Language of document : ECLI:EU:C:2024:488

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Artikoli 266 u 340 TFUE – Sentenza li tnaqqas l-ammont ta’ multa imposta mill-Kummissjoni Ewropea – Rimbors mill-Kummissjoni Ewropea tal-ammont indebitament irċevut – Obbligu li jitħallsu interessi – Klassifikazzjoni – Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għaċ-ċaħda tat-tgawdija tal-ammont tal-multa mħallsa indebitament – Rata applikabbli”

Fil-Kawża C‑221/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑28 ta’ Marzu 2022,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Calleja Crespo, N. Khan, B. Martenczuk, P. Rossi u L. Wildpanner, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. von Köckritz, P. Lohs u U. Soltész, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, F. Biltgen, N. Piçarra u Z. Csehi (Relatur), Presidenti ta’ Awla, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele, J. Passer u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Jannar 2022, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑610/19, iktar’ il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:15), li permezz tagħha din ikkundannat lill-Kummissjoni tħallas kumpens fl-ammont ta’ EUR 1 750 522.83 lil Deutsche Telekom AG bħala kumpens għad-dannu subit, annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta li tħallas interessi moratorji lil Deutsche Telekom (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”) u ċaħdet il-kumplament tar-rikors ta’ Deutsche Telekom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament Finanzjarju tal2012

2        Taħt it-titolu “Stabbiliment tal-ammonti riċevibbli”, l-Artikolu 78 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), kien jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar l-istabbiliment tal-ammonti riċevibbli, inklużi l-proċedura u provi dokumentarji, u l-interessi għal inadempjenza fil-ħlas.”

 IrRegolament ta’ Delega (UE) 1268/2012

3        Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1) ġie adottat mill-Kummissjoni abbażi, b’mod partikolari tal-Artikolu 78(4) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2012.

4        Skont l-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, intitolat “Imgħax awtomatiku”:

“1.      Bla ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regolamenti speċifiċi għas-settur, kwalunkwe ammont riċevibbli li ma jitħallasx lura fid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) jeħel imgħax skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Ir-rata tal-imgħax għall-ammonti riċevibbli li ma jitħallsux lura fid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew [(BĊE)] għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem ir-‘rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE’], fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih tkun id-data tal-għeluq, u miżjuda hekk:

a)      bi tmien punti perċentwali meta l-avveniment li jobbliga jkun kuntratt ta’ provvista u servizz pubbliku msemmi fit-Titolu V;

b)      bi tliet punti perċentwali u nofs fil-każijiet l-oħrajn kollha.

3.      L-imgħax jiġi kkalkolat mill-jum kalendarju wara d-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) u speċifikata fin-nota ta’ debitu sal-jum kalendarju meta d-dejn jitħallas kollu.

L-ordni ta’ rkupru li tikkorrispondi għall-ammont tal-imgħax awtomatiku tinħareġ meta dan l-imgħax fil-fatt jitħallas.

4.      Fil-każ tal-multi, meta d-debitur jipprovdi garanzija finanzjarja li tiġi aċċettata mill-uffiċjal tal-kontabilità minflok ħlas, ir-rata tal-imgħax applikabbli mid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) tkun ir-rata msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fis-seħħ mill-ewwel jum tax-xahar li fih tkun ġiet adottata d-deċiżjoni li timponi multa u miżjuda biss b’punt perċentwali u nofs.”

5        L-Artikolu 90 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-irkupru ta’ multi jew pieni oħra”, kien jipprevedi:

“1.      Meta tittieħed azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa jew pieni oħra skont it-[Trattat FUE] jew it-Trattat tal-Euratom u sa dak iż-żmien li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, id-debitur iħallas provviżorjament l-ammonti kkonċernati fil-kont bankarju nnominat mill-uffiċjal tal-kontabilità jew inkella jipprovdi garanzija finanzjarja li tkun aċċettabbli għall-uffiċjal tal-kontabilità. Il-garanzija tkun indipendenti mill-obbligu ta’ ħlas tal-multa jew tal-pieni jew ta’ pieni oħra u għandha tkun infurzabbli mal-ewwel sejħa. Hija tkopri t-talba fir-rigward tas-somma kapitali ewlenija u l-imgħax dovut kif speċifikat fl-Artikolu 83(4).

2.      Il-Kummissjoni tiżgura l-ammonti mħallsa provviżorjament billi tara li dawn jiġu investiti f’assi finanzjarji sabiex b’hekk jiġu żgurati s-sigurtà u l-likwidità tal-flejjes, filwaqt li timmira wkoll li tipproduċi redditu pożittiv.

[...]

4.      Wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha u l-multi jew il-pieni jkunu tħassru jew tnaqqsu, tittieħed kwalunkwe waħda mill-miżuri li ġejjin:

a)      l-ammonti indebitament miġbura flimkien mal-imgħax iġġenerat jitħallsu lura lill-parti terza kkonċernata. F’każijiet fejn ir-redditu globali ġġenerat għall-perjodu rilevanti kien wieħed negattiv, il-valur nominali tal-ammonti indebitament miġbura jitħallas lura;

b)      meta tkun ġiet ipprovduta garanzija finanzjarja, din tal-aħħar tiġi rilaxxata kif xieraq.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

6        Fil‑15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 7465 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ AT.39523 – Slovak Telekom), irrettifikata bid-Deċiżjoni tagħha C(2014) 10119 final, tas‑16 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll bid-Deċiżjoni tagħha C (2015) 2484 final, tas‑17 ta’ April 2015.

