Language of document : ECLI:EU:T:2019:823

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

28 ta’ Novembru 2019 (*)(i)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 – Rikors għal annullament – Inċidenza diretta u individwali – Ammissibbiltà – Rekwiżiti formali essenzjali – Awtentikazzjoni tad-deċiżjoni – Proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”

Fil-Kawżi magħquda T‑377/16 P, T‑645/16 P u T‑809/16 P,

Hypo Vorarlberg Bank AG, li kienet Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank AG, stabbilita fi Bregenz (l-Awstrija), irrappreżentata minn G. Eisenberger u A. Brenneis, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent,

intervenjenti fil-Kawża T‑645/16,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn B. Meyring, S. Schelo, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/06), u, it-tieni nett, tad-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2016 dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li tissupplimenta d-Deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/13), inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins, President tal-Awla, M. Kancheva, R. Barents, J. Passer (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Dawn il-kawżi jaqgħu fil-kuntest tat-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja, li jikkonċerna l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). L-istabbiliment tas-SRM għandu l-għan li jsaħħaħ l-integrazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-Istati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro u li jagħżlu li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”).

2        B’mod iktar speċifiku, din il-kawża tikkonċerna l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) stabbilit mill-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Is-SRF huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet riċevuti fil-livell nazzjonali fil-forma, b’mod partikolari, ta’ kontribuzzjonijiet ex ante, b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 67(4) tal-istess regolament. Skont il-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ istituzzjoni jirreferi għal istituzzjoni ta’ kreditu jew għal ditta ta’ investiment koperta minn superviżjoni kkonsolidata skont l-Artikolu 2(c) tal-istess regolament. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu ttrasferiti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea skont il-ftehim intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għas-SRF, iffirmat fi Brussell fil-21 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim FIG”).

3        L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, intitolat “Kontribuzzjonijiet ex ante”, jipprovdi:

“1.      Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni għandha tinġabar mill-inqas kull sena u għandha tiġi kkalkolata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

2.      Kull sena, il-Bord, wara li jikkonsulta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali [l-kontribuzzjonijiet individwali] biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira.

Kull sena l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal istituzzjonijiet individwali għandu jkun ibbażat fuq:

(a)      kontribuzzjoni fissa, li tkun ibbażata prorata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet totali, bl-esklużjoni tal-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti; u

(b)      kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ bejn l-istrutturi tas-settur tal-banek tal-Istati Membri.

Ir-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjonijiet aġġustati skont ir-riskju għandha tikkunsidra distribuzzjoni bbilanċjata tal-kontribuzzjonijiet bejn tipi differenti ta’ banek.

Fi kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet individwali mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha, ikkalkolat skont il-punti (a) u (b), ma għandux jaqbeż annwalment it-12,5 % tal-livell fil-mira.

[...]

6.      L-atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103 (7) tad-Direttiva 2014/59/UE, għandhom jiġu applikati.

7.      Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, fil-qafas tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 6, jadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3, u b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)      l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet individwali;

(b)      il-modalitajiet prattiċi għall-allokazzjoni lill-istituzzjonijiet tal-fatturi ta’ riskju speċifikati fl-att delegat.”

4        Ir-Regolament Nru 806/2014 ġie ssupplimentat, fir-rigward tal-imsemmija kontribuzzjonijiet ex ante, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF (ĠU 2015, L 15, p. 1).

5        Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jagħmlu riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu f’żewġ atti oħra:

–        minn naħa, id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190);

–        min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

6        Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) ġie stabbilit bħala aġenzija tal-Unjoni (Artikolu 42 tar-Regolament Nru 806/2014). Dan jinkludi, b’mod partikolari, sessjoni plenarja u sessjoni eżekuttiva (Artikolu 43(5) tar-Regolament Nru 806/2014). Is-SRB f’sessjoni eżekuttiva jieħu d-deċiżjonijiet kollha sabiex jiġi implimentat ir-Regolament Nru 806/2014, sakemm dan ir-regolament ma jistipulax mod ieħor (Artikolu 54(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 806/2014).

7        Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2015 (SRB/PS/2015/8), is-SRB f’sessjoni plenarja adotta r-regoli tal-proċedura tas-SRB f’sessjoni eżekuttiva (iktar ’il quddiem ir-“RPSE”).

8        L-Artikolu 9(1) sa (3) tar-RPSE jistipula:

“1.      Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wkoll permezz ta’ proċedura bil-miktub, ħlief jekk tal-inqas żewġ membri tas-sessjoni eżekuttiva msemmija fl-Artikolu 3(1) li jipparteċipaw fil-proċedura bil-miktub jopponu dan fl-ewwel 48 siegħa mill-bidu ta’ din il-proċedura bil-miktub. F’dan il-każ, is-suġġett għandu jiġi inkluż fl-aġenda tas-sessjoni eżekuttiva li jmiss.

2.      Il-proċedura bil-miktub teħtieġ normalment mhux inqas minn ħamest ijiem ta’ xogħol sabiex tiġi eżaminata minn kull membru tas-sessjoni eżekuttiva. Jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti, il-President jista’ jiffissa perijodu iqsar għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni b’kunsens. Ir-raġuni għat-tqassir tal-perijodu għandha tingħata.

3.      Jekk il-kunsens ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-President jista’ jagħti bidu għal proċedura ta’ votazzjoni normali skont l-Artikolu 8.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Ir-rikorrenti, Hypo Vorarlberg Bank AG, li kienet Vorarlberger Landes-und Hypothekenbank AG, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għas-SRF (SRB/ES/SRF/2016/06) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), is-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, skont l-Artikolu 54(1)(b) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 iddeċieda dwar l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni, fosthom ir-rikorrenti, għas-sena 2016. L-anness ta’ din id-deċiżjoni jinkludi, f’tabella, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 tal-istituzzjonijiet kollha, kif ukoll ċertu numru ta’ taqsimiet oħra, intitolati b’mod partikolari “Method (EA)” (metodu (iż-żona tal-euro)) u “Risk adjustment factor in the EA environment” (fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest taż-żona tal-euro).

11      Fl-istess jum, is-SRB ipprovda lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANR”) kopja tal-fajl ta’ data li tikkonċerna l-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorji rispettivi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.

12      Permezz ta’ avviż għall-ħlas tas-26 ta’ April 2016, il-Finanzmarktaufsichtsbehörde (l-Awtorità ta’ Sorveljanza tas-Swieq Finanzjarji, l-Awstrija), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni Awstrijaka (iktar ’il quddiem l-“ANR Awstrijaka”) fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordnat lir-rikorrenti tħallas, f’wieħed mill-kontijiet bankarji tagħha u sal-20 ta’ Mejju 2016, ammont determinat, bħala kontribuzzjonijiet ex ante.

13      Fil-11 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti stiednet lill-ANR Awstrijaka tikkomunikalha l-kalkoli, id-deċiżjonijiet u d-dokumenti l-oħra kollha tas-SRB li jikkonċernawha.

14      Permezz ta’ trasferiment fuq il-kont tal-ANR Awstrijaka tad-19 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ħallset il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-sena 2016.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2016 dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għas-SRF, li tissupplimenta l-ewwel deċiżjoni kkontestata (SRB/ES/SRF/2016/13) (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), is-SRB naqqas il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti.

16      L-anness ta’ din id-deċiżjoni jindika, fir-rigward ta’ kull istituzzjoni, l-ammonti inizjali tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 “after IPS impact” (wara l-impatt tal-indikatur li jikkonċerna l-appartenenza f’sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali (iktar ’il quddiem is-“SPI”)) u d-differenza bejn dawn l-ammonti u, b’mod partikolari, il-metodu (iż-żona tal-euro) u l-fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest taż-żona tal-euro.

17      Fit-22 ta’ Mejju 2016, is-SRB ipprovda lill-ANR kopja tal-fajl ta’ data li tikkonċerna l-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorji rispettivi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Barra minn hekk, it-tieni deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata bħala anness ma’ ittra dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 iffirmata mill-Viċi President tas-SRB u mibgħuta lill-ANR kollha, kif ukoll mudell ta’ ittra dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni koerenti fi ħdan l-istituzzjonijiet kollha, filwaqt li titħalla lill-ANR il-libertà dwar jekk jikkomunikawx l-imsemmija ittra jew le.

18      Fit-23 ta’ Mejju 2016, l-ANR Awstrijaka bagħtet lir-rikorrenti t-tieni avviż għall-ħlas, intitolat “Information zum Beitrag zum Abwicklungsfond 2016” (informazzjoni dwar il-kontribuzzjoni għas-SRF 2016) li permezz tiegħu hija nnotifikatha bl-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante tagħha għall-2016 u li huwa akkumpanjat minn ittra tas-SRB tat-23 ta’ Mejju 2016. Skont dan l-avviż, il-kontribuzzjoni għall-2016 kienet is-suġġett ta’ kalkolu żbaljat u r-rikorrenti kienet ħallset kontribuzzjoni għolja wisq. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li dan l-ammont kien ser jiġi rrimborsat biss fl-2017. It-tieni deċiżjoni kkontestata ma kinitx mehmuża ma’ dan l-avviż.

19      F’dan ir-rigward, fil-kalkolu inizjali tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 (kif ġie approvat mis-SRB fl-ewwel deċiżjoni kkontestata), indikatur dwar l-appartenenza f’SPI, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, ġie kkalkolat b’mod żbaljat f’dak li jirrigwarda l-aġġustament tal-profil ta’ riskju previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Dan l-iżball ta’ kalkolu ġie rrettifikat mis-SRB fit-tieni deċiżjoni kkontestata. Għalkemm ir-rikorrenti ma hijiex membru ta’ SPI, il-metodu użat għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għandu wkoll bżonn kalkolu ġdid għall-istituzzjonijiet l-oħra kollha li jħallsu kontribuzzjoni bbażata fuq profil ta’ riskju (bħar-rikorrenti). Il-kalkolu aġġustat irriżulta, f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti, f’obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2016 ftit iktar baxxa. Sa fejn ir-rikorrenti kienet diġà ħallset il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2016 abbażi tal-kalkolu inizjali, hija kellha dritt għal rimbors.

20      F’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016, dawn kellhom jiġu ttrasferiti mill-Istati Membri parteċipanti lis-SRF sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2016 (ara l-Artikolu 3(2) tal-FIG).

21      Fl-14 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti, mill-ġdid, talbet lill-ANR Awstrijaka tgħaddilha ċerti dokumenti, fosthom l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) imsemmija fl-avviżi għall-ħlas tas-26 ta’ April u tat-23 ta’ Mejju 2016. Barra minn hekk, hija talbet ħlas lura immedjat ta’ dak li ħallset żejjed.

22      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2016, l-ANR Awstrijaka bagħtet lir-rikorrenti t-tieni deċiżjoni kkontestata mingħajr l-anness tagħha.

23      Fis-7 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti għal darba oħra talbet lill-ANR Awstrijaka tgħaddilha d-dokumenti mitluba u din it-talba bagħtitha wkoll lis-SRB.

24      Fit-2 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti rċeviet ittra mis-SRB li kienet tikkonferma li ġiet irċevuta t-talba għal trażmissjoni ta’ dokumenti u li talbitha tiskuża lis-SRB għad-dewmien fir-risposta tiegħu, billi invoka skambju meħtieġ bejn id-diversi servizzi.

25      Fl-20 ta’ Settembru 2016, is-SRB bagħat lir-rikorrenti l-ewwel deċiżjoni kkontestata mingħajr l-anness tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Lulju, fis-7 ta’ Settembru u fit-18 ta’ Novembru 2016 rispettivament, ir-rikorrenti ppreżentat dawn ir-rikorsi rreġistrati bin-numri T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16.

27      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża, minn naħa, sabiex l-ewwel deċiżjoni kkontestata tiġi sospiża u, min-naħa l-oħra, sabiex is-SRB jirrimborsaha provviżorjament il-kontribuzzjoni tagħha sakemm tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika Taljana talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-Kawża T‑645/16.

29      It-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Frar 2017, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank vs SRB (T‑645/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:62), minħabba nuqqas ta’ urġenza. L-ispejjeż ġew irriżervati.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2017, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tar-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑645/16..

31      Peress li l-partijiet prinċipali esprimew ruħhom fuq il-possibbiltà li jingħaqdu fl-atti proċedurali, fit-8 ta’ Novembru 2018 il-President tat-Tmien Awla ddeċieda li jgħaqqad it-tliet kawżi msemmija iktar ’il fuq għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

32      Permezz tal-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fid-9 ta’ Ottubru 2017 skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB jipproduċi l-kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjonijiet ikkontestati, inkluż l-annessi tagħhom.

