li bbażat il-konklużjoni tagħha li l-BGC kellha setgħat speċjali fuq il-fatt li kellha monopolju tal-provvista tal-gass (punt 3).


51      Enfasi miżjuda.


52      Ara iktar fil-punti 62, 79 sa 105, 114 u 120(1) iktar ’il quddiem.


53      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 iktar ’il fuq.


54      Sentenza tas-26 ta’ Frar 1986 (152/84, EU:C:1986:84).


55      Minħabba li r-rinviju kien ġej minn qorti fir-Renju Unit, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża tas-sentenza hija t-test “awtentiku” u t-taduzzjoni proposta kienet, għaldaqstant, irriveduta mill-Imħallef (Sir Gordon Slynn) tar-Renju Unit u mir-référendaire anzjana tiegħu (jiena) flimkien mal-kap ta’ dak iż-żmien tas-servizz tat-traduzzjoni bl-Ingliż tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konna nafu bil-fatt li “setgħat speċjali” ma kinitx tirrefletti l-isfumatura sħiħa tal-abbozz Franċiż; iżda ħadd ma kellu suġġeriment aħjar dak iż-żmien. Ħarsa lejn xi wħud mill-verżjonijiet f’lingwi oħra tas-sentenza turi li l-frażi kienet ġiet tradotta fl-Ispanjol bħala “poderes exorbitantes”, fil-Ġermaniż bħala “besondere Rechte”, fit-Taljan bħala “poteri” (b’ebda riferiment li s-setgħat kienu “speċjali”), fl-Olandiż bħala “bijzondere bevoegdheden” u fil-Portugiż bħala “poderes exorbitantes’. Dan jissuġġerixxi li t-traduzzjoni f’xi lingwi oħra kienet eżerċizzju kunsiderevolment eħfef milli f’oħrajn.


56      Tribunal des conflits tat-8 ta’ Frar 1873, 00012, ippubblikata fir-recueil Lebon (it-test bil-Franċiż jinsab fis-sit https://www.legifrance.gouv.fr/affichJuriAdmin.do?idTexte=CETATEXT000007605886).


57      Il-kawża Blanco kienet dwar talba għad-danni mressqa f’isem minuri li kien korra b’azzjoni ta’ ħaddiema impjegati tal-awtoritajiet tat-tabakk f’Bordeaux. Il-parti l-iktar importanti tad-deċiżjoni (qasira) hija kif ġej: “Billi r-responsabbiltà, li tista’ tkun l-obbligu tal-Istat, għall-ħsara kkawżat lil individwi bl-azzjonijiet ta’ persuni li huwa jimpjega fis-servizz pubbliku, ma tistax tkun irregolata minn prinċipji li huma stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili, għal relazzjonijiet bejn individwi; billi din ir-responsabbiltà la hija ġenerali u lanqas assoluta; billi hija għandha r-regoli speċjali tagħha li jvarjaw skont il-ħtiġijiet tas-servizz u r-rekwiżit li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tal-Istat ma’ drittijiet privati; billi, għaldaqstant […] l-awtorità amministrattiva biss għandha l-kompetenza tismagħhom”.


58      Sentenza tat-23 ta’ Marzu 1983, Conseil d’État, SA Bureau Véritas et autres, nru 33803, 34462. Bureau Veritas kienet tirrigwarda appell dwar punt ta’ liġi minn Bureau Veritas u mill-Istat Franċiż f’talba magħmula minn kumpannija tal-ajruplani kontra Bureau Veritas bħala l-korp b’setgħa li joħroġ ċertifikati dwar il-konformità ta’ inġenji tal-ajru għal danni kkawżati mid-dewmien ta’ dan tal-aħħar fil-ħruġ ta’ tali ċertifikati. Bureau Veritas instabet li kienet tqabbdet mill-Istat sabiex twettaq servizz pubbliku u sabiex teżerċita setgħat ta’ prerogattiva pubblika għal dak l-għan. Bħala korollarju, l-Istat innifsu ma nstabx responsabbli għad-danna kkawżati.


59      Ara l-punt 129 et seq. iktar ’il quddiem.


60      Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, C‑253/96 sa C‑258/96, EU:C:1997:585.


