Language of document : ECLI:EU:C:2023:432

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fil‑25 ta’ Mejju 2023 (1)

Kawża C831/21 P

Fachverband Spielhallen eV,

LM

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ għajnuna – Vantaġġ – Natura selettiva – Trattament fiskali tal-operaturi tal-każinòs pubbliċi fil-Ġermanja – Ċaħda ta’ lment mill-Kummissjoni”






1.        “Simul stabunt aut simul cadent” (“Jibqgħu weqfin flimkien jew jaqgħu flimkien”) hija dikjarazzjoni attribwita lill-Papa Piju XI, espressa matul in-negozjati li saru sabiex jiġu rregolati r-relazzjonijiet bejn il-Knisja Rumana u r-Renju l-antik tal-Italja u li wasslu għall-iffirmar, fil‑11 ta’ Frar 1929, tal-Ftehimiet ta’ Lateran u tal-Konkordat. Din id-dikjarazzjoni tirrifletti r-rieda ferma tal-Papa li jopponi għall-fatt li jkunu biss il-ftehimiet li jiġu rrikonoxxuti bħala li huma ta’ natura irrevokabbli u li b’hekk id-destin ta’ dawn iż-żewġ strumenti jiġi sseparat.

2.        Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda ssirilha l-mistoqsija b’mod partikolari dwar jekk teżistix tali rabta bejn il-vantaġġ u s-selettività, kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fil-qasam fiskali. F’każ ta’ tweġiba affermattiva, minn dan ikun jirriżulta li motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali kontra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk ġietx issodisfatta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet għandu neċessarjament jitqies bħala li jikkonċerna wkoll il-kundizzjoni l-oħra.

3.        Permezz tal-appell tagħhom, Fachverband Spielhallen e.V. u LM (iktar ’il quddiem “l-appellanti”) jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑22 ta’ Ottubru 2021, Fachverband Spielhallen u LM vs IlKummissjoni (T‑510/20, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, mhux ippubblikat), li permezz tiegħu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 8819 final tad‑9 ta’ Diċembru 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44944 (2019/C) (ex 2019/FC) – Trattament fiskali tal-operaturi tal-casinos pubbliċi fil-Ġermanja u l-għajnuna mill-Istat SA.53552 (2019/C) (ex 2019/FC) – Garanzija allegata għall-operaturi tal-casinos pubbliċi fil-Ġermanja (garanzija tal-profittabbiltà) (ĠU 2020, C 187, p. 80, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). B’mod partikolari, l-appellanti jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma teżaminax l-argument tagħhom minħabba li dan tal-aħħar ma kienx jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni marbuta mal-assenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

 Ilfatti li taw lok għallkawża u ddeċiżjoni kontenzjuża

4.        Fit‑22 ta’ Marzu 2016, l-appellanti, Fachverband Spielhallen eV, assoċjazzjoni professjonali ta’ 88 operatur ta’ apparat tal-logħob tal-flus, u LM, operatur ta’ apparat tal-logħob tal-ażżard, ressqu quddiem il-Kummissjoni tliet ilmenti li jikkonċernaw it-trattament fiskali tal-operaturi ta’ każinòs pubbliċi fil-Ġermanja.

5.        It-tielet wieħed minn dawn l-ilmenti kien jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, is-Spielbank-Gesetz NRW (il-Liġi dwar il-Każinòs tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Każinòs”), li kienet fis-seħħ fin-Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja) sas-sostituzzjoni tagħha fl‑2020. Bis-saħħa ta’ dik il-liġi, Westdeutsche Spielbanken GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “WestSpiel”) kienet l-unika konċessjonarja ta’ każinòs pubbliċi f’dan il-Land.

6.        Konformement mal-Liġi dwar il-Każinòs, id-dħul iġġenerat minn dawn tal-aħħar kien suġġett għal żewġ sistemi fiskali differenti. Minn naħa, id-dħul idderivat minn logħob tal-flus u tal-ażżard kien suġġett għal sistema fiskali partikolari kkostitwita minn taxxa fuq il-każinòs. Min-naħa l-oħra, id-dħul li ma jirriżultax minn dan il-logħob, bħad-dħul li joriġina minn żoni fejn jiġi servut l-ikel, kien suġġett għas-sistema fiskali normali, ikkostitwita minn imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u mit-taxxa tal-kummerċ (iktar ’il quddiem is-“sistema fiskali normali”).

7.        Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tal-Liġi dwar il-Każinòs kien jiddisponi li l-profitt annwali ddikjarat mill-operaturi ta’ każinòs pubbliċi, irrispettivament minn jekk dan irriżultax minn logħob tal-flus jew tal-ażżard, kellu jitħallas lura fl-ammont ta’ 75 % lil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen. Fil-każ li l-kwart rimanenti minn dan il-profitt ikun jeċċedi 7 % tat-total tal-ishma tal-kapital azzjonarju tar-riżervi u tal-fond mutwu, dan l-artikolu kien jipprevedi li l-profitt kollu kellu jitħallas lura lil-Land (iktar ’il quddiem is-“soprataxxa fuq il-profitti”).