33      Permezz ta’ att tas-26 ta’ Ottubru 2017, is-SRB indika li ma jistax josserva l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fid-9 ta’ Ottubru 2017, billi invoka b’mod partikolari n-natura kunfidenzjali tad-data li tinsab fl-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

34      Permezz ta’ digriet ta’ miżuri struttorji tal-14 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem l-“ewwel digriet”), il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB, abbażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(3), kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni, fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, tal-kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjonijiet ikkontestati, inkluż l-annessi rispettivi tagħhom.

35      Permezz ta’ att tal-15 ta’ Jannar 2018, is-SRB wieġeb għall-ewwel digriet u pproduċa, f’verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, erba’ dokumenti, jiġifieri żewġ dokumenti għall-ewwel deċiżjoni kkontestata u żewġ dokumenti għat-tieni deċiżjoni kkontestata, u għal kull waħda minnhom jikkorrispondu, l-ewwel nett, fir-rigward tat-test tad-deċiżjoni kkontestata, għal dokument ta’ żewġ paġni fil-forma ta’ rikonoxximent permezz tal-iskanner, fil-format PDF, ta’ dokument stampat iffirmat, u, it-tieni nett, għal dokument fil-forma ta’ ġenerazzjoni diġitali, fil-format PDF, ta’ data diġitali u li jikkostitwixxi l-anness tad-deċiżjoni inkwistjoni.

36      Fid-dawl tar-risposta tas-SRB għall-ewwel digriet, fit-12 ta’ Marzu 2018 il-Qorti Ġenerali adottat it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u stiednet lis-SRB, l-ewwel nett, sabiex jikkjarifika l-format tal-annessi fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, it-tieni nett, fil-każ fejn dawn l-annessi kienu ġew ippreżentati f’format diġitali, sabiex jispjega u jipprovdi l-elementi tekniċi ta’ awtentikazzjoni neċessarji kollha sabiex tingħata prova li l-ġenerazzjoni PDF ta’ data diġitali prodotta quddiem il-Qorti Ġenerali tikkorrispondi għal dak li kien ġie ppreżentat b’mod konkret għall-firma u adottat mis-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, waqt il-laqgħat tiegħu tal-15 ta’ April 2016 u tal-20 ta’ Mejju 2016, u, it-tielet nett, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ġuridika tad-deċiżjonijiet ikkontestati u l-kwistjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali.

37      Permezz ta’ att tas-27 ta’ Marzu 2018, is-SRB wieġeb għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Fir-rigward tat-tieni talba msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq, is-SRB indika li ma jistax josservaha, u dan minħabba l-kunfidenzjalità ta’ ċerti dokumenti li jkollu jipproduċi, u talab l-adozzjoni ta’ miżura struttorja.

38      Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Qorti Ġenerali adottat digriet ta’ miżuri struttorji ġdid, li jordna lis-SRB josserva t-tieni talba li tinsab fil-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem it-“tieni digriet”).

39      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Mejju 2018, li ġiet inkluża fil-proċess b’deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat provi ġodda, jiġifieri sittax-il deċiżjoni intermedja tas-SRB li jistabbilixxu l-fatturi għall-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-2016.

40      Permezz ta’ att tat-18 ta’ Mejju 2018, irregolarizzat fid-29 ta’ Ġunju 2018, is-SRB osserva t-tieni digriet u pproduċa, fil-verżjonijiet kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali, dokument intitolat “Informazzjoni teknika dwar l-identifikazzjoni”, it-test ta’ erba’ messaġġi bil-posta elettronika tas-SRB tat-13 ta’ April 2016 fil-17:41, tal-15 ta’ April 2016 fis-19:04 u fit-20:06, u tad-19 ta’ Mejju 2016 fid-21:25, kif ukoll USB stick li tinkludi żewġ fajls fil-format XLSX u żewġ fajls fil-format TXT.

41      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2018, wara l-eżami previst fl-Artikolu 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali neħħiet mill-proċess il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mis-SRB b’risposta għall-ewwel u t-tieni digriet, bl-eċċezzjoni ta’ fajls fil-format TXT li jinsabu fuq il-USB sticks prodotti fit-18 ta’ Mejju 2018 mis-SRB u li ma fihom ebda informazzjoni kunfidenzjali, liema fajls ġew inklużi fil-proċess f’forma stampata.

42      Fit-12 ta’ Lulju 2018, permezz tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti u lill-intervenjenti sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet tas-SRB għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ struzzjoni msemmija fil-punti 32, 34, 36 u 38 iktar ’il fuq.

43      Permezz ta’ att tat-30 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. L-intervenjenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet.

44      Fuq proposta tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawżi quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

45      Fir-rikors irreġistrat bin-numru T‑377/16, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        sussidjarjament, tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tordna li r-rimbors tal-ammont imħallas żejjed iseħħ fil-kuntest tal-iffissar tal-kontribuzzjoni għas-SRF għall-2017;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

46      Fir-rikors irreġistrat bin-numru T‑645/16, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, tal-inqas sa fejn din tikkonċernaha, l-ewwel deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

47      Fir-rikors irreġistrat bin-numru T‑809/16, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati, tal-inqas sa fejn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

48      Is-SRB jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        f’kull wieħed mit-tliet rikorsi rreġistrati bin-numri T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, alternattivament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        f’kull wieħed mit-tliet rikorsi rreġistrati bin-numri T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, alternattivament, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li wieħed jew iktar mill-motivi tar-rikorrenti kellhom jintlaqgħu, tillimita l-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità li jibdew japplikaw biss sitt xhur wara li s-sentenza tkun saret definittiva f’dan il-każ;

–        f’kull wieħed mit-tliet rikorsi rreġistrati bin-numri T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż sostnuti mis-SRB;

–        fil-Kawżi T‑645/16 u T‑809/16, fl-eventwalità li l-Qorti Ġenerali tiddikjara ammissibbli r-rikorsi għal annullament b’mod sħiħ jew parti mir-rikorsi għal annullament ippreżentati mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, tgħaqqad dawn il-kawżi skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

49      Fil-Kawża T‑645/16, ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tilqa’ t-tieni motiv tiegħu, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

50      Fl-ewwel lok, is-SRB ifakkar li rikors għal annullament huwa ammissibbli biss kontra att intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi, u dan la huwa l-każ tal-ewwel u lanqas tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-approvazzjoni tal-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 u t-trażmissjoni sussegwenti tar-riżultati lill-ANR mis-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu ma joħolqu ebda obbligu għall-istituzzjonijiet. Tali obbligu jiskatta biss jekk, u meta, l-ANR kompetenti tadotta att ġuridiku skont id-dritt nazzjonali.

51      Fit-tieni lok, is-SRB isostni li d-deċiżjonijiet tiegħu ma humiex indirizzati lir-rikorrenti (Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014) u li din tal-aħħar ma hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjonijiet ikkontestati. Is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti minn kull istituzzjoni, skont il-metodu deskritt fir-Regolament ta’ Delega 2015/63 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-ANR (Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014). Dan il-kalkolu tas-SRB ma joħloqx effett dirett fir-rigward tal-istituzzjoni, fis-sens li minnu nnifsu ma jaffettwax l-istatus legali tal-istituzzjonijiet. Għalkemm is-SRB, bħall-ANR, għandu rwol fil-proċess ta’ preparazzjoni tal-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet, l-istituzzjonijiet ikunu direttament affettwati biss meta l-ANR jiġbru l-kontribuzzjonijiet. Huma biss l-ANR, u mhux is-SRB, li huma awtorizzati jiżguraw li, u jekk meħtieġ, jimponu, li l-istituzzjonijiet iħallsu korrettament il-kontribuzzjonijiet tagħhom skont id-dritt nazzjonali applikabbli proċedurali u sostantiv.

52      Billi ta lill-ANR ir-responsabbiltà li jiġbru l-kontribuzzjonijiet ex ante, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li dawn il-kontribuzzjonijiet, hekk ikkalkolati mis-SRB, għandhom jinġabru mill-awtoritajiet nazzjonali bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt proċedurali u sostantiv nazzjonali. Dan huwa barra minn hekk konformi mal-motivi li fuqhom huwa bbażat il-Ftehim FIG. Għalhekk, l-atti adottati mill-ANR, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tagħhom, għandhom jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali u, jekk, quddiem qorti nazzjonali, iqumu kwistjonijiet dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ atti ta’ istituzzjonijiet jew ta’ aġenziji tal-Unjoni, hija tkun tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. Il-fatt li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Awwissu 2016, qieset li l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal annullament rigward il-kalkolu u l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante ma huwiex rilevanti, peress li tali konklużjoni ta’ qorti nazzjonali ma għandha ebda importanza f’dan il-każ. Fil-fatt, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha s-setgħa li tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha.

53      Fit-tielet lok, is-SRB isostni li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika ex officio jekk it-terminu previst fl-Artikolu 263(6) TFUE huwiex osservat u tiċħad kull rikors jekk dan ma jkunx il-każ. Is-SRB jinnota li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma ġewx ippubblikati, iżda li ġew innotifikati lill-ANR, bħala destinatarji, u li r-rikorrenti ma tagħmilx parti mill-imsemmija destinatarji. Madankollu, hija ħadet konjizzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati b’mezzi oħra. Għaldaqstant, ir-rikors tagħha kellu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn mill-jum li fih din kisbet għarfien tagħhom, jiġifieri meta hija kisbet għarfien tal-essenzjal tal-kontenut tagħhom.

54      Skont is-SRB, l-avviż għall-ħlas li l-ANR Awstrijaka bagħtet fis-26 ta’ April 2016 kien fih informazzjoni suffiċjentement preċiża sabiex ir-rikorrenti jkun jista’ jkollha għarfien neċessarju tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri fis-27 ta’ April 2016, il-ġurnata li fiha ġie rċevut l-imsemmi avviż, u ntemm fis-7 ta’ Lulju 2016. Għalhekk, it-tliet rikorsi ġew ippreżentati wara t-terminu stabbilit u huma tardivi f’dak li jikkonċerna l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Dan jaffettwa wkoll l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal dak li jikkonċerna t-tieni deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, sa fejn din tal-aħħar hija intiża biss sabiex tnaqqas l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante għall-2016, ir-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku li tikkontestaha separatament. Barra minn hekk, fil-kuntest tar-rikors irreġistrat bin-numru T‑809/16, is-SRB jippreċiża li l-avviż għall-ħlas tal-ANR Awstrijaka tat-23 ta’ Mejju 2016 ġie rċevut mir-rikorrenti fis-27 ta’ Mejju 2016, b’tali mod li dan ir-rikors, b’mod partikolari, huwa wkoll inammissibbli minħabba li skada t-terminu.

55      Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-rikorsi rreġistrati bin-numri T‑645/16 u T‑809/16, is-SRB isostni li dawn huma inammissibbli sa fejn għandhom l-istess suġġett u jikkonċernaw l-istess partijiet bħar-rikors irreġistrat bin-numru T‑377/16.

56      Fil-ħames lok, fir-rigward tar-rikors irreġistrat bin-numru T‑809/16, is-SRB jikkunsidra li l-argument imressaq mir-rikorrenti, li l-aċċess għad-deċiżjonijiet tas-SRB skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), huwa ekwivalenti għal notifika formali tagħhom lil destinatarju u jikkostitwixxi bidu tad-dekorrenza ġdid tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, huwa żbaljat. Fil-fatt, skont is-SRB, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet jiġu identifikati meta dawn jiġu adottati, u dan abbażi tal-qafas ġuridiku applikabbli. Il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet sussegwentement jiġu kkomunikati lil terzi ma jfissirx li dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala destinatarji tagħhom. Għaldaqstant, it-tielet rikors, li għandu eżattament l-istess suġġett, li jirrigwarda l-istess partijiet, l-istess motivi u l-istess deċiżjonijiet bħall-ewwel żewġ rikorsi, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

57      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti u tikkunsidra li t-tliet rikorsi huma ammissibbli.

58      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

59      Għalhekk, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jillimita r-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuna fiżika jew ġuridika għal tliet kategoriji ta’ atti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-atti li hija d-destinatarja tagħhom, it-tieni nett, l-atti li hija ma hijiex id-destinatarja tagħhom u li jikkonċernawha direttament u individwalment u, it-tielet nett, l-atti regolatorji li ma hijiex destinatarja tagħhom, li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni (ara d-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2013, von Storch et vs BĊE, T‑492/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:702, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara d-digriet tal-21 ta’ April 2016, Borde u Carbonium vs Il-Kummissjoni, C‑279/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:297, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom iseħħ f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, huma biss dawk il-miżuri li jiffissaw definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom ikun li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati (ara d-digriet tad-9 ta’ Marzu 2016, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il-Kummissjoni, T‑438/15, EU:T:2016:142, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn rikorrent mhux privileġġat kontra att li ma huwiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti legali vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi ta’ din il-parti, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara d-digriet tas-6 ta’ Marzu 2014, Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development vs Il‑Kummissjoni, C‑248/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:137, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, li persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minnha ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u, minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni, C‑321/95 P, EU:C:1998:153, punti 7 u 28).