7        Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq Deutsche Telekom multa ta’ EUR 31 070 000 għal abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq Slovakk tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet broadband, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

8        Deutsche Telekom ippreżentat rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, filwaqt li ħallset din il-multa fis‑16 ta’ Jannar 2015. Permezz tas-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Telekom tal-2018”, EU:T:2018:930), il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Deutsche Telekom u, billi eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, naqqset l-imsemmija multa b’EUR 12 039 019. Fid‑19 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni rrimborsat dan l-ammont lil Deutsche Telekom.

9        Fit‑12 ta’ Marzu 2019, Deutsche Telekom talbet lill-Kummissjoni tħallasha l-interessi moratorji li jikkorrispondu għall-ammont imħallas indebitament għall-perijodu mid-data tal-ħlas tal-multa sad-data tar-rimbors ta’ dan l-ammont (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”).

10      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ din it-talba. Hija sostniet li, skont l-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, l-ammont nominali tal-multa miġbur indebitament ma kellux jiżdied b’interessi moratorji, minħabba l-fatt li d-dħul globali miksub mill-investiment ta’ dan l-ammont f’assi finanzjarji, li hija kienet wettqet b’applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 90, kien negattiv.

11      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-argument ta’ Deutsche Telekom li din tal-aħħar kellha d-dritt, konformement mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17, EU:T:2019:81), li tirċievi interessi moratorji skont bir-rata rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE, b’żieda ta’ 3.5 punti perċentwali. Bi tweġiba għal dan l-argument, il-Kummissjoni spjegat li dik is-sentenza ma kinitx tikkostitwixxi l-bażi legali tal-ħlas tal-interessi moratorji li Deutsche Telekom talbet il-ħlas tagħhom. Barra minn hekk, hija sostniet li l-imsemmija sentenza kellha tinftiehem bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Fl-aħħar, hija indikat li kienet ppreżentat appell mill-istess sentenza, li għalhekk ma kinitx definittiva.

 Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Settembru 2019, Deutsche Telekom adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens għal-lucrum cessans minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija, matul il-perijodu inkwistjoni, tal-ammont prinċipali tal-parti mill-multa mħallsa indebitament jew, sussidjarjament, għall-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji fuq dan l-ammont.

13      Il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment dan ir-rikors.

14      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba ta’ Deutsche Telekom intiża għall-kumpens, abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, għall-allegat lucrum cessans tagħha sofrut minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija, matul il-perijodu inkwistjoni, tal-parti mill-multa mħallsa indebitament u li jikkorrispondi għar-rendiment annwali tal-kapital investit tagħha jew għall-ispiża medja ponderata tal-kapital tagħha.

15      Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, Deutsche Telekom baqgħet ma pproduċietx provi konklużivi tan-natura reali u ċerta tad-dannu invokat. B’mod iktar partikolari, Deutsche Telekom la wriet li hija kienet neċessarjament tinvesti l-ammont tal-multa mħallas indebitament fl-attivitajiet tagħha, u lanqas li ċ-ċaħda tat-tgawdija ta’ dan l-ammont wassalha tirrinunzja għal proġetti speċifiċi u konkreti, u lanqas li hija kellha sors alternattiv ta’ finanzjament.

16      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina t-talba għad-danni mressqa sussidjarjament minn Deutsche Telekom għal ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jipprevedi l-obbligu għall-istituzzjonijiet li att tagħhom jiġi annullat permezz ta’ sentenza tal-qorti tal-Unjoni li jieħdu l-miżuri kollha li l-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza tkun tinvolvi.

17      Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Printeos”, EU:C:2021:39), il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li, meta somom ikunu nġabru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, minn dan id-dritt jirriżulta obbligu li dawn jitħallsu lura bl-interessi u li dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta somom ikunu nġabru b’applikazzjoni ta’ att tal-Unjoni ddikjarat invalidu jew annullat minn qorti tal-Unjoni.

18      Fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-għoti ta’ interessi moratorji fuq l-ammont indebitament miġbur jidher bħala komponent indispensabbli tal-obbligu tal-Kummissjoni ta’ restutito in integrum li għandha l-Kummissjoni wara sentenza ta’ annullament jew ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

19      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-għoti ta’ tali interessi mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li dan l-għoti huwa intiż li tikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-impriża li ħallset din il-multa minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija tal-fondi tagħha matul il-perijodu bejn id-data tal-ħlas provviżorju tal-imsemmija multa u d-data tar-rimbors tagħha.

20      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas dawn l-interessi lil Deutsche Telekom jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu li jikkonsisti fit-telf, matul il-perijodu inkwistjoni, tal-interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa mħallas indebitament, il-Qorti Ġenerali tagħti lil Deutsche Telekom kumpens ta’ EUR 1 750 522.38, ikkalkolat permezz tal-applikazzjoni, b’analoġija, tar-rata prevista fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, jiġifieri r-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE, fis-seħħ f’Jannar 2015, jiġifieri 0.05 %, b’żieda ta’ 3.5 punti perċentwali.

21      Fit-tielet lok, fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba għall-istess raġunijiet bħal dawk li wassluha sabiex tqis, fil-kuntest tal-eżami tat-talba għad-danni, li l-Kummissjoni kisret l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE meta rrifjutat li tħallas interessi moratorji lil Deutsche Telekom fuq l-ammont tal-multa miġbura indebitament, għall-perijodu inkwistjoni.

