Language of document : ECLI:EU:T:2015:515

Kawża T‑393/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Westfälische Drahtindustrie GmbH et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Ksur kumpless — Ksur uniku u kontinwu — Tbegħid — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Ugwaljanza fit‑trattament — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 — Linji Gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal‑15 ta’ Lulju 2015

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Ittra ta’ direttur ġenerali tal-Kummissjoni li tiċħad talba għal tnaqqis ta’ multa imposta fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Ittra li tinkludi evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża distinta mid-deċiżjoni inizjali — Assenza ta’ natura purament konfermattiva — Ammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Interess ġuridiku — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni biex tistħarreġ u tbiddel id-deċiżjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt prevalenti fid-data tad-deċiżjoni tagħha — Interess tal-impriżi ssanzjonati għall-kontroll ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi magħmula mill-Kummissjoni

(Artikoli 101 TFUE u 263 TFUE)

3.      Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu — Kundizzjonijiet — Eżistenza ta’ pjan ġenerali — Evalwazzjoni — Perijodu tranżitorju bejn żewġ partijiet ta’ ksur uniku — Konsegwenzi

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25(1))

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju — Grad ta’ preċiżjoni mitlub mill-provi meqjusa mill-Kummissjoni — Sensiela ta’ indizji — Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà jew it-tul tal-ksur — Tbegħid pubbliku

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà — Portata — Konsegwenzi

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ — Neċessità li jiġu speċifikati l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti — Assenza

(Artikolu 296 TFUE)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Smigħ tal-impriżi — Impriża li pparteċipat fi smigħ dwar l-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni — Talba għal smigħ ġdid fir-rigward ta’ talba għal tnaqqis tal-multa bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża — Ċaħda — Ksur tad-dritt għal smigħ — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tapplika l-linji gwida b’osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-aspettattivi leġittimi

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Kapaċità ta’ ħlas — Obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ defiċit tal-impriża kkonċernata — Assenza — Kapaċità ta’ ħlas reali tal-impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari — Teħid inkunsiderazzjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 35)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata — Ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja — Assenza

(Artikoli 101 TFUE u 261 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 35)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Kapaċità ta’ ħlas — Stħarriġ sħiħ mill-qorti tal-Unjoni — Żbalji ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni — Annullament/kanċellazzjoni — Eżerċizzju mill-qorti tal-Unjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha

(Artikoli 101 TFUE u 261 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23(2), u 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 35)

1.      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti u li jistgħu jaffettwaw l-interessi ta’ terzi billi jbiddlu b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni legali tagħhom jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. F’dan il-kuntest, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura li tagħha jintalab l-annullament tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sustanza tagħha, filwaqt li l-forma li biha din il-miżura ġiet adottata hija, bħala prinċipju, irrilevanti. Fil-fatt, huwa biss l-att li bih korp tal-Unjoni jiddetermina l-pożizzjoni tiegħu b’mod mhux ekwivoku u definittiv, taħt forma li tippermetti li tiġi identifikata n-natura tiegħu, li jikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, bil-kundizzjoni madankollu li din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix il-konferma ta’ att preċedenti. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn l-att ikkontestat huwa sempliċement konfermattiv, ir-rikors huwa ammissibbli biss taħt il-kundizzjoni li l-att ikkonfermat ikun ġie kkontestat fit-termini stabbiliti. B’hekk, meta rikorrent jistenna li jgħaddi t-terminu stabbilit sabiex jaġixxi kontra deċiżjoni li tistabbilixxi b’mod mhux ekwivoku miżura li għandha effetti legali li jaffettwaw l-interessi tiegħu u li hija imposta b’mod vinkolanti fuqu, huwa ma jistax jistenna li jiġi stabbilit mill-ġdid it-terminu billi jitlob lill-istituzzjoni tbiddel id-deċiżjoni tagħha billi jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut li tikkonferma d-deċiżjoni meħuda preċedentement.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ deċiżjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, l-ittra li fiha d-direttur ġenerali tal-Kummissjoni, minn naħa, jevalwa l-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża inkriminata billi ħa inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li ġew eżaminati fid-deċiżjoni inizjali u, min-naħa l-oħra, issostni raġuni tar-rifjut li titnaqqas il-multa differenti minn dik li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni inizjali ma tistqax titqies bħala purament konfermattiva tad-deċiżjoni inizjali.

(ara l-punti 98-102, 107)

2.      Fir-rigward ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għall-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, l-eżerċizzju, mill-Qorti tal-Unjoni, tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma jeskludix, iżda jippreżumi li tista’, sa fejn dan jintalab mill-impriżi inkriminati u bla ħsara għar-raġunijiet ta’ ordni pubbliku li hija għandha, fl-osservanza tal-kontradittorju, tqajjem ex officio, l-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt magħmula mill-Kummissjoni. Issa, għalkemm il-qorti ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għandha, bħala regola, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt prevalenti fid-data li fiha tiddeċiedi meta tikkunsidra li huwa ġġustifikat li tuża s-setgħa tagħha li tibdel deċiżjoni, dan l-obbligu ma għandux il-konsegwenza li jtellef lill-impriżi ssanzjonati mill-Kummissjoni minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE minn kull interess li l-istħarriġ ġudizzjarju jittratta wkoll il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt magħmula mill-Kummissjoni, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi prevalenti fid-data ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

Għalhekk, is-sempliċi eventwalità li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi ssanzjonati, il-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma għandhiex bħala konsegwenza li l-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet li jinsabu f’ittra li fiha direttur ġenerali tal-Kummissjoni evalwa l-kapaċità ta’ ħlas ta’ dawn l-impriżi billi ħa inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li ġew eżaminati fid-deċiżjoni inizjali jsir ineffettiv.