61      Punt 12 tas-sentenza.


62      Punt 17 tas-sentenza.


63      Direttiva tal-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol, 2, p. 3).


64      Punt 45 tas-sentenza.


65      “[Direttiva] tista’, madankollu, tkun invokata kontra organizzazzjonijiet jew korpi li jkunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li jkollhom setgħat speċjali lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli għal relazzjonijiet bejn individwi, bħal awtoritajiet lokali jew reġjonali jew korpi oħra li, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħhom, ikunu ngħataw responsabbiltà, mill-awtoritajiet pubbliċi u taħt is-superviżjoni tagħhom, sabiex jagħtu servizz pubbliku” (punt 46). Ħaġa kurjuża li dan il-punt tas-sentenza la jagħmel riferiment għall-punt 18, lanqas għall-punt 20 tas-sentenza Foster, iżda għall-punt 19, flimkien mas-sentenza Costanzo (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, 103/88, EU:C:1989:256), fil-punt 31 (“[…] meta l-kundizzjonijiet li taħthom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li individwi jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva quddiem il-qrati nazzjonali jiġu ssodisfatti, l-organi kollha tal-amministrazzjoni, inklużi awtoritajiet iddeċentralizzati bħal muniċipalitajiet, ikunu obbligati japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet”).


66      Punt 47 tas-sentenza u punt 2 tad-dispożittiv.


67      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000 (C‑343/98, EU:C:2000:441).


68      Ara l-punti 7 sa 9 tas-sentenza.


69      Ara l-punti 10 sa 13 tas-sentenza.


70      Direttiva tal-14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ salvagwardji tad-drittijiet tal-impjegatifil-każ ta’ trasferiment ta’ intrapriża, negozju jew partijiet minn negozju (ĠU 1977, L 61, p. 26).


71      Punt 19 tas-sentenza.


72      Ara l-punti 20 sa 25 tas-sentenza. L-użu li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-punt 20 tas-sentenza Foster (bid-dikjarazzjoni tagħha li korp li jissodisfa l-kriterji elenkati “f’kull każ ikun inkluż” fost dawk li kontra tagħhom jistgħu jkunu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollha effett dirett) jista’ jiġi interpretat bħala ħjiel ħafif lill-qorti nazzjonali li Telecom Italia tabilħaqq kienet emanazzjoni tal-Istat għall-finijiet ta’ effett dirett vertikali.


73      Sentenza tal-5 ta’ Frar 2004 (C‑157/02, EU:C:2004:76).


74      Ara l-punti 20 u 21 tas-sentenza.


75      Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982 (8/81, EU:C:1982:7, punti 23 sa 25).


76      Sentenza tas-26 ta’ Frar 1986 (152/84, EU:C:1986:84, punt 49).


77      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990 (C‑188/89, EU:C:1990:313, punti 16 u 17).


78      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000 (C‑343/98, EU:C:2000:441, punt 23).


79      Ara l-punti 25 u 26 tas-sentenza.


80      Punt 27 tas-sentenza. Madankollu, dwar l-elementi ta’ “setgħat speċjali” tat-test, ara wkoll il-punt 130 et seq. iktar ’il quddiem.


81      Ara l-punt 28 tas-sentenza.


82      Digriet tas-26 ta’ Mejju 2005 (C‑297/03, EU:C:2005:315).


83      Dwar il-fatti li fuqhom id-deċiċjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażata, ara l-punti 11 u 12 tad-digriet immotivat. L-analiżi qasira tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-domanda 1 (id-domanda rilevanti għal dawn il-finijiet) tinstab fil-punti 27 sa 30. Din l-analiżi ma ssemmi xejn dwar “setgħat speċjali”.


84      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006 (C‑180/04, EU:C:2006:518).


85      Punt 24 tas-sentenza.


86      Ara l-punti 26 u 27 tas-sentenza.


87      Sentenza tad-19 ta’ April 2007 (Farrell I, C‑356/05, EU:C:2007:229, punti 40 u 41).


88      Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012 (C‑282/10, EU:C:2012:33).


89      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).


90      Punt 36 tas-sentenza.


91      Punti 39 u 40 tas-sentenza.


92      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013 (C‑361/12, EU:C:2013:830).