 Ittalbiet talpartijiet quddiem ilQorti talĠustizzja

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–      tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tilqa’ t-talbiet ta’ Deutsche Telekom AG;

–      tiddeċiedi hija stess fuq il-punti sospiżi tal-kawża;

–      sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura, sa fejn din għadha ma hijiex deċiża, quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni mill-ġdid;

–      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha relatati ma’ din il-proċedura u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

23      Deutsche Telekom titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–      tiċħad l-appell u

–      tikkundanna lill-Kummissjoni tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Deutsche Telekom għall-finijiet tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u

 Fuq lappell

24      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta qieset li l-Artikolu 266 TFUE jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu assolut u inkundizzjonat li tħallas retroattivament “interessi moratorji ta’ natura ta’ sanzjoni” mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa u, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta qieset li r-rata tal-interessi moratorji li l-Kummissjoni hija obbligata tħallas tikkorrispondi, b’analoġija għal dik prevista fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, għar-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

 Fuq lammissibbiltà talappell

25      Deutsche Telekom issostni li l-appell huwa inammissibbli fl-intier tiegħu sa fejn, fir-realtà, ma huwiex dirett kontra s-sentenza appellata, iżda kontra s-sentenza Printeos, li saret definittiva. Barra minn hekk, Deutsche Telekom issostni li d-diversi partijiet tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni aggravju huma inammissibbli sa fejn dawn jikkostitwixxu biss repetizzjoni tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, jew sa fejn tqajmu għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ewwel aggravju, l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju tirriżulta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni, bi ksur tar-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma identifikatx il-punti tal-motivi tas-sentenza appellata li minnhom jirriżulta li l-obbligu ta’ ħlas tal-interessi għandu natura ta’ sanzjoni.

26      Il-Kummissjoni tqis li l-appell tagħha huwa kompletament ammissibbli.

27      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt minn appell li, mingħajr ma jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li allegatament jivvizzja s-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, DK vs SEAE, C‑851/19 P, EU:C:2021:607, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid f’appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, DK vs SEAE, C‑851/19 P, EU:C:2021:607, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ripetutament iddeċidiet li appellant huwa intitolat li jippreżenta appell għal aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-korrettezza tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020, SEAE vs Alba Aguilera et, C‑427/18 P, EU:C:2020:109, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, bħal kull parti oħra f’appell, għandha żżomm il-possibbiltà li tikkontesta l-prinċipji legali li l-Qorti Ġenerali applikat fis-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha, anki jekk dawn il-prinċipji ġew żviluppati f’sentenzi li ma jistgħux jew ma għadhomx jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell.

31      F’dan il-każ, l-appell huwa intiż, kif osservat il-Kummissjoni fl-introduzzjoni tiegħu, sabiex jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta mis-sentenza Printeos, li fuqha hija bbażata l-parti l-kbira tas-sentenza appellata, u li tmur kontra l-ġurisprudenza preċedenti għal din is-sentenza Printeos. L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni jidentifikaw bi preċiżjoni suffiċjenti l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom din tal-aħħar hija, fil-fehma tagħha, ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi, u għalhekk ma hijiex limitata, kuntrarjament għal dak li tallega Deutsche Telekom, għal sempliċi repetizzjoni jew riproduzzjoni tal-argumenti ppreżentati minn din l-istituzzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

32      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata minn Deutsche Telekom għandha tiġi miċħuda.

 Fuq lewwel aggravju

 Largumenti talpartijiet

33      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Artikolu 266 TFUE jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu assolut u inkundizzjonat li tħallas retroattivament “interessi moratorji ta’ natura ta’ sanzjoni” mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa.

34      Dan -ewwel aggravju jinqasam f’sitt partijiet.

35      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta li wettqet ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE billi ma ħallsitx interessi moratorji sal-ammont mitlub minn Deutsche Telekom.

36      Fil-fatt, skont din l-istituzzjoni, il-kunċett ta’ interessi moratorji, tan-natura ta’ dawk mitluba minn Deutsche Telekom u mogħtija mill-Qorti Ġenerali, jippreżumi li debitur jinsab, tal-inqas b’negliġenza, f’dewmien fil-ħlas. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet, fis-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il‑Kummissjoni (T‑459/93, EU:T:1995:100, punt 101), l-interessi moratorji bħala interessi “dovuti għad-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas lura”. Madankollu, f’dan il-każ, wara s-sentenza Deutsche Telekom tal‑2018, il-Kummissjoni immedjatament irrimborsat l-ammont tal-multa indebitament miġbura u għalhekk qatt ma kienet “tard” fil-ħlas. L-interessi moratorji li hija obbligata tħallas skont is-sentenza Printeos u tas-sentenza appellata jikkostitwixxu b’hekk sanzjoni mhux iġġustifikata għall-Kummissjoni.

37      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata tikkontradixxi l-ġurisprudenza li ngħatat qabel is-sentenza Printeos.

38      Skont il-Kummissjoni, l-interessi li magħhom għandu jiġi impost ir-rimbors ta’ somom ta’ flus miġbura indebitament ma humiex “interessi moratorji ta’ natura ta’ sanzjoni” li għandhom jitħallsu retroattivament, iżda interessi kumpensatorji intiżi sabiex jiġi evitat arrikkiment indebitu tad-debitur, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672). Il-Kummissjoni tirrileva li, għalkemm, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat l-interessi li għandhom jitħallsu bħala “interessi moratorji”, hija madankollu ppreċiżat li dawn kienu rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Għalhekk, fir-realtà, dawn huma interessi kumpensatorji li jikkorrispondu għall-interessi li pproduċew l-investimenti li l-Kummissjoni kienet wettqet abbażi tal-Artikolu 90 ta’ dan ir-regolament ta’ delega. Għaldaqstant, mill-imsemmija sentenza, li għaliha jirreferi l-punt 73 tas-sentenza appellata, ma jistax jiġi dedott li kien hemm lok għall-Kummissjoni li tħallas lil Deutsche Telekom l-interessi moratorji li din talbet u li l-Qorti Ġenerali tatha permezz tas-sentenza appellata.

