Language of document : ECLI:EU:T:2017:392

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

15 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Restrizzjonijiet dwar dħul fit-territorju ta’ Stati Membri – Persuna fiżika li tappoġġja attivament azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-Ukraina – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Libertà ta’ espressjoni – Proporzjonalità – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑262/15,

Dmitrii Konstantinovich Kiselev, residenti f’Korolev (ir-Russja), irrappreżentat minn J. Linneker, solicitor, T. Otty, barrister, u B. Kennelly, QC,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u J.-P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/432, tat-13 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 70, p. 47) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/427, tat-13 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 70, p. 1), it-tieni nett tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1524, tal-14 ta’ Settembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2015, L 239, p. 157), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1514, tal-14 ta’ Settembru 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2015, L 239, p. 30), it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/359, tal-10 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2016 l 67, p. 37), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/353, tal-10 ta’ Marzu 2016, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2016, L 67, p. 1) sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, V. Tomljenović u D. Spielmann, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2014, L 78, p. 16).

2        Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6).

3        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/151/PESK, tal-21 ta’ Marzu 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2014, L 86, p. 30), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 284/2014, tal-21 ta’ Marzu 2014, li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2014, L 86, p. 27), l-isem tar-rikorrent, Dmitrii Konstantinovich Kiselev, tniżżel fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fl-imsemmija regolament u deċiżjoni (iktar 'il quddiem il-“listi inkwistjoni”) għar-raġunijiet li ġejjin:

“Maħtur b’Digriet Presidenzjali fid-9 ta’ Diċembru 2013 bħala Kap tal-aġenzija tal-aħbarijiet nazzjonali tal-Istat Federali Russu ‘Rossiya Segodnya'. Figura ċentrali tal-propaganda tal-gvern li tappoġġa l-iskjerament ta’ forzi Russi fl-Ukraina.”

4        Sussegwentement, il-Kunsill adotta, fil-25 ta’ Lulju 2014, id-Deċiżjoni 2014/499/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2014, L 221, p. 15, u r-Regolament (UE) Nru 811/2014, li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2014, L 221, p. 11), b’mod partikolari bil-għan li jiġu emendati l-kriterji li permezz tagħhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi jistgħu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

5        L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni 2014/499 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145 emendata”), għandu jinqara kif ġej:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għal, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

a)      persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw b’mod attiv jew li jimplimentaw, azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw il-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom;

[…]

kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

6        Il-modalitajiet għal dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fil-paragrafi sussegwenti tal-istess artikolu.

7        L-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata jippreskrivi d-dħul jew il-passaġġ fi tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw kriterji sostanzjalment identiċi għal dawk elenkati fl-Artikolu 2(1)(a) u (d) ta’ din l-istess deċiżjoni.

8        Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu emendat bir-Regolament Nru 811/2014 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014 emendat”), jimponi l-adozzjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament jirriproduċi essenzjalment l-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija deċiżjoni.

9        Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2015 (iktar 'il quddiem “l-ittra tal-4 ta’ Frar 2015”), ir-rikorrent, permezz tal-avukati tiegħu, b’mod partikolari talab lill-Kunsill, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għad-dokumenti li fuqhom l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni kienet ġiet ibbażata.

10      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2015, indirizzata lill-avukati tar-rikorrent, il-Kunsill informa wkoll lilu li kellu l-intenzjoni li jestendi sa Settembru 2015 it-tul tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh u stiednu jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward, l-iktar tard għas-26 ta’ Frar 2015.

11      B’ittra tal-25 ta’ Frar 2015 (iktar 'il quddiem l-“ittra tal-25 ta’ Frar 2015”), ir-rikorrent, permezz tal-istess avukati, wieġeb għal din l-istedina, billi sostna li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh ma kinitx iġġustifikata.

12      Fit-13 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/432, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2015, L 70, p. 47), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/427 li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2015, L 70, p. 1) (iktar 'il quddiem l-“atti ta’ Marzu 2015”), li bihom, wara li eżamina mill-ġdid kull destinatarju, żamm l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni sal-15 ta’ Settembru 2015, mingħajr ma l-motivazzjoni li tikkonċerna r-rikorrenti ġiet emendata.

13      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Marzu 2015 (iktar 'il quddiem l-“ittra tas-16 ta’ Marzu 2015”), il-Kunsill innotifika l-atti ta’ Marzu 2015 lill-avukati tar-rikorrent, billi ppreċiża, b’mod partikolari, li l-argumenti li r-rikorrent kien qajjem fl-ittra tal-25 ta’ Frar 2015 ma jikkontestax il-fondatezza tal-motivazzjoni sostnuna kontrih, peress li l-aġenzija tal-aħbarijiet nazzjonali tal-Federazzjoni Russa Rossiya Segodnya (iktar 'il quddiem “RS”) kienet ippreżentat l-avvenimenti li seħħew fl-Ukraina f’dawl favorevoli għall-gvern Russu u għalhekk kienet ipprovdiet appoġġ għall-politika tal-imsemmi gvern dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ talba mressqa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent ippreżenta rikors għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn jikkonċernawh.

15      Fl-14 ta’ Settembru 2015, bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1524, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2015, L 239, p. 157), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1514, li jimplementa r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2015, L 239, p. 30) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Settembru 2015”), l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni kienet estiża mill-Kunsill sal-15 ta’ Marzu 2016, mingħajr ma l-motivazzjoni li tikkonċerna r-rikorrent kienet ġiet immodifikata.

16      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrent, konformement mal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talab sabiex jadatta t-talba bil-għan li jinkludi wkoll l-annullament tal-atti ta’ Settembru 2015, sa fejn dawn jikkonċernawh.

17      Il-Kunsill ifformula osservazzjonijiet dwar din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2016.

18      Fl-10 ta’ Marzu 2016, bid-Deċiżjoni (PESK) 2016/359, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2016, L 67, p. 37), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/353, li timplementa r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2016, L 67, p. 1) (iktar 'il quddiem l-“atti ta’ Marzu 2016”), l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni kienet estiża mill-Kunsill sal-15 ta’ Settembru 2016, mingħajr ma l-motivazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrent kienet ġiet emendata.

19      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrent adatta t-talba bil-għan li jinkludi wkoll l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2016, sa fejn dawn jikkonċernawh.

20      Il-Kunsill ifformula osservazzjonijiet dwar din in-nota permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ġunju 2016.

21      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet, u stednithom jirrispondu, għal xi wħud, bil-miktub u għal oħrajn, waqt is-seduta.

22      It-tweġibiet bil-miktub tal-partijiet ġew ippreżentati lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

23      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2016. F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-rikorrenti sabiex jipproduċi dokument, li huwa ppreżenta l-għada. Il-Kunsill ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub fuq dan id-dokument fl-24 ta’ Ottubru 2016 u l-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali b’hekk għalaq il-fażi orali tal-proċedura fis-26 ta’ Ottubru ta’ wara.

24      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti ta’ Marzu 2015, ta’ Settembru 2015 u ta’ Marzu 2016 (iktar 'il quddiem l-“atti kkontestati”), sa fejn dawn jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

25      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiċħad it-talbiet ta’ adattament tat-talba;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni għas-sitwazzjoni tiegħu tal-kriterju ta’ indikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(1)(a) u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 269/2014 emendat, it-tieni nett, fuq il-ksur tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, it-tielet nett, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-ħames nett, invokat sussidjarjament, fuq il-fatt li l-kriterju inkwistjoni huwa inkompatibbli mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għalhekk illegali, jekk jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-ġurnalisti li jeżerċitaw dan id-dritt u, is-sitt nett, fuq il-ksur tal-ftehim ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni r-Russja, min-naħa l-oħra (ĠU 1997, L 327, p. 3) (iktar 'il quddiem il-“ftehim ta’ sħubija”).

27      Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, is-sitt motiv, insegwitu, ir-raba’ motiv, wara, l-ewwel u t-tieni motivi, segwiti mill-ħames motiv u, fl-aħħar nett, it-tielet motiv.