93      Kulma jsegwi dwar din il-kawża ġej mill-punti 29 sa 31 tas-sentenza.


94      Interessanti li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ċċitatx is-sentenza Foster direttament, iżda straħet fuq is-sentenza Kuso (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, C‑614/11, EU:C:2013:544) (kawża li għaddiet għas-sentenza mingħajr il-konklużjonijiet), li tiċċita l-punt 20 tas-sentenza Foster. Hemmhekk ukoll ma jidhirx li kienet instabet xi ħaġa speċifika b’rabta mal-element ta’ “setgħat speċjali” tat-test stabbilit fis-sentenza Foster.


95      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013 (C‑425/12, EU:C:2013:829).


96      Direttiva tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194), kif emendata mid-Direttiva 98/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 91).


97      Ara l-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16. Għandu jkun ċar minn dak li diġà għidt li jiena nqis il-punt 18 bħala l-punt prinċipali tas-sentenza Foster, u mhux il-punt 20. Dwar dan, ninnota li (fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu) l-Avukat Ġenerali Wahl jiċċita l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali van Gerven fil-kawża Foster (C‑188/89, EU:C:1990:188) bħala (l-unika) awtorità għall-propożizzjoni li “il-fatt li impriża privata hija inkarigata milli twettaq, bħala konċessjonarja esklużiva, servizz ta’ interess pubbliku ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu applikati fil-konfront tagħha d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li ma humiex trasposti fl-ordinament intern. Għandu jkun ikkonstatat li l-imsemmija impriża għandha setgħat eżorbitanti u li hija suġġetta għall-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi”. Minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Foster ma għamlet ebda użu ta’ dak is-suġġeriment partikolari, ikun diffiċli wieħed ikun jaf kif l-awtorità ċċitata tqis il-kwistjoni ulterjorment.


98      Ara l-punt 45 tal-konklużjonijiet. L-Avukat Ġenerali Wahl jiċċita, “b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Collino u Chiappero (punt 24); Farrell (punt 41); kif ukoll Dominguez (punt 40)” sabiex isostni dak li jiddeskrivi bħala “l-approċċ tradizzjonalment adottat”. Jista’ jkun li l-Avukat Ġenerali sempliċement kien qiegħed ifisser b’dan li “id-deċiżjoni dwar il-fatti titħalla għall-qorti nazzjonali” (kif il-Qorti tal-Ġustizja tabilħaqq għamlet fit-tliet kawżi kollha li ċċitat). Madankollu, jekk kien qiegħed ifisser li kien hemm “approċċ tradizzjonali” li jikkonsisti fil-ħtieġa li jkun hemm kumulattivament l-elementi kollha elenkati fil-punt 20 tas-sentenza Foster qabel ma korp ikollu jitqies li jkun emanazzjoni tal-Istat, huwa ċar minn dak li għidt iktar ’il fuq (fil-punti 43 sa 54) li jiena ma naċċettax li approċċ bħal dan kien inkorporat deliberatament u b’mod konsistenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.


99      Ara l-punti 62 sa 66 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl.


100      Ara l-punti 19 u 20 tas-sentenza.


101      Ara l-analiżi dettaljata tiegħi ta’ kull waħda minn dawk il-kawżi li għamilt iktar ’il fuq. Il-punti individwali msemmija fil-punt 24 tas-sentenza Portgás isemmu l-punt 20 tas-sentenza Foster (u lkoll jinkludu frażijiet li jagħmluha ċara li korp li jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti hemmhekk ikun inkluż fil-kategorija ta’ “emanazzjonijiet tal-Istat”). L-awtoritajiet imsemmija, fil-fehma tiegħi, ma jsostnux il-propożizzjoni li l-punt 20 tas-sentenza Foster jikkostitwixxi definizzjoni definittiva li tiġbor fiha l-korpi kollha li jkunu emanazzjonijiet tal-Istat.


102      Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994 (C‑91/92, EU:C:1994:292, punti 19 sa 25) (b’mod partikolari, il-punti 24 u 25).