39      Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tammetti li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, hija għandha l-obbligu, meta l-multi li hija imponiet ikunu ġew sussegwentement annullati jew imnaqqsa minn qorti tal-Unjoni, li tirrimborsa l-ammont tal-multi miġbura indebitament kif ukoll l-interessi prodotti, konformement mal-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Il-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu, stabbilita mill-ġurisprudenza f’tali każijiet, tipprojbixxiha, fil-fatt, milli żżomm l-interessi li pproduċew dawn il-multi. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa l-Artikolu 90(4) ta’ dan ir-regolament ta’ delega li għandu japplika u li jobbligaha tirrimborsa lill-impriżi kkonċernati, wara sentenza li tannulla jew tnaqqas il-multa miġbura provviżorjament, “l-ammonti indebitament miġbura flimkien mal-imgħax iġġenerat”. Min-naħa l-oħra, meta d-dħul globali tal-investiment tal-ammonti li jikkorrispondu għal din il-multa kien negattiv, hija tkun obbligata li tirrimborsa biss “il-valur nominali tal-ammonti miġbura indebitament”.

40      L-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza appellata twassal, fil-kuntest ekonomiku attwali, għal arrikkiment indebitu tal-impriżi kkonċernati, minħabba r-rikonoxximent ta’ dritt assolut u inkundizzjonat għall-ħlas ta’ interessi b’rata li tikkorrispondi għar-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

41      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jirregola l-interessi li għandhom jitħallsu għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qrati tal-Unjoni.

42      Hija tiddubita, b’mod partikolari, il-fondatezza tal-punt 97 tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali qieset li, meta l-ammont tal-interessi prodotti, fis-sens tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, ikun inqas mill-ammont tal-interessi moratorji, il-Kummissjoni hija obbligata tħallas id-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti. Din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali jkollha bħala konsegwenza li din id-dispożizzjoni ma tkun de facto qatt applikabbli. Fil-fatt, l-interessi prodotti minn investiment sigur qatt ma jistgħu jkunu ogħla mill-interessi moratorji, li r-rata tagħhom tikkorrispondi għar-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda b’ 3.5 punti perċentwali.

43      Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE, ma humiex issodisfatti.

44      Qabel kollox, billi obbligat lill-Kummissjoni tħallas b’mod retroattiv l-interessi moratorji mill-ħlas provviżorju tal-multa, il-Qorti Ġenerali assimilat b’mod żbaljat is-sempliċi ffissar ta’ multa li l-ammont tagħha jitnaqqas sussegwentement minn qorti tal-Unjoni, ma’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali. Sussegwentement, quddiem il-Qorti Ġenerali, Deutsche Telekom ma ppruċietx il-prova li hija kienet ġarrbet dannu. F’dan ir-rigward, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi bir-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti perċentwali ma jistax jitqies bħala telf ikkawżat lil Deutsche Telekom. Fl-aħħar nett, ikun kontradittorju li l-Kummissjoni tiġi kkritikata bi ksur serju tad-dritt minħabba fatturi, bħat-tul tal-proċeduri ġudizzjarji, li ma jaqgħux taħt l-istħarriġ tagħha.

45      Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-effett ex tunc tas-sentenza tal-qrati tal-Unjoni ma jwassalx għall-obbligu li tħallas interessi moratorji mid-data tal-ġbir provviżorju tal-multa.

46      Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li, għalkemm l-annullament ta’ att minn qorti tal-Unjoni għandu l-effett li jelimina b’mod retroattiv dan l-att mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, qabel is-sentenza Deutsche Telekom tal‑2018, hija ma kellha ebda obbligu li tirrimborsa l-multa, iktar u iktar peress li d-deċiżjonijiet tagħha jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-effett ex tunc ta’ sentenza li tannulla jew li tnaqqas multa ma tistax tobbligaha tħallas interessi mill-ħlas provviżorju ta’ din il-multa, filwaqt li, fid-data ta’ dan il-ħlas, hija la kienet obbligata u lanqas f’pożizzjoni li tirrimborsa l-imsemmija multa.

47      Il-Kummissjoni żżid li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-kreditu prinċipali, jiġifieri l-ammont tal-multa indebitament miġbur, fl-ebda każ ma kien, f’din id-data, “ċert fir-rigward tal-ammont tiegħu jew tal-inqas determinabbli abbażi ta’ elementi oġġettivi stabbiliti”, fis-sens tas-sentenza Printeos (punt 55).

48      Permezz tas-sitt parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-ħlas ta’ interessi moratorji impost mis-sentenza appellata jippreġudika l-effett dissważiv tal-multi.

49      Il-Kummissjoni tqis li dan l-effett għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont ta’ multa. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li, peress li ma tistax tiddetermina minn qabel l-eżitu tal-eventwali rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tagħha li jimponu multa u t-tul tal-proċeduri ġudizzjarji korrispondenti, hija ma hijiex f’pożizzjoni, meta tiffissa l-ammont ta’ multa, li tibbilanċja l-imsemmi effett dissważiv u l-ammont tal-interessi moratorji li hija tista’, jekk ikun il-każ, tkun obbligata tħallas. Barra minn hekk, in-natura sproporzjonata ta’ dawn l-interessi, li jistgħu, skont il-Kummissjoni, jilħqu iktar minn nofs l-ammont tal-multi, tikkomprometti l-effett dissważiv tagħhom.

50      Deutsche Telekom tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni kollha kemm huma u tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

51      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jirriżulta li l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li tiddikjara dan l-att null u bla effett ex tunc. Dan iwassal, b’mod partikolari, għall-ħlas tas-somom imħallsa indebitament abbażi tal-istess att kif ukoll il-ħlas ta’ interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 29, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 55).

