Language of document : ECLI:EU:T:2005:380

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

27 ta' Ottubru 2005 (*)

"Trade mark komunitarja – Trade mark li tinxtamm Riħa ta' frawla misjura – Raġuni assoluta għar-rifjut – Sinjal li ma jistax jiġi rappreżentat b'mod grafiku – Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T‑305/04

Eden SARL, stabbilita f'Pariġi (Franza), irrappreżentata minn M. Antoine-Lalance, Avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-24 ta' Mejju 2004 (Każ R 591/2003-1), dwar ir-reġistrazzjoni ta' sinjal li jinxtamm, riħa ta' frawla misjura bħala trade mark komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Lulju 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Ottubru 2004,

wara s-seduta tal-21 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-26 ta' Marzu 1999, il-Laboratoires France Parfum SA (iktar 'il quddiem "LFP") ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1) kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa sinjal li jinxtamm, li mhuwiex viżibbli, deskritt permezz tal-kliem "riħa ta' frawla misjura" flimkien ma' l-immaġini bil-kulur li ġejja :


      Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet mitluba jaqgħu fil-klassijiet 3, 16, 18 u 25 tal-ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta' prodotti u servizzi għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni ta' trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja :

–       klassi 3"Preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen, spapen li jneħħu r-riħa, prodotti ta' fwieħa, eau de toilette, fwejjaħ, żjut essenzjali, żjut ifuħu, żjut tal-lewż u lozjonijiet tal-lewż għal użu kożmetiku, krema tat-tindif, krema ta' bażi bil-kulur għal użu kożmetiku, prodotti kontra l-għaraq, kożmetiċi, lipstikkijiet, tajjar għal użu kożmetiku, terra għall-irtokk, prodotti kożmetiċi għall-kura tal-ġilda, preparazzjonijiet kożmetiċi għall-banju, stikek tat-tajjar għal użu kożmetiku, kremi kożmetiċi, lapsijiet kożmetiċi, prodotti għat-tneħħija ta' l-irtokk, irtokk, gwidi tal-karti għall-irtokk ta' l-għajnejn, verniċ tad-dwiefer għall-użu kożmetiku, pomata għall-użu kożmetiku, preparazzjonijiet kożmetiċi għas-smurija tal-ġilda, xampù, lozjonijiet għax-xaghar, żebgħat kożmetiċi, prodotti għat-tqaxxir, lozjonijiet ta' wara t-tqaxxir, dentifriċi, prodotti għall-kura tal-ħalq għal użu mhux medikali, terra, prodotti li jneħħu x-xagħar, lozjonijiet tax-xagħar, preparazzjonijiet ta' krema għax-xagħar, preparazzjonijiet ta' żjut għax-xagħar, prodotti ta' fwejjaħ, ġebel biex jillixxa , ġebel għall-lostru, ħaffifiet";

–       klassi 16: "Oġġetti ta' kartolerija, pinna, lapsijiet, kaxex għall-lapsijiet, gommom, karti (kartolerija), pitazzi ta' l-iskola, kartixugi, folji ta' karti (kartolerija); materjal stampat, kotba, magazinijiet, ġurnali, perijodiki, materjal ta' istruzzjoni u tagħlim (minbarra apparat), karti tal-logħob";

–       klassi 18: "Oġġetti ta' ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda (barra minn kaxex adattati għall-oġġetti li huma intiżi li jġorru, ingwanti u ċinturini), portafolji, ħolqiet taċ-ċwievet, portmonijiet, boroż tan-nisa, basktijiet għall-ivvjaġġar, basktijiet ta' l-iskola, oġġetti magħmulin minn sarraġ, bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar, basktijiet adattati għar-roti, għatiet tal-ġilda; umbrelel, bsaten; ħwejjeġ, b'mod partikolari l-qliezet, qomos u qomos bi kmiem qosra, dbielet u lbiesi, ħwejjeġ ta' taħt, ġkieket u kappotti; żraben, xedd ir-ras u kull tip ta' lbies ta' l-isport, ħwejjeġ tal-ġilda";

–       klassi 25; "Ħwejjeġ, ħwejjeġ ta' taħt, qlieżet ta' taħt, qliezet ta' taħt tan-nisa jew tal-bniet (ħwejjeġ u ħwejjeġ ta' taħt), ilbies ta' taħt ta' mara, ilbies intieri, ingravati, qomos, qomos bi kmiem qosra, xlapi, dbielet, dublett ta' taħt ta' mara, riċipetti, kowtijiet, qliezet, ġagagi għal ġod-dar, ġkieket, malji, ilbies għal fuq ix-xtajta, ilbies, peduni, qafliet tal-qliezet; żraben, buz, sandlijiet, papoċċi; xedd ir-ras, kappell."

