Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Awissu 2011 - Szajner vs UASI - Forge de Laguiole (LAGUIOLE)

(Kawża T-453/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Gilbert Szajner (Saint-Maur-des-Fossés, Franza) (rappreżentanti: A. Lakits-Josse, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Partijiet oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Forge de Laguiole SARL (Laguiole, Franza)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tal-1 ta' Ġunju 2011 sa fejn din tiddikjara l-invalidità tat-Trade mark Komunitarja Nru 2 468 379 fir-rigward tal-prodotti fil-klassijiet 8, 14, 16, 18, 20, 21, 28, 34 u 38 ikkonċernati mit-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità;

tikkundanna lill-kumpannija Forge de Laguiole għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għall-ispejjeż ta' M. Szajner, inklużi l-ispejjeż ta' rappreżentazzjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: it-trade mark verbali "LAGUIOLE" għal prodotti u servizzi, fost l-oħrajn, fil-klassijiet 8, 14, 16, 18, 20, 21, 28, 34 u 38 - Rtade mark Komunitarja Nru 2 468 379.

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: Forge de Laguiole SARL.

Motivazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: it-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità tressqet abbażi tal-Artikolu 53(1)(c) u tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, u hija bbażata fuq l-isem ta' kumpannija ta' Forge de Laguiole.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità miċħuda.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni annullata parzjalment u Trade mark Komunitarja Nru 2 468 379 iddikjarata parzjalment invalida.

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn, minn naħa, il-Bord tal-Appell żbaljatament qies li l-isem ta' kumpannija ta' Forge de Laguiole ma kienx suġġett għal-prinċipju ta' speċjalità u li l-isem seta' jiġi protett fir-rigward ta' attivitajiet li ma kinux fil-verità eżerċitati minn Forge de Laguiole u, min-naħa l-oħra, ma teżisti ebda probabbiltà ta' konfużjoni bejn l-isem ta' kumpannija ta' Forge de Laguiole, użat għal skieken, u t-trade mark "LAGUIOLE", irregistrata għal prodotti li ma humiex relatati mal-industrija tas-skieken.

____________