52      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-ħlas ta’ interessi moratorji jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn hija intiża li tikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa ċ-ċaħda tat-tgawdija ta’ kreditu u, barra minn hekk, wara l-għoti ta’ din is-sentenza ta’ annullament, tħeġġeġ lid-debitur jeżegwixxi dan fl-iqsar termini possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 30, u tal‑10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, T‑171/99, EU:T:2001:249, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      B’hekk, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jirriżulta li, fil-każ ta’ annullament jew ta’ tnaqqis b’effett ex tunc, minn qorti tal-Unjoni, ta’ multa imposta permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, din l-istituzzjoni hija obbligata tirrimborsa l-ammont kollu jew parti minnu tal-multa mħallsa provviżorjament, flimkien mal-interessi għall-perijodu mid-data tal-ħlas provviżorju ta’ din il-multa sad-data tar-rimbors tagħha.

54      L-obbligu ta’ ħlas lura ta’ somom ta’ flus miġbura indebitament bl-interessi ma japplikax biss għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni, iżda wkoll għall-awtoritajiet tal-Istati Membri.

55      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, kull persuna li tkun suġġetta għal miżura amministrattiva li fil-konfront tagħha awtorità nazzjonali tkun imponiet il-ħlas ta’ taxxa, ta’ dazju jew ta’ soprataxxa oħra bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, skont dan tal-aħħar, id-dritt li tikseb minna ta’ din l-awtorità mhux biss ir-rimbors tas-somma ta’ flus miġbura indebitament, iżda wkoll il-ħlas ta’ interessi intiżi sabiex tiġi kkumpensata l-indisponibbiltà ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, EU:C:1983:318, punt 12; tat‑8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C‑397/98 u C‑410/98, EU:C:2001:134, punt 84; tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punti 24 sa 26; tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv), C‑100/20, EU:C:2021:716, punti 26 u 27, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2022, Gräfendorfer Geflügel- und Tiefkühlfeinkost Produktions et, C‑415/20, C‑419/20 u C‑427/20, EU:C:2022:306, punti 51 u 52).

56      Konsegwentement, meta somom ta’ flus ikunu nġabru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk minn awtorità nazzjonali jew minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, dawn is-somom ta’ flus għandhom jitħallsu lura u dan il-ħlas lura għandu jiżdied bl-interessi li jkopru l-perijodu kollu mid-data tal-ħlas ta’ dawn is-somom ta’ flus sad-data tal-ħlas lura tagħhom, li jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ rkupru ta’ pagament mhux dovut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Gräfendorfer Geflügel- und Tiefkühlfeinkost Produktions et (C‑415/20, C‑419/20 u C‑427/20, EU:C:2022:306, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Billi ddeċidiet fil-punt 111 tas-sentenza appellata, skont raġunament ibbażat, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Printeos, li l-Kummissjoni kienet kisret l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE billi rrifjutat li tħallas interessi lil Deutsche Telekom fuq l-ammont tal-multa indebitament miġbura għall-perijodu inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk ma wettqitx żball ta’ liġi. Hija sempliċement affermat mill-ġdid, bħal din is-sentenza Printeos, il-prinċipji, imfakkra fil-punti 51 sa 56 ta’ din is-sentenza, li jirriżultaw minn ġurisprudenza stabbilita sew li ma hemmx lok li tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

58      Għandu jiġi enfasizzat f’dan il-kuntest li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kumpens li l-Qorti Ġenerali kkundannatha tħallas lil Deutsche Telekom, permezz tas-sentenza appellata, ma jikkorrispondix għal “interessi moratorji ta’ natura ta’ sanzjoni”. Fil-fatt, qabel id-data tal-għoti tas-sentenza Deutsche Telekom tal‑2018, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet obbligata tħallas lura l-ammont tal-multa lil Deutsche Telekom, kemm parzjalment kif ukoll fl-intier tagħha, fid-dawl, qabel kollox, tas-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu, fuq persuni minbarra l-Istati Membri, obbligu pekunjarju, sussegwentement, tal-assenza ta’ effett sospensiv, skont l-Artikolu 278 TFUE, ta’ rikorsi ppreżentati quddiem qorti tal-Unjoni u, fl-aħħar nett, tal-preżunzjoni ta’ validità li jibbenefikaw minnha d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni sakemm dawn ma jkunux ġew annullati jew irtirati (ara, f’dak is-sens is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, huwa biss minn din id-data li l-Kummissjoni sostniet obbligu ta’ ħlas lura u setgħet, fin-nuqqas ta’ rimbors immedjat tal-ammont tal-multa indebitament miġbura, titqies li kienet tardiva fl-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu. F’dan il-każ, huwa madankollu paċifiku bejn il-partijiet li, wara l-għoti tas-sentenza Deutsche Telekom tal‑2018, il-Kummissjoni wettqet rimbors lil Deutsche Telekom tal-ammont tal-multa indebitament miġbura.

59      Ċertament, bħall-ġurisprudenza li fuqha hija bbażat ruħha, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ikklassifikat diversi drabi l-interessi dovuti mill-Kummissjoni f’dan il-każ bħala “interessi moratorji” , kunċett li jirreferi għall-eżistenza ta’ dewmien fil-ħlas ta’ debitur kif ukoll għal intenzjoni li dan jiġi ssanzjonat.

60      Madankollu, tali klassifikazzjoni, minkejja li tista’ tiġi kkontestata fid-dawl tal-iskop tal-interessi inkwistjoni, ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-validità, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 51 sa 56 ta’ din is-sentenza, tar-raġunament li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet obbligata żżid ir-rimbors tal-ammont indebitament irċevut b’interessi intiżi li jikkumpensaw fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-impriża inkwistjoni għaċ-ċaħda tat-tgawdija ta’ dan l-ammont.