4       Permezz tad-deċiżjoni tas-7 ta' Awwissu, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni skond l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94, għar-raġuni, min-naħa waħda, li s-sinjal li jinxtamm mitlub ma setax ikun irrappreżentat b'mod grafiku u b'hekk imur kontra l-Artikolu 7(1)(a) ta' l-imsemmi Regolament u, min-naħa l-oħra li m'għandux karattru distint, fis-sens ta' l-Artikolu 7 (1)(b) ta' l-istess Regolament fir-rigward ta' ċerti prodotti indikati.

5       Fis-6 ta' Ottubru 2003, LFP ppreżentat rikors quddiem il-UASI, skond l-Artikoli 57 u 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

6       Permezz tad-deċiżjoni ta' l-24 ta' Mejju 2004 iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad dan ir-rikors peress illi s-sinjal li jinxtamm ma setax ikun irrappreżentat b'mod grafiku, fis-sens ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, u li b' hekk jissodisfa r-raġuni ta' rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

7       Permezz ta' l-Att ta' l-21 ta' Diċembru 2000, LFP ġiet ċeduta lir-rikorrenti. Fid-9 ta' Lulju 2004, din iċ-ċessjoni kienet ikkomunikata lil UASI, li, fl-20 ta' Lulju 2004 innotifika r-reġistrazzjoni taċ-ċessjoni ta' l-applikazzjoni tat-trade mark Komuniatrja in kwistjoni f'isem ir-rikorrenti.

 It-talbiet tal-partijiet

8       Ir-rikorrenti tiblob il-Qorti tal-Prim'Istanza joġobgħa sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

9        L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex joġobgħa:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

10     Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

11     Ir-rikorrenti tfakkar li l-Qorti, fis-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Sieckmann (C-273/00, Ġabra p.I-11737) iddeċidiet li s-sinjali li ma jistgħux minnhom infushom ikunu perċettibbli viżivament, bħall-ħsejjes jew l-irwejjaħ, jistgħu jikkostitwixxu trade mark jekk ikunu jistgħu jiġu rrappreżentati b'mod grafiku. Ir-rikorrenti tenfasizza li, f'din is-sentenza, il-Qorti qieset li r-rappreżentazzjoni grafika ta' riħa tista' ssir permezz ta' immaġini, linji jew karattri u għandha tkun "ċara, preċiża, kompleta, indipendenti, faċilment aċċessibbli, li tista tiftiehem, li tibqa' tajba u oġġettiva". (il-paragrafu 55 tas-sentenza). Hija tfakkar li l-Qorti ddeċidiet, b'mod partikolari fuq is-sinjali li jinxtammu, li "ir-rekwiżiti ta' rappreżentazzjoni grafika mhumiex sodisfatti b'formula kimika, b'deskrizzjoni ta' kliem miktuba, mid-depożitu ta' kampjun tar-riħa jew minn taħlita ta' dawn l-elementi"(il-paragrafu 73 tas-sentenza).

12     Ir-rikorrenti tikkontesta lil Bord ta' l-Appell talli applika din il-ġurisprudenza f'dan il-każ mingħajr ma kkunsidra l-karatteristiċi ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni in kwistjoni.

13     L-ewwel nett, hija tafferma li għall-kuntrarju ta' l-applikazzjoni in kwistjoni fis-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar 'il fuq, din it-talba għar-reġistrazzjoni ma fiha la kampjun u lanqas formula kimika. Hija tqis li l-Bord ta' Appell kellu d-dmir li jeżamina jekk ir-rappreżentazzjoni grafika li hemm fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li hija magħmula minn deskrizzjoni verbali u rappreżentazzjoni bil-kuluri ta' frawla misjura, tissodisfax il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94.