8.        Is-soprataxxa fuq il-profitti, sas-sehem ta’ din tal-aħħar li jirriżulta minn dħul li ma joriġinax minn logħob, kienet madankollu deduċibbli mill-bażijiet taxxabbli tat-taxxa tal-kummerċ u tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji bħala “spejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali”. Hija proprju din il-possibbiltà ta’ tnaqqis (iktar ’il quddiem il-“possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti” jew il-“miżura kontenzjuża”) li l-appellanti kienu qegħdin jikkontestaw fit-tielet ilment tagħhom sa fejn jallegaw li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

9.        Wara skambju ta’ ittri mal-appellanti, il-Kummissjoni qieset, fid‑9 ta’ Diċembru 2019, li l-miżura kontenzjuża ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ selettiv u għaldaqstant l-ebda għajnuna u għal din ir-raġuni ddeċidiet, bid-deċiżjoni kontenzjuża, li ma tiftaħx, fil-konfront tagħha, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

10.      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li d-dħul tal-operaturi ta’ każinòs pubbliċi li ma joriġinawx mil-logħob kien suġġett, minn naħa, għas-sistema fiskali normali u, min-naħa l-oħra, għas-soprataxxa fuq il-profitti, li hija kklassifikata bħala “imposta speċifika”.

11.      Il-Kummissjoni rrilevat li l-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa mill-bażi taxxabbli tal-imposta fuq il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ kienet tirriżulta mhux minn dispożizzjoni speċifika, iżda mill-applikazzjoni ta’ regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tas-sistema fiskali normali, li skonthom l-imposti jiġu kkalkolati abbażi tal-profitti netti, wara t-tnaqqis tal-“ispejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali”, bħal, f’dan il-każ, is-soprataxxa fuq il-profitti. Minn dan kien isegwi, skont il-Kummissjoni, li l-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti ma kienet tikkonferixxi l-ebda vantaġġ selettiv.

12.      Wara d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi tal-miżura kontenzjuża fid-dawl tal-argumenti mqajma mill-appellanti waqt il-fażi tal-eżami preliminari.

13.      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni osservat li, bl-argumenti tagħhom, l-appellanti impliċitament sostnew li s-soprataxxa fuq il-profitti kienet imposta paragunabbli mal-imposti fuq il-profitti, li ma kinux deduċibbli skont ir-regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tas-sistema fiskali normali, b’mod partikolari minħabba l-Artikolu 4(5)b tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar l-Imposta fuq id-Dħul). Għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni, is-soprataxxa fuq il-profitti setgħet titqies bħala imposta speċjali fuq il-profitti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Artikolu 4(5)b tal-Liġi dwar l-Imposta fuq id-Dħul kien jeskludi mill-klassifikazzjoni bħala miżata tal-kummerċ deduċibbli, unikament lit-taxxa tal-kummerċ, u mhux lill-imposti kollha fuq il-profitti. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-ebda dispożizzjoni ma kienet tipprekludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ imposta speċifika fuq il-profitti.

14.      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tat risposta għal argument invokat mill-appellanti, ibbażat fuq l-Artikolu 10(2) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar l-Imposta fuq il-Kumpanniji), li skontu l-imposta fuq id-dħul u l-imposti l-oħrajn fuq il-persuni fiżiċi ma kinux deduċibbli għall-finijiet tal-istabbiliment tal-bażi taxxabbli tal-imposta fuq il-kumpanniji. Hija osservat b’mod partikolari li din id-dispożizzjoni kienet tirrigwarda l-imposti ġenerali fuq il-profitti u li xejn ma kien jindika li din kienet tapplika wkoll għal imposta addizzjonali speċjali, bħas-soprataxxa fuq il-profitti, li ma kienet titħallas minn ebda persuna taxxabbli oħra ħlief mill-operaturi ta’ każinòs pubbliċi u li l-bażi taxxabbli tagħha ma kinitx tikkorrispondi eżattament mad-dħul iġġenerat mill-attività ta’ dawn tal-aħħar.

15.      Fit-tielet lok, u b’risposta għal argument ieħor tal-appellanti, ibbażat fuq il-fatt li d-dividendi ma kinux deduċibbli mill-bażi tat-taxxa tal-kummerċ u mill-bażi tal-imposta fuq id-dħul skont ir-regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tas-sistema fiskali normali, il-Kummissjoni sostniet li s-soprataxxa fuq il-profitti ma kinitx dividend.

16.      Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti kienet konformi mar-regola ġenerali tal-possibbiltà ta’ tnaqqis abbażi tal-ispejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali u li għaldaqstant ma kinitx ta’ natura selettiva.

17.      Fl-aħħar, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 159 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-kriterju tal-vantaġġ, l-operaturi ekonomiċi l-oħrajn, u b’mod partikolari l-operaturi ta’ apparat tal-logħob tal-ażżard, ma kinux suġġetti għas-soprataxxa fuq il-profitti. Għaldaqstant, il-fatt li l-ammont ta’ din l-imposta speċifika tnaqqas mill-bażi taxxabbli ta’ imposti oħrajn ma seta’ jikkonferixxi lil WestSpiel l-ebda vantaġġ b’rabta mas-sistema fiskali normali.