64      Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors tirrikjedi li l-miżura kkontestata tipproduċi b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplimentawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C‑15/06 P, EU:C:2007:183, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li anki meta l-att ikkontestat, sabiex jipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwi, jimplika neċessarjament li jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni, il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta għandha madankollu titqies bħala ssodisfatta jekk dan l-att jimponi obbligi fuq id-destinatarju tiegħu għall-implimentazzjoni tiegħu u jekk dan id-destinatarju, b’mod awtomatiku, huwa obbligat li jadotta miżuri li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2015, Federcoopesca et vs Il-Kummissjoni, T‑312/14, EU:T:2015:472, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fil-fatt, kif fakkar l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2013:335, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri teqred l-assenza apparenti ta’ rabta diretta bejn att tal-Unjoni u l-individwu. Fi kliem ieħor, sabiex tipprekludi l-inċidenza diretta, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtur tal-att intermedju intiż sabiex jimplimenta l-att tal-Unjoni ma tistax tkun purament formali. Din il-marġni trid tkun is-sors tal-interess ġuridiku tar-rikorrent.

67      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mil-leġiżlazzjoni applikabbli u, b’mod partikolari mill-Artikolu 54(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-Artikolu 70(2) tal-istess regolament, jirriżulta li kemm l-awtur konkret tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali kif ukoll l-awtur tad-deċiżjoni li tapprova dawn il-kontribuzzjonijiet huwa s-SRB. Il-fatt li teżisti kooperazzjoni bejn is-SRB u l-ANR ma jbiddilx din il-konstatazzjoni (digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il‑Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 27).

68      Fil-fatt, huwa biss is-SRB li għandu l-kompetenza li jikkalkola, “wara li jikkonsulta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-[ANR]”, il-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet (Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014). Barra minn hekk, l-ANR għandhom obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni li jiġbru l-imsemmija kontribuzzjonijiet kif stabbiliti bid-deċiżjoni tas-SRB (Artikolu 67(4) tar-Regolament Nru 806/2014).

69      Peress li, skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, id-deċiżjonijiet tas-SRB jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet ex ante, dawn għalhekk għandhom natura definittiva.

70      Konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala miżuri ta’ natura purament preparatorja jew bħala miżuri intermedji, peress li huma jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tas-SRB, fi tmiem il-proċedura, dwar il-kontribuzzjonijiet.

71      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, indipendentement mill-varjazzjonijiet terminoloġiċi li jeżistu bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-korpi li għalihom is-SRB, awtur tad-deċiżjoni li tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante, jindirizza din id-deċiżjoni huma l-ANR u mhux l-istituzzjonijiet. L-ANR huma, de facto u b’eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-uniċi entitajiet li lilhom l-awtur tad-deċiżjoni inkwistjoni huwa marbut jibgħat din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar, huma d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il-Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 28).

72      Il-konstatazzjoni li l-ANR għandhom il-kwalità ta’ destinatarji tad-deċiżjoni tas-SRB fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-fatt li, fis-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 806/2014 u skont l-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament, dawn huma inkarigati mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet individwali deċiżi mis-SRB mingħand l-istituzzjonijiet (digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il‑Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 29).

73      Għalkemm l-istituzzjonijiet b’hekk ma humiex destinatarji tad-deċiżjonijiet ikkontestati, kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, dawn madankollu huma individwalment u direttament ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet, inkwantu dawn jolqtuhom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jindividwalizzahom bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinatarju u inkwantu huma jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom u ma jħallu ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha.

74      F’dan ir-rigward, minn naħa, id-deċiżjonijiet ikkontestati jsemmu speċifikament kull waħda mill-istituzzjonijiet u jiffissaw, jew, fil-każ tat-tieni deċiżjoni kkontestata, jaġġustaw, il-kontribuzzjoni individwali tagħha. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

75      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-inċidenza diretta, għandu jiġi rrilevat li l-ANR, responsabbli mill-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-ammonti tal-kontribuzzjonijiet individwali ddeterminati f’dawn id-deċiżjonijiet. L-ANR ma jistgħux, b’mod partikolari, jemendaw dawn l-ammonti u huma obbligati li jiġbruhom mingħand l-istituzzjonijiet ikkonċernati.

76      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment magħmul mis-SRB għall-ftehim FIG sabiex jikkontesta l-inċidenza diretta tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li dan il-ftehim ma jikkonċernax il-ġbir mill-ANR tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 mingħand l-istituzzjonijiet, iżda biss it-trasferiment ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għas-SRF.

77      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 (ara l-premessa 20 u l-Artikolu 67(4) tal-imsemmi regolament) u mill-Ftehim FIG (ara l-premessa 7, l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 3 tal-Ftehim FIG), il-ġbir tal-kontribuzzjonijiet għandu jsir skont id-dritt tal-Unjoni (jiġifieri d-Direttiva 2014/59 u r-Regolament Nru 806/2014), filwaqt li t-trasferiment ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għas-SRF jitwettaq skont il-Ftehim FIG.

78      B’hekk, minkejja li l-obbligu legali tal-istituzzjonijiet għar-rilaxx, fuq il-kontijiet indikati mill-ANR, tas-somom dovuti bħala kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom, jirrikjedi l-adozzjoni ta’ atti nazzjonali min-naħa tal-ANR, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-istituzzjonijiet jibqgħu direttament ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tas-SRB li jiffissaw l-ammont tal-kontribuzzjonijiet individwali tagħhom.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti hija individwalment u direttament ikkonċernata mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

80      F’dak li jirrigwarda t-terminu għall-preżentata ta’ rikors, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, it-talbiet għal annullament għandhom jitressqu f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att, jew min-notifika tiegħu lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta dan ikun sar jaf bih, skont il-każ.

81      F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma ġewx ippubblikati u ma ġewx innotifikati lir-rikorrenti, li ma hijiex destinatarja tagħhom.

82      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew notifika, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri biss mill-mument li fih il-parti kkonċernata jkollha għarfien eżatt tal-kontenut u tal-motivi tal-att inkwistjoni, bil-kundizzjoni li hija titlob it-test sħiħ f’terminu raġonevoli. Bla ħsara għal din il-kundizzjoni, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma jistax jibda jiddekorri ħlief mill-mument li fih il-persuna terza kkonċernata jkollha għarfien eżatt tal-kontenut u tal-motivi tal-att inkwistjoni b’mod li tkun tista’ teżerċita b’mod effettiv id-dritt tagħha li tippreżenta rikors (ara d-digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il-Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      B’hekk, it-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jibda jiddekorri, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew ta’ notifika tal-att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, mid-data li fiha r-rikorrenti kienet taf bih, huwa differenti mit-terminu raġonevoli li din il-parti għandha sabiex titlob il-komunikazzjoni tat-test sħiħ ta’ dan l-istess att sabiex ikollha għarfien eżatt tiegħu (ara d-digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il-Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti rċeviet, bħall-istituzzjonijiet kollha kkonċernati mill-ħlas ta’ kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016 għas-SRF, id-dokumenti u l-kwestjonarji meħtieġa sabiex tipprovdi d-data li tippermetti l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali mis-SRB. Dawn id-dokumenti u kwestjonarji kienu jinformaw lir-rikorrenti bil-bażijiet legali applikabbli u bil-fatt li l-kontribuzzjoni għas-SRF kienet ikkalkolata mis-SRB.

85      Sussegwentement, ir-rikorrenti kisbet għarfien tal-eżistenza tal-ewwel deċiżjoni kkontestata mill-avviż għall-ħlas tal-ANR Awstrijaka tas-26 ta’ April 2016, innotifikata fis-27 ta’ April 2016, u tat-tieni deċiżjoni kkontestata mill-avviż għall-ħlas tal-imsemmija ANR tat-23 ta’ Mejju 2016, li ġie rċevut fis-27 ta’ Mejju 2016.

86      Ir-rikorrenti ppreżentat l-ewwel rikors, irreġistrat bin-numru T‑377/16, fl-14 ta’ Lulju 2016, jiġifieri iktar minn xahrejn u għaxart ijiem wara li rċeviet notifika, fis-27 ta’ April 2016, tal-avviż għall-ħlas tal-ANR Awstrijaka tas-26 ta’ April 2016. Din il-kwistjoni tal-possibbiltà li jinqabeż it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma tqumx, min-naħa l-oħra, għal dan ir-rikors, fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

87      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kienet ippreżentat dan ir-rikors bħala miżura kawtelatorja, fl-istennija tal-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li kellha tippermettilha li jkollha għarfien eżatt tal-kontenut tagħhom.

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie espost fil-punti 13, 21 u 23 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet għamlet diversi talbiet, l-ewwel quddiem l-ANR Awstrijaka, u sussegwentement quddiem is-SRB, sabiex tikseb id-deċiżjonijiet ikkontestati. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk dawn it-talbiet twettqux fit-terminu raġonevoli msemmi fil-punti 82 u 83 iktar ’il fuq sa minn meta saret taf bl-eżistenza tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

89      It-“terminu raġonevoli” sabiex tintalab il-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni wara li persuna ssir taf bl-eżistenza tagħha ma huwiex perijodu stabbilit minn qabel li jitnaqqas awtomatikament mit-tul ta’ żmien tal-perijodu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, iżda terminu li jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku (ara d-digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il-Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’ċerti kawżi, li terminu ta’ xahrejn, ikkalkolat li jibda jiddekorri mid-data tal-għarfien tal-eżistenza ta’ deċiżjoni sabiex tintalab il-komunikazzjoni tagħha, kien jaqbeż it-terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-5 ta’ Marzu 1993, Ferriere Acciaierie Sarde vs Il-Kummissjoni, C‑102/92, EU:C:1993:86, punt 19, u tal-10 ta’ Novembru 2011, Agapiou Joséphidès vs Il‑Kummissjoni u EACEA, C‑626/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:726, punti 131 u 132).

91      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset, f’kawżi oħra, li talba għal komunikazzjoni tat-test sħiħ ta’ deċiżjoni mressqa iktar minn erba’ snin wara li r-rikorrent kien sar jaf bl-eżistenza tal-att kellha titqies bħala li saret wara l-iskadenza ta’ kwalunkwe terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-15 ta’ Lulju 1998, LPN u GEOTA vs Il-Kummissjoni, T‑155/95, EU:T:1998:167, punt 44, u tat-18 ta’ Mejju 2010, Abertis Infraestructuras vs Il-Kummissjoni, T‑200/09, mhux ippubblikat, EU:T:2010:200, punt 63).

92      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma hemmx lok li tiġi adottata evalwazzjoni differenti minn dik stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali.

93      F’dan il-każ, it-talbiet għal komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati quddiem l-ANR Awstrijaka, diversi drabi, u quddiem is-SRB, fis-7 ta’ Lulju 2016, kif huma deskritti fil-punti 13, 21 u 23 iktar ’il fuq, saru f’terminu raġonevoli.

94      Ċertament, fit-28 ta’ Ġunju 2016, l-ANR Awstrijaka bagħtet lir-rikorrenti t-tieni deċiżjoni kkontestata mingħajr l-anness tagħha u, fl-20 ta’ Settembru 2016, is-SRB ikkomunika l-ewwel deċiżjoni kkontestata, mingħajr l-anness tagħha, lir-rikorrenti. Din tal-aħħar għalhekk, f’dawn id-dati, ma setgħetx ikollha għarfien tal-partijiet li jikkonċernawha tal-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Kien biss wara ż-żewġ digrieti ta’ struzzjoni adottati mill-Qorti Ġenerali u msemmija fil-punti 34 u 38 iktar ’il fuq li r-rikorrenti kellha aċċess għall-partijiet li jikkonċernawha tal-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

95      Peress li, minn naħa, it-talbiet għal komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati saru f’terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, it-tliet rikorsi rreġistrati bin-numri T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16 ġew ippreżentati qabel ma r-rikorrenti kellha aċċess għad-deċiżjonijiet ikkontestati, inklużi l-partijiet li jikkonċernawha tal-annessi tagħhom, għandu jiġi konkluż li t-tliet rikorsi ma ġewx ippreżentati tardivament.

96      Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-lis alibi pendens invokat, essenzjalment, mis-SRB sabiex isostni li r-rikorsi rreġistrati bin-numri T‑645/16 u T‑809/16 għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, sa fejn għandhom l-istess suġġett u jikkonċernaw l-istess partijiet bħal dak irreġistrat bin-numru T‑377/16, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li rikors ippreżentat wara ieħor, li jkollu l-istess partijiet opponenti, huwa bbażat fuq l-istess motivi u huwa intiż għall-annullament tal-istess att ġuridiku, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba l-lis alibi pendens (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, EU:C:2005:714, punt 64; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il-Parlament, 358/85 u 51/86, EU:C:1988:431, punt 12).