103      Ara l-punt 25 tas-sentenza.


104      Ara l-punti 61 sa 63 iktar ’il fuq.


105      Enfasi miżjuda.


106      Verżjoni ftit immodifikata ta’ din ir-riformulazzjoni mbagħad tidher fit-tieni punt tad-dispożittiv. Fir-rigward tal-element ta’ “setgħat speċjali” tal-kriterju, ara wkoll il-punt 129 et seq. iktar ’il quddiem.


107      Akkademiċi minn dak iż-żmien ’l hawn ħabblu rashom dwar jekk din il-problema tal-aħħar hijiex verament mingħajr rabta mal-kwistjoni tal-effett dirett (vertikali jew orizzontali) tad-direttivi, kif kemm l-Avukat Ġenerali, kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja dehru li kienu qiegħdin jissuġġerixxu (billi għamlu enfasi minflok fuq l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura li jkun hemm konformità ma’ direttiva). Ara, pereżempju, Albors-Llorens, A., “The direct effect of EU Directives: fresh controversy or a storm in a tea-cup?Comment on Portgás” fi (2014) EL.Rev p. 851.


108      Ara l-punti 58, 60, 65, 66 u 67 iktar ’il fuq.


109      Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE (iktar ’il quddiem “Avviż tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat”). Dan l-avviż kien aġġornat l-aħħar f’Ġunju 2016 (ĠU 2016, C 262, p. 1).


110      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 23).


111      Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C‑126/01, EU:C:2003:622, punt 23). Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑358/94, EU:T:1996:194, punt 62). Ara fl-aħħar nett il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’UTECA (C‑222/07, EU:C:2008:468, punt 124).


112      Ara, dwar dan, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24). Definizzjoni utli ta’ x’jikkostitwixxi impriża pubblika tinsab fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE, tas-16 ta’ Novembru 2006, dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 348M, 24.12.2008, p. 906). L-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jgħid li “‘impriżi pubbliċi’ tfisser kull impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-pussess li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha”.


113      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 52). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni (T‑442/03, EU:T:2008:228, punti 93 sa 100).


114      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 53). Barra minn dan, ma huwiex meħtieġ jintwera li f’każ partikolari l-imġiba ta’ impriża pubblika kienet tkun differenti kieku aġixxiet b’mod awtonomu: ara s-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni (T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 48).


115      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 53).


116      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 54).


117      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 55) (enfasi miżjuda). L-indikaturi li jista’ jkun hemm għall-imputabbiltà huma elenkati fit-taqsima 3.1.1. tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat. Dawn jinkludu l-integrazzjoni tal-impriża pubblika fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, il-fatt li l-impriża li permezz tagħha l-għajnuna tkun ingħatat kellha tqis direttivi maħruġa minn korpi governattivi, in-natura tal-attivitajiet tal-impriża pubblika u jekk kinitx operat fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati.


118      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 70), u tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni (C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 50).


119      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑358/94, EU:T:1996:194, punti 65 sa 67), dwar għajnuna mogħtija mill-Caisse des Dépôts et Consignations li kienet iffinanzjata minn depożiti voluntarji ta’ ċittadini privati li setgħu jiġu rtirati kull żmien. Minħabba li l-Caisse des Dépôts et Consignations setgħet tuża fondi mis-surplus magħmul minn depożiti iktar minn irtirar daqs li kieku kienu għad-dispożizzjoni tagħha b’mod permanenti, dawk il-fondi tqiesu li kienu riżorsi tal-Istat. Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni (C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 50).


120      Din id-dispożizzjoni tkopri wkoll impriża “li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali”. Din l-aħħar kategorija ma hijiex, fil-fehma tiegħi, rilevanti għal din id-diskussjoni.


121      Sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans and Regierungspräsidium Magdeburg (“Altmark”), (C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 89 et seq).


122      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 172) (enfasi miżjuda). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali Porto di Genova (C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27).


123      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2013 “Gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikolari għas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali’ (SWD(2013) 53 finali/2). Ara wkoll Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012 C 8, p. 15).


