Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis-7 ta’ Ġunju 2023 – LF vs Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

(Kawża C-352/23, Changu 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LF

Konvenut: Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

Domandi preliminari

Il-premessa 15 tal-preambolu, l-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu l-possibbiltà għal Stat Membru li jadotta dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali abbażi ta’ kompassjoni jew abbażi ta’ raġunijiet umanitarji, mingħajr ebda rabta mal-loġika u mal-ispirtu tad-Direttiva 2011/95 kif joħorġu mill-premessa 15 tal-preambolu u mill-Artikolu 2(h) tagħha (tip ieħor ta’ protezzjoni), jew f’dan il-każ il-possibbiltà prevista fid-dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta’ protezzjoni “għal raġunijiet umanitarji” għandha tkun kompatibbli mal-istandards tal-protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95?

Il-premessa 12 tal-preambolu u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment 1 , ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jistabbilixxu obbligu imperattiv għall-Istati Membri li joħorġu konferma bil-miktub lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi fejn jiċċertifikaw li, għalkemm is-soġġorn tagħhom huwa illegali, għadhom ma jistgħux jitneħħew?

F’sitwazzjoni fejn fis-sistema legali nazzjonali jkun hemm biss dispożizzjoni legali waħda li tirregola l-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba “raġunijiet umanitarji”, f’dan il-każ l-Artikolu 9(8) taż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem iż-ZUB), interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali li ma jkollha ebda rabta man-natura u mar-raġunijiet tad-Direttiva 2011/95 tkun kompatibbli mal-premessa 15 tal-preambolu u mal-Artikoli 2(h) u 3 tad-Direttiva 2011/95?

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95, l-Artikoli 1, 4 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirrikjedu evalwazzjoni ta’ jekk is-soġġorn estiż mingħajr status regolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru jikkostitwixxix raġuni indipendenti bbażata fuq “raġunijiet imperattivi umanitarji” għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali?

L-obbligu pożittiv ta’ Stat Membru li jiggarantixxi l-osservanza tal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jippermetti interpretazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 9(8) taż-ZUB, liema interpretazzjoni tmur lil hinn mil-loġika u mill-istandards tal-protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95, u jirrikjedi interpretazzjoni konformi biss mal-osservanza tad-drittijiet fundamentali ta’ natura assoluta taħt l-Artikoli 1 u 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

In-nuqqas ta’ għoti ta’ protezzjoni taħt l-Artikolu 9(8) taż-ZUB lil ċittadin ta’ pajjiż terz fis-sitwazzjoni li jinsab fiha r-rikorrent jista’ jwassal għan-nuqqas ta’ twettiq mill-Istat Membru tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 1, 4 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2011, L 337, p. 9.

1     ĠU 2008, L 348, p. 98.