14     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-analiżi ta' l-elementi grafiċi tal-Bord ta' l-Appell li jikkostitwixxu l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kienet żbaljata.

15     Dwar, inizjalment, ir-rappreżentazzjoni verbali, ir-rikorrenti tafferma, b'risposta għall-argument li d-deskrizzjoni tat-trade mark mogħtija fl-applikazzjoni ġħar-reġistrazzjoni tista' tiġi interpretata b'mod suġġettiv, li din l-osservazzjoni hija irrilevanti peress li kull sinjal jista' jiġi interpretat b'mod differenti minn individwu għal ieħor. Hija tikkunsidra li sinjal għandu jkun unikament tajjeb sabiex tiddistingwi bejn il-prodotti li huma jindikaw u li, sabiex trade mark tissodisfa l-funzjoni tagħha, huwa biżżejjed li hija tiġi pperċepita bħala hekk minn bniedem uman. Għal kull sinjal, il-konsumatur jassoċja intellettwalment il-forma li hu jipperċepixxi u s-sinjal in kwistjoni, skond il-kultura u l-esperjenzi tas-sensi tiegħu.

16     Waqt li tirreferi għas-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar 'il fuq, ir-rikorrenti tgħid illi huwa biżżejjed li r-rappreżentazzjoni grafika tkun "mhux ekwivoka" u m'hemmx bżonn li tfittex jekk din ir-rappreżentazzjoni hija preċepita xi ftit iżjed jew ftit inqas b'mod suġġettiv mill-konsumatur. Hija tikkunsidra li f'dan is-sens li kriterju oġġettiv ta' sinjal ma jeżistix għat-tipi l-oħra ta' sinjali u li għalhekk m'għandhiex tkun meħtieġa mis-sinjali li jinxtammu.

17     Dwar l-affermazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li hemm diskrepanza bejn id-deskrizzjoni u r-riħa, minħabba l-fatt li jeżisti numru kbir ta' tipi ta' frawli li jistgħu jintgħarfu permezz tar-riħa tagħhom, ir-rikorrenti tgħid li din l-affermazzjoni hija żbaljata. Hija tgħid li l-provi mressqa juru li r-riħa ta' frawli misjura ta' tip minn ieħor jibqa' l-istess, it-togħma biss tinbidel skond it-tip. Hija kkonkludiet li r-riħa ta' frawli misjura hija stabbli u tibqa' tajba.

18     Ir-rikorrenti żżid li r-riħa depożitata hija wkoll speċifika minħabba li mhijiex biss kwalunkwe riħa ta' frawla imma dik ta' frawla misjura. Barra minn dan, dik ir-riħa hija margħufa ħafna mill-konsumaturi li kienu mmemorizzawha minn tfulithom.

19     Fir-rigward imbagħad tar-rappreżentazzjoni figurattiva, ir-rikorrenti tgħid li l-Bord ta' l-Appell ma jispjegax, fid-deċiżjoni kkontestata, għalfejn it-taħlit ta' deskrizzjoni verbali u ta' immaġini mhuwiex preċiż u ċar biżżejjed. Hija tafferma li l-immaġini ta' frawla misjura ma tistax tkun ipperċepita waħedha la mill-pubbliku u lanqas mill-awtoritajiet kompetenti, imma li hija assoċjata ma' aspetti oħra ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, b'mod partikolari d-deskrizzjoni "riħa ta' frawla misjura" u "trademark li tinxtamm". Għalhekk is-sinjal bħal dak mitlub, jifforma ħaġa waħda li l-awtoritajiet u l-pubbliku jipperċepixxu bħala tali.