A –  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ftehim ta’ sħubija

28      Ir-rikorrent isostni li, meta adotta l-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-Kunsill ma ħax kont tar-rekwiżiti tal-ftehim ta’ sħubija. B’mod partikolari, l-atti kkontestati jiksru l-Artikolu 52(1)(5) u (8) ta’ dan il-ftehim, li jipprevedu, rispettivament, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Unjoni u r-Russja, l-astensjoni tal-partijiet kontraenti għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda wara perijodu tranżitorju ta’ ħames snin u l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill ta’ kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 90 tal-istess ftehim. Barra minn hekk, il-Kunsill ma għamel l-ebda sforz sabiex jiġġustifika l-ksur tal-ftehim ta’ sħubija. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza li la d-Deċiżjoni 2014/145 u lanqas ir-Regolament Nru 269/2014, kif emendati, ma fihom dispożizzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi fid-dawl tal-Artikolu 99(1)(d) tal-ftehim ta’ sħubija, li jippermetti lill-partijiet għall-imsemmi ftehim li jidderogaw minnu sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom ‟fil-każ ta’ gwerra jew ta’ tensjoni internazzjonali serja li tikkostitwixxi theddida ta’ kunflitt armat”.

29      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

30      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 52(1)(5) u (8) tal-ftehim ta’ sħubija jiżgura li, ċertament, il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa.

31      Madankollu, il-punt 1(d) tal-Artikolu 99 tal-istess ftehim jipprevedi eċċezzjoni li tista’ tiġi invokata unilateralment minn parti sabiex tieħu l-miżuri li hija tqis meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha, b’mod partikolari “fil-każ ta’ gwerra jew ta’ tensjoni serja internazzjonali li jikkostitwixxu konflitt armat, jew sabiex twettaq l-obbligi tagħha li tkun aċċettat bil-għan taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali”.

32      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, kif enfasizza l-Kunsill, il-ftehim ta’ sħubija ma jimponix li parti li tixtieq tieħu miżuri abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li tinforma lill-parti l-oħra minn qabel, lanqas li tikkonsultaha jew li ttiha r-raġunijiet.

33      It-tieni nett, rigward is-sitwazzjoni fl-Ukraina fil-mument meta ġew adottati l-atti kkontestati, jista’ jitqies li l-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa jikkostitwixxu “każ ta’ gwerra jew ta’ tensjoni internazzjonali serja li jikkostitwixxu theddida ta’ konflitt armat” fis-sens tal-punt 1(d) tal-Artikolu 99 tal-ftehim ta’ sħubija. Meta wieħed iqis l-interess tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom sabiex ikun hemm, bħala pajjiż ġar, Ukraina stabbli, jista’ jitqies meħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi sabiex issir pressjoni fuq ir-Russja sabiex tiġi nkoraġġita twaqqaf l-attivitajiet tagħha li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Barra minn hekk, dawn il-miżuri jistgħu jirrigwardaw iż-“żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali”, imsemmija wkoll fl-imsemmi artikolu.

34      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma kompatibbli mal-eċċezzjonijiet dwar is-sigurtà previsti fil-punt 1(d) tal-Artikolu 99 tal-ftehim ta’ sħubija.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

36      Ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni adottata mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni ma hijiex suffiċjentement preċiża u konkreta. In-natura vaga ta’ din il-motivazzjoni, anki jekk tkun fondata, ma tippermettilux li jikkontesta b’mod utli l-allegazzjonijiet magħmula kontrih.

37      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-imsemmija motivazzjoni ma tistax tiġi kkompletata bid-dikjarazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tas-16 ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 13 iktar 'il fuq).

38      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

39      Għandu jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”) għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-Qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi dderogat fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata tieħu konjizzjoni tal-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għaldaqstant, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil persuna jew entità suġġetta għall-miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu dawn il-miżuri (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih jiġi adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jiġi mmotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din il-persuna tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, il-motivazzjoni kkunsidrata fir-rigward tar-rikorrent fl-atti kkontestata tikkoinċidi ma’ dik esposta fil-punt 3 iktar ’il fuq.

43      Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm din il-motivazzjoni ma tindikax b’mod espliċitu liema huwa l-kriterju li fuqu l-Kunsill ibbaża sabiex iżomm l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni, minn din il-motivazzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-Kunsill applika l-kriterju stipulat fl-Artikolu 1(1)(a) u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata u fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 269/2014 emendat, sa fejn jirrigwarda l-persuni fiżiċi li jappoġġjaw b’mod attiv azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (iktar 'il quddiem il-“kriterju inkwistjoni”).

44      Fil-fatt, fil-motivazzjoni inkwistjoni, wara li fakkar li, permezz tad-Digriet Presidenzjali tad-9 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrent ġie maħtur direttur ta’ RS, il-Kunsill osserva li dan tal-aħħar huwa figura ċentrali fil-propaganda tal-gvern Russu li tappoġġja l-iskjerament ta’ forzi Russi fl-Ukraina.

45      Din il-motivazzjoni għaldaqstant tippermetti li r-raġuni għall-inklużjoni u ż-żamma tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni tinsab fil-fatt li l-Kunsill ikkunsidra li dan tal-aħħar, permezz tar-rwol ta’ tmexxija tiegħu fi ħdan RS u permezz tad-dikjarazzjonijiet tiegħu bħala ġurnalista, kien għamel propaganda favorevoli għall-azzjonijiet militari tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina u għaldaqstant kienet fost dawk il-persuni li jappoġġjaw b’mod attiv azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal Ukraina.

46      L-osservazzjonijiet li r-rikorrent ippreżentat lill-Kunsill fl-ittra tal-25 ta’ Frar 2015 jikkonfermaw, barra minn hekk, li huwa fehem li kien suġġett għall-miżuri restrittivi inkwistjoni preċiżament minħabba r-rwol tiegħu u l-kondotta professjonali tiegħu.

47      Rigward il-kjarifiki li l-Kunsill ipprovda fl-ittra tas-16 ta’ Marzu 2015, għandu jiġi rrilevat li, kif tosserva ġustament dan tal-aħħar, peress li din l-ittra fiha motivi komplimentari, li seħħew waqt skambju ta’ dokumenti bejn il-Kunsill u r-rikorrenti, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami ta’ dawn l-atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill T-35/10 u T-7/11, EU:T:2013:397, punt 88).

48      Għaldaqstant, għalkemm kien ikun preferibbli li l-motivi komplimentari jinsabu direttament fl-atti kkontestati, u mhux biss fl-ittra tas-16 ta’ Marzu 2015, għandha tiġi evalwata l-motivazzjoni tal-atti kkontestati wkoll fid-dawl tal-kjarifiki li l-Kunsill għamel f’din tal-aħħar, bi tweġiba għall-ittra tal-25 ta’ Frar 2015 tar-rikorrent, li ttrattaw il-fatt li RS kienet ippreżentat l-avvenimenti li kienu żvolġew fl-Ukraina f’dawl favorevoli għall-gvern Russu u kienet għaldaqstant appoġġjat il-politika tal-imsemmi gvern li tikkonċerna s-sitwazzjoni fl-Ukraina.