18.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li, fl‑2014, is-soprataxxa fuq il-profitti kienet tammonta għal EUR 82.02 miljuni u li r-rati tat-taxxa tal-kummerċ u tal-imposta fuq il-kumpanniji kienu rispettivament ta’ 17.7 % u ta’ 15.6 %. Għaldaqstant hija osservat li l-possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ din is-soprataxxa, fil-limiti tal-Artikolu 14 tal-Liġi dwar il-Każinòs, wasslet sabiex dawn ir-rati ta’ tassazzjoni ma jiġux applikati għal dan l-ammont. Konsegwentement, is-somma totali dovuta minn WestSpiel bħala taxxa tal-kummerċ u imposta fuq il-kumpanniji tnaqqset b’EUR 27.3 miljuni. Madankollu, l-piż fiskali globali li kellu jinġarr minn WestSpiel żdied, fl-istess ħin, b’ammont ħafna ikbar, jiġifieri preċiżament b’dawn it-EUR 82.02 miljuni li jikkorrispondu għas-soprataxxa fuq il-profitti.

19.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-allegat vantaġġ li jirriżulta mill-possibbiltà għal operatur bħal WestSpiel li jiddeduċi parzjalment is-soprataxxa fuq il-profitti mill-bażijiet taxxabbli tal-imposta fuq il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ kien fi kwalunkwe każ innewtralizzat mill-piż ikbar marbut mal-ħlas ta’ din is-soprataxxa, li kienet speċifika għall-operaturi ta’ każinòs pubbliċi u dejjem ħafna ogħla minn dawn iż-żewġ imposti u taxxa.

20.      Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni speċifikat li, sa fejn l-imposta fuq il-kumpanniji u t-taxxa tal-kummerċ huma proporzjonali u l-imposta fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi hija progressiva f’porzjonijiet, il-vantaġġ tal-operaturi ta’ każinòs pubbliċi li jirriżulta mit-tnaqqis tal-bażi taxxabbli korrispondenti għal parti mis-soprataxxa fuq il-profitti kien inferjuri għall-iżvantaġġ li jirriżulta mill-obbligu ta’ dawn tal-aħħar li jħallsu din is-soprataxxa.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

21.      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Awwissu 2020, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

22.      Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw motiv uniku li jallega ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, sa fejn din l-istituzzjoni ma kinitx kapaċi, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, li tegħleb id-diffikultajiet serji kollha li, skont l-appellanti, hija ltaqgħat magħhom.

23.      Skont il-Qorti Ġenerali, dan il-motiv uniku essenzjalment kien maqsum f’ħames partijiet.

24.      Fl-ewwel parti, l-appellanti jsostnu li l-Kummissjoni kienet ippreżumiet b’mod żbaljat li huma kienu jikkunsidraw is-soprataxxa fuq il-profitti bħala imposta. Fit-tieni parti, huma jsostnu li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat is-soprataxxa fuq il-profitti bħala “imposta speċjali” billi qieset b’mod żbaljat li l-mod li skontu d-dritt intern jikklassifika miżura ma huwiex determinanti. Fit-tielet parti, huma jikkontestaw il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tikklassifika s-soprataxxa fuq il-profitti bħala imposta. Fir-raba’ parti, huma jsostnu, permezz ta’ serje ta’ argumenti, li, anki jekk jiġi preżunt li s-soprataxxa fuq il-profitti tikkostitwixxi imposta, din ma tistax titnaqqas mill-bażijiet taxxabbli tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ. Fil-ħames parti, huma jippreżentaw argumenti kontra l-paragun, li jinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 77 tad-deċiżjoni kontenzjuża, bejn is-soprataxxa fuq il-profitti u l-ħlasijiet speċjali imposti fuq l-impriżi, pereżempju għal aġir antikompetittiv, li huma deduċibbli skont id-dritt Ġermaniż.

25.      Fil-punti 48 u 57 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti kkritikaw esklużivament l-allegati nuqqasijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tal-aħħar kienet ċaħdet in-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, u sa fejn, f’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx eżami tal-kriterji kollha marbuta mal-eżistenza ta’ vantaġġ u ta’ selettività. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni impenjat ruħha sabiex turi, minn naħa, b’risposta għall-argumenti tal-appellanti, li l-allegata selettività ma kinitx teżisti f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra u separatament, li ma kien hemm l-ebda vantaġġ ekonomiku, u dan kollu indipendentement minn kull kwistjoni ta’ selettività.

26.      Fil-punt 58 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali osservat li l-appellanti ma kinux ikkontestaw b’mod partikolari l-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 159 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha l-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti ma kinitx ta’ natura li tikkonferixxi vantaġġ lil operatur ta’ każinò pubbliku bħal WestSpiel, sa fejn il-piż impost fuq dan l-operatur li jirriżulta mis-soprataxxa fuq il-profitti huwa dejjem u b’mod inevitabbli ħafna ikbar mill-imposta li kienet tkun dovuta fuq l-ammont li jikkorrispondi għal din is-soprataxxa.