20     Fir-rigward, finalment, tat-taħlit taż-żewġ elementi grafiċi, id-deskrizzjoni u l-immaġini, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Bord ta' Appell li, '"jekk id-deskrizzjoni permezz ta' kliem tar-riħa ta' frawla misjura jew ir-riproduzzjoni sempliċi ta' immaġini ta' frawla ma jistgħux, minnhom infushom, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' rappreżentazzjoni grafika, lanqas it-taħlit ta' dawn l-elementi mhux ser ikun jista' jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, b'mod partikolari r-rekwiżiti ta' ċarezza u l-preċiżjoni". Ir-rikorrenti tgħid li l-Bord ta' l-Appell illimita ruħu għal kliem tas-sentenza Sieckmann, iċċitat iktar 'il fuq, waqt li l-elementi użati sabiex tiġi rappreżentata t-trade mark in kwistjoni hija differenti minn dawk tat-trade mark li hemm f'din is-sentenza. Hija tikkontesta l-Bord ta' l-appell talli eżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, id-deskrizzjoni verbali u l-immaġini separatament minflok ma eżamina t-totalità tar-rappreżentazzjoni tat-trade mark .

21     Għalhekk ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark tissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza. Hija tgħid illi d-deskrizzjoni verbali hija ċara, preċiża, facilment aċċessibbli, li tista tiftiehem, li tibqa' tajba u oġġettiva u li l-immaġini tippermetti li s-sinjal ikun komplet minnu nnifsu. Peress li t-taħlit ta' dawn iż-żewġ elementi jissodifa r-rekwiżiti tar-rappreżentazzjoni grafika mniżżla fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tiġi aċċettata.

22     L-UASI jsostni l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell.

  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

23     Skond l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati sinjali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Regolament. L-Artikolu 4 jipprevedi li"trade mark Komunitarja tista' tikkonsisti f'sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b'mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta' prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriża oħra".

24     Fir-rigward, b'mod partikolari, tar-reġistrazzjoni ta' marki li jinxtammu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f'dak li jirrigwarda l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L40, p.1), li huwa fformulat b'mod identiku għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li "Trade mark tista’ tikkonsisti minn sinjal li ma jistax minnu nnfishu jkun perċepit viżwalment jekk ikun jista' jiġi rappreżentat b'mod grafiku, b'mod partikolari permezz ta' immaġini, linji jew karattri u għandha tkun "ċara, preċiża, kompleta, indipendenti, faċilment aċċessibbli, li tista' tiftiehem, li tibqa' tajba u oġġettiva" (s-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar 'il fuq).

25     Bħala punt preliminari, għandu jingħad li, minkejja l-fatt li l-memorja tax-xamm hija probabbilment l-aħjar waħda li l-bnedmin għandhom, kif kien intqal fis-smiegħ u li, konsegwentament operaturi ekonomiċi għandhom interess evidenti sabiex iduru għas-sinjali li jinxtammu sabiex jidentifikaw il-prodotti tagħhom, xejn ħlief ir-rappreżentazzjoni grafika ta' sinjal għandha tippermetti li s-sinjal jiġi identifikat b'mod preċiż sabiex tassigura li s-sistema tar-reġistrazzjoni tat-trade mark taħdem sew. (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Sieckmann, iċċitata iktar 'il fuq, parafrafi 46 u 47; tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, paragrafu 28, u ta' l-24 ta' Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C-49/02, Ġabra p. I‑6129, paragrafi 25 u 26). B'konsegwenza, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi aċċettata l-validità ta' rappreżentazzjoni grafika ma jistgħux jiġu modifikati u lanqas mibdula sabiex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni ta' sinjali li n-natura tagħhom tagħmel ir-rappreżentazzjoni grafika iktar diffiċli.

26     F'dan il-każ, it-trade mark li tinxtamm ikkontestata hija t-taħlit ta' element figurattiv, ta' l-immaġini murija fil-paragrafu 2 iktar 'il fuq, u ta' deskrizzjoni verbali "riħa ta' frawla misjura". Il-Bord ta' l-Appell qal li din ir-rappreżentazzjoni ma tikkostitwix rappreżentazzjoni grafika valida għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-ġurisprudenza, u rrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trademark minħabba r-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

27     F'dak li jirrigwardja, l-ewwel nett, l-element verbali, il-Bord ta' l-Appell qalet, min-naħa waħda, li d-deskrizzjoni in kwistjoni kienet mimlija b'fatturi suġġettivi u għalhekk setgħu jiġu interpretati b'mod suġġettiv u, min-naħa l-oħra, li tkun diffiċli li tagħmel deskrizzjoni tas-sinjal in kwistjoni b'mod ċar, preċiż u mhux ekwivoku biżżejjed peress illi r-riħa ta' frawli tinbidel skond it-tip u għalhekk hemm inevitabilment diskrepanza bejn id-dekrizzjoni nfisha u r-riħa reali. Il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li deskrizzjoni ma tistax tikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika tar-riħa li hi qed tallega li hi espressjoni miktuba.