49      Fi kwalunkwe każ, kif sostna ġustament il-Kunsill, fl-ittra tas-16 ta’ Marzu 2015, jirreferi b’mod wiesa għall-motivazzjoni tal-atti kkontestati. Filwaqt li huwa veru li s-suġġett tal-propaganda li biha huwa kkritika r-rikorrent u RS tirrigwarda ġeneralment il-politika Russa dwar l-Ukraina, din il-kwistjoni hija strettament marbuta mal-iskjerament tal-forzi Russi f’dan il-pajjiż. Barra minn hekk, anki qabel ma rċieva din l-ittra, ir-rikorrent kien fehem li l-propaganda inkwistjoni ma kinitx limitata għall-iskjerament tal-forzi Russi, peress li, fl-ittra tal-25 ta’ Frar 2015, huwa kien irrefera, b’mod iktar ġenerali, għall-assenza ta’ influwenza min-naħa tiegħu fuq “is-sitwazzjoni fl-Ukraina” u għall-assenza ta’ kwalunkwe rabta kawżali bejn “kwalunkwe azzjoni Russa fl-Ukrajna” u r-rwol tiegħu bħala direttur u ġurnalista.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż, minn naħa, li l-motivazzjoni adottata mill-Kunsill fl-atti kkontestati ppermettiet lir-rikorrent li jifhem għaliex ir-raġunijiet li għalihom ismu kien inżamm fil-listi inkwistjoni, u dan iktar u iktar meta jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kjarifiki pprovduti fl-ittra tas-16 ta’ Marzu 2015 u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita l-istħarriġ fuq il-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni.

51      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

52      Il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija motivazzjoni hijiex fondata ma taqax fl-evalwazzjoni ta’ dan il-motiv, iżda taħt dik tal-ewwel u t-tieni motivi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Jekk dawn il-motivazzjonijiet huma vvizzjati bi żbalji, huma jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li jista’ jkun suffiċjenti filwaqt li jesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterju inkwistjoni għas-sitwazzjoni tar-rikorrent u fuq ksur tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni

54      Ir-rikorrent, wara li fakkar il-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw b’mod partikolari l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, sostna li l-Kunsill kien naqas milli juri, bi provi li jikkostitwixxu bażi fattwali solida, li l-każ tiegħu kien jissodisfa l-kriterju inkwistjoni, li ma jistax jirreferi għal kull tip ta’ appoġġ għal azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Ukraina. Dan il-kriterju għandu josserva l-prinċipju ta’ ċertezza legali u jiġi interpretat skont id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-“KEDB”).

55      B’mod partikolari, l-ewwel nett, ir-rikorrent josserva li l-limitazzjonijiet tal-imsemmi dritt għandhom ikunu previsti mil-liġi, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, isegwu għan ta’ interess ġenerali u jkunu neċessarji u meħtieġa u proporzjonata għal dan l-għan, mingħajr ma jikkawżaw preġudizzju għas-sustanza stess ta’ din il-libertà u jfixklu sinjifikattivament il-ħidma tal-ġurnalisti. Il-kunċetti ta’ sigurtà Nazzjonali u ta’ diskors ta’ mibgħeda għandhom ukoll jiġu interpretati b’mod strett.

56      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma pprovdiex provi affidabbli li jindikaw propaganda min-naħa tiegħu li jikkonċernaw il-politika tal-gvern Russu fl-Ukraina.

57      Il-Kunsill ifakkar li l-kriterju inkwistjoni jirrigwarda l-persuni fiżiċi li jsostnu attivament l-azzjonijiet jew il-politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Ukraina, li huwa l-każ tar-rikorrent. Għaldaqstant ma jkunx neċessarju li jintwera li dawn il-persuni jkunu huma stess responsabbli għal tali azzjonijiet jew tali politiki, iżda jkun biżżejjed li dawn il-persuni jagħtu appoġġ b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv sinjifikattiv f’dan ir-rigward, li jkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

58      B’mod partikolari, l-ewwel nett, skont il-Kunsill, l-indikazzjoni tar-rikorrent abbażi ta’ dan il-kriterju ma jiksirx id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, peress li huwa previst mil-liġi, li tissodisfa l-għan, kopert bl-Artikolu 21(2)(ċ) TUE, li ssir pressjoni fuq il-gvern Russu sabiex itemm l-attivitajiet tiegħu li jheddu l-Ukraina u ma tipprekludix lir-rikorrent milli jkompli bl-attivitajiet ġurnalistiċi tiegħu u li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu. Il-limitazzjonijiet miġjuba għad-dritt tar-rikorrent jkunu għaldaqstant kompatibbli mal-Artikolu 52(1) tat-Trattat u mal-Artikolu 10(2) tal-KEDB.

59      It-tieni nett, il-Kunsill josserva li l-konklużjoni tiegħu li biha r-rikorrent huwa figura ċentrali fil-propaganda attiv li jsostni attivament il-politika tal-gvern Russu fl-Ukraina hija bbażata fuq diversi provi affidabbli.

60      L-eżami ta’ dawn l-argumenti għandu jibda billi jitfakkru l-prinċipji relatati mal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kif ukoll il-ħtieġa li l-kriterju inkwistjoni jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt primarju, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, li taqa’ taħtu.

1.     Fuq l-estensjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju

61      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, f’dak li jirrigwarda r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, konformement ma’ deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, b’mod partikolari l-Artikolu 29 TUE. Il-Qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-provi, il-fatti u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’dik tal-Kunsill, peress li l-istħarriġ eżerċitat mill-imsemmija qorti għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter. Dan l-istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom huma bbażati tali miżuri (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Madankollu, għalkemm il-Kunsill għaldaqstant għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kriterji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna jiġi inkluż jew jinżamm f’lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-verosimiljanzja b’mod astratt tal-motivi invokati, iżda jkun jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom jitqies suffiċjenti fih innifsu sabiex jissostanzja din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (sentenzi tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C-605/13 P, EU:C:2015:248, punti 41 u 45, u tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill, T-290/14, EU:T:2015:806, punt 38).

63      Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121, u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 128).

2.     Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju inkwistjoni fid-dawl tad-dritt primarju, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni

64      Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kunsill għandu, ċertament, marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ kriterji li bihom persuni jew entitajiet jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri restrittivi, dawn il-kriterji ma jistgħux ikunu jitqiesu bħala li jikkonformaw mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni biss sa fejn ikun possibbli li tattribwixxi lilhom tifsira konsistenti mar-rekwiżiti tar-regoli superjuri li huma suġġetti għall-osservanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, taħt appell, EU:T:2016:497, punt 100).

65      Għaldaqstant, hija neċessarja interpretazzjoni ta’ dawn il-kriterji ġenerali konformement mar-rekwiżiti tad-dritt primarju.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni jagħmel parti mid-dritt primarju. Fil-fatt, il-Karta, li għaliha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, jipprevdi fl-Artikolu 11 tiegħu, li:

“1.      Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Din tinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi jew jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.

2.      Il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rrispettati.”

67      Dan id-dritt ma huwiex assolut, peress li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

68      Dispożizzjonijiet simili jinsabu fil-KEDB, imsemmija fl-Artikolu 6(3) tat-Trattat UE. Fil-fatt, l-Artikolu 10 tagħha jgħid kif ġej:

“1. Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-liberta li jkollu opinjonijiet u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u mingħajr ma jittieħed kont ta’ fruntieri. […]

2. L-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista’ jkun suġġett għal dawk il-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kifpreskritti b’liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, integrità territorjali jew sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta’ ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta’informazzjoni riċevuta b’sigriet, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura.”

69      Skont il-ġurisprudenza, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni ma jikkostiwixxix dritt assolut u, konsegwentement, jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. B’hekk, sabiex jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, ksur tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja għandu jissodisfa tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tkun prevista mil-liġi. Fi kliem ieħor, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta miżuri sabiex tirrestrinġi l-libertà ta’ espressjoni ta’ persuna għandu jkollha bażi legali għal dan l-iskop. It-tieni nett, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha jkollha għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. It-tielet nett, il-limitazzjoni inkwistjoni ma għandhiex tkun eċċessiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2015, Sarafaz vs Il‑Kunsill, T‑273/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:939, punt 177 sa 182 u 184).