27.      Fil-punti 60 sa 66 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali madankollu eżaminat ir-rilevanza, sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti, ta’ annessi mehmuża mar-replika li jiddeskrivu “xenarji ta’ tassazzjoni” differenti bbażati fuq data tal-kontabbiltà tas-snin finanzjarji 2014 u 2019. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li l-elementi li jirriżultaw minn dawn l-annessi ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ u li kienu, fi kwalunkwe każ, tardivi u inammissibbli.

28.      Wara li fakkret, fil-punt 67 tad-digriet appellat, li l-eżistenza ta’ vantaġġ għandha tiġi evalwata indipendentement mill-kundizzjoni marbuta mas-selettività, il-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 68 ta’ dan id-digriet li l-appellanti kienu manifestament infondati li jsostnu li d-deċiżjoni kontenzjuża kisret id-drittijiet proċedurali tagħhom, peress li ma kinux urew li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura kontenzjuża, kellhom iqajmu dubji u diffikultajiet serji fuq il-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti kinitx tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċju ta’ WestSpiel.

29.      Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 71 tad-digriet appellat, li l-motiv uniku u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu kellhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati fid-dritt.

 Ittalbiet talpartijiet

30.      L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq lappell

 Sunt talargumenti talpartijiet

32.      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw aggravju uniku li permezz tiegħu huma jsostnu essenzjalment li, billi ċaħdet ir-rikors tagħhom peress li l-miżura kontenzjuża ma hijiex ta’ natura li tikkonferixxi xi vantaġġ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Kieku dan ma wettqitux u b’hekk ikkonstatat l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Qorti Ġenerali kien ikollha tanalizza wkoll il-kwistjoni dwar jekk dan il-vantaġġ huwiex selettiv fuq il-livell materjali u b’hekk kienet tkun tista’ tikkonkludi li dan kien il-każ.

33.      Fil-fatt, kif barra minn hekk ammettiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 52 tad-digriet appellat, il-kundizzjonijiet marbuta mal-vantaġġ u mas-selettività għandhom jiġu eżaminati konġuntement.

34.      F’dan ir-rigward, l-appellanti jfakkru li, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura fiskali nazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala selettiva biss wara eżami fi tliet stadji, li l-ewwel wieħed minnhom huwa intiż li jidentifika s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Minn dan il-metodu ta’ eżami fi tliet stadji tal-kundizzjoni ta’ selettività jirriżulta li, sabiex tikkonkludi li ma jeżistix vantaġġ, il-Qorti Ġenerali kellha b’mod imperattiv tibda billi tiddefinixxi s-sistema fiskali “normali”.

35.      Issa, skont l-appellanti, punt kontenzjuż fil-proċedura tal-ewwel istanza kien speċifikament dak dwar jekk, kif tippretendi l-Kummissjoni fil-punt 159 tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-soprataxxa fuq il-profitti prevista fl-Artikolu 14 tal-Liġi dwar il-Każinòs hijiex “imposta speċifika”, li tista’ titnaqqas mill-bażijiet taxxabbli tat-taxxa tal-kummerċ u tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji bis-saħħa tar-regoli ġenerali ta’ tassazzjoni fid-dritt Ġermaniż.

36.      Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx, fl-evalwazzjoni tagħha tad-dritt, dan il-punt kontenzjuż u għaldaqstant effettivament irriproduċiet id-definizzjoni tas-sistema fiskali “normali” li tinsab fil-punt 159 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

37.      Kieku l-klassifikazzjoni bħala “imposta speċifika” ma kinitx preċiża u kieku, għall-kuntrarju, kif sostnew l-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, is-soprataxxa fuq il-profitti kienet tikkostitwixxi trasferiment jew distribuzzjoni tal-profitti, il-possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ din is-soprataxxa kien ikun jirrappreżenta deroga mis-sistema fiskali “normali” u l-miżura kontenzjuża b’hekk kienet tkun ta’ natura selettiva.

38.      Minn dan kollu l-appellanti kkonkludew li, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” previst fl-Artikolu 107(1) TFUE billi ċaħdet l-eżistenza ta’ vantaġġ mingħajr ma identifikat minn qabel is-sistema fiskali “normali” b’mod indipendenti mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, meta tali identifikazzjoni tikkostitwixxi stadju indispensabbli sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ vantaġġ.

39.      Il-Kummissjoni twieġeb lura li l-aggravju uniku huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, totalment infondat.

 Evalwazzjoni

40.      Jeħtieġ qabel xejn jiġi ttrattat fil-qosor l-argument tal-Kummissjoni li l-aggravju uniku ta’ dan l-appell huwa msejjes fuq interpretazzjoni mhux preċiża tad-digriet appellat.

41.      F’dan ir-rigward, huwa osservat li ċ-ċaħda tar-rikors mill-Qorti Ġenerali ma hijiex motivata, kif jikkonfermaw l-appellanti, mill-ineżistenza ta’ vantaġġ ikkonferit mill-miżura kontenzjuża kif ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 58 ta’ dan id-digriet, din iċ-ċaħda hija ġġustifikata mill-fatt li l-appellanti ma invokaw, fir-rikors tagħhom, l-ebda motiv li jallega l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ. Skont il-Qorti Ġenerali, dawn tal-aħħar sempliċiment ikkontestaw il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ natura selettiva tal-imsemmija miżura.