28     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis f'dan ir-rigward li jekk, kif jirriżulta mis-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar 'il fuq, deskrizzjoni ma tistax tirrappreżenta b'mod grafiku sinjali li jinxtammu li jistgħu jiġu deskritti b'mod differenti, ma tistax teskludi li sinjal li jinxtamm jista' eventwalment ikun is-suġġett ta' deskrizzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-ġurisprudenza.

29     F'dan il-każ, ir-rikorrenti tgħid illi r-riħa ta' frawla misjura ma tvarjax minn tip għal ieħor u li konsegwentament, id-deskrizzjoni ta "riħa ta frawla misjura" mhijiex ekwivoka, hija preċiża u oġġettiva. Hija tibbaża din il-konklużjoni fuq żewġ studji annessi mar-rikors tagħha.

30     F'rigward l-ewwel nett l-istudju mwettaq mill-Institut pour la protection des fragrances, hemm lok li tikkonstata li, peress li ma kienx sottomess lill-Bord ta' l-Appell, ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni. Fil-fatt, peress illi l-iskop tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kien il-kontroll tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI fis-sens ta' l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, il-funzjoni ta' l-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi tal-fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Ġunju 2003, Alejandro vs UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II‑2251, paragrafu 67, u ta' l-1 ta' Frar 2005, SPAG/UASI – Dann et Backer (HOOLIGAN), T-57/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 20 ].

31     Rigward ukoll l-istudju mwettaq mill-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka xjentifika u teknika, għandha tingibed l-attenzjoni għall-fatt li dan l-istudju ma jikkonfermax l-argument tar-rikorrenti li kull tip ta' frawla għandha l-istess riħa. Għalhekk, it-tabelli 4, 5 u 6 ta' dan l-istudju jindikaw li dawk li jduqu fuq il-panel tas-sensi setgħu jiddistingwu mir-riħa tagħhom ħames minn disgħa tipi eżaminati fl-istudju (b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 1997, tat-3 u l-10 ta' Ġunju 1998, tal-15 ta' Lulju 1998 u tat-2 ta' Ġunju 1999) u dan bi probabbilità ta' żball ta 5% jew inqas, li jfisser, skond l-ispjegazzjonijiet mehmużin mat-tabelli, li t-tipi differenti ta' frawli jipproduċu rwejjaħ differenti sinifikattivi. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata permezz tal-fatt li l-probabbiltà ta' żball għall-frażi "riħa ta' frawla misjura" hija identika, għal ċerti tipi ta' frawli, bħal "gost ta' frawla (aroma)" jew "gost ħelu", li huma kkunsidrati effettivi ħafna mill-istudju sabiex tiddifferenzja bejn it-tipi ta' frawli.

32     Ċertament, jirriżulta mill-imsemmija tabelli li r-riħa ta' frawli ma tippermettix li tiddistingwi b'mod sinifikattiv it-tipi ta' frawli mill-kampjuni kollha. Issa, għandu jingħad li, sabiex tivverifika l-mertu ta' l-argument tar-rikorrenti li r-riħa ta' frawla misjura hija unika u mingħajr ekwivoki, mhuwiex neċessarju li dawk it-tipi jipproduċu sistematikament irwejjaħ differenti rilevanti. Fil-fatt, l-unika konstatazzjoni li t-tipi jistgħu ikunu differenzjati permezz tar-riħa tagħhom f'ħames minn disgħa kampjuni eżaminati fl-istudju hija biżżejjed sabiex turi li r-riħa ta' frawla mhijiex unika.