61      Fir-rigward tal-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-interessi li l-Qorti Ġenerali kkundannatha għall-ħlas tagħhom fis-sentenza appellata jirrigwardaw il-perijodu mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa sad-data tar-rimbors tal-ammont indebitament miġbur wara s-sentenza li tnaqqas din il-multa u li għalhekk jikkonċernaw perijodu fil-parti l-kbira preċedenti għal dik is-sentenza, din hija l-konsegwenza tal-effett ex tunc marbut ma’ tali sentenza u tal-obbligu għall-Kummissjoni, li tirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li tikkonforma ruħha ma’ din is-sentenza billi tqiegħed lill-impriża kkonċernata fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha li kieku hija ma kinitx ġiet imċaħħda, matul dan il-perijodu kollu, mit-tgawdija tas-somma li tikkorrispondi għal dan l-ammont miġbur indebitament. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku, fid-dawl tad-dritt ta’ rikors eżistenti kontra kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa, li, meta l-multa tkun tħallset provviżorjament mill-impriża kkonċernata, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun il-każ, tkun obbligata tieħu l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla tali deċiżjoni totalment jew parzjalment, kif tfakkar fil-punti 51 sa 53 ta’ din is-sentenza.

62      Bl-istess mod, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li ma kienx hemm, f’dan il-każ, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali u lanqas prova suffiċjenti ta’ dannu mġarrab minn Deutsche Telekom ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, meta hija obbligata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li żżid bl-interessi r-rimbors ta’ somma flus partikolari, il-Kummissjoni ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-opportunità li tħallas dawn l-interessi, b’tali mod li s-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni, li jikkonsisti fir-rifjut li jitħallsu, huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Promoimpresa, punti 103 u 104). Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet, skont din id-dispożizzjoni, marbuta, wara s-sentenza Deutsche Telekom tal-2018, li żżid l-interessi mar-rimbors tal-ammont tal-multa indebitament miġbura, kif iddeċidiet korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punt 112 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, peress li dawn l-interessi għandhom natura ta’ “somma f’daqqa” kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma tistax tevita dan l-obbligu minħabba li Deutsche Telekom ma pprovatx b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ dannu.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda.

64      Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Fil-fatt, kif ġustament irrilevat fil-punt 98 tas-sentenza appellata, meta l-interessi “iġġenerati”, fis-sens tal-Artikolu 90(4) tal-imsemmi regolament ta’ delega jkunu ta’ ammont inqas minn dak tal-interessi dovuti skont l-obbligu ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, jew saħansitra meta ma jkunx hemm interessi ġġenerati, peress li dħul fuq il-kapital investit kien xejn, il-Kummissjoni hija madankollu obbligata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, tħallas lill-persuna kkonċernata d-differenza bejn l-ammont ta’ kwalunkwe “interessi ġġenerati”, fis-sens tal-Artikolu 90(4) tal-imsemmi regolament ta’ delega, u dak tal-interessi moratorji dovuti għall-perijodu bejn id-data tal-ħlas tas-somma inkwistjoni u d-data tar-rimbors tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Printeos, punti 75 u 76).

65      F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni stess u kif enfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu li jirriżulta għal din l-istituzzjoni mill-Artikolu 90(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, li tħallas lill-impriża kkonċernata l-“interessi ġġenerati” huwa intiż qabel kollox sabiex jiġi evitat arrikkiment indebitu tal-Unjoni. Dan l-obbligu potenzjali huwa madankollu bla ħsara għall-obbligu tal-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li tikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa lil din l-impriża għaċ-ċaħda tat-tgawdija tagħha, li tirriżulta mit-trasferiment lill-Kummissjoni tas-somma ta’ flus li tikkorrispondi għall-ammont tal-multa mħallsa indebitament, inkluż meta l-investiment tal-ammont tal-multa mħallsa provviżorjament mill-imsemmija impriża ma pproduċiex qligħ ogħla mir-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

66      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru1268/2012, il-Kummissjoni għandha tiżgura ż-żamma tal-ammonti miġbura provviżorjament billi tinvestihom f’assi finanzjarji, u b’hekk tiżgura s-sigurtà u l-likwidità tal-fondi filwaqt li tfittex li tikseb dħul pożittiv fuq l-investiment, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-impriża li ħallset provviżorjament il-multa li ġiet imposta fuqha ma teżerċita ebda influwenza fuq il-kundizzjonijiet li fihom l-ammont ta’ din il-multa huwa investit. Issa, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tispjega r-raġunijiet li għalihom, f’tali ċirkustanzi, ir-riskji li għalihom huma esposti tali investimenti għandhom jiġu sostnuti mill-impriża li ħallset provviżorjament il-multa imposta abbażi ta’ att parzjalment jew totalment illegali.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

68      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-fatt li tiġi imposta fuqha l-ħlas ta’ interessi mid-data tal-ġbir provviżorju tal-multa jippreġudika l-effett dissważiv tal-multi, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata li jgħidu li l-funzjoni dissważiva tal-multi għandha tiġi rrikonċiljata mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Issa, dawn ir-rekwiżiti jimplikaw li, fil-każ ta’ annullament jew ta’ tnaqqis, permezz ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni, ta’ multa mħallsa provviżorjament mill-impriża inkwistjoni, din tal-aħħar tirċievi, fid-dawl kemm tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE kif ukoll tal-effett ex tunc ta’ tali sentenza, kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għaċ-ċaħda tat-tgawdija tas-somma li tikkorrispondi għall-ammont indebitament miġbur mill-Kummissjoni, għall-perijodu bejn id-data ta’ dan il-ħlas provviżorju u dik tar-rimbors ta’ din is-somma minn din l-istituzzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-effett dissważiv tal-multi ma jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ multi li ġew annullati jew imnaqqsa minn qorti tal-Unjoni, peress li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tinvoka att iddikjarat illegali għal finijiet ta’ dissważjoni.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittieni aggravju

 Largumenti talpartijiet

71      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali appellata wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 114 sa 138 tas-sentenza appellata, li r-rati applikabbli għall-interessi li l-Kummissjoni kienet obbligata tħallas hija, b’analoġija mal-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, r-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE, miżjud bi 3.5 punti perċentwali.