42.      Il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkunsidrat li, anki jekk jiġi preżunt li l-kundizzjoni tas-selettività hija ssodisfatta, kif kienu sostnew l-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-miżura kontenzjuża ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fl-assenza ta’ vantaġġ favur dawn il-benefiċjarji. Konsegwentement, l-appellanti ma rnexxilhomx juru li l-konklużjoni negattiva tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ tali għajnuna kienet żbaljata.

43.      Madankollu mill-appell jirriżulta li l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli tanalizza l-argumenti tagħhom marbuta man-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża. Li kieku eżaminat u neċessarjament approvat dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali kien ikollha tikkonstata wkoll l-eżistenza ta’ vantaġġ favur il-benefiċjarji tal-miżura kontenzjuża. Fil-fatt, il-kundizzjoni tal-vantaġġ u dik tas-selettività fil-qasam fiskali t-tnejn li huma jiddependu, skont l-appellanti, mill-fatt li t-tassazzjoni effettiva tirriżulta minn deroga għas-sistema fiskali “normali”, u b’hekk għandhom jiġu eżaminati konġuntement.

44.      Il-kwistjoni dwar jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għandhomx ikunu s-suġġett ta’ tali evalwazzjoni konġunta meta l-miżura ikkonċernata hija ta’ natura fiskali hija fiċ-ċentru tal-kawża odjerna.

45.      Għal dan l-għan, jeħtieġ li titqies il-premessa tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 49 sa 53 tad-digriet appellat.

46.      Qabel xejn, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li r-rekwiżit ta’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE “għandu jkun distint b’mod ċar mid-detezzjoni simultanja ta’ vantaġġ ekonomiku” sa fejn, meta l-Kummissjoni tinnota l-preżenza ta’ vantaġġ, hija obbligata li tistabbilixxi, barra minn hekk, li dan il-vantaġġ huwa ta’ benefiċċju speċifikament għal impriża waħda jew iktar.

47.      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, fil-qasam fiskali, il-kundizzjonijiet tal-vantaġġ u tas-selettività “jistgħu jiġu eżaminati konġuntement” peress li t-tnejn li huma “jinvolvu li juru li l-miżura fiskali kkontestata twassal għal tnaqqis tal-ammont tal-imposta li kienet tkun normalment dovuta mill-benefiċjarju tal-miżura bl-applikazzjoni ta’ sistema fiskali ordinarja”, kif kien il-każ fis-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Il‑Lussemburgu et vs IlKummissjoni (T‑516/18 u T‑525/18, EU:T:2021:251).

48.      Il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li din iċ-ċirkustanza madankollu ma tfissirx li l-eżistenza ta’ vantaġġ “tista’ tiġi injorata”, u, min-naħa l-oħra, li l-kuntest fattwali tal-kawża odjerna huwa differenti minn dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni (2).

49.      Ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali f’dan il-passaġġ mid-digriet appellat jista’, fl-opinjoni tiegħi jinġabar fil-qosor kif ġej. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tidher li tikkunsidra li, skont regola ġenerali li tapplika wkoll fil-qasam fiskali, l-eżami marbut mal-eżistenza ta’ vantaġġ ma jistax jikkoinċidi ma’ dak tan-natura selettiva. Fit-tieni lok, hija tidher li tindika li, f’ċerti każijiet li jaqgħu taħt il-qasam fiskali, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ wieħed u l-istess eżami peress li t-tnejn li huma jinvolvu l-verifika dwar jekk il-miżura ikkonċernata għandhiex l-effett li tħaffef il-piż fiskali li normalment ikollu jintrefa’ mill-benefiċjarju.

50.      Fl-opinjoni tiegħi, dan il-kunċett tar-relazzjoni bejn l-eżami tal-vantaġġ u dak tas-selettività fil-qasam fiskali, huwa żbaljat.

51.      Qabel xejn, jeħtieġ jitfakkar li sabiex tkun tista’ tikklassifika tali miżura ta’ selettività, il-Kummissjoni għandha twettaq, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, analiżi fi tliet stadji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni hija obbligata tidentifika, fl-ewwel lok, il-qafas ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u tivverifika, fit-tieni lok, jekk il-miżura fiskali tintroduċix differenzazzjonijiet bejn operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fid-dawl tal-għan segwit mill-qafas ta’ referenza. F’każ ta’ risposta affermattiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu unikament il-possibbiltà jipprova, fit-tielet lok, li dik il-miżura hija ġġustifikata peress li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tal-qafas ta’ referenza. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni dwar jekk il-miżura fiskali eżaminata hijiex ta’ natura selettiva tiddependi mid-determinazzjoni minn qabel tal-qafas ta’ referenza, fatt li jimplika li żball imwettaq f’din id-determinazzjoni neċessarjament jivvizzja l-analiżi kollu tas-selettività (3).