97      Iż-żewġ rikorsi rreġistrati bin-numri T‑377/16 u T‑645/16 ġew ippreżentati qabel il-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati taħt titolu kawtelatorju, fl-eventwalità fejn it-terminu stabbilit mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal annullament seta’ kien diġà beda jiddekorri minn meta kien riċevut l-avviż għall-ħlas li jikkonċerna l-ewwel deċiżjoni kkontestata.

98      Fir-rigward tat-tielet rikors, irreġistrat bin-numru T‑809/16, sa fejn, skont ir-rikorrenti, is-SRB taha aċċess għad-deċiżjonijiet ikkontestati fl-20 ta’ Settembru 2016, hija tikkunsidra li dan jikkostitwixxi bidu tad-dekorrenza sabiex jiġi ppreżentat rikors għal annullament u li, għaldaqstant, dan ma huwiex tardiv. Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, ir-rikorrenti tammetti li r-rikorsi għal annullament ippreżentati b’mod preventiv jistgħu eventwalment ġew ippreżentati kmieni wisq. Madankollu, hija ssostni li, peress li d-diċitura tad-deċiżjonijiet ikkontestati ġiet mgħarrfa lilha biss fl-20 ta’ Settembru 2016, minn dak iż-żmien irriżulta li d-deċiżjonijiet ikkontestati seta’ jkollhom relazzjoni inseparabbli bejniethom, li ma setgħetx tkun magħrufa, skont ir-rikorrenti, waqt il-preżentata tal-ewwel żewġ rikorsi għal annullament. Sabiex tiggarantixxi l-possibbiltajiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja tagħha, ir-rikorrenti għaldaqstant ippreżentat it-tielet rikors kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati.

99      Fil-fehma tagħha, ir-rikors fil-Kawża T‑809/16 ma huwiex identiku għar-rikorsi fil-Kawżi T‑377/16 u T‑645/16, kemm minħabba s-suġġett awtonomu li huwa jirrigwarda kif ukoll minħabba d-differenzi fis-sitwazzjoni, minħabba l-komunikazzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati mingħajr l-annessi tagħhom fl-20 ta’ Settembru 2016.

100    F’dan il-każ, it-tliet rikorsi għandhom l-istess partijiet opponenti, bl-eċċezzjoni tal-Kawża T‑645/16, li tinkludi parti intervenjenti. Madankollu, il-kundizzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba lis alibi pendens relatata mal-identiċità tal-partijiet tikkonċerna l-partijiet prinċipali u mhux il-partijiet intervenjenti, b’tali mod li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta.

101    Barra minn hekk, it-tliet rikorsi huma intiżi għall-annullament tal-istess atti ġuridiċi, bl-eċċezzjoni tal-Kawża T‑645/16 li hija intiża għall-annullament biss tal-ewwel deċiżjoni kkontestata. Peress li s-suġġett tal-Kawża T‑645/16 huwa inkluż fis-suġġett taż-żewġ kawżi l-oħra, T‑377/16 u T‑809/16, li huma intiżi għall-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, il-kundizzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba lis alibi pendens relatata mal-identiċità tal-atti kkontestati hija wkoll issodisfatta f’dan il-każ.

102    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba lis alibi pendens relatata mal-identiċità tal-motivi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorsi fil-Kawżi T‑645/16 u T‑809/16 huma sostnuti minn żewġ motivi li r-rikorrenti kienet diġà invokat fil-kuntest tal-ewwel rikors tagħha, fil-Kawża T‑377/16, li fih erbgħa. Il-motivi invokati fil-Kawżi T‑645/16 u T‑809/16, iktar riċenti, huma għaldaqstant inklużi fil-kuntest tal-ewwel rikors fil-Kawża T‑377/16.

103    B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak premess, ir-rikors fil-Kawża T‑377/16 għandu jiġi ddikjarat ammissibbli u ż-żewġ rikorsi fil-Kawżi T‑645/16 u T‑809/16 għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba lis alibi pendens.

 Fuq il-mertu

104    Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Skont ir-rikorrenti, billi adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, is-SRB wettaq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, minn naħa, billi kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu (l-ewwel motiv) u, min-naħa l-oħra, minħabba notifika mhux kompleta tad-deċiżjonijiet ikkontestati (it-tieni motiv). Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-kontribuzzjoni tagħha għas-sena 2016 kienet is-suġġett ta’ korrezzjonijiet minimi wisq (it-tielet motiv) u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li huwa illegali li l-ammont żejjed tħallas lura fl-2017 biss (ir-raba’ motiv).

105    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaqx ilmenti kontra l-proċedura dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ħlief f’żewġ ittri tad-9 ta’ Mejju u tat-30 ta’ Lulju 2018 mibgħuta lill-Qorti Ġenerali wara li ġew riċevuti r-risposti tas-SRB għall-ewwel u t-tieni digrieti. L-argumenti mqajma mir-rikorrenti f’dan ir-rigward huma prinċipalment invokati insostenn tal-argument tagħha intiż sabiex juri ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li jinsab fil-motivi bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ notifika kompleta tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

106    L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti relatati mal-ksur ta’ regoli proċedurali u mal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-osservanza tar-rekwiżiti formali relatati mal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati

107    Minn naħa, fl-ittri tagħha tad-9 ta’ Mejju 2018 u tat-30 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti kkonstatat li l-firem li jinsabu fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu perfettament identiċi u li s-SRB ma kienx spjega kif kienet ser tiġi żgurata l-awtentiċità ta’ struzzjoni eventwali maħruġa mill-President tas-SRB sabiex tintuża l-firma elettronika. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rrimarkat li l-annessi tad-deċiżjonijiet kienu mibgħuta f’format diġitali, permezz ta’ posta elettronika, lill-membri u lill-osservaturi tas-sessjoni eżekuttiva, filwaqt li, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2016, is-SRB kien strettament irrifjuta, għal raġunijiet ta’ sigurtà, li jibagħtilha dawn l-istess dokumenti permezz ta’ mezzi elettroniċi jew bil-posta. Fl-ittra tad-9 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 89(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura bil-għan, b’mod partikolari, li tistaqsi lis-SRB dwar kwistjonijiet ta’ natura proċedurali.

108    Min-naħa l-oħra, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti kkonstatat sensiela ta’ irregolaritajiet proċedurali li jirrigwardaw l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Qabel kollox, hija rrilevat li l-messaġġi bil-posta elettronika ta’ risposta tal-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, li minnhom kellu jirriżulta l-kunsens tagħhom għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub, ma kinux ġew ippreżentati lill-Qorti Ġenerali. Sussegwentement, hija rrilevat li, wara li ġiet ikkonstatata ineżattezza fil-kalkoli, id-deċiżjoni meħuda permezz tal-proċedura bil-miktub kienet ġiet emendata fil-15 ta’ April 2016 filgħaxija billi s-silenzju tal-membri ġie interpretat bħala li jikkostitwixxi l-kunsens tagħhom, mingħajr ma kien previst ebda terminu sabiex jiġu espressi oġġezzjonijiet eventwali fil-komunikazzjonijiet tas-SRB mal-membri tas-sessjoni eżekuttiva. Ir-rikorrenti osservat li dawn il-messaġġi ma kinux intbagħtu lil membru tas-sessjoni eżekuttiva b’mod partikolari, u dan mingħajr ebda spjegazzjoni, u lanqas ma ngħatat prova lill-Qorti Ġenerali ta’ notifika indirizzata lil dan il-membru b’xi mod ieħor. Dan il-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni jmur kontra kemm il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba identifikat mill-ġurisprudenza u riprodott fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll kontra r-RPSE, b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) u (2) u l-Artikolu 11 ta’ dawn ir-RPSE. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti kkritikat il-format tal-abbozzi ta’ deċiżjoni mibgħuta fil-15 ta’ April u fid-19 ta’ Mejju 2016, jiġifieri d-distribuzzjoni ta’ dokumenti, prinċipalment fil-forma ta’ fajls XLSX, b’mezzi elettroniċi. Il-kalkolu ma għandux isir f’dokument tat-tip XLSX, li fih il-valuri kollha mogħtija jew intermedji jistgħu jiġu emendati fi kwalunkwe ħin, kemm jekk bi żball jew intenzjonalment. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ firma elettronika verifikabbli li tista’ tiggarantixxi l-assenza ta’ falsifikazzjoni jew ta’ modifika tal-ammonti ffissati għall-kontribuzzjonijiet, huwa impossibbli li jsir magħruf liema dokument DOCX, XLSX jew PDF jikkostitwixxi l-“oriġinal iffirmat” tal-ammonti ffissati għal kull istituzzjoni.

109    Fl-ittra tiegħu tas-27 ta’ Marzu 2018, is-SRB sostna li l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinitx tinkludi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. Fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ Ġunju 2018, is-SRB ippreċiża li s-sigurtà tat-traffiku ta’ messaġġi bil-posta elettronika kienet għadha ggarantita u ma kellhiex effett fuq il-kontenut kif ukoll il-legalità tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Għaldaqstant, dan l-aspett ma huwiex rilevanti għall-eżitu tar-rikors.

110    Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti, b’ittra tal-11 ta’ Settembru 2018 is-SRB talab, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali, sabiex tiċħadha minħabba ksur tal-Artikolu 88(2) tar-Regoli tal-Proċedura sa fejn ir-rikorrenti ma spjegatx kif dawn il-miżuri huma utli għall-ħtiġijiet tal-istanza u rilevanti għall-eżitu tar-rikors.

111    Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-element intellettwali u l-element formali jikkostitwixxu ħaġa waħda inseparabbli, it-tqegħid bil-miktub tal-att huwa l-espressjoni neċessarja tar-rieda tal-awtorità li tadottah (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 70, u tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 38).

112    L-awtentikazzjoni tal-att għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tikkristallizza t-test adottat mill-awtur tal-att u tikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punti 75 u 76, u tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 40 u 41).

113    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali huwa kkostitwit mis-sempliċi nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal-att, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit, barra minn hekk, li l-att huwa affettwat minn difett ieħor jew li l-assenza ta’ awtentikazzjoni kkawżat dannu lil dak li jinvokaha (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 42).

114    L-istħarriġ tal-osservanza tal-formalità tal-awtentikazzjoni u, b’hekk, tan-natura ċerta tal-att huwa prerekwiżit għal kull stħarriġ ieħor bħal dak tal-kompetenza tal-awtur tal-att, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kolleġjalità jew inkella dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 46).

115    Jekk fl-eżami tal-att ippreżentat quddiemha l-qorti tal-Unjoni tikkonstata li dan tal-aħħar ma ġiex regolarment awtentikat, hija jkollha tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali li jikkonsisti f’nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari u konsegwentement tannulla l-att ivvizzjat b’tali difett (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 51).

116    Ftit jimporta, f’dan ir-rigward, li l-assenza ta’ awtentikazzjoni ma kkawżat l-ebda dannu lil waħda mill-partijiet fil-kawża. Fil-fatt, l-awtentikazzjoni tal-atti hija rekwiżit formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, essenzjali għaċ-ċertezza legali, li l-ksur tiegħu jwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 52; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il-Kummissjoni, T‑54/14, EU:T:2016:455, punt 47).

117    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma teskalax in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni għal motiv formali insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, iżda madankollu tesprimi dubji dwar l-awtentiċità tal-firma tal-President tas-SRB fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati.

118    Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq jirriżulta li din hija kwistjoni li għandha titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, b’risposta għall-ewwel digriet, li jordnalu jipproduċi kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjonijiet ikkontestati inkluż l-annessi uniċi tagħhom, is-SRB ipproduċa, fil-15 ta’ Jannar 2018, fir-rigward tat-test ta’ kull deċiżjoni, dokument ta’ żewġ paġni fil-forma ta’ rikonoxximent permezz tal-iskanner, fil-format PDF, ta’ dokument stampat iffirmat, li kien għaldaqstant jippermetti li wieħed jaħseb li dawn il-paġni kienu tassew kopji ta’ oriġinal, jiġifieri kopji tad-dokument li kien ġie formalment ippreżentat għall-firma u adottat mis-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu. Is-SRB ma pproduċa ebda kopja ta’ oriġinal fir-rigward tal-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda biss, għal kull deċiżjoni, dokument fil-forma ta’ ġenerazzjoni diġitali fil-format PDF ta’ data diġitali, mingħajr elementi li jippermettu li tiġi ggarantita l-awtentiċità tiegħu.