70      Dawn il-kundizzjonijiet jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar 'il quddiem il-“Qorti EDB”) li, sabiex tiġi ġġustifikata taħt l-angolu tal-Artikolu 10(2) tal-KEDB, indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni għandu jkun “previst mil-liġi”, jirrigwarda wieħed jew iktar mill-għanijiet leġittimi elenkati f’din id-dispożizzjoni u jkun “meħtieġ f’soċjetà demokratika”, sabiex jintlaħqu dan jew dawn il-miri (Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L-Isvizzera, CEECHR:2015: 1015JUD002751008, punt 124). Minn dan isegwi li l-kriterju inkwistjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kunsill seta’ jadotta miżuri restrittivi li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni tar-rikorrent, sakemm tali limitazzjonijiet josservaw il-kundizzjonijiet, imfakkra iktar il fuq, li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex din il-libertà tista’ tiġi leġittimament ristretta.

71      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent humiex previsti mil-liġi, għandhomx għan ta’ interess ġenerali u ma humiex eċċessivi.

a)     Dwar il-kundizzjoni li kwalunkwe restrizzjoni għal-libertà tal-espressjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”

72      Rigward il-kwistjoni jekk il-miżuri restrittivi inkwistjoni kinux previsti mil-liġi, għandu jiġi rrilevat li dawn huma stabbiliti f’atti li b’mod partikolari jkollhom portata ġenerali u li jistipulaw, l-ewwel nett, bażijiet legali ċari fid-dritt tal-Unjoni, jiiġifieri l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE u, it-tieni nett, motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward kemm il-portata tagħhom u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħhom għar-rikorrent (ara l-punti 42 sa 51 iktar 'il fuq) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għandu jiġi stabbilit jekk ir-rikorrent setax raġonevolment jistenna li l-kriterju inkwistjoni, li jirreferi għall-kunċett ta’ “appoġġ attiv” jistax jiġi applikat għas-sitwazzjoni tiegħu, li kienet, bħala prinċipju, protetta mil-libertà tal-espressjoni.

73      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li l-atti kkontestati ma fihom ebda definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “appoġġ attiv”, dan jista’ jinftiehem biss fis-sens li jirrigwarda persuni li, mingħajr ma jkunu huma stess responsabbli għall-azzjonijiet u l-politiki tal-gvern Russu li jiddestabilizzaw l-Ukraina u mingħajr ma jimplementaw huma stess dawn l-azzjonijiet jew politiki, jipprovdi appoġġ lil dawn il-politiki u azzjonijiet.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-kriterju rilevanti ma jirirgwardax kull forma ta’ appoġġ lill-gvern Russu, iżda jirrigwarda l-forom ta’ appoġġ li, minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu għall-insegwiment ta’ azzjonijiet u ta’ politiki ta’ dan taa-aħħar li kiddestabilizzaw l-Ukraina. Interpretat, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li ssir pressjoni fuq il-Gvern Russu sabiex jiġi mġiegħel itemm l-imsemmija attivitajiet u politiki, il-kriterju rilevanti jiddefinixxi b’hekk b’mod oġġettiv lil kategorija definita ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu s-suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, T-578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 119).

75      Fl-interpretazzjoni ta’ dan il-kriterju, għandha ttieħed inkunsiderazzjoni il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li rrikonoxxiet l-impossibbiltà li tintlaħaq preċiżjoni assoluta fl-abbozzar tal-liġijiet, speċjalment f’oqsma fejn is-sitwazzjoni tvarja skont l-opinjonijiet prevalenti fis-soċjetà, u li tirrikonoxxi li l-ħtieġa li tiġi evitata r-riġidità u li tiġi adattata għat-tibdil fis-sitwazzjoni jimplika li ħafna liġijiet qed jużaw formoli iktar jew inqas vagi u li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom tiddependi mill-prattika. Ir-rekwiżit li bih il-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati huwa ssodisfatt meta l-parti tista’ tkun jaf, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, jekk meħtieġ bl-għajnuna ta’ interpretazzjoni mogħtija lill-qrati, liema atti u omissjonijiet jinvolvu r-responsabbiltà (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L-Iżvizzera, CE:ECHR:2015:1015JUD002751008, punti 133 u 134).

76      Issa, fid-dawl tal-importanza tar-rwol li l-midja, speċjalment dawk fil-qasam awdjoviżiv, għandhom fis-soċjetà kontemporanja (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 17 ta’ Settembru 2009, Manole et vs Moldova, CE:ECHR:2009:0917JUD001393602, punt 97, u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Delfí vs L-Estonja, CE:ECHR:.2015: 0616JUD006456909, punt 134), kien prevedibbli li appoġġ qawwi tal-midja għall-azzjonijiet u l-politiki tal-gvern Russu li jiddestabbilizza l-Ukraina, li jsir, b’mod partikolari waqt xandiriet popolari ħafna, minn persuna maħtura b’digriet mill-President Putin bħala direttur ta’ RS, aġenzija tal-aħbarijiet li r-rikorrent stess jiddeskrivi bħala “impriża unitarju” tal-Istat Russu, jista’ jirrigwarda l-kriterju bbażat fuq il-kunċett ta’ “appoġġ attiv” sakemm il-limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni li jirriżultgħu minnu jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra rikjesti sabiex din il-libertà tista’ tkun leġittimament ristretta.

77      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014, Mikhalchanka vs Il-Kunsill (T-196/11 u T-542/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:801), ma tippermettix li jiġi konkluż li l-kunċett ta’ “appoġġ attiv” japplika għall-ħidma ta’ ġurnalist biss meta d-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ikollhom effett konkret. Fil-fatt, kif ġustament jirrimarka l-Kunsill, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-libertà tal-espressjoni, iżda kkunsidrat li l-Kunsill ma kienx ipproduċa l-prova li l-każ tar-rikorrent fil-kawża li kien wassal għal din is-sentenza kien kopert mill-kriterji ta’ indikazzjoni previsti mill-atti li kienu inkwistjoni. Dawn il-kriterji jirrigwardaw b’mod partikolari l-persuni responsabbli għall-ksur tar-regoli elettorali internazzjonali li kienu affettwaw l-elezzjoni presidenzjali li saret fil-Bjelorussja fid-19 ta’ Diċembru 2010 u dawk responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fl-imsemmi pajjiż. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill ma kienx ikkomunika elementi tali li juru l-influwenza, l-impatt konkret u speċjalment ir-responsabbiltà li seta’ kellu r-rikorrent u, jekk xieraq, il-programm televiżiv li kien jippreżenta, fil-ksur tar-regoli elettorali internazzjonali u fir-repressjoni fuq is-soċjetà ċivili u fuq l-oppożizzjoni demokratika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014; Mikhalchanka vs Il-Kunsill, T-196/11 u T-542/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:801, punti 7, 8, 15, 134 u 135).

78      Issa, f’dan il-każ, il-kriterju tal-“appoġġ attiv”, applikat mill-Kunsill lir-rikorrent, huwa usa’ minn dawk, ibbażati fuq ir-responsabbiltà, inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014, Mikhalchanka vs Il-Kunsill (T-196/11 u T-542/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:801). Għaldaqstant, ir-rikorrent ma huwiex fondat li jinvoka l-imsemmija sentenza insostenn tal-argument tagħha li l-Kunsill għandu juri l-effetti konkreti tad-dikjarazzjonijiet tiegħu.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rekwiżit li l-kundizzjoni li biha l-limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni għandhom jiġu previsti mil-liġi hija ssodisfatta f’dan il-każ

b)     Fuq l-insegwiment ta’ għan ta’ interess ġenerali

80      Rigward il-kundizzjoni dwar l-insegwiment ta’ għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxuta bħal tali mil-Unjoni, għandu jiġi osservat li, bil-miżuri restrittivi adottati b’mod partikolari bl-applikazzjoni tal-kriterju inkwistjoni, il-Kunsill għandu l-għan li jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex dawn tal-aħħar itemmu l-azzjonijiet tagħhom u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina, u dan jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).