72      Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 56), li, għad-determinazzjoni tal-interessi li għandhom jitħallsu wara l-annullament ta’ multa, kellha tiġi applikata r-rata stabbilita mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, mingħajr madankollu ma tidentifika d-dispożizzjoni preċiża ta’ dan ir-regolament ta’ delega li għaliha kien hemm lok li jsir riferiment.

73      Madankollu, is-sentenza Printeos, li għaliha jirreferi l-punt 121 tas-sentenza appellata, allegatament interpreetat is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672), fis-sens li din l-aħħar sentenza kienet tirreferi għall-Artikolu 83 tal-imsemmi regolament ta’ delega. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punti 133 u 134 tas-sentenza appellata, li kien hemm lok li jiġi applikat, b’analoġija, l-Artikolu 83(2)(b) tal-istess regolament ta’ delega li jimponi l-ħlas ta’ interessi bir-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda b’ 3.5 punti perċentwali.

74      Issa, skont il-Kummissjoni, minn naħa, tali applikazzjoni b’analoġija ma hijiex iġġustifikata, sa fejn l-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jirregola l-interessi moratorji dovuti mid-debituri tal-Kummissjoni fil-każ ta’ ħlas tardiv billi jipprevedi proċedura speċifika għal dan l-għan.

75      Min-naħa l-oħra, mis-sentenza Printeos ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet dwar il-kalkolu tal-interessi komposti, riedet tapplika, b’analoġija, ir-rata msemmija fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 għall-kalkolu tal-interessi moratorji. Barra minn hekk, la l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17, EU:T:2019:81), u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet appell f’din il-kawża fis-sentenza Printeos ma taw interessi moratorji bir-rata prevista minn din id-dispożizzjoni.

76      Jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li għandha tiġi applikata rata ta’ interessi stabbilita fl-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, sakemm ma tiġix stabbilita rata oħra ta’ interessi xierqa, għandha tiġi adottata, b’analoġija mal-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, ir-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda b’1.5 punti perċentwali, applikata mill-Kummissjoni fil-każ fejn id-destinatarju ta’ deċiżjoni li timponi multa jikkostitwixxi garanzija bankarja minflok ma jħallas din il-multa b’mod provviżorju. Din is-sitwazzjoni hija paragunabbli biżżejjed ma’ dik ta’ dan il-każ, peress li, fiż-żewġ każijiet, l-interessi jikkumpensaw l-impossibbiltà, għall-Kummissjoni fl-ewwel każ u għall-impriża kkonċernata fit-tieni każ, li tiddisponi liberament mill-ammont tal-multa matul it-tul tal-proċedura ġudizzjarja.

77      Deutsche Telekom tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u tqis li t-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

78      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-interessi li għandhom jitħallsu lil impriża li ħallset multa imposta mill-Kummissjoni, wara l-annullament jew it-tnaqqis ta’ din il-multa, din l-istituzzjoni għandha tapplika r-rata ffissata għal dan il-għan mir-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 56). Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ippreċiżat li dan ma huwiex riferiment għall-Artikolu 90 ta’ dan ir-regolament, li ma jsemmi ebda rata ta’ interessi speċifiku, iżda għall-Artikolu 83 tal-imsemmi regolament delegat, li jiffissa r-rata tal-interessi għall-ammonti riċevibbli mhux irrimborsati fid-data ta’ skadenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Printeos, punt 81).

79      L-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, li kien jinkludi r-regoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju tal-2012 li kien fis-seħħ dak iż-żmien, kien jipprevedi diversi rati ta’ interessi għal dan l-għan, li kienu kollha jikkorrispondu għar-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE, miżjuda b’punti perċentwali differenti. Konformement mal-Artikolu 83(2)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, iż-żieda kienet, rispettivament, ta’ 8 punti perċentwali meta l-avveniment ta’ obbligu kien kuntratt pubbliku ta’ provvisti u ta’ servizzi u ta’ 3. 5 punti perċentwali fil-każijiet l-oħra kollha. Barra minn hekk, meta d-debitur ikun ikkostitwixxa garanzija finanzjarja aċċettata mill-uffiċjal tal-kontabbiltà minflok il-ħlas ta’ multa, l-Artikolu 83(4) tal-imsemmi regolament ta’ delega kien jipprevedi żieda ta’ 1.5 punti perċentwali.

80      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma adottat ebda waħda miż-żewġ rati ta’ interessi relatati mal-każijiet speċifiċi msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 83(2)(a) u (4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Hija żammet ir-rata prevista, b’mod supplimentari għall-“każijiet l-oħrajn kollha”, mill-Artikolu 83(2)(b) ta’ dan ir-regolament ta’ delega.