120    Permezz tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, imbagħad permezz tat-tieni digriet, il-Qorti Ġenerali talbet lis-SRB sabiex jikkjarifika l-format tal-annessi fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, fil-każ fejn dawn l-annessi kienu ġew ippreżentati f’format diġitali, li jispjega u li jipprovdi l-elementi tekniċi ta’ awtentikazzjoni neċessarji kollha sabiex jiġi pprovat li d-dokumenti ġġenerati fil-format PDF, prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kienu jikkorrispondu għal dak li kien ġie ppreżentat b’mod konkret għall-firma u adottat mis-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, matul il-laqgħat tiegħu tal-15 ta’ April 2016 u tal-20 ta’ Mejju 2016. Il-Qorti Ġenerali talbet ukoll lis-SRB jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ġuridika tad-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll dwar dik tal-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali.

121    Fir-risposti tiegħu tas-27 ta’ Marzu u tat-18 ta’ Mejju 2018 għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għat-tieni digriet, is-SRB sostna għall-ewwel darba li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew adottati mhux waqt laqgħat tal-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, iżda permezz tal-proċedura bil-miktub, fil-format elettroniku, skont l-Artikolu 7(5) tar-RPSE – li jipprovdi li kull komunikazzjoni u dokumenti rilevanti għas-sessjoni eżekuttiva għandhom, bħala prinċipju, jitwettqu b’mod elettroniku, b’osservanza tar-regoli ta’ kunfidenzjalità, skont l-Artikolu 15 tar-RPSE – u l-Artikolu 9 tar-RPSE.

122    B’mod partikolari, fir-rigward tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 mibgħuta fil-17:41 mis-SRB lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva u li tinkludi tliet dokumenti mehmuża, fosthom dokument fil-format PDF intitolat “Memorandum2_Final results.pdf”, l-approvazzjoni formali tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 ġiet mitluba għas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, għall-15 ta’ April 2016 f’nofsinhar.

123    Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, is-SRB indika li kien twettaq żball fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, iddikjara li kien bagħat verżjoni emendata ta’ dokument intitolat “Memorandum 2” u semma li, ħlief fil-każ ta’ oġġezzjoni tad-destinatarji, l-approvazzjoni diġà mogħtija għandha tinftiehem bħala li tkopri wkoll l-ammonti kkoreġuti.

124    Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fit-20:06, id-dokument imsemmi ġie mibgħut fil-format XLSX, taħt l-isem “Final results15042016.xlsx”.

125    F’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreċiża li, fid-19 ta’ Mejju 2016 fid-21:25, huwa kien bagħat messaġġ bil-posta elettronika lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva sabiex jibda proċedura bil-miktub, li jitlob l-approvazzjoni tal-aġġustament tar-riżultati tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante 2016, u li jinkludi, fl-anness, fajl fil-format XLSX imsejjaħ “Delta” li jirrappreżenta r-riżultati tal-kalkoli aġġustati. L-approvazzjoni intalbet – “minħabba l-urġenza tal-każ” – għall-20 ta’ Mejju 2016 fil-17:00.

126    Fl-aħħar nett, is-SRB afferma, fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ Ġunju 2018, li d-dokumenti li fihom id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew iffirmati elettronikament mill-President tas-SRB.

127    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-SRB mhux talli ma pproduċiex u lanqas ma ppropona li jagħti prova ta’ tali affermazzjoni, li, bħala prinċipju, tikkonsisti fil-produzzjoni tad-dokumenti diġitali u taċ-ċertifikati ta’ firma elettronika filwaqt li jiggarantixxi l-awtentiċità, talli pproduċa elementi li, fir-realtà, jikkontradixxu din l-affermazzjoni.

128    Fil-fatt, fir-rigward tat-test tad-deċiżjonijiet ikkontestati, is-SRB jipproduċi dokumenti PDF li għandhom fl-aħħar paġna tagħhom dehra ta’ firma miktuba bl-id li tidher li ġiet miżjuda permezz ta’ “copy-paste” ta’ fajl li fih immaġni, u nieqsa minn ċertifikati ta’ firma elettronika.

129    Fir-rigward tal-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li jinkludu l-ammonti rispettivi tal-kontribuzzjonijiet u tal-aġġustamenti tagħhom u li b’hekk jikkostitwixxu element essenzjali tad-deċiżjonijiet, lanqas dawn ma jinkludu firma elettronika, minkejja li dawn bl-ebda mod ma huma marbuta b’mod inseparabbli mat-test tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

130    Sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tal-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, is-SRB ipproduċa, b’risposta għat-tieni digriet, dokumenti fil-format TXT intiżi sabiex jistabbilixxu l-identiċità tal-‘hash value’ ta’ dawn l-annessi mal-‘hash value’ rrilevat għad-dokumenti ta’ format XLSX mehmuża mal-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fit-20:06 u mal-posta elettronika tad-19 ta’ Mejju 2016 mibgħuta fid-21:25 rispettivament.

131    Madankollu għandu jiġi osservat li, sabiex jagħti l-prova li l-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew iffirmati b’mod elettroniku, kif inhu sostnut mis-SRB (ara l-punt 126 hawn fuq), dan tal-aħħar messu pproduċa ċertifikati ta’ firma elettronika relatati ma’ dawn l-annessi u mhux dokumenti TXT li fihom ‘hash value’. Il-produzzjoni ta’ tali dokumenti TXT tagħti x’jifhem li s-SRB ma kellux ċertifikati ta’ firma elettronika u li għalhekk, bil-kontra ta’ dak li huwa jsostni, l-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux ġew iffirmati elettronikament.

132    Barra minn hekk, id-dokumenti fil-format TXT prodotti mis-SRB bl-ebda mod ma huma relatati, b’mod oġġettiv u inseparabbli, mal-annessi inkwistjoni.

133    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, għall-finijiet ta’ kompletezza, li l-awtentikazzjoni meħtieġa bl-ebda mod ma hija dik tal-abbozzi trażmessi għal approvazzjoni permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fit-20:06 u permezz ta’ posta elettronika tad-19 ta’ Mejju 2016 mibgħuta fid-21:25, iżda dik tad-dokumenti li suppost ġew ikkostitwiti wara din l-approvazzjoni. Fil-fatt, huwa biss wara l-approvazzjoni li d-dokument jiġi kkostitwit u awtentikat biż-żieda ta’ firma.

134    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma huwiex issodisfatt.

135    Lil hinn minn dawn il-konstatazzjonijiet fir-rigward tan-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li waħdu jirrikjedi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 113 sa 116 iktar ’il fuq, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jsiru ċerti kunsiderazzjonijiet relatati, b’mod partikolari, mal-proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

136    F’dan il-każ, kif huwa indikat fil-punt 122 iktar ’il fuq, il-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata tnediet permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 mibgħuta fil-17:41, li tistabbilixxi, għall-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, terminu ta’ approvazzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni sal-15 ta’ April 2016 f’nofsinhar, jiġifieri terminu ta’ inqas minn jumejn ta’ xogħol, filwaqt li t-terminu previst mill-Artikolu 9(2) tar-RPSE huwa “normalment [ta’] mhux inqas minn ħamest ijiem ta’ xogħol”. Kuntrarjament għar-rekwiżiti tar-RPSE, il-posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 ma tistabbilixxi ebda raġuni li tiġġustifika t-tnaqqis tat-terminu. Hija lanqas ma ssemmi l-Artikolu 9(2) tar-RPSE.

137    Barra minn hekk u għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li s-SRB ma jagħtix prova li kien urġenti li tittieħed deċiżjoni fil-15 ta’ April 2016 minflok fl-20 ta’ April 2016, data li kienet tiżgura l-osservanza tar-regoli proċedurali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-15 ta’ April 2016 ma hijiex data imposta mil-leġiżlazzjoni. Dan it-tnaqqis tat-terminu ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni jikkostitwixxi l-ewwel irregolarità proċedurali.

138    Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) tar-RPSE jipprovdi li d-deċiżjonijiet jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub, sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni ta’ mill-inqas żewġ membri tas-sessjoni eżekuttiva espressa fl-ewwel 48 siegħa mit-tnedija ta’ din il-proċedura bil-miktub.

139    F’dan ir-rigward, jirriżulta li s-SRB kiser ukoll ir-RPSE sa fejn it-tul stabbilit għall-proċedura bil-miktub kien ta’ sitt sigħat inqas mit-48 siegħa previsti għall-espressjoni ta’ oġġezzjoni għall-użu tal-proċedura bil-miktub. Issa, jekk jiġi preżunt li kienet meħtieġa l-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-15 ta’ April 2016, xejn ma kien jipprekludi li t-terminu għal tweġiba jiġi stabbilit għas-sitta ta’ filgħaxija ta’ dak il-jum. Dan jikkostitwixxi irregolarità proċedurali oħra.

140    Huwa b’mod żbaljat li s-SRB jipprova jiġġustifika dan il-ksur tar-RPSE permezz tal-assenza ta’ oġġezzjonijiet magħmula mill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB. Huwa biżżejjed li jiġi osservat, minn naħa, li s-SRB għandu l-obbligu li japplika l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċess deċiżjonali tiegħu, liema leġiżlazzjoni torganizza preċiżament it-tnaqqis tat-termini jekk kemm-il darba jiġu osservati ċerti regoli u, min-naħa l-oħra, li l-assenza allegata ta’ oġġezzjoni ma telimina bl-ebda mod il-ksur imwettaq ab initio meta s-SRB impona terminu li jmur kontra l-preskrizzjonijiet tar-RPSE.

141    Sussegwentement, filwaqt li l-posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 kienet tistieden lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB jittrażmettu l-approvazzjoni formali tagħhom permezz ta’ posta elettronika indirizzata lill-indirizz elettroniku funzjonali tas-SRB, dan tal-aħħar ma pproduċa l-ebda posta elettronika ta’ approvazzjoni. L-uniku element li jirreferi għal approvazzjoni huwa d-dikjarazzjoni mis-SRB, fil-posta elettronika tal-Ġimgħa, il-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, li din ingħatat.

142    Barra minn hekk, f’din il-posta elettronika tal-Ġimgħa, il-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, li ma ntbagħtitx lill-membri kollha tas-sessjoni eżekuttiva, tal-inqas inizjalment (A, membru tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, ma rċeviex din il-posta elettronika, li ntbagħtitlu 21 minuta iktar tard), is-SRB kien jirreferi għal żball fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u ħabbar it-trażmissjoni ta’ verżjoni emendata tal-“memorandum 2” permezz ta’ posta elettronika separata. Il-posta elettronika tas-19:04 kienet iżżid, mingħajr ma tipprovdi terminu għal reazzjoni eventwali, li, fin-nuqqas ta’ oġġezzjoni tal-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, kien ser jitqies li l-approvazzjoni tagħhom li diġà ngħatat tapplika wkoll għall-ammonti emendati tal-kontribuzzjonijiet. B’dan il-mod, is-SRB beda proċedura ta’ adozzjoni permezz ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni, li ċertament ma hijiex proċedura mhux magħrufa mid-dispożizzjonijiet tar-RPSE, iżda li madankollu hija proċedura li tinbeda f’kundizzjonijiet konkreti irregolari, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ indikazzjoni ta’ terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni. Dan jikkostitwixxi, minbarra ż-żewġ irregolaritajiet diġà rrilevati fil-punti 136 sa 139 iktar ’il fuq, it-tielet irregolarità proċedurali.

143    Għandu jiġi enfasizzat li, f’anness għall-ittra tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2018, is-SRB ippreżenta l-prova tat-trażmizzjoni tal-posta elettronika tas-19:04 fis-19:25, jiġifieri 21 minuta iktar tard, lil A. Dan tal-aħħar, permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, mibgħuta fis-19:34, indika li huwa ma kellux oġġezzjonijiet għall-modifiki minuri li s-SRB kien informah bihom permezz tal-posta elettronika tas-19:25 li kienet tittrasferixxi (tagħmel forward) il-posta elettronika tas-19:04. Għalkemm din il-posta elettronika kienet effettivament turi l-ammonti emendati tal-kalkoli għal tliet istituzzjonijiet preċiżi, din bl-ebda mod ma kienet tinkludi l-ammonti emendati għall-bqija tal-istituzzjonijiet li l-kontribuzzjonijiet tagħhom kienu se jitnaqqsu b’ammont żgħir.

144    Minn dawn l-elementi jirriżulta li A ta l-kunsens tiegħu saħansitra qabel ma seta’ jaċċedi għall-verżjoni emendata tal-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet kollha, mibgħuta iktar tard, iżda mhux lilu, kif inhu deskritt fil-punt 145 iktar ’il quddiem. Issa, dan id-dokument jirrappreżenta l-ammonti hekk kif ġew finalment adottati bl-ewwel deċiżjoni kkontestata.