81      Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra b’mod partikolari l-persuni li jappoġġjaw b’mod attiv l-azzjonijiet u l-politiki tal-gvern Russu li jiddestabbilizzaw l-Ukraina tissodisfa l-għan, imsemmi fl-Artikolu 21(2)(ċ) TUE, li tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, skont l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-Kunsill, fis-27 ta’ Marzu 2014, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 68/262, intitolata “Integrità territorjali tal-Ukraina”, li permezz tagħha hija fakkret l-obbligu li kellhom l-Istati kollha, skont l-Artikolu 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li joqgħodu lura, fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta’ kull Stat u li jsolvu l-kontenzjuż internazzjonali tagħhom bl-użu ta’ mezzi paċifiċi. Hija faħħret l-isforzi mingħajr waqfien espressi b’mod partikolari minn organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali sabiex tittaffa s-sitwazzjoni li tirrigwarda l-Ukraina. Fid-dispożittiv ta’ din ir-riżoluzzjoni, l-Assemblea Ġenerali b’mod partikolari tenniet mill-ġdid l-importanza tas-sovranità, tal-indipendenza politika, tal-unità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina ġewwa l-fruntieri tagħha internazzjonalment irrikonoxxuti u sejħet lill-partijiet kollha sabiex jipprovaw isolvu immedjatament, bl-użu ta’ mezzi paċifiċi, is-sitwazzjoni li tirrigwarda l-Ukraina, sabiex juru trażżin, sabiex joqgħodu lura minn kull att unilaterali u minn kull diskors jaħraq li jista’ jżid it-tensjoni u sabiex jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-isforzi internazzjonali ta’ medjazzjoni.

83      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar l-insegwiment ta’ għan ta’ interess ġenerali huwa ssodisfatt f’dan il-każ.

c)     Fuq in-natura mhux eċċessiva tal-miżuri restrittivi li jolqtu lir-rikorrent

84      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura mhux eċċessiva għal-limitazzjonijiet dwar il-libertà ta’ espressjoni li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li din għandha żewġ komponenti: minn naħa, dawn il-limitazzjonijiet għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati għall-għan maħsub, u, min-naħa l-oħra, is-sustanza ta’ din il-libertà ma għandhiex tinkiser (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2015, Sarafraz vs Il-Kunsill, T-273/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:939, punt 184 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq in-natura neċessarja u proporzjonata tal-miżuri

85      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura neċessarja tal-limitazzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li miżuri restrittivi alternattivi u inqas restrittivi, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni posterjorment tal-użu tal-fondi mħallsa, ma jippermettux li jintlaħqu daqstant effettivament l-għanijiet intiżi, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq dawn il-persuni Russi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il-Kunsill, T-202/12, EU:T:2014:113, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet inkwistjoni, ta’ min ifakkar il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-limitazzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni u sabiex jiġi ddeterminat kif dawn tal-aħħar jistgħu jiġu applikati għas-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrent, kif jirriżultaw minn elementi li jinsabu fil-fajl tal-Kunsill.

87      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. B’hekk, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (ara s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2015, Sarafraz vs Il-Kunsill, T-273/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:939, punt 185 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      F’dan is-sens, il-ġurisprudenza tispeċifika li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li min-naħa ta’ dan tal-aħħar jinvolvu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta pparagunata mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-limitazzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni, diversi prinċipji jistgħu jiġu identifikati fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

90      L-ewwel nett, din tal-aħħar irrilevat li l-libertà tal-espressjoni kienet tikkostitwixxi waħda mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u waħda mill-kundizzjonijiet bażiċi għall-progress u l-iżvilupp tagħha u li hija kienet tipproteġi, fil-prinċipju, mhux biss l-“informazzjoni” jew “ideat” aċċettati favorevolment jew meqjusa bħala mhux offensivi, iżda wkoll dawk li kienu joffendu, jixxokkjaw jew iħassbu, u dan sabiex ikunu ggarantiti l-pluraliżmu, it-tolleranza u l-moħħ miftuħ li mingħajrhom ma hemm l-ebda soċjetà demokratika. Din il-libertà hija, ċertament, suġġetta għal eċċezzjonijiet, iżda dawn huma interpretati b’mod strett, u l-ħtieġa li tiġi ristretta għandha tiġi stabbilita b’mod konvinċenti [Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2015:1015JUD002751008, punt 196(i)].

91      It-tieni nett, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-Artikolu 10(2) tal-KEDB ma jħallix ħafna lok għal restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni fil-qasam tad-diskors politiku jew ta’ kwistjonijiet ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, fil-prinċipju, id-dikjarazzjonijiet relatati ma’ tali kwistjonijiet ta’ interess pubbliku jeħtieġu protezzjoni qawwija, kuntrarjament għal dawk li jiddefendu jew jiġġustifikaw il-vjolenza, il-mibegħda, il-ksenofobija jew forom oħra ta’ intolleranza, li ma humiex normalment protetti. Id-diskors politiku, min-natura tiegħu, huwa sors ta’ kontroversji spis qawwija, iżda jibqa’ madankollu fl-interess pubbliku, sakemm ma jaqbiżx il-limitu u jiddeġenera f’sejħa għall-vjolenza, għall-mibegħda jew għall intolleranza (Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs l-Isvizzera, CE:ECHR:2015: 1015JUD002751008, punti 197, 230 u 231).

92      It-tielet nett, fir-rigward tan-natura “neċessarja” ta’ limitazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-Qorti EDB ikkunsidrat li dan jimplika bżonn soċjali imperattiv u li għandu jiġi eżaminat hemmx indħil fid-dawl tal-kawża kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx proporzjonat għall-għan leġittimu segwit u jekk ir-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet sabiex jiġġustifikawh jidhrux rilevanti u suffiċjenti [Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2015:1015JUD002751008, punt 196(i) u (iii)].

93      Dawn il-prinċipji jikkostitwixxu, ċertament, elementi importanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-każ. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar huma applikabbli biss sa fejn huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, li hija kkaratterizzata minn fatturi speċifiċi li jiddistingwuha minn dawk li permettew lill-Qorti EDB tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha.

94      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ġew stabbiliti fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li fihom persuna li tkun għamlet dikjarazzjonijiet jew azzjonijiet meqjusa bħala inaċċettabbli minn Stat li aderixxa mal-KEDB sfat imposta fuqha minn dan l-Istat, miżuri ripressivi, spiss ta’ natura kriminali, u invokat il-libertà tal-espressjoni bħala mezz ta’ difiża kontra l-imsemmi Stat.

95      Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent huwa ċittadin Russu, residenti fir-Russja, li nħatar b’digriet tal-President Putin bħala kap tal-aġenzija tal-aħbarijiet RS, li hija “imrpiża unitarja” tal-Istat Russu.

96      Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ ġurnalist, li ma jistgħux jiġu separati minn dawk ta’ direttur ta’ RS, ir-rikorrent tkellem, ripetutament, fuq is-sitwazzjoni li l-gvern Russu ħoloq fl-Ukraina u, skont il-Kunsill, huwa ppreżenta l-avvenimenti li jikkonċernaw din is-sitwazzjoni f’dawl favorevoli għall-gvern Russu.

97      Huwa f’tali kuntest li l-rikorrent jinvoka d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Għaldaqstant ma huwiex il-każ li jibbaża fuq dan id-dritt bħala mezz ta’ difiża kontra l-Istat Russu, iżda sabiex iħarsu kontra miżuri restrittivi, li għandhom natura konservatorja, u mhux kriminali, li l-Kunsill adotta sabiex iwieġeb għall-azzjonijiet u għall-politiki tal-gvern Russu li jiddestabbilizzaw l-Ukraina. Issa, huwa magħruf li dawn l-azzjonijiet u dawn il-politiki igawdu fir-Russja minn kopertura tal-midja wiesgħa ħafna u huma spiss ippreżentati, bħala propaganda, lill-poplu Russu bħala li huma totalment iġġustifikati.