81      Huwa għalhekk li, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, għall-finijiet tal-iffissar tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ Deutsche Telekom għaċ-ċaħda tat-tgawdija tal-fondi tagħha, il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-analiżi li wettqet fil-punti 125 sa 135 ta’ din is-sentenza, qieset bħala r-rata applikabbli, b’analoġija, ir-rata prevista fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, jiġifieri r-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

82      Il-Qorti Ġenerali għalhekk tat lil Deutsche Telekom, fil-punt 137 tal-imsemmija sentenza, bħala kumpens għad-dannu li kkawżalha l-ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, kumpens li l-ammont tiegħu ta’ EUR 1 750 522.83 jikkorrispondi għat-telf tal-interessi bir-rata ta’ 3.55 %, matul il-perijodu inkwistjoni, fuq l-ammont tal-multa miġbura indebitament.

83      Ċertament, kif sostniet il-Kummissjoni, l-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 ma jistabbilixxix ir-rata tal-interessi li tikkorrispondi għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-ipoteżi, li ma hijiex relatata ma’ din il-kawża, ta’ dewmien fil-ħlas, jiġifieri dik li fiha kreditu ma jiġix irrimborsat fid-data ta’ skadenza prevista. Huwa preċiżament il-fatt li la dan l-Artikolu 83 lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ta’ delega ma kienet tiffissa din ir-rata li wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex tipproċedi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, għal applikazzjoni “b’analoġija” tal-Artikolu 83(2)(b) tal-imsemmi regolament ta’ delega.

84      Madankollu, minn dan ma jirriżultax li, meta l-qorti Ġenerali applikat ir-rata ffissata minn din id-dispożizzjoni, li, barra minn hekk, ma tidhirx irraġonevoli jew sproporzjonata fir-rigward tal-iskop tal-interessi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha fil-kuntest tal-proċeduri intiżi sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma tistax, filwaqt li l-ammont tal-multa li hija kienet imponiet fuq Deutsche Telekom u li din l-impriża kienet ħallsitha provviżorjament tnaqqset mill-Qorti Ġenerali, titqiegħed f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik li fiha kienet tkun Deutsche Telekom li kieku r-rikors tagħha ġie miċħud wara li għażlet, pjuttost milli tagħmel tali ħlas provviżorju, li tikkostitwixxi garanzija bankarja fl-istennija tal-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja mibdija bil-preżentata tar-rikors tagħha. Issa, f’din l-aħħar sitwazzjoni, Deutsche Telekom ġiet esposta għal piż ta’ interessi kkalkolati bir-rata ta’ 1.55 %, konformement mal-Artikolu 83(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, li miegħu żdiedu l-ispejjeż tal-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija bankarja.

86      Għal dawn ir-raġunijiet, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni intiż, sussidjarjament, sabiex l-ammont tal-interessi dovuti lil Deutsche Telekom jiġi limitat għal din ir-rata ta’ 1.55 %.

87      Ma’ dan jiżdied il-fatt li, kif indikat korrettament il-Qorti Ġenerali, fil-punti 127 u 131 tas-sentenza appellata, is-sitwazzjoni ta’ impriża li, filwaqt li ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa, ħallset din il-multa provviżorjament hija differenti minn dik ta’ impriża li tikkostitwixxi garanzija bankarja fl-istennija tal-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji. Fil-fatt, fil-każ fejn impriża tkun ikkostitwixxiet garanzija bankarja u bbenefikat, konsegwentement, minn sospensjoni tal-ħlas, hija, b’differenza minn dik li wettqet il-ħlas provviżorju tal-multa, ma ttrasferixxietx lill-Kummissjoni s-somma ta’ flus li tikkorrispondi għall-ammont tal-multa imposta, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tħallasha lura ammont indebitament irċevut. L-uniku dannu finanzjarju eventwalment subit mill-impriża kkonċernata jirriżulta mid-deċiżjoni tagħha stess li tikkostitwixxi garanzija bankarja.

88      Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, fis-sentenza Printeos, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx interessi bir-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti perċentwali fuq l-ammont tal-multa li għandha tiġi rrimborsata, huwa minħabba l-fatt li r-rikorrenti fl-ewwel istanza, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, talbet biss, fir-rigward ta’ tali ammont, l-applikazzjoni tar-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda b’2 punti perċentwali.

89      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kieku l-Kummissjoni kellha tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi attwali ma jiħdux inkunsiderazzjoni b’mod adegwat sitwazzjoni bħal dik li wasslet għal din il-kawża, hija hi jew, jekk ikun il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni li għandhom jagħmlu l-adattamenti neċessarji fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-prevedibbiltà tal-azzjoni tal-Kummissjoni.

90      Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-obbligu tal-Kummissjoni li żżid bl-interessi r-rimbors ta’ multa totalment jew parzjalment annullata minn qorti tal-Unjoni jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, kull metodu ġdid jew modalità ta’ kalkolu ta’ dawn l-interessi għandu josserva l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn tali interessi. Konsegwentement, ir-rata applikabbli għal dawn l-interessi ma tistax tillimita ruħha li tikkumpensa l-iżvalutazzjoni monetarja li seħħet matul il-perijodu li għalih l-interessi għandhom jitħallsu, mingħajr ma tkopri l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li għalih l-impriża li ħallset din il-multa għandha dritt minħabba l-fatt li hija ġiet imċaħħda għal ċertu żmien mit-tgawdija tal-fondi li jikkorrispondu għall-ammont indebitament miġbur mill-Kummissjoni.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ffissat il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ Deutsche Telekom billi wettqet, fid-dawl tal-għan tal-interessi inkwistjoni u tal-obbligu impost fuqha li tikkumpensa d-dannu mġarrab minnha, applikazzjoni b’analoġija tar-rata ta’ interessi prevista fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Għaldaqstant, anki t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

92      Peress li ebda wieħed miż-żewġ aggravji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha ma ntlaqa’, hemm lok li dan jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

93      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

94      Skont l-Artikolu 138(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

95      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Deutsche Telekom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.