33     Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li l-provi ppreżentati quddiem il-Bord ta' l-Appell juru li r-riħa ta' frawla tvarja minn tip għal ieħor. Konsegwentament, peress li d-deskrizzjoni "riħa ta' frawla misjura" tista' tirreferi għal diversi tipi u għalhekk għal irwejjaħ diversi distinti, hija mhijiex mhux ekwivoka jew preċiża u ma tneħħix kull element tas-suġġettività fil-proċess ta' l-identifikazzjoni jew il-perċezzjoni tas-sinjal mitlub.

34     Barra minn hekk huwa kostanti li ma teżistix bħalissa klassifikazzjoni internazzjonali ta' rwejjaħ ġeneralment aċċettati li jippermettu, bħall-kodiċi internazzjonali ta' kuluri jew kitba mużikali, l-identifikazzjoni oġġettiva u preċiża ta sinjal li jinxtamm permezz ta' l-attribuzzjoni ta' isem jew kodiċi preċiża li hija speċifika għal kull riħa.

35     Jirriżulta minn dan li r-rikorrenti ma wrietx li l-Bord ta' l-Appell għamel żball meta ddeċieda li d-deskrizzjoni "riħa ta' frawla misjura" ma kinitx oġġettiva, ċara u preċiża.

36     F'rigward, fit-tieni lok, ta' l-element figurattiv, il-Bord ta' l-Appell qal li "tali rappreżentazzjoni (kienet) inqas preċiża minn deskrizzjoni verbali" minħabba li, l-ewwel nett "ma (kienx) possibbli għall-awtoritajiet kompetenti u l-pubbliku (…) li jiddeterminaw jekk is-sinjal, suġġett ta' protezzjoni, huwiex l-immaġini ta' frawla misjura nfisha jew ir-riħa tagħha" u t-tieni nett, l-immaġini tal-frawla "tkun sostitwita fuq livell intelletwali mill-ekwivalenti lingwistika tagħha "frawla ħamra" (jew) "frawla misjura", li tammonta għad-definizzjoni mill-ġdid tar-riħa permezz tal-kliem, peress li din id-definizzjoni diġà kienet ikkunsidrata wisq vaga".

37     F' dan ir-rigward, għandu jingħad, l-ewwel nett, li kif tafferma r-rikorrenti, ma hemm l-ebda raġuni li biha wieħed jikkunsidra li l-awtoritajiet u l-pubbliku ma jistgħux jiddeterimaw jekk is-sinjal protett huwiex sinjal figurattiv, li jikkonsisti fi frawla, jew sinjal li jinxtamm li allegatament għandu l-istess riħa ta' frawla misjura. Fil-fatt, peress illi huwa indikat fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li jikkonsisti f'sinjal li jinxtamm, ma jista' jkun hemm l-ebda dubju fuq in-natura tas-sinjal irreġistrat, bl-istess mod li l-awtoritajiet u l-pubbliku huma kapaċi jiddeterminaw jekk staff mużikali jirrappreżentax sinjal figurattiv, li jikkonsisti f' linji u sinjali, jew il-melodija li l-istaff tagħha tkun it-traskrizzjoni.

38     Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-fatt li l-immaġini tal-frawla tista' tkun sostitwita fuq livell intelletwali permezz ta' l-espressjoni "frawla ħamra" huwa irrilevanti. Fil-fatt, kull rappreżentazzjoni figurattiva ta' trademark, ikun xi jkun it-tip tagħha, tista' tiġi deskritta verbalment u tiġi ssostitwita fuq livell intellettwali minn deskrizzjoni kull darba li dik id-deskrizzjoni hija iktar faċilment memorizzata mid-deskrizzjoni figurattiva nfisha. Għalhekk, b'mod partikolari, l-istaff mużikali ta' sinjal ta' ħoss li jikkonsisti minn melodija margħufa ħafna propabbliment tiġi sostitwita fuq livell intelletwali mill-isem ta' dik il-melodija.

39     Madanakollu, fis-sentenza tagħha, Sieckmann, iċċitat iktar 'il fuq (paragrafu 69), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rappreżentazzjoni grafika ta' trade mark li tinxtamm għandha, sabiex tiġi aċċettata, tirrappreżenta r-riħa li għaliha qed issir ir-reġistrazzjoni u mhux il-prodott li jagħmel dik ir-riħa. Hija għalhekk ikkunsidrat li l-formula kimika tas-sustanza li tagħmel dik ir-riħa in kwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rappreżentazzjoni grafika valida.