124      Komunikazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa”, COM(2011) 900 finali, p. 3.


125      Idem, p. 3. Ara wkoll Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa (ĠU 2001 C 17, p. 4), punt 14, li jgħid li “jekk l-awtoritajiet pubbliċi jqisu li ċerti servizzi jkunu fl-interess ġenerali u li jkun jista’ jirriżulta li l-forzi tas-suq ma jtuhomx b’mod sodisfaċenti, huma jistgħu jistabbilixxu għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar servizzi speċifiċi sabiex jaqdu dawn il-ħtiġiet fil-forma ta’ servizz ta’ obbligi ta’ interess ġenerali”. Ara b’mod speċifiku, fil-kuntest ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur ta’ broadband networks, il-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (ĠU 2013 C 25, p. 1), li jgħid li “il-Kummissjoni tqis li f’żoni fejn investituri privati diġà investew f’infrastruttura ta’ netwerk tal-broadband (jew qed ikomplu jifirxu n-netwerk) u diġà qed jipprovdu servizzi kompetittivi tal-broadband b’kopertura adegwata tal-broadband, il-ħolqien ta’ infrastruttura parallela tal-broadband li tkun kompetittiva u ffinanzjata b’fondi pubbliċi ma jistax jitqies bħala SIEĠ skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE”. Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, T‑79/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:463, punt 154, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-eżistenza ta’ falliment tas-suq hija prerekwiżit biex attività tkun ikkwalifikata bħala [SIEĠ]”.


126      Sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali Porto di Genova (C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27); tas-17 ta’ Lulju 1997, GT‑Link (C‑242/95, EU:C:1997:376, punt 53); u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France (C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 45).


127      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża Ferring (C‑53/00, EU:C:2001:253, punt 51). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni (T‑17/02, EU:T:2005:218, punt 216 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012 C 8, p. 4), punt 46.


128      Ara l-punt 129 et seq. iktar ’il quddiem.


129      Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014 L 94, p. 65). L-Artikolu 1(4) jenfasizza li “Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, x’jikkunsidraw bħala [SIEĠ], kif dawk is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom. Bl-istess mod, din id-Direttiva ma taffettwax id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi jekk, kif u sa liema punt jixtiequ jwettqu l-funzjonijiet pubbliċi huma stess skont l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll Nru 26”.


130      Enfasi miżjuda.


131      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat in-natura kumulattiva tat-tliet kundizzjonijiet fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C‑44/96, EU:C:1998:4, punt 21). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑283/00, EU:C:2003:544, punt 69).


132      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C‑380/98, EU:C:2000:529, punt 21)


133      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C‑380/98, EU:C:2000:529, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet sabiex tgħid li d-deċiżjoni dwar jekk korp bħall-University of Cambridge kienx “awtorità kontraenti” kellha tittieħed kull sena u li s-sena baġitarja li fiha l-proċedura ta’ akkwist pubbliku tkun inbdiet kellha titqies bħala l-perijodu l-iktar adatt sabiex jiġi kkalkulat il-mod li bih dak il-korp ikun iffinanzjat (punti 40 u 41).


134      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C‑44/96, EU:C:1998:4, punt 35).


135      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00, EU:C:2003:110, punti 33 sa 40).


136      Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑283/00, EU:C:2003:544, punt 81).


137      Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior (C‑223/99 u C‑260/99, EU:C:2001:259, punt 37).


138      Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 49); tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 17); u tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C‑343/98, EU:C:2000:441, punt 23). Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża Portgás (C‑425/12, EU:C:2013:623) fil-punt 30, l-Avukat Ġenerali Wahl qies (filwaqt li ċċita s-sentenza Marshall, punt 47) li “[…] [i]r-rikonoxximent tal-effett dirett tad-direttivi huwa bbażat, fl-aħħar mill-aħħar, fuq żewġ għanijiet kumplimentari: in-neċessità li tkun iggarantita l-effiċjenza tad-drittijiet li l-individwi jista’ jkollhom minn dawn l-atti kif ukoll ix-xewqa li jkunu ssanzjonati l-awtoritajiet nazzjonali li ma osservawx l-effett obbligatorju u naqsu milli jiżguraw applikazzjoni effettiva tagħhom”. Naqbel kompletament mal-ewwel parti ta’ din il-propożizzjoni. Madankollu, nibża’ li ma nistax naqbel mat-tieni parti sa fejn mhux biss deċiżjonijiet li ġew wara, imma s-sentenza Marshall stess, jagħmluha ċara li korpi li ma kellhom x’jaqsmu xejn (u ma setgħux jinfluwenzaw) in-nuqqas tal-Istat li jittrasponi d-direttiva xorta waħda jkollhom josservaw dispożizzjonijiet direttament effettivi ta’ dik id-direttiva skont id-duttrina ta’ effett dirett vertikali jekk jitqiesu li jkunu emanazzjoni tal-Istat.