98      B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li, fit-13 ta’ Frar 2014, il-Kulleġġ pubbliku Russu responsabbli mill-ilmenti dwar l-istampa (iktar 'il quddiem il-“kulleġġ Russu”) adotta riżoluzzjoni fir-rigward tar-rikorrent wara lment dwar il-programm “Vesti Nedeli” (aħbarijiet tal-ġimgħa), ippreżentat mill-istess rikorrent. F’din l-okkażjoni, il-kulleġġ Russu kkunsidra li d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrent matul il-programm Vesti Nedeli imxandar fit-8 ta’ Diċembru 2013 taw lok għall-propaganda li ppreżentat l-avvenimenti li seħħew fit-30 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2013 fil-pjazza Maïdan ta’ Kiev (l-Ukraina) b’mod preġudikat u kontra l-prinċipji ta’ responsabbiltà soċjali, ta’ nuqqas ta’ ħsara, ta’ verità, ta’ imparzjalità u ta’ ġustizzja li huma imposti fuq il-ġurnalisti, u dan sabiex jimmanipulaw l-opinjoni pubblika Russa permezz ta’ mezzi ta’ miżinformazzjoni.

99      Ir-rikorrent ma jikkontestax li għamel id-dikjarazzjonijiet li fuqhom il-kulleġġ Russu ddeċieda fir-riżoluzzjoni tiegħu, iżda sostna li l-propoganda hija protetta mil-libertà tal-espressjoni.

100    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li r-rikorrent wettaq attivitajiet ta’ propaganda favur azzjonijiet u politiki tal-gvern Russu li jiddestabbilizzaw l-Ukraina jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tan-Nacionālā elektronisko plašsaziņas līdzekļu padome (kunsill nazzjonali tal-midja elettronika tal-Latvja) tat-3 ta’ April 2014 (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni Latvjana”), u mid-deċiżjoni tal-Lietuvos radijo ir televizijos komisija (kummissjoni Litwana tar-radju u tat-televiżjoni) tat-2 ta’ April 2014, kif issanzjonata mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti reġjonali amministrattiva ta’ Vilnius, il-Litwanja) fis-7 ta’ April 2014 (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni Litwana”), dwar is-sospensjoni, fil-pajjiżi rispettiv tagħhom, tax-xandir b’mod partikolari tax-xandiriet Vesti Nedeli li fihom ħa sehem ir-rikorrent.

101    Skont ir-rikorrent, id-deċiżjonijiet Latvjani u Litwani huma pożizzjonijiet unilaterali li fuqhom la huwa u lanqas RS ma setgħu jippronunzjaw rwieħhom, hekk li l-Kunsill ma setax jibbaża fuqhom.

102    Dwar dawn id-deċiżjonijiet, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Kunsill, fir-risposta bil-miktub tiegħu għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, indika li dawn kienu formlament inklużi fil-fajl amminsitrattiv fl-1 ta’ Frar 2016.

103    B’hekk, għalkemm huwa ċar li dawn id-deċiżjonijiet kienu parti mill-provi li fuqhom kienu bbażati l-atti ta’ Marzu 2016, is-sitwazzjoni fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2015 u ta’ Settembru 2015 hija differenti.

104    F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi segwita t-teżi mressqa mill-Kunsill, li biha dan tal-aħħar kien jaf bil-kontenut tad-deċiżjonijiet Latvjani u Litwani diġà fl-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2015, peress li dawn id-deċiżjonijiet kienu ppubblikati, inkluż bl-Ingliż, f’April u f’Ottubru 2014. Fil-fatt, ma jistax jiġi preżunt li l-Kunsill kien jaf bi kwalunkwe dokument relatat mar-rikorrent sepliċement minħabba li dan id-dokument kien pubbliku.

105    Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-ewwel nett, għandu jiġi rrrilevat li l-kunsill nazzjonali għall-medja elettronika tal-Latvja, abbażi ta; rapport redatt mill-pulizija Latvjana li kien ġie eżaminat mill-programmi xandiriet Vesti Nedeli, b’mod partikolari fit-2 u s-16 ta’ Marzu 2014, li r-rikorrent ħa sehem fihom, ikkunsidra li dawn il-programmi kienu jagħmlu parti mill-propaganda tal-gwerra li tiġġustifika l-intervent militari Russu fl-Ukraina u xebbhu d-difensuri tad-demokrazija fl-Ukraina għan-Nażisti, billi bagħtu l-messaġġ li, jekk dawn if-difensuri kienu fil-poter, huma kienu jirrepetu d-delitti mwettqa mill-Nażisti.

106    It-tieni nett, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnius) approvat il-konklużjoni tal-Kummissjoni Litwana tat-radju u tat-televiżjoni li tgħid li l-programm Vesti Nedeli tat-2 ta’ Marzu 2014, li hija kienet eżaminat, kienet tħeġġeġ il-mibegħda bejn ir-Russi u l-Ukraini u ġġustifikat l-intervent militari Russu fl-Ukraina kif ukoll l-annessjoni għar-Russja ta’ parti mit-territorju Ukrain.

107    Issa, tali konstatazzjonijiet, ġejjin minn awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri li eżaminaw il-progammi inkwistjoni, jikkostitwixxu provi qawwija tal-fatt li r-rikorrent kien involut f’attivitajiet ta’ propaganda favur azzjonijiet u politiki tal-gvern Russu li jiddestabbilizzaw l-Ukraina.

108    Dan huwa iktar u iktar minnu li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ma kkontestax il-konstatazzjonijiet misjuba fid-deċiżjonijiet Latvjani u Litwani, iżda sempliċement qajjem oġġezzjonijiet formali (ara l-punt 102 iktar 'il fuq).

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrent ma jaffettwax il-possibbiltà li kellu li jressaq, matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, argumenti u provi li jikkontestaw l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija deċiżjonijiet.

110    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li la r-rikorrent u lanqas RS ma kkontestaw id-deċiżjonijiet Latvjani u Litwani quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li, għall-inqas fir-rigward tad-deċiżjoni Latvjana, mill-fajl jirriżulta li kienet suġġetta għal appell.

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, meta bbaża fuq ir-riżoluzzjoni tal-kulleġġ Russu u, fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2016, ukoll fuq id-deċiżjonijiet Latvjani u Litwani, il-Kunsill seta jqis li r-rikorrent kien għamel propaganda.

112    Issa, l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri restrittivi kontra r-rikorrent minħabba l-propaganda tagħha favur azzjonijiet u politiki tal-gvern Russu li jiddestabbilizzaw l-Ukraina ma setgħux jitqiesu bħala restrizzjoni sproporzjonata fuq id-dritt tagħha għal-libertà tal-espressjoni.

113    Fil-fatt, jekk dan kien il-każ, il-Kunsill ma jkunx jista’ jsegwi l-għan politiku tiegħu li jagħmel pressjoni fuq il-gvern Russu billi jindirizza miżuri restrittivi mhux biss lill-persuni li huma responsabbli għall-azzjonijiet jew il-politiki ta’ dan il-gvern fir-rigward tal-Ukraina jew il-persuni li jimplementaw tali azzjonijiet jew politiki, iżda wkoll għall-persuni li jappoġġaw attivament lil dawn tal-aħħar.

114    Konformement mal-ġurisprudenza mfakkara fil-punt 75 iktar 'il fuq, il-kunċett ta’ appoġġ attiv jirrigwarda l-forom ta’ appoġġ li, minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu għall-insegwiment ta’ azzjonijiet u ta’ politiki ta’ dan tal-aħħar li jiddestabilizzaw l-Ukraina.

115    Dan il-kunċett ma huwiex limitat għall-appoġġ materjali, iżda jkopri wkoll l-appoġġ li jista’ jagħti d-direttur ta’ RS, li hija “impriża unitarja” tal-Istat Russu, maħtur mill-President ta’ dan l-Istat, li għandu r-responsabbiltà aħħarija tal-azzjonijiet u l-politiki li l-Kunsill jikkundanna u li jixtiequ jirrispondu għalihom billi jadotta l-miżuri restrittivi inkwistjoni.