52.      Fil-kuntest tal-kawża odjerna, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, dejjem skont il-ġurisprudenza, id-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività “għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali [nazzjonali] peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi stabbilita biss meta mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa ‘normali’” (4).

53.      Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk tirrikonoxxi b’mod ċar rabta bejn il-kunċett ta’ “vantaġġ” u dak ta’ “selettività” (5), din id-determinazzjoni tikkostitwixxi prekundizzjoni indispensabbli sabiex tiġi evalwata mhux biss in-natura selettiva ta’ miżura fiskali, iżda wkoll l-eżistenza ta’ vantaġġ. Bl-istess mod bħall-evalwazzjoni mwettqa sabiex tiġi identifikata inugwaljanza inġustifikata fit-trattament possibbli għall-finijiet tas-selettività fil-qasam fiskali, dik, ta’ natura kontrofattwali, intiża sabiex tiġi nnotata l-eżistenza ta’ kull vantaġġ titwettaq fid-dawl tas-sistema fiskali “normali”. B’hekk, l-eżistenza ta’ tħaffif tal-piż fiskali tal-impriżi benefiċjarji tal-miżura fiskali inkwistjoni timplika neċessarjament li tkun issodisfatta kemm il-kundizzjoni tas-selettività kif ukoll dik tal-vantaġġ.

54.      Minn dan jirriżulta li l-eżami ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għandu jsir b’mod konġunt fil-qasam fiskali, bl-unika eċċezzjoni fil-każ li fih l-iskema ta’ għajnuna tikkonferixxi vantaġġ li l-għoti tiegħu jiddependi mill-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-amministrazzjoni fiskali marbuta mal-benefiċjarji u l-kundizzjonijiet tal-għoti tiegħu. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat li d-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza ma hijiex neċessarja sabiex tiġi evalwata s-selettività, sa fejn l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali neċessarjament tiffavorixxi lill-benefiċjarji tal-iskema meta mqabbla ma’ kull impriża oħra li tinsab f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (6). Evidentement, l-applikazzjoni tal-iskema tal-għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ ma hija bl-ebda mod ikkundizzjonata mill-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali.

55.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li d-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza għandha tirriżulta minn eżami oġġettiv tal-kontenut, tal-interazzjoni u tal-effetti konkreti tar-regoli applikabbli bis-saħħa tad-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Fil-fatt, minbarra fl-oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa armonizzat, l-istabbiliment tal-karatteristiċi li jikkostitwixxu l-imposta, li jiddefinixxu, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza, jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ dawn l-Istati (7).

56.      Fil-kawża odjerna, ma huwiex ikkontestat li, kif ikkonstatat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punti 47 u 48 tad-digriet ikkontestat, l-appellanti kkritikaw espressament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom tal-ewwel istanza l-eżattezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li skontha l-miżura kontenzjuża ma hijiex ta’ natura selettiva, u għamlu riferiment diversi drabi għas-sistema fiskali “normali” sabiex juru li din il-miżura tidderoga mir-regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tas-sistema fiskali normali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, li jikkostitwixxu l-bażi tal-eżami ta’ selettività.

57.      Essenzjalment, l-appellanti tennew quddiem il-Qorti Ġenerali t-teorija, diġà invokata matul il-fażi tal-eżami preliminari u miċħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha l-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti mill-bażi tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ tidderoga mis-sistema fiskali “normali” applikabbli fil-Ġermanja. B’mod iktar partikolari, dawn l-appellanti sostnew li, skont ir-regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tas-sistema fiskali “normali”, din is-soprataxxa ma tistax titnaqqas mill-bażi tal-imposti msemmija iktar ’il fuq peress li tikkostitwixxi trasferiment jew distribuzzjoni ta’ benefiċċji, u mhux “imposta speċjali”, kif tikklassifikaha d-deċiżjoni kontenzjuża, u li, anki jekk jiġi preżunt li l-imsemmija soprataxxa tikkostitwixxi imposta, din ma tistax titnaqqas bħala “spejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali”.

58.      Fil-punti 10 sa 12 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rriproduċiet ir-raġunament li permezz tiegħu, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet ċaħdet din it-teorija fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(5)b tal-Liġi dwar l-Imposta fuq id-Dħul u tal-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar l-Imposta fuq il-Kumpanniji (8). Madankollu hija ma eżaminatx l-argument tal-appellanti intiż li jikkontesta l-eżattezza ta’ tali interpretazzjoni fid-dawl ta’ ċerti prinċipji u dispożizzjonijiet tad-dritt fiskali Ġermaniż minħabba l-fatt li tali argument jagħmel riferiment unikament għan-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża.

59.      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 48 tad-digriet appellat, li l-appellanti kienu kkritikaw id-deċiżjoni kontenzjuża esklużivament sa fejn din id-deċiżjoni kienet ċaħdet in-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, u, fil-punt 58 ta’ dan id-digriet, li dawn l-appellanti ma kinux poġġew f’dubju l-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 159 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha l-miżura kontenzjuża ma kinitx ta’ natura li tikkonferixxi vantaġġ.

