Language of document : ECLI:EU:T:2013:595

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

14 ta’ Novembru 2013

Kawża T‑455/11 P

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

vs

Andreas Kalmár

“Appell — Servizz pubbliku — Persunal tal-Europol — Kuntratt għal żmien determinat — Tkeċċija — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Kumpens pekunjarju”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Mejju 2011, Kalmár vs Europol (F-83/09), u intiż għall-annullament parzjali ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Andreas Kalmár fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Ksur tal-projbizzjoni li tittieħed deċiżjoni ultra petita — Klassifikazzjoni mill-ġdid mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-motivi invokati mir-rikorrent — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Motivi infondati

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Europol — Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ membru tal-persunal — Rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Stħarriġ ġudizzjarju

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 94(1)(b))

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment — Klassifikazzjoni ġuridika — Rilevanza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-fatti — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

5.      Appell — Aggravji — Assenza ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ittra (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 138(1))

6.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26 sa 29)

2.      Għalkemm l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt għal żmien determinat, il-kontroll tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu tal-amministrazzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni.

(ara l-punt 33)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      It-talbiet intiżi kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom bħala effett li jressqu quddiem il-qorti l-att li kontra tiegħu ġie ppreżentat l-ilment u, bħala tali, huma nieqsa minn kontenut awtonomu. Sa fejn deċiżjoni li tiċħad ilment tkun introduċiet speċifikazzjonijiet oħra dwar l-allegazzjonijiet li ġew finalment attribwiti lill-uffiċjal, l-identifikazzjoni konkreta tal-allegazzjonijiet ppreżentati kontra dan tal-aħħar għandha tirriżulta mill-qari flimkien tad-deċiżjonijiet inizjali u taċ-ċaħda tal-ilment.

Il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju hija rilevanti biss fil-każ fejn ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet inizjali jiġi miċħud peress li ġie ppreżentat tard. F’tali każ, il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tista’ timplika l-ftuħ mill-ġdid tat-termini previsti għall-proċeduri legali.

(ara l-punti 41 u 42)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑338/00 u T‑376/00, ĠabraSP p. I‑A‑301 u II‑1457, punti 34 u 35; 10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il-Kummissjoni, T‑258/01, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑747, punt 31; 14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑389/02, ĠabraSP p. I‑A‑295 u II‑1339, punt 49; 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, Ġabra p. II‑1173, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Il-qorti tal-ewwel istanza għandha ġurisdizzjoni sħiħa sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, tevalwa dawn il-fatti. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-każ tad-distorsjoni tal-provi li jitressqu quddiem din il-qorti, kwistjoni ta’ dritt li bħala tali, hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

Il-Qorti Ġenerali tas-Servizz Pubbliku tista’, mingħajr ma twettaq żnaturament tal-fatti, tikkonkludi li istituzzjoni ma wettqitx eżami komplet u ddettaljat tal-fatti rilevanti u sinjifikanti, fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, meta l-istituzzjoni tkun irreferiet, fid-dettall, għal aspett negattiv tal-aġir tal-uffiċjal fil-passat mingħajr ma tkun għamlet l-istess fir-rigward tal-aspetti pożittivi li jirriżultaw mill-fajl personali tiegħu.

(ara l-punti 64 u 66)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑222/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑37 u II‑B‑1‑267, punti 60 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 75)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: ETF vs Landgren, iċċitata ’il fuq, punt 140

6.      L-obbligu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jimmotiva s-sentenzi skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, jeżiġi li dan jimmotiva s-sentenzi tiegħu sabiex dawn jippermettu lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma laqax l-argumenti tagħhom u lill-Qorti Ġenerali jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

(ara l-punt 76)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, Ġabra p. I‑6413, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata