Language of document : ECLI:EU:T:2005:385

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

tad-9 ta’ Novembru 2005(*)

"Trade Mark Komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja Hi‑FOCuS – Trade mark verbali nazzjonali preċedenti FOCUS – Portata ta’ l-eżami mwettaq mill-Bord ta’ l-Appell – Evalwazzjoni ta’ l-elementi ppreżentati quddiem il-Bord ta’ l-Appell"

Fil-kawża T-275/03

Focus Magazin Verlag GmbH, stabbilita f’Munich (il-Ġermanja), rappreżentata minn U. Gürtler, Avukat,

rikorrenti,

vs

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), rappreżentat minn A. von Mühlendahl, B. Müller u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI li kienet

ECI Telecom Ltd, stabbilita f’Petah Tikva (l-Iżrael),

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Awla tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-30 ta’ April 2003 (Każ R 913/2001‑4), dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni bejn Focus Magazin Verlag GmbH u ECI Telecom Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors u r-replika ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-4 ta’ Awwissu 2003 u fit-2 ta’ April 2004 rispettivament,

wara li rat ir-risposta u l-kontroreplika ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal- Prim’Istanza, fl-10 ta’ Diċembru 2003 u fit-8 ta’ Lulju 2004 rispettivament,

wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-1 ta’ Ottubru 1999, ECI Telecom Ltd (ikar ’il quddiem l-"applikanta") ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark mitluba kienet is-sinjal verbali Hi‑FOCuS.

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 9 u 38 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti :

–       klassi 9: "Sistemi ta’ telekomunikazzjoni u ta’ switching għat-trasferiment ta’ serje ta’ servizzi telefoniċi u li jikkonsistu minn sistema ta’ aċċess permezz tal-broadband gradwat; sistemi ta’ telekomunikazzjoni li jużaw teknoloġija abbażi tar-ram; sistemi ta’ telekomunikazzjoni li jużaw fibri ottiċi; sistemi ta’ telekomunikazzjoni u ta’ switching li jużaw metodu ta’ trasferiment asinkronu; sistema ta’ telekomunikazzjoni għat-trasferiment ta’ serje ta’ servizzi telefoniċi bejn netwerk lokali u l-abbonat, inklużi uffiċċju ċentrali u servizz ta’ l-abbonati";

–       klassi 38: "Trasferiment ta’ serje ta’ servizzi telefoniċi permezz ta’ sistema ta’ aċċess permezz tal-broadband gradwat; trasferiment ta’ telekomunikazzjonijiet permezz ta’ sistemi li jużaw teknoloġija abbażi tar-ram; trasferiment ta’ telekomunikazzjonijiet permezz ta’ sistemi li jużaw il-fibri ottiċi; trasferiment ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ switching permezz ta’ sistema li tuża metodu ta’ trasferiment asinkronu; servizzi telefoniċi bejn netwerk lokali u l-abbonat, inklużi uffiċċju ċentrali u servizz ta’ l-abbonati".

4       L-applikazzjoni ippreżentata fil-lingwa Ingliża. Il-lingwa Franċiża ġiet indikata bħala t-tieni lingwa skond l-Artikolu 115(3) tar-Regolament Nru 40/94.

5       Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks tal-Komunità Nru 41/00 tat-22 ta’ Mejju 2000.

6       Fit-18 ta’ Lulju 2000, Focus Magazin Verlag GmbH ressqet oppożizzjoni, abbażi ta’ l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali nazzjonali FOCUS, irreġistrata fil-Ġermanja fit-23 ta’ Mejju 1996 taħt in-Nru 394 07 564, għall-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 3, 5, 6, 7, 8, 9, 14, 15, 18, 20, 21, 24, 25, 26, 28, 29, 30, 33, 34, 36, 38, 39, 41 u 42.

7       L-oppożizzjoni saret kontra l-prodotti u s-servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark komunitarja u kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha li jaqgħu taħt it-trade mark preċedenti. Fl-avviż ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti invokat ir-raġunijiet għal rifjut fl-Artikolu 8(1)(b), u ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

8       L-avviż ta’ oppożizzjoni kien jinkludi, bħala prova ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti, ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Ġermaniża li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, maħruġ bil-Ġermaniż, kif ukoll ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali FOCUS bin-Nru 663 349, li tagħha ir-rikorrenti kienet ukoll il-proprjetarja, fil-lingwa Franċiża. Ir-rikorrenti kienet indikat il-lingwa Franċiża bħala l-lingwa ta’ proċedura.

9       Fid-19 ta’ Settembru 2000, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tat lir-rikorrenti terminu sad-19 ta’ Novembru 2000 sabiex tipprovdi l-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi fl-imsemmija lingwa, inkella, fin-nuqqas ta’ dan, l-avviż ta’ oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Fid-dokument li bih ingħata dan it-terminu kien hemm il-frażi "Notifika lil parti li qed topponi dwar irregolaritajiet ikkonstatati fl-avviż ta’ oppożizzjoni (Regoli 15 u 18(2) tar-Regolament [tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1)])".

10     Permezz ta’ faks tas-27 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti informat lill-UASI bil-fatt li hija kienet diġà ppreżentat it-traduzzjoni mitluba fl-istess żmien ta’ l-avviż ta’ oppożizzjoni. Hija forniet mill-ġdid iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali Nru 663 349, filwaqt li ppreċiżat li din kienet it-traduzzjoni uffiċjali tar-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade mark Ġermaniża li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, kif stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO).

11     Fil-15 ta’ Jannar 2001, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni indirizzat lir-rikorrenti dokument ieħor intitolat "Notifika lill-parti li qed topponi bid-data ta’ ftuħ tal-frażi kontradittorja tal-proċedura ta’ oppożizzjoni u tat-terminu sabiex jiġu pprovduti l-fatti, provi u osservazzjonijiet li jsostnu oppożizzjoni (Regloli 19(1), 16(3), 17(2) u 20(2), tar-Regolament [Nru 2868/95])". Dan id-dokument kien akkumpanjat min-nota ta’ spjegazzjoni fir-rigward tal-provi li għandhom jiġu pprovduti li jsostnu l-oppożizzjoni.

12     Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2001, l-applikanta infurmat lir-rikorrenti bix-xewqa tagħha li ssolvi l-kawża b’mod amikevoli.

13     Fil-15 ta’ Mejju 2001, ir-rikorrenti forniet xi dokumenti supplementari li jinkludu elementi ta’ fatti, ta’ prova u osservazzjonijiet li jsostnu l-oppożizzjoni tagħha.

14     Fit-12 ta’ Lulju 2001, l-UASI infurmat lir-rikorrenti li hija kienet bagħtet l-imsemmija dokumenti lill-applikanta, filwaqt li osservat li, peress li r-rikorrenti ma kinitx forniet traduzzjoni kompluta, fil-lingwa tal-proċedura, taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ l-uniku trade mark li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, jiġifieri t-trade mark Ġermaniża Nru 394 07 564, l-UASI kienet ser tieħu deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni.

15     Fis-16 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrenti reġgħet bagħtet mill-ġdid lill-UASI l-ittra tagħha tas-27 ta’ Settembru 2000, skond liema ittra, il-lista tal-prodotti u tas-servizzi tat-trade mark preċedenti Ġermaniża kienet tikkorrispondi għal dak it-trade mark internazzjonali. Hija enfasizzat li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni internazzjonali kien isemmi speċifikament lit-trade mark Ġermaniża preċedenti bħala trade mark ta’ bażi, kif ukoll id-data ta’ prijorità, li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti kien jinkludi l-informazzjoni kollha akkumpanjata minn kodiċijiet standardizzati u li, għalhekk, l-applikanta setgħet tkun taf l-informazzjoni kollha neċessarja.

16     Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2001, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li, peress li ma kinitx ipprovdiet it-traduzzjoni kompluta taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Ġermaniża tagħha, ir-rikorrenti ma kinitx ġabet il-prova ta’ l-eżistenza tat-trade mark preċedenti tagħha. Hija qieset li r-referenza għal-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi koperti mit-trade mark internazzjonali ma setgħetx tkun ikkunsidrata bħala traduzzjoni kompluta fil-lingwa Franċiża taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Ġermaniż.

17     Fil-15 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrenti ippreżentat appell lill-UASI, taħt l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. Kien hemm it-traduzzjoni Franċiża taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Ġermaniż tat-trade mark preċedenti annessa ma’ l-att tar-rikors.

18     Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2003 (ikar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ċaħad ir-rikors. Huwa kkunsidra li r-rikorrenti kienet marbuta li tipprovdi l-prova ta’ l-eżistenza tat-trade mark preċedenti tagħha, billi tippreżenta t-traduzzjoni taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tagħha, u li l-prova pprovduta kienet, f’dan il-każ, insuffiċjenti. Minbarra dan, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-UASI ma kienx marbut li jindika lil min qed jopponi li dokument, jew it-traduzzjoni tiegħu, ma kienx suffiċjenti għall-finijiet tal-prova ta’ l-eżistenza ta’ dritt preċedenti. Barra minn dan, il-Bord ta’ l-Appell irrifjuta li jqis it-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Ġermaniż, li ġie ppreżentatat, għall-ewwel darba, quddiemu.

 It-talbiet tal-partijiet

19     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni;

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna lill-UASI tiddeċiedi abbażi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza;

–       tikkundanna lill-UASI sabiex tbati l-ispejjeż.

20     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti sabiex tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibiltà tat-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti

21     Permezz tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tordna lill-UASI li tiddeċiedi abbażi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

22     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI hu meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mid-deċiżjoni tal-Qorti komunitarja. Għaldaqstant, mhijiex il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tagħti ordni lill-UASI. Fil-fatt, hu l-UASI li għandu jiddeduċi l-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs l-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs l-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12, u tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI - AnheuserBusch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra. p. II-2251, punt 22].

23     Għaldaqstant, it-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli.

 Fuq il-mertu

24     Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti fis-sustanza invokat tliet motivi ibbażati, l-ewwelnett, fuq in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tal-provi mressqa, it-tieni nett, tal-ksur ta’ l-obbligu li jiġu eżaminati l-elementi imressqa minnha quddiem il-Bord ta’ l-Appell u, it-tielet nett, ta’ l-injorar tar-regoli li jirregolaw il-prova dwar l-eżistenza tat-trade mark preċedenti.

25     L-ewwelnett għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

26     Ir-rikorrenti ssostni li l-prova tad-dritt preċedenti tista’ ukoll tiġi pprovduta fl-istadju tar-rikors quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

27     Fil-fatt, ir-regoli 16 sa 20 tar-Regolament Nru 2868/95, li jillimitaw il-perjodu li fih il-prova tista’ tiġi pprovduta, japplikaw biss għall-proċedura ta’ oppożizzjoni. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridiku effettiva jiġi miksur kieku ma kienx possibbli li jiġu pprovduti provi oħra ta’ l-eżistenza tat-trade mark waqt il-proċedura tar-rikors.

28     Ir-rikorrenti ssostni li, mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs l-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE) (T‑308/01, Ġabra p. II‑3253), jirriżulta li l-prova ta’ l-eżistenza tat-trade mark preċedenti tkun għadha tista’ tiġi pprovduta fl-istadju tar-rikors. It-teħid in kunsiderazzjoni jew le ta’ l-elementi ġodda ta’ prova ivarja madankollu skond l-evalwazzjoni każ b’każ, li, f’din il-kawża partikolari, kellu jwassal għat-teħid in kunsiderazzjoni tat-traduzzjoni ppreżentata.

29     Skond ir-rikorrenti, minflok inaqqas il-piż tax-xogħol ta’ l-UASI, in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ provi u fatti ġodda, għall-kuntrarju, iżidu biss, u dan imur kontra ċ-ċertezza legali. Fil-fatt, jekk il-proċeduri ta’ oppożizzjoni kellhom jiġu miċħuda għal żbalji formali sempliċi, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jista’ jintroduċi immedjatament talba għal nullità fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 52 u 55 tar-Regolament Nru 40/94, li jkollha bħala konsegwenza eżami mill-ġdid tal-fatti kollha.

30     Barra minn dan, peress li l-applikanta ma ikkontestatx, fl-ewwel Istanza, l-eżistenza tat-trade mark preċedenti, il-prezentata ta’ elementi oħra ta’ prova għandha tiġi aċċetata. It-tweżin ta’ l-interessi previst mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jeħtieġ b’dan il-mod it-teħid in kunsiderazzjoni tat-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Ġermaniż. Peress li r-rikorrenti pprovdiet provi matul il-proċedura ta’ oppożizzjoni, għalkemm f’lingwa li ma kinitx lingwa tal-kawża, ikun ġust li hija tkun permessa li tippreżenta t-traduzzjoni li tikkorrispondi fl-istadju tar-rikors. Minbarra dan, l-applikanta tista’ tagħmel rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, konsegwentement, id-drittijiet ta’ difiża tagħha ma jkunux miksura.

31     L-UASI jqis li s-sentenza KLEENCARE, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex applikabbli f’din il-kawża partikolari. Fil-fatt, it-teħid in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika fid-data tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell ma jistax ikollu bħala konsegwenza l-irrimedjar ta’ irregularitajiet ta’ proċedura jew li jiġu kkompletati l-atti wara t-terminu mogħti. Fil-proċeduri inter partes, l-UASI għandu biss setgħa diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda l-ammissibiltà ta’ elementi ġodda ta’ fatt jew ta’ prova jekk huwa ma jkunx impona terminu minn qabel sabiex dawn jiġu ppreżentati, li ma kienx il-każ f’din il-kawża partikolari. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs l-UASI – Educational Services (ELS) (T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 29), dwar il-preżentata tal-prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs l-UASI – Massagué Marín (Chef), T‑232/00, Ġabra p. II‑2749].

32     L-UASI jsostni li kieku l-partijiet kienu ħielsa li jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ osservanza tat-termini quddiem l-ewwel istanza ta’ l-UASI billi jippreżentaw elementi ta’ fatti jew ta’ prova għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta’ l-Appell, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks komunitarji ssofri minn dewmien kunsiderevoli li jkun ta’ preġudizzju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

33     Minbarra dan, l-UASI jfakkar li d-deċiżjonijiet fuq l-oppożizzjonijiet m’għandhomx effett li jorbot, filwaqt li deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal nullità li saret definittiva hija deċiżjoni li tikkostitwixxi res iudicata definittiva. Dawn huma żewġ proċeduri distinti, li joħorġu minn regolament komunitarju, u t-teżi tar-rikorrenti twassal sabiex din id-distinzjoni tiġi kkontestata.

34     Ikun inamissibbli li jiġu limitati d-drittijiet tad-difiża ta’ l-applikanta fl-Istanza ta’ rikors intern lill-UASI [Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Novembru 2003, Strongline vs l-UASI – Scala (SCALA), T‑235/02, Ġabra p. II-4903]. Il-kontinwità funzjonali bejn l-istanzi ta’ l-UASI teħtieġ li l-konsegwenzi ġuridiċi ta’ inosservanza, ta’ terminu jissussistu quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Is-soppressjoni ta’ istanza dovuta għall-inammissibiltà ta’ motivi ġodda matul l-istanza tar-rikors ma tistax tkun rimedjata permezz tal-possibiltà li l-kawża tinġieb quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, eventwalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, billi l-proċedura quddiem il-qorti komunitarja hija kunsiderevolment aktar kumplessa u aktar għalja mill-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35     F’din il-kawża, huwa stabbilit li ma’ l-avviż ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti pprovdiet iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Ġermaniż tat-trade mark preċedenti, kif ukoll iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali tagħha Nru 663 349, ibbażata fuq it-trade mark preċedenti fil-lingwa Franċiża. Huwa wkoll stabbilit li, anness mar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, ir-rikorrenti forniet ipprovdiet it-traduzzjoni Franċiża taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Ġermaniż tat-trade mark preċedenti.

36     Dan l-aħħar dokument ġie ppreżentat mir-rikorrenti, peress li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kienet ikkunsidrat li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali, ibbażata fuq it-trade mark nazzjonali preċedenti, ma setax ikun ikkunsidrat bħala traduzzjoni kompluta fil-lingwa tal-każ taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni Ġermaniż, minkejja l-fatt li r-rikorrenti kienet infurmatha li din kienet it-traduzzjoni uffiċjali, kif imħejjija mill-WIPO, tar-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade mark Ġermaniża li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni.

37     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li mill-kontinwità funzjonali bejn l-istanżi ta’ l-UASI jirriżulta li, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 74(1), fl-aħħarnett, tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta’ l-Appell huwa marbut li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt li l-parti kkonċernata introduċiet kemm fil-proċedura quddiem t-taqsima li ddeċidiet fl-ewwel istanza, kemm, taħt l-unika riżerva tal-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu, fil-proċedura tar-rikors (sentenza KLEENCARE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). B’hekk, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, fil-każ tal-proċedura inter partes, il-kontinwità funzjonali li jeżisti bejn l-istanżi differenti ta’ l-UASI għandu biss bħala konsegwenza li parti li, quddiem t-taqsima li tiddeċiedi fl-ewwel istanza, ma ppreżentatx ċerti elementi ta’ fatt jew ta’ dritt fit-termini mogħtija quddiem din t-taqsima ma tkunx ammessa, skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, sabiex tagħmel użu mill-imsemmija elementi quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Il-kontinwità funzjonali għandha, għall-kuntrarju, bħala konsegwenza li parti bħal din hija ammessa li tagħmel użu mill-imsemmija elementi quddiem il-Bord ta’ l-Appell, suġġett għall-osservanza, quddiem din l-istanza, ta’ l-Artikolu 74(2), ta’ l-imsemmi regolament [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Novembru 2004, Kaul vs l-UASI – Bayer (ARCOL), T‑164/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 29].

38     Konsegwentement, f’din il-kawża, peress li l-preżentata tad-dokument in kwistjoni ma saritx tard, skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, iżda saret fl-anness d-depożitata mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell fil-15 ta’ Ottubru 2001, jiġifieri fit-terminu ta’ erba’ xhur impost mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, din ta’ l-aħħar ma setgħetx tirrifjuta li tieħu in kunsiderazzjoni dan id-dokument.