60.      L-approċċ tal-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tiegħi, jikkontradixxi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 51 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont dik il-ġurisprudenza, l-eżami li għandha twettaq il-Kummissjoni sabiex tikkonstata s-selettività ta’ skema ta’ għajnuna ta’ natura fiskali jikkoinċidi, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza (jew sistema fiskali “normali”), ma’ dak li għandu jitwettaq sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżura kontenzjuża għandhiex l-effett li tikkonferixxi vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha.

61.      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li jesprimu differenza kunċettwali bejn il-kundizzjonijiet tal-vantaġġ u tas-selettività (9) mingħajr ma biss jipprovaw jispjegaw, b’mod partikolari b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal liema raġuni dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu suġġetti, f’każ bħal dak tal-kawża preżenti, għal analiżi separata.

62.      Barra minn hekk, inżid li kieku l-Qorti Ġenerali kienet analizzat l-argument tal-appellanti li jikkritika l-interpretazzjoni tad-dritt fiskali Ġermaniż mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, hija kienet tkun tista’ tikkunsidra, jekk xieraq, li d-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza li tikkostitwixxi s-sistema fiskali “normali”, kif din tirriżulta minn dik id-deċiżjoni, kienet żbaljata. Issa, tali żball kien neċessarjament jivvizzja mhux biss l-analiżi kollu tas-selettività, iżda wkoll dak tal-vantaġġ, peress li, kif ġie indikat preċedentement, is-sistema fiskali “normali” tikkostitwixxi l-bażi tal-paragun użat fil-kuntest tal-evalwazzjoni kontrofattwali intiża li tivverifika l-eżistenza ta’ kull vantaġġ ekonomiku. Għaldaqstant, il-konklużjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 68 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma kienx irnexxielhom juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha kellha tqajjem dubji u diffikultajiet serji dwar il-fatt li l-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti kienet tikkostitwixxi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u li għaldaqstant ma kinux manifestament fondati li jsostnu li d-deċiżjoni kontenzjuża kisret id-dritt proċedurali tagħhom, ma kinitx iġġustifikata.

63.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jien tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ir-rikors ippreżentat mill-appellanti bħala manifestament infondat.

64.      Din il-konklużjoni ma tistax tmur kontra, kif tippretendi essenzjalment il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-limitu li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ultra petita, li skontu s-setgħa ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hija limitata għal kwistjonijiet li jitressqu quddiemha mill-partijiet. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tittratta l-kwistjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ vantaġġ mingħajr ma tikser dan il-prinċipju, peress li l-kritika invokata quddiem il-Qorti Ġenerali mill-appellanti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza kienet immirata formalment lejn l-unika konstatazzjoni tal-assenza ta’ selettività tal-miżura kontenzjuża.

65.      Jien konvint li dan l-argument iwassal għal konfużjoni bejn l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li żżomm mas-suġġett tat-talba (petitum) u l-obbligu, li dejjem jorbot lill-Qorti Ġenerali, li tagħti risposta għall-motivi mressqa quddiemha billi tapplika r-regoli kollha rilevanti tad-dritt. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talba tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-kuntest tat-tilwima, il-qorti tal-Unjoni għandha, lil hinn mill-argumenti tagħhom, tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt għas-soluzzjoni tat-tilwima għall-fatti li jiġu ppreżentati quddiemha. Altrimenti, tista’ ssib ruħha kostretta tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (10).

66.      Indipendentement mill-fatt li l-kritika tal-appellanti kienet tagħmel riferiment unikament għall-evalwazzjoni tas-selettività fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kienet b’hekk obbligata tikkunsidra, billi tapplika l-ġurisprudenza sanċita permezz tas-sentenza Fiat Chrysler Finance Europe, li kontestazzjoni tad-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza neċessarjament tinvolvi l-eżami marbut mal-eżistenza ta’ vantaġġ, minbarra dak tan-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża.

67.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali kellha tagħti deċiżjoni dwar l-argument żviluppat mill-appellanti, anki jekk dawn tal-aħħar lanqas ma kienu poġġew f’dubju l-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 159 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha l-miżura kontenzjuża ma kinitx ta’ natura li tikkonferixxi vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 48 tad-digriet appellat.

68.      Għal finijiet ta’ kompletezza, jidhirli li jkun utli li ssir speċifikazzjoni oħra.

69.      Nispeċifika li, fl-imsemmi punt 159 u fl-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna 87, il-Kummissjoni kienet iddikjarat li l-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti ma hijiex ta’ natura li tagħti vantaġġ lil operatur ta’ każinò pubbliku bħal WestSpiel. Hija kienet fil-fatt qabblet l-ammont imħallas fl‑2014 fir-rigward tas-soprataxxa fuq il-profitti (EUR 82.02 miljuni) mal-ammont ta’ din is-soprataxxa mnaqqsa mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u mit-taxxa tal-kummerċ (EUR 27.3 miljuni), u għalhekk kienet ikkonkludiet li l-benefiċċju ekonomiku li jirriżulta minn dan it-tnaqqis kien inqabeż mill-piż, dejjem iktar tqil, marbut mal-ħlas tal-imsemmija soprataxxa u speċifiku għall-operaturi tal-każinòs pubbliċi.