145    Sussegwentement, fl-istess jum, fit-20:06, il-posta elettronika separata tas-SRB flimkien, f’anness, ma’ dokument XLSX intitolat “Final results15042016.xlsx” intbagħtet. Mill-ġdid, din il-posta elettronika ma ntbagħtitx lil A. Din l-aħħar ċirkustanza tikkostitwixxi r-raba’ irregolarità proċedurali.

146    Barra minn hekk, mid-data tal-ewwel deċiżjoni kkontestata (il-15 ta’ April 2016) jirriżulta li, minkejja li ma kien ġie indikat l-ebda terminu fil-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, il-kunsens kien meqjus li nkiseb fl-istess jum, u b’hekk loġikament f’nofsillejl. Huwa minnu li s-SRB kien esprima, fil-posta elettronika tiegħu tat-13 ta’ April 2016 (mehmuża mal-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04), li kellu l-intenzjoni li d-deċiżjoni tiġi adottata fil-15 ta’ April. Jekk jiġi preżunt li din l-informazzjoni kienet biżżejjed sabiex tindika li kull oġġezzjoni kellha ssir qabel il-15 ta’ April 2016 f’nofsillejl, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, proċedura ta’ approvazzjoni permezz ta’ kunsens ġiet implimentata f’nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija fis-19:04 sabiex tintemm f’nofsillejl tal-istess jum. Dawn iċ-ċirkustanzi jaggravaw l-effetti tat-tielet irregolarità proċedurali kkonstatata fil-punt 142 iktar ’il fuq.

147    Huwa inqas u inqas paċifiku li din il-proċedura ta’ kunsens kienet regolari peress li, minbarra l-assenza ta’ trażmissjoni tal-posta elettronika tat-20:06 lil A (ara l-punt 145 hawn fuq) li, fiha nnifisha, tivvizzja l-proċedura, is-SRB ma jagħtix prova li l-membri l-oħra tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB kienu jafu bit-trażmissjoni ta’ din il-posta elettronika tat-20:06 (u barra minn hekk lanqas b’dik tal-posta elettronika tas-19:04) u lanqas bil-kontenut tagħha. Is-SRB ipproduċa ċerti elementi ta’ verifika intiżi li jistabbilixxu li l-posta elettronika mibgħuta fis-19:04 u fit-20:06 kienu waslu fl-indirizzi elettroniċi tad-destinatarji. Madankollu, indipendentement anki mill-fatt li din il-verifika, li saret permezz ta’ kampjun, ma tikkonċernax il-membri kollha tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, hija bl-ebda mod ma tagħti prova li l-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB kienu jafu b’mod konkret tal-inqas bl-eżistenza ta’ dawn it-trażmissjonijiet ta’ posta elettronika qabel nofsillejl ta’ dakinhar stess.

148    Issa, fid-dawl tan-natura stess ta’ proċedura ta’ kunsens, li tikkonsisti f’li l-approvazzjoni tiġi dedotta minn assenza ta’ oġġezzjoni, tali proċedura teħtieġ neċessarjament u a minima li jiġi stabbilit, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, li l-persuni li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ approvazzjoni b’kunsens ikunu saru jafu b’din il-proċedura u setgħu jeżaminaw l-abbozz suġġett għall-approvazzjoni tagħhom. F’dan il-każ, l-ewwel deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, fid-dawl kemm tad-dettalji li jinsabu fit-test tagħha kif ukoll tal-fatt li l-fajls ta’ data relatati ma’ din id-deċiżjoni ntbagħtu fl-istess jum lill-ANR (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), sa mhux iktar tard mill-15 ta’ April 2016 f’nofsillejl. Issa, il-prova li kien ġie stabbilit, qabel nofsillejl, li l-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB setgħu jsiru jafu bl-abbozz ta’ deċiżjoni emendat, jew tal-inqas sempliċement bl-eżistenza tal-posta elettronika tas-19:04 u tat-20:06, ma nġabitx mis-SRB.

149    Barra minn hekk u b’mod inċidentali, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-anness tal-ewwel deċiżjoni kkontestata proposta għall-approvazzjoni fit-13 ta’ April 2016 kien dokument diġitali fil-format PDF (ara l-punti 122 u 136 iktar ’il fuq), l-anness propost għall-approvazzjoni fl-għaxija tal-15 ta’ April 2016 kien dokument diġitali fil-format XLSX (ara l-punti 124 u 145 iktar ’il fuq).

150    B’hekk, għandu jiġi osservat li, minkejja li ma kienx hemm l-iżball invokat fil-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 filgħaxija (ara l-punt 123 iktar ’il fuq), l-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi, bħala anneess, dokument diġitali fil-format PDF u mhux fajl XLSX.

151    Il-Qorti Ġenerali tista’ biss tikkonstata, fir-rigward ta’ din id-differenza, li s-SRB, minkejja li għandu jiżgura l-unità u l-koerenza formali tad-dokumenti ppreżentati għall-approvazzjoni u wara adottati, varja l-formats elettroniċi. Din l-impreċiżjoni twassal għal konsegwenzi li jmorru lil hinn min-natura purament proċedurali, inkwantu l-elementi trażmessi permezz ta’ fajl PDF ma joffru l-ebda dettall fuq iċ-ċelloli ta’ kalkolu ta’ fajl XLSX u li tali fajl PDF jinkludi, għall-inqas f’dan il-każ, valuri arrotondati, kuntrarjament għal fajl XLSX. Għalhekk, fir-rigward tas-sempliċi fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju li jinsab fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dak relatat mal-kuntest Ewropew, mill-elementi li jinsabu fir-risposti tas-SRB jirriżulta li l-valur ipprovdut fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif prodott b’risposta għall-ewwel digriet, jiġifieri f’fajl PDF, ma huwiex il-valur eżatt li jinsab fil-fajl XLSX – liema valur jinkludi erbatax-il deċimali – iżda huwa valur arrotondat għal żewġ deċimali inutilizzabbli għal verifika tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni.

152    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, lil hinn anki mill-assenza ta’ awtentikazzjoni kkonstatata fil-punt 134 iktar ’il fuq, li timplika l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata twettqet bi ksur manifest ta’ rekwiżiti proċedurali dwar l-approvazzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB u dwar il-ġbir ta’ din l-approvazzjoni.

153    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-fatt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jinvokaw ksur ta’ regoli li ma humiex intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi iżda għandhom l-għan li jorganizzaw il-funzjonament intern tas-servizzi fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 49 u 50), ma jfissirx, madankollu, li individwu qatt ma jista’ jinvoka b’mod utli l-ksur ta’ regola li tirregola l-proċess deċiżjonali li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni, fost id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri interni ta’ istituzzjoni, bejn dawk li l-ksur tagħhom ma jistax jiġi invokat mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, peress li dawn jikkonċernaw biss il-modalitajiet ta’ funzjonament intern tal-istituzzjoni li ma jistgħux jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tagħhom, u dawk li l-ksur tagħhom jista’, għall-kuntrarju, jiġi invokat, peress li huma joħolqu drittijiet u fattur ta’ ċertezza legali għal dawn il-persuni (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il-Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punt 103).

154    F’dan il-każ, l-analiżi tal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata turi numru kbir ta’ ksur ta’ regoli dwar l-organizzazzjoni ta’ proċedura bil-miktub elettronika ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Għalkemm l-Artikolu 9 tar-RPSE ma jipprevediehx espliċitament, huwa ovvju li kull proċedura bil-miktub timplika neċessarjament it-trażmissjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni lill-membri kollha tal-korp deċiżjonali kkonċernat minn din il-proċedura. Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni b’kunsens, bħal f’dan il-każ (ara l-punti 142 sa 148 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni ma tistax tiġi adottata mingħajr ma jiġi stabbilit, tal-inqas, li l-membri kollha setgħu jsiru jafu bl-abbozz ta’ deċiżjoni minn qabel. Fl-aħħar nett, din il-proċedura teħtieġ l-indikazzjoni ta’ terminu li jippermetti lill-membri tal-imsemmi korp jieħdu pożizzjoni dwar l-abbozz.

155    Issa, dawn ir-regoli proċedurali intiżi li jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali inerenti għal kull proċedura bil-miktub elettronika u għal kull proċedura ta’ adozzjoni b’kunsens, ġew miksura f’dan il-każ. Dan il-ksur għandu impatt dirett fuq iċ-ċertezza legali, peress li jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li fir-rigward tagħha ma huwiex stabbilit li din kienet suġġetta, mhux biss għal approvazzjoni mill-korp kompetenti, iżda anki għal għarfien minn qabel mill-membri kollha tiegħu.

156    In-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali regoli proċedurali neċessarji għall-espressjoni tal-kunsens jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina ex officio (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 56, u tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni, C-183/16 P, EU:C:2017:704, punt 116).

157    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-tieni deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li din ma tissostitwixxix l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li ffissat l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet, iżda twettaq biss aġġustament ta’ dawn l-ammonti fuq punt tekniku limitat. L-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata neċessarjament iwassal għal dak tat-tieni waħda.

158    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 11 tar-RPSE u fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Mejju 2018 imsemmija fil-punt 107 iktar ’il fuq.

159    Lil hinn minn din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali tqis opportun, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li tiddeċiedi wkoll dwar l-osservanza, f’dan il-każ, tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

160    Ir-rikorrenti tqis li s-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet ma humiex indirizzati lilha ma jipprekludix li hija tinvoka dan il-motiv, sa fejn l-interess li jista’ jkollhom persuni kkonċernati direttament u individwalment minn att, li jirċievu spjegazzjonijiet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-portata tal-obbligu li jiġi mmotivat.

161    Ir-rikorrenti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni għandha tidher fl-att ġuridiku stess li huwa inkwistjoni u għandha, barra minn hekk, tkun tinftiehem mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni għandha tindika l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni u li huma neċessarji sabiex ir-raġunament li wassal għall-adozzjoni tagħha jinftiehem.

162    Barra minn hekk, il-fatt li pparteċipat fil-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni ma jippermettix lir-rikorrenti li tikseb informazzjoni suffiċjenti, għaliex il-kontribuzzjoni tagħha ma tiġix ikkalkolata biss abbażi tad-data trażmessa minnha, iżda abbażi tar-relazzjoni li teżisti bejn id-data tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati.

163    Fir-rigward tal-impossibbiltà, invokata mis-SRB, li jagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni mingħajr ma jiżvela s-sigrieti tan-negozju tal-istituzzjonijiet l-oħra, ir-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-obbligu li jinżammu s-sigrieti tan-negozju ma jistax jiġi interpretat b’mod daqshekk estensiv tant li tixxejjen il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għad-detriment tad-dritt tal-operaturi kkonċernati li jinstemgħu. F’dan il-każ, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti sa mill-bidu ġiet sistematikament miċħuda.

164    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tas-SRB li jgħid li, anki jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-motivazzjoni hija insuffiċjenti, il-kalkolu tas-SRB jibqa’ validu. Skont ir-rikorrenti, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida identika fil-każ ta’ annullament ma tistax tiġi preżunta awtomatikament.

165    Is-SRB isostni li huwa ma kellux l-obbligu jipprovdi direttament lir-rikorrenti espożizzjoni dettaljata tar-raġunijiet, peress li d-deċiżjonijiet tiegħu ma kinux indirizzati lil din tal-aħħar, iżda lill-ANR Awstrijaka. Barra minn hekk, huwa jinvoka l-ġurisprudenza li tipprovdi li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-interess li d-destinatarju tal-att inkwistjoni jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet.

166    Barra minn hekk, fil-każ fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkonċernaw direttament lir-rikorrenti, is-SRB iqis li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 296(2) TFUE huma ssodisfatti. Fil-fatt, sa fejn id-destinatarju tad-deċiżjonijiet tas-SRB hija l-ANR Awstrijaka u mhux ir-rikorrenti, l-espożizzjoni tal-motivi għandha tkun suffiċjenti sabiex din l-ANR tifhem il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu, li huwa l-każ f’din il-kawża. Insostenn tal-argument tiegħu, is-SRB jiċċita l-ġurisprudenza li tgħid li l-parteċipazzjoni tal-persuni kkonċernati fil-proċedura ta’ tfassil tal-att tista’ tnaqqas ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni, peress li hija tikkontribwixxi għall-informazzjoni tagħhom u l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE attwali għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata.

167    Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ikkontestati allegatament ġew adottati f’kuntest magħruf sew mir-rikorrenti. Jekk il-kuntest ġuridiku waħdu ma jippermettix li jiġi kkalkolat ammont preċiż, dan jipprovdi indikazzjonijiet ċari fir-rigward tal-kriterji l-iktar importanti meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu.