39     F’dawn iċ-ċirkostanzi, ir-riferiment magħmul mill-UASI għas-sentenza Chef, iċċitata iktar ’il fuq, li ma kinitx tittratta l-provi ppreżentati quddiem il-Bord ta’ l-Appell, iżda l-kwistjoni dwar jekk id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kellhiex l-obbligu li tinnotifika lil parti li qed topponi bl-irregolarità li tikkonsisti fin-nuqqas tagħha li tippreżenta, fit-terminu mogħti għal dan il-għan, it-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti mhuwiex rilevanti. Minbarra dan, f’din il-kawża, peress li l-parti li kienet qed topponi ma ppreżentatx it-traduzzjoni wara l-iskadenza tat-terminu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx neċessarju li tippronunzja ruħha fuq il-kwistjoni dwar jekk, u safejn, fatti jew provi ppreżentati wara l-iskadenza ta’ terminu mogħti mill-UASI setgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni jew le minn dan ta’ l-aħħar abbażi ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza Chef, iċċitata aktar ’il fuq, punti 63 sa 65).

40     F’dan ir-rigward, lanqas ir-riferiment magħmul mill-UASI għas-sentenza ELS, iċċitatat iktar ’il fuq, dwar il-preżentazzjoni tal-provi ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-UASI quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ma jista’ jirnexxi, peress li, jekk xi elementi ta’ prova ġew ippreżentati quddiem il-Bord ta’ l-Appell fit-termini, il-Bord ta’ l-Appell huwa marbut li jikkunsidrahom fl-eżami tiegħu tar-rikors (sentenzi KLEENCARE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u ARCOL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). F’kull każ, hemm lok li jiġi mfakkar li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti kienet diġà ppreżentat quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, fit-termini, provi ta’ l-eżistenza tad-dritt preċedenti tagħha u wara, quddiem il-Bord ta’ l-Appell, traduzzjoni supplementari, peress li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ma kinitx ikkunsidrat iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni internazzjonali bħala traduzzjoni kompluta tat-trade mark peċedenti.

41     Ir-referenza magħmula mill-UASI għad-digriet SCALA, iċċitata iktar ’il fuq, m’għaddx għandha rilevanza. Fil-fatt, f’din il-kawża, ir-rikorrenti kienet ippreżentat id-dokumenti u t-traduzzjonijiet neċessarji għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li, f’din il-kawża, il-preżentata u t-teħid in konsiderazzjoni tat-traduzzjoni in kwistjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appell kienu ppermettew lill-applikanta li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha fil-proċedura inter partes u li Bord ta’ Appell li jassigura ruħhu, b’ċertezza suffiċjenti, bil-vera natura tad-drittijiet invokati (digriet SCALA, iċċitat iktar ’il fuq, punt 45). Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl tan-natura taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, abbozzat fil-lingwa tal-kawża, li dan, flimkien maċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Ġermaniża, fil-lingwa Ġermaniża, ippermetta, mill-proċedura quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, lill-applikanta li teżerċità d-drittijiet ta’ difiża tagħha fil-proċedura inter partes u lill-Bord ta’ l-Appell li tassigura ruħha, b’ċerta ċertezza suffiċjenti, tar-realtà tad-drittijiet invokati.

42     Barra minn dan, l-argument ta’ l-UASI li din il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks komunitarji tkun soġġetta għal dewmien konsiderevoli jekk il-partijiet ikunu għadhom jistgħu jippreżentaw elementi ta’ fatt jew ta’ prova għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta’ l-Appell ma jistax jirnexxi f’din il-kawża. Għall-kuntrarju, peress li ġew ippreżentati numru ta’ elementi favur l-eżistenza tad-dritt preċedenti mill-proċedura quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, il-fatt li t-traduzzjoni supplementari, ippreżentata quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ġiet rrifjutata kellu bħala konsegwenza li jtawwal din il-proċedura.

43     Minn dan jirriżulta li, billi naqas milli jqis id-dokument ippreżentat quddiemha mir-rikorrenti, fit-terminu impost mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 74 ta’ l-imsemmi Regolament. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr il-ħtieġa li ssir deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra u mingħajr il-ħtieġa li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq l-ammissibiltà tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

44     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

45     Peress li l-UASI tilef, hemm lok li hu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż li fid-dawl tat-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Awla tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI) tat-30 ta’ April 2003 (Każ R 913/2001‑4) hija annullata.

2)      Il-konvenut għandu jbati l-ispejjeż.


Jaeger

Tiili

Czúcz


Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Novembru 2005.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

       il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.