70.      Il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni u li ġiet impliċitament approvata mill-Qorti Ġenerali, tas-sentenza IlKummissjoni vs Fútbol Club Barcelona (11). Skont il-punt 63 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha, għall-finijiet tal-eżami tal-elementi differenti li jikkostitwixxu miżura li tista’ tagħti lok għal għajnuna mill-Istat, tikkunsidra l-elementi kollha ta’ dritt u ta’ fatt li bihom hija mogħnija din il-miżura, b’mod partikolari l-benefiċċji u l-piżijiet li jirriżultaw minnha.

71.      Fl-opinjoni tiegħi, jirriżulta b’mod manifest li dan il-prinċipju ma huwiex rilevanti għall-kawża odjerna. Minn din is-sentenza jidhirli li jirriżulta li sabiex jiġi vverifikat jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, inkluż il-vantaġġ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji u l-piżijiet li jirriżultaw minn miżura fiskali nazzjonali bħala konsegwenzi neċessarji tal-miżura fiskali inkwistjoni.

72.      Fi kliem ieħor, dawn il-benefiċċji u dawn il-piżijiet għandhom jirriżultaw mill-miżura li l-effett tagħha ta’ tħaffif tal-piż fiskali tal-benefiċjarji f’paragun mat-“tassazzjoni normali” qiegħed jiġi diskuss, u mhux mill-kombinament ta’ din il-miżura u tar-regoli ta’ tassazzjoni li jikkostitwixxu s-sistema fiskali “normali”.

73.      F’dan il-każ, huma l-benefiċċji u l-piżijiet li jirriżultaw mill-possibbiltà ta’ tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ, u mhux il-kombinazzjoni ta’ din il-miżura u tas-soprataxxa fuq il-profitti stess, sa fejn ma hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li din tal-aħħar tifforma parti mis-sistema fiskali “normali”.

74.      Għaldaqstant, jien konvint li kieku kellha tiġi approvata, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet tkun ta’ natura li tikkonfuta l-loġika li fuqha huwa msejjes l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam fiskali, sa fejn din tkun tippermetti lill-Istati Membri jevitaw kull miżura fiskali milli tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat billi juru li l-piż fiskali li għalih hija suġġetta l-impriża kkonċernata huwa ikbar mill-benefiċċju ekonomiku li din l-impriża tikseb b’konsegwenza tal-applikazzjoni tal-imsemmija miżura.

75.      F’dan l-istadju, hemm lok li jitfakkar li, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, kif inhu propost lilha li tagħmel f’dawn it-talbiet, hija tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

76.      Jien tal-opinjoni li f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-aggravju uniku li kien ippreżentat quddiemha mill-appellanti.

77.      Kif diġà ssemma qabel, dan l-aggravju effettivament kien intiż li jikkontesta, fid-dawl ta’ ċerti prinċipji u dispożizzjonijiet tad-dritt fiskali Ġermaniż, l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza li jikkostitwixxi s-sistema fiskali “normali”. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istħarriġ tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli mwettaq mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest jikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ fatti, u għaldaqstant jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, biss sabiex jiġi vverifikat jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt nazzjonali (12). Madankollu, nirrileva li fil-kuntest tal-appell odjern, l-appellanti ma qajmu l-ebda argument intiż sabiex jiġi kkonstatat tali żnaturament.

 Konklużjoni

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑22 ta’ Ottubru 2021, Fachverband Spielhallen u LM vs IlKummissjoni (T‑510/20) u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni dwar il-motiv uniku li tqajjem quddiemha minn Fachverband Spielhallen e.V. u LM.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021 (T‑516/18 u T‑525/18, EU:T:2021:251).


3      Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs IlKummissjoni (C‑885/19 P u C‑898/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Fiat Chrysler Finance Europe”, EU:C:2022:859, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4      Sentenza Fiat Chrysler Finance Europe (punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5      Kif spjegajt fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni (C‑885/19 P, EU:C:2021:1028).


6      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs IlKummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punti 48 u 68).


7      Sentenza Fiat Chrysler Finance Europe (punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


8      Ara l-punti 155 sa 157 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


9      Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tiċċita, bħala eżempju, miżura individwali, li hija preżunta li kienet selettiva mingħajr ma tinvolvi neċessarjament l-għoti ta’ vantaġġ, u miżura ġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ġenerali tal-qafas ta’ referenza, li ma hijiex selettiva iżda xorta tista’ tikkonferixxi vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat, minn naħa, li l-miżura kontenzjuża hija skema ta’ għajnuna, u, min-naħa l-oħra, li l-prova tal-ġustifikazzjoni permezz tan-natura jew l-istruttura ġenerali tal-qafas ta’ referenza hija imposta fuq l-Istati Membri u għaldaqstant ma tikkostitwixxix parti neċessarja mill-eżami tas-selettività mwettaq mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, IlKummissjoni vs LUngerija (C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


10      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, IlKummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021 (C‑362/19 P, EU:C:2021:169).


12      Sentenza Fiat Chrysler Finance Europe (punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).