168    Is-SRB isostni li, skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-proċedura ta’ kalkolu hija bbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib bejnu u l-ANR. Għal din ir-raġuni, l-ANR Awstrijaka allegatament kienet taf dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015 kienu ġew ikkalkolati u miġbura mill-ANR stess, skont ir-Regolament ta’ Delega 2015/63. Għalhekk, is-SRB iqis li l-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati kienet suffiċjenti għall-ANR Awstrijaka, li, bħall-ANR l-oħra kollha, kienet involuta mill-qrib fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016.

169    Barra minn hekk, is-SRB iqis li r-rikorrenti tmur lil hinn mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 296(2) TFUE meta hija ssostni li hija għandha tkun kapaċi tikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante proprji tagħha abbażi tal-espożizzjoni tal-motivi tas-SRB. Parti mill-informazzjoni neċessarja għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 tar-rikorrenti hija komposta minn informazzjoni kunfidenzjali provenjenti minn istituzzjonijiet oħra. Skont l-Artikolu 339 TFUE, is-SRB huwa obbligat jipproteġi d-data kunfidenzjali tal-istituzzjonijiet. Dan l-obbligu huwa wkoll previst fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fl-Artikolu 14(7) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, fl-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014 u fl-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/59.

170    Skont is-SRB, ir-rikorrenti tonqos milli ssemmi li hija rċeviet spjegazzjoni dettaljata ħafna tal-kalkolu fl-avviż għall-ħlas tal-ANR Awstrijaka tas-26 ta’ April 2016 u li hija ġiet informata fid-dettall bir-raġunament magħmul.

171    Fl-aħħar nett, is-SRB isostni li l-ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE ma jwassalx għall-invalidità tal-kalkoli. Konsegwentement, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati għal din ir-raġuni, dan il-kalkolu jibqa’ validu u s-SRB ikun jista’ jadotta mill-ġdid mingħajr dewmien deċiżjonijiet identiċi. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il‑Kummissjoni (117/81, EU:C:1983:191, punt 7), rikorrent ma għandu ebda interess leġittimu fl-annullament minħabba difett formali ta’ deċiżjoni, fil-każ fejn l-amministrazzjoni ma jkollha ebda marġni ta’ diskrezzjoni u hija obbligata li taġixxi kif għamlet.

172    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni, C‑70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati kif ukoll l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu u tat-totalità tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Acino vs Il-Kummissjoni, T‑539/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:110, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun loġika, u b’mod partikolari ma għandhiex tippreżenta kontradizzjoni interna li tostakola l-fehim tajjeb tal-motivazzjoni wara dan l-att (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Pilkington Group vs Il-Kummissjoni, T‑462/12, EU:T:2015:508, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Preliminarjament, għandu jitfakkar li għalkemm, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 806/2014 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, id-deċiżjonijiet li jiffissaw il-kontribuzzjonijiet ex ante huma nnotifikati lill-ANR, l-istituzzjonijiet debituri ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, huma, kuntrarjament għal dak li jallega s-SRB, individwalment u direttament ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjonijiet (ara l-punti 73 sa 79 iktar ’il fuq).

176    Għaldaqstant, l-interess li jista’ jkollhom dawn l-istituzzjonijiet li jirċievu spjegazzjonijiet għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni għandha wkoll il-funzjoni li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha.

177    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li s-SRB wettaq diversi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

178    Minn naħa, fir-rigward tat-test tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, dan isemmi biss ir-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-Artikolu 70(2) tiegħu, l-indikazzjoni ta’ konsultazzjonijiet u ta’ kooperazzjonijiet ma’ korpi (Il-Bank Ċenrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet nazzjonali) u l-fatt li l-kalkolu jsir b’mod li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet individwali f’daqqa ma jaqbiżx ċertu livell (jiġifieri 12.5 % tal-livell fil-mira previst fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014). Dan ma jinkludi ebda informazzjoni dwar l-istadji suċċessivi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti u lanqas iċ-ċifri relatati ma’ dawn id-diversi stadji.

179    Ċertament, il-qari tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, imsemmi fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-qari tal-paragrafu 6 tiegħu jippermetti li wieħed jifhem li l-kontribuzzjonijiet ex ante huma kkalkolati mis-SRB b’applikazzjoni, b’mod partikolari, “[ta’] atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE”, jiġifieri, f’dan il-każ, tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

180    Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 jinkludi regoli ddettaljati li s-SRB għandu japplika meta jikkalkola l-kontribuzzjonijiet.

181    Madankollu, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed sabiex wieħed jifhem kif is-SRB applika dawn ir-regoli għall-każ tar-rikorrenti sabiex jasal għall-ammont tal-kontribuzzjoni li tikkonċernaha indikata fl-anness tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

182    Għandu jingħad ukoll li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma ssemmix id-deċiżjonijiet intermedji meħuda mis-SRB bil-għan li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet intermedji”), jiġifieri, tal-inqas, id-deċiżjonijiet intermedji li ġejjin:

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2015 dwar id-definizzjoni tal-pilastru “indikaturi ta’ riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni” (SRB/ES/SRF/2015/00);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2015 dwar ir-regoli komuni għall-kalkolu tal-2016 tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għal dak li jirrigwarda d-depożiti koperti (SRB/ES/SRF/2015/01);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2015 dwar ir-regoli komuni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2016 għas-SRF f’dak li jikkonċerna l-istituzzjonijiet li jkunu għadhom kif bdew jiġu ssorveljati (SRB/ES/SRF/2015/02);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2015 dwar ir-regoli komuni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għas-SRF f’dak li jirrigwarda d-diskretizzazzjoni fil-pass 2 (SRB/ES/SRF/2015/03);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2015 dwar il-garanziji addizzjonali rigward id-data pprovduta għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għas-SRF (SRB/ES/SRF/2015/04);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2015 dwar ir-regoli komuni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2016 għas-SRF f’dak li jirrigwarda d-data ta’ referenza tal-għajnuna mill-Istat (SRB/ES/SRF/2015/05);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-24 ta’ Frar 2016 dwar l-ipproċessar ta’ data nieqsa wara l-provvista tas-settijiet ta’ data finali (SRB/ES/SRF/2016/00/A);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar il-bilanċi negattivi għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal-2016, wara l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2016, fil-każ ta’ pproċessar mill-ġdid jew ta’ reviżjonijiet tal-informazzjoni ppreżentata fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015 (SRB/ES/SRF/2016/02);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2015 mill-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 (SRB/ES/SRF/2016/03);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar il-metodu ssemplifikat għall-kumpanniji ta’ investiment (SRB/ES/SRF/2016/03A);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tas-6 ta’ April 2016 dwar l-ipproċessar tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2015 fil-każ ta’ telf tal-liċenzja bankarja (SRB/ES/SRF/2016/05);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tas-6 ta’ April 2016 dwar il-bidla fl-ipproċessar tad-data nieqsa wara l-provvista tas-settijiet ta’ data finali (SRB/ES/SRF/2016/05/A);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tas-6 ta’ April 2016 dwar id-data tad-depożiti koperti tal-2015 (SRB/ES/SRF/2016/05/B);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tat-13 ta’ April 2016 dwar l-esklużjoni tal-passiv relatat mas-self għal żvilupp (SRB/ES/SRF/2016/05/C);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-bażi ta’ kalkolu tal-impenji ta’ ħlas irrevokabbli għall-perijodu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 (SRB/ES/SRF/2016/10);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-ftehim dwar l-impenji ta’ ħlas irrevokabbli u l-mekkaniżmi ta’ garanziji (SRB/ES/SRF/2016/11).

183    Kif ġie indikat fil-punt 39 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kkomunikat dawn is-sittax-il deċiżjoni intermedja lill-Qorti Ġenerali b’ittra tad-9 ta’ Mejju 2018, wara li rċeviethom, fuq talba tagħha, mingħand is-SRB. Fl-ittra tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2018, is-SRB semma l-fatt li, qabel ma d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew adottati, huwa kien diġà stabbilixxa b’mod separat diversi fatturi tal-metodu ta’ kalkolu u tal-proċess ta’ kalkolu. Wara din l-ittra, ir-rikorrenti talbet il-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti u, fl-20 ta’ April 2018, hija rċeviet mingħand is-SRB, bil-posta, sittax-il deċiżjoni intermedja li ntużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħha fl-2016 u li s-SRB jikkwalifika bħala stadji intermedji meħuda inkunsiderazzjoni fil-proċess ta’ kalkolu.

184    Peress li dawn is-sittax-il deċiżjoni intermedja la ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ma ġew innotifikati lir-rikorrenti, din tal-aħħar tqis li dawn għandhom jiġu ddikjarati ġuridikament ineżistenti u ma jistgħux jikkostitwixxu bażi normattiva għall-impożizzjoni tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi. Barra minn hekk, jekk dawn id-deċiżjonijiet intermedji kellhom jiġu kkunsidrati mis-SRB bħala miżuri purament preparatorji u mhux atti fihom infushom, il-kontenut tagħhom kien imissu ġie integrat fil-premessi tad-deċiżjoni li tiffissa l-kontribuzzjoni ex ante għall-2016.

185    Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2018, is-SRB wieġeb li l-preżentata ta’ dawn il-provi ġodda kienet inammissibbli skont l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx iġġustifikat id-dewmien fil-produzzjoni tal-provi, u li hija kienet, fi kwalunkwe każ, taf dwar l-eżistenza ta’ dokumenti interni li jirriflettu xi “determinazzjonijiet separati” tas-SRB relatati mal-proċess ta’ ġbir u mal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet. Fil-fatt, is-SRB ta lir-rikorrenti l-aċċess għal numru ta’ dokumenti simili permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2016, jiġifieri kważi sentejn qabel il-preżentata tal-provi l-ġodda.

186    Fi kwalunkwe każ, skont is-SRB, id-dokumenti dwar il-metodoloġija ta’ kalkolu ma kinux intiżi li jkollhom effett ġuridiku estern. Ir-rikorrenti ma kinitx destinatarja tad-dokumenti relatati mal-metodoloġija ta’ kalkolu u għalhekk is-SRB ma kienx obbligat jinnotifikaha b’dawn il-miżuri. Il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti ġie nnotifikat lill-ANR jew kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet approfonditi magħhom fi żmien xieraq fil-kuntest tal-kumitat tal-kontribuzzjonijiet qabel l-adozzjoni tal-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti relatati mal-metodoloġija ta’ kalkolu la huma neċessarji u lanqas rilevanti għall-eżitu tal-kawża. Mill-perspettiva tas-SRB, il-provi ġodda ppreżentati ma għandhom ebda valur probatorju f’dak li jirrigwarda l-fatti allegati mir-rikorrenti.

187    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-provi ġodda prodotti mir-rikorrenti permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Mejju 2018, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma elementi ġodda li din ma setgħetx tkun taf bihom qabel ma s-SRB semma, fl-ittra tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2018, li huwa kien diġà stabbilixxa separatament diversi fatturi tal-metodu ta’ kalkolu u tal-proċess ta’ kalkolu qabel ma ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati.

188    Fir-rigward tal-argument tas-SRB li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kienet taf bl-eżistenza ta’ dokumenti interni li jirriflettu xi “determinazzjonijiet separati” tas-SRB relatati mal-proċess ta’ ġbir u mal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet sa minn meta ntbagħtet l-ittra tat-13 ta’ Settembru 2016 tas-SRB, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tal-imsemmija ittra.

189    F’din l-ittra, is-SRB wieġeb għal talba magħmula fis-7 ta’ Lulju 2016 mir-rikorrenti intiża sabiex hija jkollha aċċess għad-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernawha. Permezz ta’ din l-ittra, is-SRB ippermetta lir-rikorrenti li tmur tikkonsulta fl-uffiċċji tagħha, minbarra d-deċiżjonijiet ikkontestati u l-fajls ta’ kalkolu, ħames deċiżjonijiet intermedji li għandhom it-titoli li ġejjin:

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar il-livell fil-mira tas-SRF għall-2016 (SRB/ES/SRF/2016/01);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2015 dwar il-politika tal-impenji ta’ ħlas irrevokabbli tal-2016 (SRB/ES/SRF/2015/06);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2015 dwar il-formola ta’ dikjarazzjoni għal kontribuzzjonijiet għall-2016 (SRB/PS/SRF/2015/01);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2015 dwar il-modifika tal-formola ta’ dikjarazzjoni għal kontribuzzjonijiet għall-2016 (SRB/PS/SRF/2015/02);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tas-6 ta’ April 2016 dwar il-modifika tal-formola ta’ dikjarazzjoni għal kontribuzzjonijiet għall-2016 (SRB/ES/SRF/2016/04).

190    Skont il-kliem ta’ din it-tweġiba, ir-rikorrenti setgħet raġonevolment taħseb li ma kien hemm ebda deċiżjoni intermedja oħra tas-SRB li kienet tikkonċernaha. L-ebda waħda mis-sittax-il deċiżjoni intermedja mibgħuta sentejn wara lir-rikorrenti ma kienet tinsab fost dawn id-deċiżjonijiet trażmessi fit-13 ta’ Settembru 2016.