139      Ara, inter alia, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1985, Schul Douane-Expediteur (47/84, EU:C:1985:216, punt 17); tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 40); tad-9 ta’ Novembru 2016, Wathelet (C‑149/15, EU:C:2016:840, punt 29); u tat-2 ta’ Marzu 2017, J. D. (C‑4/16, EU:C:2017:153, punt 24).


140      Ara, b’mod partikolari, il-punti 35, 49 u 62 iktar ’il fuq.


141      Ara l-punt 65 iktar ’il fuq.


142      Ara l-punt 68 iktar ’il fuq.


143      Il-ġurisprudenza ta’ qabel is-sentenza Foster iċċitata fil-punt 19 tas-sentenza Foster diġà wriet li ċerti korpi li strutturalment kienu jagħmlu parti mill-Istat kellhom jitqiesu bħala l-Istat innifsu: l-iktar awtoritajiet tat-taxxa (sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, EU:C:1982:7, u s-sentenza tat-22 ta’ Frar 1990, Busseni, C‑221/88, EU:C:1990:84), u awtoritajiet lokali jew reġjonali (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256).


144      Ara l-punti 61 u 62 iktar ’il fuq.


145      Fil-punt 19 tas-sentenza Foster, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat żewġ korpi li minn aspett funzjonali kienu emanazzjonijiet tal-Istat: awtoritajiet kostituzzjonalment indipendenti responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika (sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, EU:C:1986:206) u awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi ta’ kura għas-saħħa pubblika (sentenza tas-26 Frar 1986, Marshall, 152/84, EU:C:1986:84).


146      Ara, pereżempju, id-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255).


147      Ara, pereżempju, id-Direttiva dwar kwalifiki professjonali [Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005 L 255, p. 22)] kif emendata reċentement bid-Direttiva 2013/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Direttiva 2005/36 u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU 2013 L 354, p. 13). Tagħrif ġenerali dwar kif taħdem dik is-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tinsab fis-sit http://ec.europa.eu/growth/single-market/services/free-movement-professionals_en.


148      Ara, pereżempju, id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 544/2009 u bid-Direttiva 2009/140/KE.


149      Sentenza tas-26 ta’ Frar 1986 (152/84, EU:C:1986:84).


150      Hemm ukoll arranġamenti (kemmxejn mhux tas-soltu) li jippermettu lill-MIBI jinnegozja ma’ partijiet li jkunu ġarrbu korriment u li jisma’ litigazzjoni anki meta ma jkollux kuntratt jew mandat speċifiku li jawtorizzah jagħmel hekk. Għandu jiġi nnotat li l-fatt li l-assiguraturi kollha ta’ vetturi bil-mutur għandhom ikunu membri tal-MIBI jiżgura kemm kundizzjonijiet ekwi f’termini tal-liġi tal-kompetizzjoni, kif ukoll ifisser li l-MIBI qatt ma jkun, xi darba, mingħajr finanzi jekk ikollu jagħmel tajjeb għal talbiet addizzjonali li ma kienx qiegħed jistenna li jkollu jagħmel tajjeb għalihom. Huwa jkollu sempliċement jaġġusta l-kontribuzjonijiet li jkun jeħtieġ mill-membri tiegħu; u l-membri tiegħu bl-istess mod jaġġustaw l-ammont addizzjonali li jitolbu f’kuntratti ta’ assigurazzjoni individwali li huma jagħmlu sabiex jiffinanzjaw il-kontribuzzjoni tagħhom lill-MIBI.


151      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990 (C‑188/89, EU:C:1990:313) (enfasi miżjuda).


152      Sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986 (222/84, EU:C:1986:206, punt 56).


153      Ara l-punt 54 iktar ’il fuq.


154      Ara l-punti 58 et seq. iktar ’il fuq.


155      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et, C‑253/96 sa C‑258/96, EU:C:1997:585, u l-punt 58 iktar ’il fuq.