116    F’dan ir-rigward, huwa ċertament veru li, meta tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw ir-rikorrent, għandu jiġi eżaminat jekk dawn jiskoraġġixxu l-ġurnalisti Russi milli jitkellmu liberament fuq kwistjonijiet politiċi ta’ interess ġenerali, bħall-azzjonijiet u l-politiki tal-gvern Russu li jiddestabbilizzaw l-Ukraina. Fil-fatt, tkun konsegwenza ta’ ħsara għas-soċjetà kollha kemm hi (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 2004, Cumpana u Mazăre vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2004: 1217JUD003334896, punt 114).

117    Madankollu, dan ma jkunx il-każ hawnhekk, peress li s-sitwazzjoni tar-rikorrent għandha l-karatteristika speċifika, jew unika, li huwa jagħmel propaganda b’appoġġ għall-azzjonijiet u l-politiki tal-gvern Russu li jiddestabbilizzaw l-Ukraina bl-użu tal-mezzi u s-setgħa li huma speċifiċi għad-direttur ta’ RS, li huwa kiseb bis-saħħa ta’ digriet tal-President Putin innifsu.

118    Issa, il-ġurnalisti oħra li jixtiequ jitkellmu, anke b’dikjarazzjonijiet li joffendu, jixxukkjaw jew iħassbu (ara l-punt 90 iktar 'il fuq), fuq kwistjonijiet li jikkostitwixxu diskors politiku u li huma ta’ interess ġenerali (ara l-punt 92 iktar'il fuq), bħall-azzjonijiet jew il-politiki tal-gvern Russu li jiddestabbilizzaw l-Ukrajna, ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tar-rikorrent, li huwa biss huwa intitolat li jkun direttur ta’ RS, minħabba għażla deliberata mill-President Putin.

119    Barra minn hekk, ma hemm l-isem ta’ ebda ġurnalista ieħor fil-lista inkwistjoni u hija biss il-motivazzjoni dwar membru tal-awtoritajiet tal-hekk imsejħa “Repubblika Popolari ta’ Donetsk” li kienet tirrigwarda attivitajiet ta’ propaganda.

120    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma suffiċjenti, meta tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li l-Kunsill igawdi (ara l-punt 89 iktar 'il fuq), sabiex jistabbilixxi li l-limitazzjonijiet għad-dritt għal-libertà tal-espressjoni tar-rikorrent li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jikkawżaw huma neċessarji u ma humiex sproporzjonati, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-provi l-oħra li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha jurux li r-rikorrent ħeġġeġ il-vjolenza jew għamel diskors ta’ mibegħda.

121    Peress li l-limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni tar-rikorrent li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jikkawżaw lir-rikorrent huma neċessarji u proporzjonati għall-għan imfittex, għandha tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ ksur tas-sustanza ta’ din il-libertà.

 Fuq l-assenza ta’ ksur tas-sustanza tal-libertà tal-espressjoni tar-rikorrent

122    Rigward ir-rekwiżit dwar l-assenza ta’ ksur tas-sustanza tal-libertà ta’ espressjoni tar-rikorrent, għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jipprevedu, minn naħa, li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu d-dħul jew it-transitu tiegħu fuq it-territorju tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-iffriżar tal-fondi tiegħu u tar-riżorsi ekonomiċi tiegħu li jinsabu fl-Unjoni.

123    Issa, ir-rikorrent huwa ċittadin ta’ Stat terz għall-Unjoni, il-Federazzjoni Russa, u jirrisjedi f’dan l-Istat, fejn jeżerċita l-attività professjonali tiegħu ta’ direttur ta’ RS. Għaldaqstant, il-miżuri restrittivi ma jiksrux is-sustanza tad-dritt tar-rikorrent li jeżerċita l-libertà tal-espressjoni b’mod partikolari fi ħdan l-attività professjonali tiegħu fis-settur tal-midja fil-pajjiż fejn jgħix u jaħdem (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2015, Sarafraz vs Il-Kunsill, T-273/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:939, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Barra minn hekk, dawn il-miżuri għandhom natura temporanja u riversibbli. Fil-fatt mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145 jirriżulta li din tal-aħħar ikollha monitoraġġ kostanti u mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 269/2014 li l-listi annessa magħha hija eżaminata f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

125    Minn dan isegwi li l-miżuri restrittivi imposti fuq ir-rikorrent ma jiksrux il-kontenut essenzjali tal-libertà tal-espressjoni tiegħu.

126    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.

D –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-kriterju inkwistjoni huwa inkompatibbli mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għaldaqstant illegali, jekk jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-ġurnalisti jeżerċitaw dan id-dritt

127    Sussidjarjament, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, fir-rigward tal-kriterju inkwistjoni, fil-każ li jkun interpretat fis-sens li jippermetti lil jiġu adottati miżuri restrittivi kontra ġurnalisti li esprimew opinjonijiet li l-Kummissjoni tqis diskutibbli. Dan il-kriterju, kif interpretat, huwa sproporzjonat u ma għandux bażi legali. Fir-replika, ir-rikorrent jippreċiża li l-Artikoli 29 TUE u 215 TFUE ma jippermettux l-adozzjoni ta’ atti kuntrarji għad-dritt għal-libertà tal-espressjoni.

128    Fl-ewwel lok, il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-motiv preżenti, li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

129    Fit-tieni lok, il-Kunsill jispjega li l-kriterju inkwistjoni jirrigwarda l-attivitajiet ta’ propaganda u ta’ diżinformazzjoni li jappoġġjaw b’mod attiv il-gvern Russu fir-rigward tad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina u li tali kriterju ma humiex kuntrarju għal-libertà tal-espressjoni.

130    Mill-eżami tal-ewwel u t-tieni motiv jirriżulta li l-kriterju inkwistjoni għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt primarju, li jinkludi d-dispożizzjonijiet li jipproteġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni (ara l-punti 65 sa 71 iktar 'il fuq).

131    Issa, ġie konkluż li l-kriterju inkwistjoni seta’ ġie interpretat u applikat b’mod konformi mad-dritt primarju, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Madankollu, ġie konkluż li l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju li saret f’dan il-każ fil-każ tar-rikorrent ma tiksirx id-dritt tiegħu għal-libertà tal-espressjoni, peress li l-kundizzjonijiet legali previsti sabiex din il-libertà tiġi limitata ġew osservati mill-Kunsill.

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq il-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill.

E –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

133    Ir-rikorrent, wara li fakkar il-prinċipji tal-ġurisprudenza dwar ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża fil-qasam ta’ miżuri restrittivi, issostni li, għalkemm l-atti ta’ Marzu 2015 kienu nżammu, u mhux imniżżla għall-ewwel darba, ismu fuq il-listi inkwistjoni, ma ġiex infurmat minn qabel dwar ir-raġunijiet għal din iż-żamma lanqas ma rċieva provi serji, kredibbli u konkreti li jistgħu jiġġustifikawha.

134    B’mod partikolari, l-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li l-azzjonijiet ta’ Marzu 2015 ġew adottati qabel ma l-Kunsill wieġeb għat-talba tiegħu għal aċċess għall-fajl li jinsab fl-ittra tal-4 ta’ Frar 2015. B’hekk, huwa ma setax jiddeċiedi konxjament dwar l-intenzjoni tal-Kunsill li jżomm l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

135    It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-ittra tal-25 ta’ Frar 2015 ma ġietx eżaminata bir-reqqa u b’imparzjalità.

136    Il-Kunsill, minbarra li jikkontesta l-mertu tal-argumenti tar-rikorrent dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, isostni li l-invokazzjoni minnu, biss fit-titolu ta’ dan il-motiv, tal-ksur tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva hija inammissibbli, sa fejn ma tkunx konformi mar-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli ta’ Proċedura.