191    Barra minn hekk, is-SRB, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2016, jindika li d-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu għall-aħħar tliet deċiżjonijiet intermedji msemmija fil-punt 189 iktar ’il fuq. Issa, fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma hemm ebda riferiment għall-imsemmija deċiżjonijiet intermedji.

192    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dawn il-provi ġodda għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

193    Għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjonijiet intermedji msemmija kemm fil-punt 182 kif ukoll fil-punt 189 iktar ’il fuq jikkostitwixxu dokumenti li r-rikorrenti ma kinitx destinatarja tagħhom, b’mod li s-SRB ma kienx obbligat li jinnotifikahomlha.

194    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dawn id-deċiżjonijiet intermedji jiddeterminaw elementi tal-proċedura ta’ kalkolu, kif ukoll il-kalkolu stess tal-kontribuzzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dawn id-deċiżjonijiet intermedji mhux biss jimplimentaw, iżda wkoll, għal uħud minnhom, jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni applikabbli. Peress li dawn id-deċiżjonijiet intermedji la huma suġġetti għal ebda pubblikazzjoni u lanqas ma nġiebu, b’xi mod ieħor, għall-konoxxenza tal-istituzzjonijiet, l-argument tas-SRB li l-motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti minħabba li r-Regolament Nru 806/2014, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 kif ukoll id-Direttiva 2014/59 kienu jesponu fid-dettall il-metodu li għandu jiġi applikat għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante (ara l-punt 167 iktar ’il fuq), fi kwalunkwe każ ma jistax jintlaqa’.

195    Huwa biżżejjed li jissemmew żewġ eżempji, jiġifieri, l-ewwel nett, id-deċiżjoni intermedja SRB/ES/SRF/2016/01 (iċċitata fl-ewwel inċiż tal-punt 189 iktar ’il fuq), li l-Artikolu 1 tagħha jistabbilixxi l-livell fil-mira għall-2016, li jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti (ara l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u l-pass 6 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63), u, it-tieni nett, id-deċiżjoni intermedja SRB/ES/SRF/2015/00 (iċċitata fl-ewwel inċiż tal-punt 182 iktar ’il fuq) li implimentat l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 dwar id-determinazzjoni mis-SRB tal-indikaturi ta’ riskju addizzjonali li jiffurmaw il-pilastru ta’ riskju IV.

196    Issa, għalkemm id-deċiżjonijiet intermedji msemmija fil-punti 182 u 189 ġew ikkomunikati lir-rikorrenti mis-SRB, dawn kienu ġew ikkomunikati biss fl-20 ta’ April 2018 u fit-13 ta’ Settembru 2016 rispettivament u għalhekk wara l-preżentata tar-rikors.

197    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrent ikollu fil-mument tal-preżentata ta’ rikors (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑406/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:484, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Fir-rigward tal-argument tas-SRB li jirreferi għall-ġurisprudenza fil-qasam tal-kalkolu tal-multi li jissanzjonaw akkordju li tgħid li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu ladarba hija tindika l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet intermedji ma kinux is-suġġett ta’ pubblikazzjoni, bil-kontra tal-metodoloġija fil-qasam tal-kalkolu tal-multi, u lanqas ma kienu mgħarrfa lir-rikorrenti qabel il-preżentata tar-rikors. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-kawża ineżami, li tirrigwarda d-determinazzjoni mis-SRB tal-kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jitħallsu mill-istituzzjonijiet bl-għan li jiġi ffinanzjat is-SRF, hija intrinsikament differenti mill-kalkolu tal-multi li jissanzjonaw akkordju, b’mod partikolari minħabba n-natura dissważiva tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2014, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, T‑72/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1094, punti 247 u 248). Għaldaqstant dan l-argument ma japplikax f’dan il-każ.

199    Bħala konklużjoni, sa fejn id-deċiżjonijiet intermedji ma nġabux għall-attenzjoni tar-rikorrenti mis-SRB qabel il-preżentata tar-rikors, is-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni.

200    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-anness tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li jinkludi ammont għall-fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest Ewropew, ma jinkludi ebda indikazzjoni simili li tikkonċerna l-fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju għas-sehem tal-kalkolu mwettaq fil-kuntest nazzjonali. Bl-istess mod, filwaqt li jippreċiża t-tip ta’ metodu ta’ kalkolu użat fil-kuntest Ewropew, ma jipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB b’riferiment għall-kuntest nazzjonali.

201    Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-sehem tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet imwettaq mis-SRB b’riferiment għall-kuntest nazzjonali fl-2016 jammonta għal 60 % tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-istituzzjonijiet u s-sehem Ewropew 40 % biss. Il-motivazzjoni li tinsab fl-ewwel deċiżjoni kkontestata tidher għalhekk, f’dan ir-rigward, insuffiċjenti.

202    Għandu jingħad ukoll li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkumpensata bil-kontenut tal-ittra tal-ANR Awstrijaka tas-26 ta’ April 2016.

203    Fil-fatt, indipendentement ukoll mill-fatt li din l-ittra ma tinkludix elementi sostanzjali ta’ natura li jikkumpensaw l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, huwa s-SRB, li huwa l-awtur tad-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante, li għandu jimmotiva din id-deċiżjoni.

204    F’dan ir-rigward, fis-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni applikabbli, huwa s-SRB li jikkalkola u jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante. Id-deċiżjonijiet tas-SRB dwar il-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet huma indirizzati biss lill-ANR (Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81) u huma l-ANR li għandhom jikkomunikawhom lill-istituzzjonijiet (Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81) u li jiġbru l-kontribuzzjonijiet mingħand l-istituzzjonijiet abbażi tal-imsemmija deċiżjonijiet (Artikolu 67(4) tar-Regolament Nru 806/2014).

205    Għalhekk, meta s-SRB jaġixxi skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa jadotta deċiżjonijiet li għandhom natura definittiva u li jirrigwardaw, individwalment u direttament, l-istituzzjonijiet.

206    Konsegwentement, huwa s-SRB, l-awtur ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li għandu jimmotivahom. Dan l-obbligu ma jistax jiġi ddelegat lill-ANR, u lanqas il-ksur tiegħu ma jista’ jiġi rrimedjat minnhom, u jekk dan iseħħ wieħed imur kontra l-kwalità tas-SRB bħala awtur tal-imsemmija deċiżjonijiet u r-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward, u, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tal-ANR, jinbet riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament tal-istituzzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tas-SRB.

207    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li d-data li tinsab annessa mal-avviż għall-ħlas tas-26 ta’ April 2016 tal-ANR Awstrijaka ma hijiex identifikata bħala li hija dik tas-SRB. Għall-kuntrarju, din hija ppreżentata bħala parti integrali mill-avviż għall-ħlas, li huwa att tad-dritt Awstrijak, b’tali mod li ma huwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn l-elementi li l-awtur tagħhom hija l-ANR Awstrijaka minn dawk li ġejjin, jekk ikun il-każ, mis-SRB.

208    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju għandu neċessarjament jinkludi d-deċimali kollha meħtieġa, ħlief sabiex il-kalkolu jsir approssimattiv, il-fattur ta’ aġġustament li jinsab fl-avviż għall-ħlas tas-26 ta’ April 2016 (b’żewġ deċimali) ma jikkorrispondix għal dak (b’erbatax-il deċimali) tal-anness tal-ewwel deċiżjoni kkontestata hekk kif din ġiet ikkomunikata lill-Qorti Ġenerali b’risposta għat-tieni digriet.

209    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, billi adotta l-ewwel deċiżjoni kkontestata, is-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni.

210    Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li din stess tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni, għall-istess raġunijiet bħal dawk irrilevati fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kkontestata u għar-raġuni addizzjonali li hija ma tipprovdi ebda raġuni relatata mal-aġġustament li hija tagħmel.

211    Huwa minnu li l-motivi ta’ dan l-aġġustament ġew esposti fl-ittra tat-23 ta’ Mejju 2016, mibgħuta mill-ANR Awstrijaka lir-rikorrenti u li magħha kienet annessa ittra tas-SRB lir-rikorrenti wkoll bid-data tat-23 ta’ Mejju 2016.

212    Madankollu, l-ittra tas-SRB tat-23 ta’ Mejju 2016 tinkludi biss spjegazzjonijiet ġenerali tal-motivi tal-aġġustament imwettaq permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

213    Fir-rigward tal-motivi li jinsabu fl-ittra tal-ANR Awstrijaka, isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet espressi fil-punti 202 sa 206 iktar ’il fuq.

214    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tas-SRB imsemmi fil-punt 171 iktar’ il fuq, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li rikorrent ma għandu ebda interess leġittimu fl-annullament minħabba difett formali, nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni fil-każ fejn l-annullament tad-deċiżjoni jista’ biss jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida identika, fuq il-mertu, għad-deċiżjoni annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Schräder vs OCVV – Hansson (SEIMORA), T‑425/15, T‑426/15 u T‑428/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:305, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li jiġi eskluż li l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet differenti. Fil-fatt, fl-assenza ta’ informazzjoni kompleta dwar id-determinazzjonijiet u l-kalkoli intermedji tas-SRB u tad-data kollha relatata mal-istituzzjonijiet l-oħra minkejja l-interdipendenza tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti mal-kontribuzzjoni ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra, la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma huma f’pożizzjoni li jivverifikaw, f’dan il-każ, jekk l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet iwassalx neċessarjament għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida identika fil-mertu.

215    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

216    Għandu jiġi konkluż li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati t-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv invokati mir-rikorrenti.

 Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza li ser tingħata

217    Is-SRB isostni li, jekk il-Qorti Ġenerali tannulla l-ewwel jew it-tieni deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, ikun meħtieġ li jiġu limitati l-effetti ratione temporis ta’ dan l-annullament, li għandu japplika biss sitt xhur wara li s-sentenza tkun saret definittiva f’dan il-każ.

218    Is-SRB jindika li r-raġuni għal din it-talba tinsab fil-fatt li huwa jkollu japprova mill-ġdid il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tar-rikorrenti għall-2016. Peress li din tal-aħħar ma tikkontestax il-fatt li hija obbligata tikkontribwixxi għas-SRF, rimbors fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ma huwiex xieraq, fil-fehma tas-SRB.

219    Ir-rikorrenti ma esprimietx ruħha dwar dan il-punt.

220    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tipprovdi li, meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw dan, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE l-Qorti tal-Ġustizzja tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali sabiex, f’kull każ partikolari, tindika dawk l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jitqiesu li huma definittivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 121).

221    Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet użu mill-possibbiltà li tillimita l-effetti ratione temporis tal-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jirrigwardaw l-interessi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, involuti fil-kawżi kkonċernati kienu jipprekludu t-tqegħid inkwistjoni tal-ġbir jew tal-ħlas ta’ somom ta’ flus li twettqu abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-perijodu preċedenti għad-data tas-sentenza (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 122).

222    F’dan il-każ, is-SRB ma weriex kif, wara din is-sentenza, ir-rimbors tas-somom miġbura mingħand ir-rikorrenti bħala kontribuzzjoni ex ante għall-2016 jipperikola kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jirrigwardaw l-interessi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, involuti f’din il-kawża. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li rimbors fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ma jkunx xieraq ma jikkostitwixxix raġuni li tagħmel parti mill-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali.

223    Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza jiġu limitati.

 Fuq l-ispejjeż

224    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-SRB tilef ir-rikors irreġistrat bin-numru T‑377/16, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar, f’din il-kawża. Peress li ż-żewġ rikorsi l-oħra, irreġistrati bin-numri T‑645/16 u T‑809/16, ġew iddikjarati inammissibbli u t-talba għal miżuri provviżorji, irreġistrata bin-numru T‑645/16 R, ġiet miċħuda, hemm lok li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tas-SRB, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar, f’dawn il-kawżi.

225    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess fil-Kawża T‑645/16.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Fil-Kawżi T645/16 u T809/16, ir-rikorsi huma miċħuda bħala inammissibbli.

2)      Fil-Kawża T377/16, id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/06) u d-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2016 dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li tissupplimenta d-Deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/13), huma annullati inkwantu dawn jikkonċernaw lil Hypo Vorarlberg Bank AG.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn Hypo Vorarlberg Bank fil-Kawża T377/16.

4)      Hypo Vorarlberg Bank għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mis-SRB, fil-Kawżi T645/16 u T809/16, kif ukoll fil-Kawża T645/16 R.

5)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Collins

Kancheva

Barents

Passer

 

      De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Novembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


i L-akronimi BUR, MUR u FUR ġew mibdula għal SRB, SRM u SRF rispettivament, matul it-test kollu, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.