156      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C‑343/98, EU:C:2000:441, u punti 59 u 60 iktar ’il fuq.


157      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte, C‑157/02, EU:C:2004:76, u l-punti 61 sa 63 iktar ’il fuq. Il-punt 12 tas-sentenza jindika li Asfinag kien awtorizzat skont il-ftehim bejnu u l-Istat Awstrijak (diversament deskritt bħala “liċenzja” u bħala “kuntratt”) “jiġbor, f’ismu u għall-benefiċċju tiegħu, pedaġġi u ħlasijiet minn min juża l-awtostradi sabiex jirkupra l-ispejjeż tiegħu”. L-analiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet wara kienet ikkonċentrata fuq il-kontroll tal-Istat (punt 25) u fuq il-fatt li Asfinag “ma huwiex intitolat li jiffissa, bl-awtorità tiegħu stess, l-ammont tal-pedaġġi li jkollhom jinġabru. Dak l-ammont huwa ffissat mil-liġi” (punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja minnufih ikkonkludiet li Asfinag kien emanazzjoni tal-Istat, mingħajr ma identifikat setgħat speċjali li huwa kellu (punt 27).


158      Ara d-digriet tas-26 ta’ Mejju 2005, Sozialhilfeverband Rohrbach (C‑297/03, EU:C:2005:315), u l-punt 64 iktar ’il fuq.


159      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo (C‑180/04, EU:C:2006:518), u l-punt 65 iktar ’il fuq.


160      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33), u l-punt 67 iktar ’il fuq.


161      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratú (C‑361/12, EU:C:2013:830), u punt 68 iktar ’il fuq.


162      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Portgás (C‑425/12, EU:C:2013:829). Ara wkoll il-punti 69 sa 76 iktar ’il fuq.


163      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Portgás (C‑425/12, EU:C:2013:829), punti 30 u 31.


164      Ara l-punt 112 iktar ’il fuq.


165      Ara l-punt 98 iktar ’il fuq.


166      Ara, dwar dan, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C‑380/98, EU:C:2000:529, punt 40).


167      Ara l-punt 90 iktar ’il fuq.


168      Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994 (C‑91/92, EU:C:1994:292).


169      Għal xi eżempji ta’ ħafna studji kritiċi ta’ dan il-korp ta’ ġurisprudenza, ara Tridimas, T., “Black, White and Shades of Grey: Horizontality Revisited” (2002) 21 Y.B.E.L., p. 327; Dashwood, A., “From Van Duyn to Mangold via Marshall: reducing Direct Effect to Absurdity” (2006-7) 9 C.Y.E.L.S., p. 81; Dougan, M., “When worlds collide! Competing Visions of the Relationship between Direct Effect and Supremacy” (2007) 44 C.M.L.Rev., p. 931; Craig, P., “The Legal Effects of Directives: Policy, Rules and Exceptions” (2009) 34 E.L.Rev, p. 349; u de Moi, M., “Dominguez: A Deafening Silence” (2012) 8 European Constitutional Law Review, p. 280.


170      Konklużjonijiet tad-9 ta’ Frar 1994 (C‑91/92, EU:C:1994:45, punt 47).


171      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali van Gerven tas-26 ta’ Jannar 1993 fil-kawża Marshall II (C‑271/91, EU:C:1993:30, punt 12), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacob tas-27 ta’ Jannar 1994 fil-kawża Vaneetveld (C‑316/93, EU:C:1994:32, punt 15 et seq). Iktar reċenti, l-Avukat Ġenerali Trstenjak reġgħet eżaminat il-kwistjonijiet bażiċi f’diversi partijiet tal-konklużjonijiet tagħha tat-8 ta’ Settembru 2011 fil-kawża Dominguez (C‑282/10, EU:C:2011:559).


172      Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994 (C‑91/92, EU:C:1994:292).


173      F’dan ir-rigward, jiena kont nadotta l-osservazzjonijiet kollha tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punti 30 u 31 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Vaneetveld (C‑316/93, EU:C:1994:32), li ġew iċċitati testwalment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, iktar ’il fuq.


174      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990 (C‑188/89, EU:C:1990:313).