137    Preliminarjament, hemm lok li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, peress li r-rikorrent ma qajjem l-ebda argumenti li jirrigwardaw speċifikament il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

138    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, li jikkoinċidi, essenzjalment, mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-parti konvenuta li tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun hemm bżonn mingħajr ma tintalab informazzjoni oħra. Fil-fatt, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-kliem stess użat fir-rikors, u dan sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, kull motiv li ma huwiex artikolat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jitqies li huwa inammissibbli. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta lment jiġi invokat insostenn ta’ motiv. Dan il-għan ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta-12 ta’ Mejju 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-384/14, EU:T:2016:298, punt 38 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata].

139    Fir-rigward tal-għan dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jitfakkar li d-dritt fundamentali li dwaru matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva huwa espressament saċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2014/145 u l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament Nru 269/2014 jipprevedu li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew l-organu kkonċernat, inklużi r-raġunijiet għall-iskrizzjoni tagħha fil-lista inkwistjoni, jew direttament, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, fejn din għandha tingħata l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew l-organu kkonċernat.

141    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145, din hija suġġetta għal monitoraġġ kostanti. It-tieni nett, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni, fil-verżjoni inizjali tagħha, kienet tipprevedi li hija applikabbli sas-17 ta’ Settembru 2014, filwaqt li diversi estensjonijiet ġew deċiżi minn atti sussegwenti. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 269/2014, il-lista annessa għalih għandha tiġi eżaminata mill-ġdid f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

142    F’dan il-każ, ir-rikorrent la attakkat id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/151 u lanqas ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 284/2014, li permezz tagħhom il-Kunsill għamel l-ewwel inklużjoni ta’ ismu (ara l-punt 3 iktar il fuq). Kif ammetta fit-tweġiba bil-miktub għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel reazzjoni tiegħu għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti kienet li jibgħat l-ittra tal-4 ta’ Frar 2015, u dan minkejja li l-Kunsill, fit-22 ta’ Marzu 2014, ippubblika wkoll avviż għall-attenzjoni tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145, implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/151, u bir-Regolament tal-Kunsill Nru 269/2014, implementat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 284/2014 (ĠU 2014, C 84, p. 3).

143    Dan l-avviż kien jindika, b’mod partikolari, li l-persuni u entitajiet ikkonċernati jistgħu jressqu talba quddiem il-Kunsill għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kienu ġew inklużi fil-listi annessi mal-ewwel atti kkontestati, u billi jehmżu magħha dokumenti ġustifikattivi.

144    Minn dan isegwi li r-rikorrent stenna żmien twil qabel jitlob lill-Kunsill għall-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernawh u l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu.

145    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, b’atti ta’ Marzu 2015, l-isem tar-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni bl-istess motivazzjoni bħal ta’ qabel. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jisma’ lir-rikorrent qabel l-ewwel inklużjoni ta’ ismu, sabiex il-miżuri restrittivi li għalihom huwa suġġett igawdu minn effett ta’ sorpriża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punti 110 sa 113 u l-ġurisprudenza ċċitata), bħala prinċipju kellu l-obbligu li jisimgħu qabel ma jiddeċiedi li jżommu fil-listi inkwistjoni. Madankollu, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu fis-seħħ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni diġà suġġetti għal dawn il-miżuri jirriżulta meta l-Kunsill jikkunsidra elementi ġodda kontra dawn il-persuni u mhux meta tali żamma fil-lista hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizjali li jimponi l-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-330/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:601, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, C-266/15 P, EU:C:2016:208, punt 33).

146    Issa, f’dan il-każ, il-motivazzjoni li tirrigwarda r-rikorrent fl-atti kkontestati ma nbidlitx meta mqabbla ma’ dik tal-atti li bihom ġiet deċiża l-ewwel inklużjoni ta’ ismu.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jisma’ lir-rikorrent qabel ma jadotta l-atti kkontestati.

148    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, bl-ittra tat-13 ta’ Frar 2015 (ara l-punt 10 iktar 'il fuq), il-Kunsill, fi kwalunkwe każ, stieden lir-rikorrent sabiex jikkummenta dwar l-estensjoni possibbli tal-miżuri restrittivi li jikkonernawh.

149    Huwa ċertament veru li r-rikorrent, minkejja t-talba tiegħu tal-4 ta’ Frar 2015, ma kienx kiseb l-aċċess għad-dokumenti li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu meta huwa ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bi tweġiba għall-istedina tal-Kunsill.

150    Madankollu, għandu jiġi osservat li, anki jekk wieħed jassumi li t-talba, għalkemm formalment ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, tista’ titqies bħala li ġiet imressqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 140 u 141 iktar ’il fuq u għaldaqstant tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent ikunux ġew sodisfatti f’dan il-każ, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li mhux qed jitratta ma’ din it-talba f’terminu qasir ħafna, qabel ma jadotta l-atti ta’ Marzu 2015, filwaqt li r-rikorrent kien stenna kważi ħdax-il xahar sabiex iwieġeb għall-ewwel inklużjoni ta’ ismu u sabiex iressaq tali talba.

151    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni biżżejjed preċiża, li tippermetti lill-persuna kkonċernata li tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi miżmuma kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss fuq talba tal-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa marbut jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi u mhux kunfidenzjali kollha li jirrigwardaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, EU:T:2009:401, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    F’dan il-każ, peress li, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati tikkonċerna lir-rikorrent, li tikkoinċidi ma’ dik tal-atti li kienu jinkludu l-ewwel inklużjoni ta’ ismu, kienet suffiċjenti, il-Kunsill ma kienx obbligat li jieħu l-inizjattiva sabiex tagħti lir-rikorrent l-aċċess għall-fajl jew li jistenna r-riżultat tat-talba li dan tal-aħħar kien finalment ressaq, qabel ma jiddeċiedi li jżomm ismu fil-listi kkonċernati. Ir-rikorrent kien jaf, fil-fatt, ferm qabel ma rċieva l-ittra tas-16 ta’ Marzu 2015, li kien suġġett għal miżuri restrittivi minħabba l-attivitajiet tiegħu ġurnalistiċi u ta’ direttur ta’ RS u kien jaf neċessarjament il-modalitajiet li skonthom kien eżerċita dawn l-attivitajiet.

153    It-tielet nett, u għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament ta’ att, hemm bżonn li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. F’dan il-każ, ir-rikorrent ma spjegax liema huma l-argumenti u l-elementi li seta’ jsostni li kieku kien irċieva d-dokumenti inkwistjoni iktar kmieni jew wera li dawn l-argumenti u elementi setgħu wassluh fil-każ tiegħu għal riżultat differenti, jiġifieri n-nuqqas ta’ tiġdid fir-rigward tiegħu tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014; Georgias et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni T-168/12, EU:T:2014:781, punti 106 sa 108 u ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). B’hekk, dan il-motiv ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tal-miżuri kkontestati.

154    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

155    Peress li l-motivi kollha invokati mir-rikorrent ġew miċħuda, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

156    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dmitrii Konstantinovich Kiselevhuwa kkundannat għall-ispejjeż.

Berardis

Tomljenović

Spielmann

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Ġunju 2017.

Firem


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ftehim ta’ sħubija

B –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

C –  Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterju inkwistjoni għas-sitwazzjoni tar-rikorrent u fuq ksur tad-dritt għal-libertŕ tal-espressjoni

1.  Fuq l-estensjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju

2.  Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju inkwistjoni fid-dawl tad-dritt primarju, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni

a)  Dwar il-kundizzjoni li kwalunkwe restrizzjoni għal-libertà tal-espressjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”

b)  Fuq l-insegwiment ta’ għan ta’ interess ġenerali

c)  Fuq in-natura mhux eċċessiva tal-miżuri restrittivi li jolqtu lir-rikorrent

Fuq in-natura neċessarja u proporzjonata tal-miżuri

Fuq l-assenza ta’ ksur tas-sustanza tal-libertà tal-espressjoni tar-rikorrent

D –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-kriterju inkwistjoni huwa inkompatibbli mad-dritt għal-libertŕ tal-espressjoni u għaldaqstant illegali, jekk jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-ġurnalisti jeżerċitaw dan id-dritt

E –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.