40     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' biss għalhekk tiddikjara li peress l-immaġini ta' frawla li hemm fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, ma tirrappreżentax biss il-frotta li tagħmel ir-riħa li hija allegatament identika għas-sinjal li jinxtamm in kwistjoni, u mhux ir-riħa mitluba, din ma tikkostitwix rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal li jinxtamm.

41     Barra minn dan, din l-immaġini hija suġġetta għall-istess kritika tad-deskrizzjoni "riħa ta' frawla misjura". Fil-fatt, peress li ġie kkonstatat li l-frawli, jew għall-inqas xi ftit minnhom, għandhom riħa differenti skond it-tip, l-immaġini ta' frawla li tip tagħha mhuwiex speċifikat ma tippermettix li tidentifika b'ċarezza u preċiżjoni s-sinjal li jinxtamm mitlub.

42     Konsegwentament, il-konstatazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell fir-rigward ta' l-immaġini ta' frawla ħamra għandhom jiġu wkoll aċċettati.

43     Fit-tielet lok fir-rigward tat-taħlit tad-deskrizzjoni verbali u ta' l-immaġini, il-Bord ta' l-Appell qies li, peress li ż-żewġ elementi mhumiex rappreżentazzjonijiet grafiċi validi, it-taħlit tagħhom ma jistax jiġi meqjus bħala rappreżentazzjoni ammissibbli.

44     Ir-rikorrenti tikkontesta l-Bord ta' l-Appell għax eżamina ż-żewġ elementi separatament minflok eżaminhom bħala rappreżentazzjoni unika u tafferma li l-immaġini tikkompleta d-deskrizzjoni, fis-sens li hi tirrifletti l-istat ta' maturità li fiha l-frawli jagħmlu r-riħa in kwistjoni, li għalhekk tagħmel ir-rappreżentazzjoni grafika kompleta minnha nfisha.

45     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota, l-ewwel ħaġa, li jirriżulta mill-ġurisprudenza li t-taħlit ta' metodi ta' rappreżentazzjoni, li ma jistgħux jissodisfaw, minnhom infushom, ir-rekwiżiti ta' rappreżentazzjoni grafika, ma jistgħux jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti u huwa neċessarju li mill-inqas wieħed mill-elementi ta' rappreżentazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti kollha (Sieckmann, paragrafu 72 u Libertel, paragrafu 36). Konsegwentament, peress li d-deskrizzjoni verbali in kwistjoni u l-immaġini ta' frawla misjura, murija fil-paragrafu 2 iktar 'il fuq, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rappreżentazzjoni grafika, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-taħlit tagħhom ma jikkostitwix rappreżentazzjoni grafika valida.

46     Barra minn dan, għall-kuntrarju ta' dak li tallega r-rikorrenti, l-immaġini ma żżidtx informazzjoni addizzjonali fir-rigward tad-deskrizzjoni verbali. L-informazzjoni allegatament miżjuda, jiġifieri l-istat ta' maturità meta frawla tagħmel ir-riħa in kwistjoni, hija diġà fid-deskrizzjoni mogħtija peress hi tippreċiża li hija r-riħa ta' frawla "misjura". Għalhekk, peress li ż-żewġ elementi ta' rappreżentazzjoni jagħtu l-istess informazzjoni, it-taħlit tagħhom ma jistax jammonta għal iktar mis-somma taż-żewġ partijiet u jippermetti li jegħleb il-kritiċi mressqa kontrihom ta' kull wieħed minhom individwalment.

47     Jirriżulta minn dan li ntqal li l-Bord ta' l-Appell iddeċieda ġustament li s-sinjal li jinxtamm in kwistjoni ma kienx irrappreżentat b'mod grafiku fis-sens ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-ġurisprudenza.

48     Konsegwentament, peress li l-uniku motiv invokat ma kienx fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Dwar l-ispejjeż

49     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż subiti mill-UASI, konformement mat-talbiet tal-konvenut.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta' u tiddeciedi :

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Ottubru 2005.

Reġistratur

 

      il-President


M. Coulon

 

      M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.