(ara l-punt 109)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 141-147, 152-155, 158, 161, 163, 189-191)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 166-171, 188, 194)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 172)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 272)

7.      Fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni, meta jkun ġie organizzat smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multi, il-Kummissjoni ma għandhiex iżżomm smigħ ġdid fir-rigward tat-talba għal tnaqqis imressqa minn impriża inkriminata, ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità tagħha ta’ ħlas.

Fil-fatt, l-organizzazzjoni ta’ tali smigħ ma hijiex prevista fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-unika ħaġa rrikonoxxuta minn din id-dispożizzjoni huwa d-dritt tal-impriżi li juru l-perspettiva tagħhom f’dak li jirrigwarda l-oġġezzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni tippjana li tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi ma tikkostitwixxix oġġezzjoni li tista’ tkun il-bażi ta’ deċiżjoni li tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE, iżda tippermetti lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi mressqa insostenn ta’ talba ta’ tnaqqis tal-multa bbażata fuq raġunijiet indipendenti mill-elementi li jikkostitwixxu l-ksur.

Barra minn hekk, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma joħloqx dritt ieħor lill-impriżi li jinstemgħu qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq it-talba tagħhom ta’ tnaqqis ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni pprovduta minnhom. Tali deċiżjoni tikkostitwixxi, mingħajr dubju, miżura individwali svaforevoli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, id-dritt għal smigħ previst fiha għandu jitqies li ġie rrispettat fis-sitwazzjonijiet li fihom id-deċiżjoni meħuda hija bbażata biss fuq elementi kkomunikati minn min jagħmel it-talba u fid-dawl ta’ kuntest ġuridiku u fattwali magħruf minnu.

F’dan ir-rigward, huwa veru li, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni hija obbligata li tippermetti lil impriża li tkun ressqet talba għal tnaqqis minħabba l-kapaċità ta’ ħlas tagħha sabiex turi l-perspettiva tagħha fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li hija għandha l-intenzjoni li tapplika sabiex tiċħad din it-talba, f’każ fejn dawn il-punti ma ġewx ikkomunikati lilha minn din l-impriża. Għall-kuntrarju, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-punti li ġew imressqa lilha ma humiex konvinċenti ma jobbligahiex li tikkomunika din l-evalwazzjoni qabel ma tiddeċiedi dwar it-talba.

(ara l-punti 279-283)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 287)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 288-296)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 297-302)

11.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 tikkostitwixxi l-aħħar punt meħud inkunsiderazzjoni meta jiġi ffissat l-ammont tal-multi, l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi ssanzjonati minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, żbalji mwettqa mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi inkriminati, huma tali li jagħtu lok għall-annullament tad-deċiżjoni tagħha, sa fejn multa hija imposta fuq l-imsemmija impriżi, u li jiġġustifikaw l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa min-naħa tal-qorti tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni fejn, wara li tirċievi dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-kumpanniji msemmija ttrasferixxew fondi lil impriżi oħra li jappartjenu għall-istess grupp, il-fatt li l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tkun dovuta għal deċiżjonijiet ta’ ġestjoni diskrezzjonali ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex tiġi ġġustifikata ċ-ċaħda ta’ kull talba għal tnaqqis tal-multa. Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas, ir-raġunijiet li għalihom saru dawn it-trasferimenti. Fil-fatt, finanzjamenti mogħtija lil kumpanniji oħra minn grupp jistgħu b’mod partikolari jissodisfaw il-ħtieġa li jiġu ffinanzjati akkwisti magħmula qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, jekk ikun il-każ, li trasferimenti finanzjarji bħal dawn jibqgħu mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-grupp ta’ impriżi kkunsidrata globalment.

Barra minn hekk, sabiex tiġi miċħuda talba għal tnaqqis tal-multa, il-Kummissjoni ma tistax ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriża kkonċernata tkun stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li kien impossibbli għaliha li tħallas f’pagament wieħed l-ammont totali tal-multi finalment imposti fuqha milli tikseb finanzjament jew saħansitra garanzija bankarja sa dan l-ammont.

F’dan il-kuntest, jekk il-qorti tal-Unjoni, fid-dawl tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni li jivvizzjawha, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, inkwantu tkun ġiet imposta multa fuq l-impriża kkonċernata, xejn ma jipprekludi li l-imsemmija qorti tikkonkludi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li ma għandu jingħata ebda tnaqqis tal-multa minħabba l-kapaċità ta’ ħlas ta’ din l-impriża u li tikkundannaha għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa imposta fid-deċiżjoni annullata.

(ara l-punti 297, 311, 319, 321, 328, 332, 357, 358)